Official Journal L 328 , 22/12/1999 P. 0009 - 0011
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2723/1999 tas-17 ta' Diċembru 1999 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/98 dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni tal-frieħ ta' organiżmi tal-baħar IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [1], Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2], Billi: (1) Tbiddlet iż-żona fejn, u ż-żmien illi fih, ibejtu ċerti stokks ta' aringi u għaldaqstant tbiddlu wkoll id-disposizzjonijiet speċjali li għandhom x'jaqsmu mas-sajd fiż-żona msemmija u matul il-perjodu taż-żmien imsemmi; (2) L-Artikolu 29 tar-regolament (KE) Nru 850/98 [3] fih numru ta' eżenzjonijiet għall-użu ta' rkaptu speċifiku tas-sajd; dawn l-eżenzjonijiet għandhom japplikaw ukoll għat-tip tat-tartarun Daniż; billi bi svista, oriġinarjament eżenzjonijiet għal dan l-irkaptu ma kinux inklużi f'dak l-Artikolu; għaldaqstant it-tartarun Daniż għandu jiġi inkluż fost l-eżenzjonijiet ta' l-Artikolu 29; (3) L-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 850/98 jipprojbixxi l-użu tat-tartaruni fuq ġlejjeb ta' ħut li jinsabu flimkien ma’ mammiferi tal-baħar; dan l-użu għandu jkun aċċettabbli fil-każ ta' bastimenti tas-sajd li jaħdmu skond il-kondizzjonijiet miftiehma fil-Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Dniefel, li l-Komunità ddeċidiet illi tapplika provviżorjament bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/386/KE [4]; għaldaqstant, għal dan il-għan, għandha tiżdied klawsola ta' eżenzjoni ma’ l-Artikolu 33; (4) L-Anness VI li jistabbilixxi l-kategoriji tad-daqsijiet tal-malji tax-xbiek għal irkaptu fiss li jintuża għall-qbid ta' ċerti speċji ta' ħut jew gruppi ta' speċi ta' ħut; fid-dawl tal-fatti magħrufa ("data") disponibbli għall-Kummissjoni, il-kategoriji tad-daqsijiet tal-malji tax-xbiek għal żewġ speċji ta' gattarell għandhom jiġu riveduti; (5) Ir-Regolament (KE) Nru 805/98 għandu għaldaqstant jiġi emendat, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru 850/98 huwa hawnhekk emendat kif ġej: 1. L-Artikolu 20(1), subparagrafu (f) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej: "(f) (i) mill-21 ta' Settembru sal-15 ta' Novembru, ġewwa parti mit-Taqsima VIIa ta' l-ICES imdawra bil-kosta ta' l-Isle of Man u l-linji dritti miġbuda konsekuttivament bejn il-kordinati li ġejjin: - il-latitudni 54°20′00″ T, lonġitudni 04°25′05″ P u l-latitudni 54°20′00″ T, lonġitudni 03°57′02″ P, - il-latitudni 54°20′00″ T, lonġitudni 03°57′02″ P u l-latitudni 54°17′05″ T, lonġitudni 03°56′08″ P, - il-latitudni 54°17′05″ T, lonġitudni 03°56′08″ P u l-latitudni 54°14′06″ P, lonġitudni 03°57′05″ P, - il-latitudni 54°14′06″ T, lonġitudni 03°57′05″ P u l-latitudni 54°00′00″ T, lonġitudni 04°07′05″ P, - il-latitudni 54°00′00″ T, lonġitudni 04°07′05″ P u l-latitudni 53°51′05″ T, lonġitudni 04°27′08″ P, - il-latitudni 53°51′05″ T, lonġitudni 04°27′08″ P u l-latitudni 53°48′00″ T, lonġitudni 04°50′00″ P, - il-latitudni 53°48′05″ T, lonġitudni 04°50′00″ P u l-latitudni 54°04′05″ T, lonġitudni 04°50′00″ P; (ii) mill-21 Settembru sal-31 Diċembru, ġewwa l-parti tat-Taqsima VIIa ta' l-ICES imdawra bil-kordinati li ġejjin: - il-lvant tal-kosta ta' l-Irlanda ta' Fuq fil-latitudni 54°15′ T, - il-latitudni 54° 15′ T, lonġitudni 5°15′ P, - il-latitudni 53°50′ T, lonġitudni 5°50′ P, - il-lvant tal-kosta ta' l-Irlanda fil-latitudni 53°50′ T;"; 2. L-Artikolu 29(4) għandu jiġi emendat kif ġej: (a) Fis-subparagrafu (a), l-ewwel inċiż, il-kliem "għandhom jiġu awtorizzati jistadu fiż-żoni rifetiti f’dan il-paragrafu bl-użu ta' tartaruni tal-lontri li jitkarkru ’l fuq minn qiegħ il-baħar" għandhom jinbidlu bi: "għandhom jiġu awtorizzati jistadu fiż-żoni rriferiti f'dak il-paragrafu bl-użu ta' tartaruni tal-lontri li jitkarkru ’il fuq minn qiegħ il-baħar jew ta' tartaruni Daniżi". (b) Is-subparagrafu (b) għandu jiġi emendat kif ġej: (i) Il-frażi introduttorja għandha tiġi mibdula b'dan li ġej: "(i) Madankollu, bastimenti illi l-qawwa tal-magna tagħhom taqbeż il-221 kW għandu jkollhom il-permess li juzaw tartaruni tal-lontri li jitkarkru ’l fuq minn qiegħ il-baħar jew ta' tartaruni Daniżi, jew bastimenti mżewġa illi l-qawwa tal-magni tagħhom flimkien taqbeż il-221 kW għandu jkollhom il-permess illi jużaw pari ta' tartaruni tal-lontri li jitkakru ’l fuq minn qiegħ il-baħar, basta iżda illi:"; (ii) Fil-punt (ii) l-ewwel inċiż għandu jiġi mibdul bi: "fil-każ ta' tartaruni tal-lontri li jitkarkru ’l fuq minn qiegħ il-baħar jew pari ta' tartaruni li jitkarkru ’l fuq minn qiegħ il-baħar, id-daqs tal-malji tax-xbiek użat huma ta' mill-inqas 100 millimetru, u"; (iii) Għandu jiżdied punt ġdid kif ġej: "(iv) fil-każ tat-tartarun Daniż, id-daqs tal-malji tax-xbiek użat huma ta' mill-inqas 100 millimetru"; 3. Fl-Artikolu 29(5), il-kliem "Ġewwa ż-żoni fejn ma jistgħux jintużaw tartaruni bit-travu, tartaruni tal-lontri jew tartaruni tat-tkarkir għall-ħut tal-qiegħ bil-par" għandhom jiġu mibdula bi: "Ġewwa ż-żoni fejn ma jistgħux jintużaw tartaruni bit-travu, tartaruni tal-lontri, tartaruni tat-tkarkir għall-ħut tal-qiegħ bil-par jew tartaruni Daniżi"; 4. Fl-Artikolu 33, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej: "3. Madankollu, il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal dawk il-bastimenti li jaħdmu fuq kondizzjonijiet miftiema fil-Ftehim dwar il-Programm Internazzjonali għall-Konservazzjoni tad-Dniefel (Washington, 15 ta' Mejju 1998) u ffirmat mill-Komunità fit-12 ta' Mejju 1999. L-ismijiet u l-karatteristiċi tekniċi ta' dawn il-bastimenti għandhom jiddaħħlu f'lista li għandha tiġi mibnija mill-Kummissjoni bi qbil mal-proċedura rriferita fl-Artikolu 48."; 5. L-Anness VI għandu jiġi mibdul bl-Anness għal dan ir-Regolament. Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandu jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2000. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fis-17 ta' Diċembru 1999. Għall-Kunsill Il-President K. HemilÄ [1] Opinjoni mogħtija fit-2 ta' Diċembru 1999 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) [2] ĠU C 209, tas-27.7.1999. [3] ĠU L 125, tas-27.4.1998, pġ. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1459/1999 (ĠU L 168, tat-3.7.1999, pġ. 1). [4] ĠU L 147, tat-12.6.1999, pġ. 23. -------------------------------------------------- ANNESS ANNESS VI Qabdiet ta' Petriċi (Lophius spp.) maqbuda mis-sub-żoni VI u VII u miżmuma abbord in eċċess tat-30 % tal-qabda abbord minn dawk iż-żoni għandhom jinqabdu minn xbieki li għandhom il-malji b'qies minimu ta' 250 mm jew akbar.RKAPTU FISS: Ir-Reġjuni 1 u 2 Malji | | Speċji | 10-30 mm | 50-70 mm | 90-99mm | 100-119mm | 120-219mm | <220mm | Sardina (Sardina pilchardus) | * | * | | * | * | * | | Sallur (Anguila anguila) | * | * | * | * | * | * | | Sprat (Sprattus sprattus) | * | * | * | * | * | * | | Sawrella għajnejha kbar (Trachurus spp.) | | * | * | * | * | * | | Aringa (Clupea harengus) | | * | * | * | * | * | | Kavall Scomber spp.) | | * | * | * | * | * | | Trilja tal-faxxi (Mullidae) | | * | * | * | * | * | | Msella (Belone spp.) | | * | * | * | * | * | | Spnotta (Dicentrarchus labrax) | | | * | * | * | * | | Mulett (Mugilidae) | | | * | * | * | * | | Gattarell (Scyliorhinus canicula) | | | * | * | * | * | | Dab (Limanda limanda) | | | | * | * | * | | Haddock (Meglanogrammus aeglefinus) | | | | * | * | * | | Makku (Merlangius merlangus). | | | | * | * | * | | Ngwanta (Platichthys flesus) | | | | * | * | * | | Lingwata Solea vulgaris) | | | | * | * | * | | Barbun tat-tbajja’ (Pleuronected platessa) | | | | * | * | * | | Siċċa (Sepia officinalis) | | | | * | * | * | | Bakkaljaw Gadus morhua) | | | | | * | * | | Bakkaljaw (Pollachius pollachius) | | | | | * | * | | Linarda (Molva molva) | | | | | * | * | | Saithe (Pollachius virens) | | | | | * | * | | Merluzz (Merluccius merluccius) | | | | | * | * | | Mazzola (Squalus acanthias) | | | | | * | * | | Gattarell tar-Rukkal Scyliorhinus stellaris) | | | | | * | * | | Megrim (Lepidorhombus spp.) | | | | | * | * | | Kavall (Cyclopterus lumpus) | | | | | * | * | | L-organiżmi kollha tal-baħar | | | | | | * | | --------------------------------------------------