32006E0773

Azzjoni konġunta tal-kunsill 2006/773/PESK tat- 13 ta’ Novembru 2006 li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK dwar l-istabbiliment ta' Missjoni ta' l-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah (EU BAM Rafah)

Official Journal L 313 , 14/11/2006 P. 0015 - 0015
Official Journal L 200 , 01/08/2007 P. 0160 - 0160


20061113

Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/773/PESK

tat- 13 ta’ Novembru 2006

li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK dwar l-istabbiliment ta' Missjoni ta' l-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah (EU BAM Rafah)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1) Fil- 25 ta' Novembru 2005 l-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK dwar l-istabbiliment ta' Missjoni ta' l-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah (EUBAM Rafah) [1] għal perijodu ta' 12-il xahar.

(2) L-Arranġament Miftiehem bejn il-Gvern ta' l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana jispeċifika li l-mandat inizjali ta' 12-il xahar tal-missjoni jista' jiġġedded għal perjodu ulterjuri ta' sitt xhur sakemm il-Partijiet kollha ma jiddeċiedux li jtemmu l-Missjoni.

(3) Fil- 15 ta' Settembru 2006, il-Kunsill tenna l-impenn kontinwat tiegħu għall-EUBAM Rafah.

(4) Kemm il-parti Palestinjana kif ukoll dik Iżraeljana esprimew l-approvazzjoni tagħhom għall-estensjoni ta' l-EUBAM Rafah, konformement ma' l-Artikolu V ta' l-Arranġament Miftiehem dwar il-Missjoni ta' l-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah fuq il-fruntiera bejn Gaża u l-Eġittu.

(5) L-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

L-Azzjoni Konġunta 2005/889/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

1) l-Artikolu 3 għandu jiġi mħassar;

2) l-Artikolu 13(1) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"1. L-ammont finanzjarju ta' referenzja maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-missjoni għandu jkun EUR 1696659 għall-2005 u EUR 5903341 għall-perjodu mill- 1 ta' Jannar 2006 sa l- 24 ta' Mejju 2007.";

3) it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 16 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"Din għandha tiskadi fl- 24 ta' Mejju 2007.";

4) l-Artikolu 17 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 17

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi riveduta sa mhux aktar tard mill- 31 ta' Marzu 2007."

Artikolu 2

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussel, 13 ta’ Novembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

E. Tuomioja

[1] ĠU L 327, 14.12.2005, p. 28.

--------------------------------------------------