6.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 267/7


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ EUCAP NESTOR/2/2014

tal-24 ta' Lulju 2014

dwar l-aċċettazzjoni ta' kontribuzzjonijiet ta' Stati terzi għall-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini ta' Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP NESTOR)

(2014/645/PESK)

IL-KUMITAT POLITIKU U TA' SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/389/PESK tas-16 ta' Lulju 2012 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini tal-Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP NESTOR) (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni 2012/389/PESK, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni ta' kontribuzzjonijiet proposti minn Stati terzi.

(2)

Wara r-rakkomandazzjoni dwar kontribuzzjoni mill-Awstralja mill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili, il-kontribuzzjoni mill-Awstralja għandha tiġi aċċettata.

(3)

F'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-elaborazzjoni u fl-implementazzjoni ta' deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta' difiża,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-kontribuzzjoni mill-Awstralja għall-Missjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-Bini ta' Kapaċità Marittima Reġjonali fil-Qarn tal-Afrika (EUCAP NESTOR) hija aċċettata u hija kkunsidrata bħala sinifikanti.

2.   L-Awstralja hija eżentata minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-baġit tal-EUCAP NESTOR.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Lulju 2014.

Għall-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà

Il-President

W. STEVENS


(1)   ĠU L 187, 17.7.2012, p. 40.