|
1.8.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
160 |
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2006/773/PESK
tat-13 ta’ Novembru 2006
li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK dwar l-istabbiliment ta' Missjoni ta' l-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah (EU BAM Rafah)
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fil-25 ta' Novembru 2005 l-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK dwar l-istabbiliment ta' Missjoni ta' l-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah (EUBAM Rafah) (1) għal perijodu ta' 12-il xahar. |
|
(2) |
L-Arranġament Miftiehem bejn il-Gvern ta' l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana jispeċifika li l-mandat inizjali ta' 12-il xahar tal-missjoni jista' jiġġedded għal perjodu ulterjuri ta' sitt xhur sakemm il-Partijiet kollha ma jiddeċiedux li jtemmu l-Missjoni. |
|
(3) |
Fil-15 ta' Settembru 2006, il-Kunsill tenna l-impenn kontinwat tiegħu għall-EUBAM Rafah. |
|
(4) |
Kemm il-parti Palestinjana kif ukoll dik Iżraeljana esprimew l-approvazzjoni tagħhom għall-estensjoni ta' l-EUBAM Rafah, konformement ma' l-Artikolu V ta' l-Arranġament Miftiehem dwar il-Missjoni ta' l-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah fuq il-fruntiera bejn Gaża u l-Eġittu. |
|
(5) |
L-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK għandha tiġi emendata kif meħtieġ, |
ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:
Artikolu 1
L-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK hija b'dan emendata kif ġej:
|
1) |
l-Artikolu 3 għandu jiġi mħassar; |
|
2) |
l-Artikolu 13(1) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej: “1. L-ammont finanzjarju ta' referenzja maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-missjoni għandu jkun EUR 1 696 659 għall-2005 u EUR 5 903 341 għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2006 sa l-24 ta' Mejju 2007.”; |
|
3) |
it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 16 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej: “Din għandha tiskadi fl-24 ta' Mejju 2007.”; |
|
4) |
l-Artikolu 17 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej: “Artikolu 17 Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi riveduta sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2007.” |
Artikolu 2
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.
Artikolu 3
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussel, 13 ta’ Novembru 2006.
Għall-Kunsill
Il-President
E. TUOMIOJA