|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2708 |
18.10.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2708
tat-14 ta’ Ottubru 2024
li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ ċerti riżoluzzjonijiet li ser jittieħed vot dwarhom fit-22 Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid, li ser issir fit-18 ta’ Ottubru 2024
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fl-Assemblea Ġenerali li jmiss tagħha tat-18 ta’ Ottubru 2024, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV) ser teżamina u possibbilment tadotta riżoluzzjonijiet (“abbozz ta’ riżoluzzjonijiet tal-OIV”) fl-Assemblea Ġenerali li jmiss tagħha fit-18 ta’ Ottubru 2024. Dawk ir-riżoluzzjonijiet tal-OIV ser ikollhom effetti legali għall-finijiet tal-Artikolu 218(9) tat-Trattat. |
|
(2) |
L-Unjoni mhijiex membru tal-OIV. Madankollu, fl-20 ta’ Ottubru 2017 l-OIV tat lill-Unjoni l-istatus partikolari previst fl-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-OIV. |
|
(3) |
Għoxrin Stat Membru huma membri tal-OIV. Dawk l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jipproponu emendi għall-abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet tal-OIV, u ser jintalbu jadottaw dawk ir-riżoluzzjonijiet fl-Assemblea Ġenerali li jmiss tal-OIV fit-18 ta’ Ottubru 2024. |
|
(4) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-OIV fir-rigward tal-abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet tal-OIV b’rabta ma’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha. Jenħtieġ li dik il-pożizzjoni tiġi espressa fil-laqgħat tal-OIV mill-Istati Membri li huma membri tal-OIV, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni. |
|
(5) |
Skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/934 (2), ċerti riżoluzzjonijiet adottati u ppubblikati mill-OIV ser ikollhom effetti legali. |
|
(6) |
L-Artikolu 80(3), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li, meta tawtorizza l-prattiki enoloġiċi, il-Kummissjoni trid tqis il-prattiki enoloġiċi u l-metodi ta’ analiżi rrakkomandati u ppubblikati mill-OIV. |
|
(7) |
L-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li l-prodotti tas-settur tal-inbid importati fl-Unjoni jridu jkunu magħmulin f’konformità mal-prattiki enoloġiċi awtorizzati mill-Unjoni skont dak ir-Regolament jew, qabel dik l-awtorizzazzjoni, magħmulin f’konformità mal-prattiki enoloġiċi rrakkomandati u ppubblikati mill-OIV. |
|
(8) |
L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/934 jipprevedi li, meta ma jkunux stabbiliti mill-Kummissjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tal-purità u tal-identifikazzjoni tas-sustanzi użati fil-prattiki enoloġiċi għandhom ikunu dawk imsemmija fil-kolonna 4 tat-Tabella 2 tal-Parti A tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament, li jirreferu għar-rakkomandazzjonijiet tal-OIV. |
|
(9) |
L-abbozz ta’ Riżoluzzjoni OENO-MICRO 23-740 jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ diversi riżoluzzjonijiet għal ħmejjer mhux Saccharomyces bil-ħsieb li l-użu tagħhom jiġi rregolat. F’konformità mal-Artikolu 80(3), il-punt (a), u mal-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dik ir-Riżoluzzjoni ser ikollha effetti legali. |
|
(10) |
L-abbozz ta’ Riżoluzzjoni OENO-SPECIF 23-723 tneħħi r-referenzi għall-proteina tal-qamħ mid-dokumenti kollha tal-OIV, inkluż il-Kodiċi Enoloġiku Internazzjonali u l-Kodiċi Internazzjonali tal-Prattiki Enoloġiċi. F’konformità mal-Artikolu 80(3), il-punt (a), u mal-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u mal-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat (UE) 2019/934, dik ir-Riżoluzzjonijiet ser ikollha effetti legali. |
|
(11) |
L-abbozz ta’ Riżoluzzjoni OENO-TECHNO 15-581B jistabbilixxi prattika enoloġika ġdida biex tittejjeb l-aċidità fl-inbid bl-użu tal-aċidu fumariku. L-abbozz ta’ Riżoluzzjoni OENO-TECHNO 20-672B jistabbilixxi prattika enoloġika ġdida għall-istabbilizzazzjoni tal-proteini tal-inbejjed bl-użu ta’ silika mesoporuża funzjonalizzata. F’konformità mal-Artikolu 80(3), il-punt (a), u mal-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawk ir-Riżoluzzjonijiet ser ikollhom effetti legali. |
|
(12) |
L-abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet tal-OIV ġew diskussi b’mod estensiv mill-esperti xjentifiċi u tekniċi tas-settur tal-inbid. Jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards tal-inbid u ser jistabbilixxu qafas li jiżgura kompetizzjoni ġusta fin-negozjar tal-prodotti tas-settur tal-inbid. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġu appoġġati. |
|
(13) |
Sabiex ikun hemm il-flessibbiltà meħtieġa matul in-negozjati qabel l-Assemblea Ġenerali tal-OIV fit-18 ta’ Ottubru 2024, jenħtieġ li l-Istati Membri li huma membri tal-OIV ikunu awtorizzati jaqblu mal-bidliet tekniċi għall-abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet tal-OIV sakemm dawk il-bidliet ma jbiddlux is-sustanza tagħhom, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV skedata għat-18 ta’ Ottubru 2024 hija stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma Membri tal-OIV, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Artikolu 3
1. Meta jkun hemm il-probabbiltà li l-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida ppreżentata qabel jew waqt il-laqgħat tal-OIV, l-Istati Membri li huma Membri tal-OIV għandhom jitolbu biex il-votazzjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV tiġi posposta sakemm il-pożizzjoni tal-Unjoni tkun stabbilita abbażi tal-informazzjoni l-ġdida.
2. Wara l-koordinazzjoni u mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, l-Istati Membri li huma Membri tal-OIV, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, jistgħu jaqblu ma’ bidliet tekniċi fl-abbozzi tar-riżoluzzjonijiet tal-OIV imsemmija fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni li ma jbiddlux is-sustanza tagħhom.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-14 ta’ Ottubru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
NAGY I.
(1) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj).
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/934 tat-12 ta’ Marzu 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda ż-żoni ta’ vitikultura li fihom tista’ tiżdied il-qawwa alkoħolika, il-prattiki enoloġiċi awtorizzati u r-restrizzjonijiet applikabbli għall-produzzjoni u l-konservazzjoni tal-prodotti tad-dielja, il-persentaġġ minimu tal-alkoħol għall-prodotti sekondarji u r-rimi tagħhom, u l-pubblikazzjoni tal-fajls tal-OIV (ĠU L 149, 7.6.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/934/oj).
ANNESS
L-Istati Membri li huma Membri tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV) li jaġixxu b'mod konġunt f'isem l-Unjoni għandhom jappoġġaw l-abbozzi tar-riżoluzzjonijiet li ġejjin fl-istadju 7 fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV skedata għat-18 ta' Ottubru 2024:
|
— |
OENO-MICRO 23-740: Aġġornament tal-monografiji fir-rigward ta' prodotti u sottoprodotti ta' ħmejjer mhux Saccharomyces, |
|
— |
OENO-SPECIF 23-723: Aġġornament tal-monografija u tal-kodiċi dwar il-proteina li toriġina mill-pjanti (irtirar tal-qamħ), |
|
— |
OENO-TECHNO 15-581B: Trattament bl-aċidu fumariku fl-inbid għall-aċidifikazzjoni, |
|
— |
OENO-TECHNO 20-672B: Trattament b'silika mesoporuża funzjonalizzata (FMS) għall-istabbilizzazzjoni tal-proteini tal-inbejjed. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2708/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)