IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.12.2025
COM(2025) 946 final
2025/0385(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) 2024/1252
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.12.2025
COM(2025) 946 final
2025/0385(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) 2024/1252
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
L-Att dwar il-Materja Prima Kritika (ir-Regolament (KE) 2024/1252) ipprovda lill-UE l-objettivi u l-ewwel sett ta’ għodod biex ikun żgurat li l-industrija tal-UE jkollha aċċess għal provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika (CRMs). Is-CRMs huma meħtieġa għall-manifattura tat-teknoloġiji strateġiċi kruċjali għat-tranżizzjoni nadifa u diġitali, kif ukoll għall-applikazzjonijiet tal-ajruspazju u tad-difiża. Madankollu, malli daħal fis-seħħ l-Att Ewropew dwar il-Materja Prima Kritika (CRMA) fit-23 ta’ Mejju 2024, intensifikat il-ġeopolitizzazzjoni tal-provvista tal-materja prima kritika minħabba serje ta’ restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet taċ-Ċina fuq elementi tal-materjali tal-art rari u materja prima kritika oħra. Fl-istess waqt, atturi globali oħra żiedu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw l-aċċess għas-CRMs għall-industriji tagħhom billi ffinanzjaw proġetti tas-CRM u ddiversifikaw il-provvisti tagħhom bi sħubijiet.
F’dak il-kuntest, fit-3 ta’ Diċembru 2025 il-Kummissjoni adottat il-pjan ta’ azzjoni RESourceEU biex tħaffef it-twettiq tas-CRMA u ssaħħaħ il-Komunikazzjoni dwar is-Sigurtà Ekonomika Ewropea 1 . Il-Pjan ta’ Azzjoni fih miżuri dwar it-tnaqqis tar-riskji finanzjarji u l-appoġġ regolatorju għall-proġetti tas-CRM b’potenzjal immedjat ta’ diversifikazzjoni, kif ukoll miżuri li joperazzjonalizzaw is-sħubijiet tiegħu ma’ pajjiżi terzi, jitħares is-Suq Uniku, u jinħoloq suq dejjiemi għal provvisti diversifikati tal-materja prima kritika. Fost il-miżuri biex tilħaq dawk l-objettivi, il-Kummissjoni qed tipproponi emendi mmirati fir-Regolament (KE) 2024/1252 (l-Att dwar il-Materja Prima Kritika jew “CRMA”) biex tirrazzjonalizza, tiċċara u tissimplifika wħud mir-regoli ħalli ttejjeb iċ-ċirkolarità, u b’hekk tiżdied il-kapaċità tar-riċiklaġġ u jissaħħaħ is-suq sekondarju tal-materja prima kritika.
L-ewwel nett, l-emendi proposti fis-CRMA huma maħsuba biex joħolqu suq dejjiemi għall-katina tal-valur tal-materja prima tal-Unjoni. Għal dak l-għan, l-emendi għandhom l-għan li jsaħħu r-reżiljenza tas-setturi industrijali tal-Unjoni li jimmanifatturaw il-prodotti teknoloġiċi strateġiċi b’materja prima strateġika, subsett tas-CRMs. L-implimentazzjoni attwali tas-CRMA tenfasizza li hemm riskju ta’ frammentazzjoni tas-Suq Uniku minħabba identifikazzjoni kompletament differenti minn Stati Membri individwali tal-kumpaniji kbar li jridu jwettqu valutazzjoni tar-riskju tal-ktajjen tal-provvista tagħhom skont l-Artikolu 24 tas-CRMA. Dan ir-riskju ta’ frammentazzjoni juri li, meta l-fallimenti tas-suq iwasslu biex il-kumpaniji jonqsu milli jwettqu strateġiji ta’ mitigazzjoni biex jillimitaw il-vulnerabbiltajiet tagħhom, tista’ tkun iġġustifikata azzjoni addizzjonali mill-Kummissjoni. Apparti li jinċentivaw lill-kumpaniji biex jinvestu fir-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista tagħhom, dawn l-emendi jixprunaw ukoll id-domanda għal sorsi diversifikati tal-provvista tas-CRMs.
It-tieni, il-ħtieġa imminenti li tiżdied malajr il-produzzjoni tas-CRMs teħtieġ l-espansjoni tal-qafas taċ-ċirkolarità biex jiżdiedu l-irkupru u l-użu mill-ġdid tal-materja prima kritika, b’mod partikolari għall-kalamiti permanenti tal-materjali tal-art rari 2 . Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi emendat is-CRMA biex jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodotti koperti mit-tikkettar u tiċċara l-obbligi ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 28 tas-CRMA. Għall-istess raġunijiet, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li tinkludi l-iskart ta’ qabel il-konsum mal-obbligu tal-kontenut riċiklat għall-kalamiti permanenti tal-materjali tal-art rari, anke peress li l-iskart ta’ qabel il-konsum jiġi rriċiklat aktar faċilment u bħalissa hu aktar aċċessibbli mill-iskart ta’ wara l-konsum.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qed tipproponi li tintroduċi flessibbiltà addizzjonali fl-għadd tas-sejħiet meħtieġa kull sena kalendarja, minħabba l-ammont qawwi ta’ applikazzjonijiet għal kull sejħa u l-bżonn li tkun żgurata valutazzjoni koerenti ta’ kull applikazzjoni. Din il-proposta hija bbażata fuq l-implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-Artikolu 7 tas-CRMA fejn tidħol l-għażla tal-Proġetti Strateġiċi. L-ewwel sejħa nfetħet fl-2024, u wasslet biex intgħażlu 47 Proġett Strateġiku fl-UE u 13-il Proġett Strateġiku barra mill-Unjoni 3 . It-tieni sejħa tnediet mill-Kummissjoni fil-25 ta’ Settembru 2025.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
L-emendi f’din il-proposta se jiżguraw l-effiċjenza tar-riżorsi u jgħinu biex ikollna provvista sigura u sostenibbli tas-CRMs. B’mod partikolari, isaħħu l-awtonomija strateġika tal-Unjoni billi jiżguraw id-diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista tagħha. L-inizjattiva tal-Pjan ta’ Azzjoni RESourceEU ssaħħaħ miżuri oħra li jaħdmu favur l-għanijiet tal-politika tas-sigurtà industrijali u ekonomika tal-Unjoni, tikkontribwixxi għall-objettivi stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar il-Patt għal Industrija Nadifa, u hija marbuta mill-qrib mad-Duttrina tas-Sigurtà Ekonomika Ewropea.
Fl-istess ħin, l-emendi jappoġġaw it-trasformazzjoni nadifa u diġitali, billi jiżguraw id-disponibbiltà ta’ riżorsi essenzjali użati mill-industriji f’diversi setturi. L-emendi jtejbu t-traċċabbiltà biex jappoġġaw l-irkupru fi tmiem il-ħajja u jippromwovu l-adozzjoni gradwali tal-materja prima sekondarja, u b’hekk jikkontribwixxu għal qafas koerenti u allinjat li jżid iċ-ċirkolarità u jiżgura l-provvista tas-CRMs għall-Unjoni.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Din il-proposta hija konsistenti u tiżgura l-komplementarjetà u sinerġiji ma’ politiki oħra tal-Unjoni.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi legali
F’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Regolament propost għandu l-għan li jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-Suq Uniku, b’mod partikolari billi jsaħħaħ u jiċċara r-regoli li jiżguraw provvista sigura u sostenibbli tas-CRMs għall-Unjoni.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
L-objettiv ġenerali tal-proposta hu li tiżgura l-uniformità u tirrazzjonalizza ċerti proċeduri fil-livell tal-Unjoni, biex il-kumpaniji kbar li joperaw fi Stat Membru wieħed jew aktar ikunu ppreparati biex jiffaċċjaw interruzzjonijiet fil-ktajjen tal-provvista u jkollhom miżuri tal-mitigazzjoni fis-seħħ.
L-objettivi ta’ din il-proposta ma jistgħux jintlaħqu b’azzjoni tal-Istati Membri waħedhom.
•Proporzjonalità
Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għax li ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi dikjarati fil-livell tal-Unjoni u minn dak meħtieġ għal dak l-għan.
•Għażla tal-istrument
Regolament li jemenda r-Regolament CRMA hu strument legali xieraq biex jiġu implimentati l-objettivi ta’ RESourceEU.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
N/A
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Filwaqt li ma saret l-ebda konsultazzjoni formali mal-partijiet ikkonċernati, l-emendi proposti joħorġu minn sessjonijiet ta’ ħidma tekniċi ma’ rappreżentanti tal-katina tal-valur kollha tal-kalamiti permanenti, minn skambji fil-qafas tal-Bord tas-CRM, u minn ħidma teknika li wettaq iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka bħala tħejjija għal-leġiżlazzjoni sekondarja skont l-Artikoli 28 u 29 tas-CRMA.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Minħabba n-natura tal-emendi proposti u l-urġenza, ma nġabar u ntuża l-ebda għarfien espert għal din il-proposta.
•Valutazzjoni tal-impatt
Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
N/A
•Drittijiet fundamentali
Din il-proposta ma tħallix konsegwenzi fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet fuq il-baġit tal-Unjoni.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Din il-proposta temenda s-CRMA u tinkludi bidliet fil-pjanijiet tal-implimentazzjoni għall-Istati Membri, b’mod partikolari billi tneħħi l-obbligu tal-Istati Membri li jidentifikaw kumpaniji kbar, u tittrasferixxi dan l-obbligu fuq il-Kummissjoni. Din il-bidla tissimplifika u tirrazzjonalizza l-proċeduri amministrattivi fil-livell tal-Unjoni.
Din tiċċara l-obbligi u l-arranġamenti tar-rapportar għal ċerti kumpaniji permezz ta’ bidliet immirati f’numru limitat ħafna ta’ Artikoli.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
N/A
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-Artikolu 1 jemenda r-Regolament (UE) 2024/1252.
L-Artikolu 1, il-punt (1) jimmodifika n-numru ta’ dati limitu għas-sejħiet miftuħa tal-applikazzjonijiet għall-Proġetti Strateġiċi skont is-CRMA.
L-Artikolu 1, il-punt (2)(a) jirrazzjonalizza l-obbligu li jiġu identifikati kumpaniji kbar billi jittrasferih mill-amministrazzjonijiet nazzjonali lill-Kummissjoni.
L-Artikolu 1, il-punt (2)(b) jeżiġi li l-Kummissjoni tinnotifika lill-kumpaniji kbar bl-obbligi tagħhom.
L-Artikolu 1, il-punt (2)(c) jiċċara l-obbligu tal-kumpaniji kbar u l-aspetti li jridu jitqiesu fil-valutazzjoni tagħhom tat-tħejjija għar-riskji.
L-Artikolu 1, il-punt (2)(d) jiċċara l-obbligi li l-kumpaniji kbar jeħtieġ li jikkonformaw magħhom għall-miżuri tal-mitigazzjoni.
L-Artikolu 1, il-punt (2)(e) isaħħaħ l-obbligu tal-kumpaniji kbar li jżommu lill-bord tagħhom infurmat dwar il-valutazzjoni tar-riskju.
L-Artikolu 1, il-punt (2)(f) jippermetti lill-Kummissjoni titlob informazzjoni mingħand il-kumpaniji kbar dwar il-konformità tagħhom mal-obbligi tal-valutazzjoni tar-riskju, u jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tispeċifika, jekk ikun hemm bżonn, il-miżuri tal-mitigazzjoni tal-kumpaniji kbar permezz ta’ atti delegati.
L-Artikolu 1, il-punt (2)(g) iħassar paragrafu li ma għadux adattat peress li l-obbligi skont l-Artikolu 28 tas-CRMA qed jingħaddu fuq il-Kummissjoni.
L-Artikolu 1, il-punt (3) jespandi l-lista tal-prodotti b’kalamiti permanenti li trid tqis il-Kummissjoni għat-tikkettar tagħhom.
L-Artikolu 1, il-punt (4) jiċċara u jwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 29 tas-CRMA billi jinkludi l-iskart ta’ qabel il-konsum tal-kalamiti permanenti ħalli l-Kummissjoni tkun tista’ tieħu azzjoni aktar komprensiva għar-riċiklaġġ tal-kalamiti permanenti.
L-Artikolu 1, il-punt (5) jadatta r-regoli tal-eżerċizzju tad-delega biex jinkludu l-għoti tas-setgħa l-ġdid skont l-Artikolu 1, il-punt (2)(f).
2025/0385 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) 2024/1252
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 4 ,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 5 ,
Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Il-Kummissjoni ilha minn meta daħal fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2024/1252 fit-23 ta’ Mejju 2024 tiġbor data u informazzjoni mingħand il-partijiet ikkonċernati u mingħand l-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tiegħu.
(2)L-aċċess għal materja prima kritika sigura u sostenibbli hu essenzjali għall-objettivi tal-Unjoni ta’ tranżizzjoni nadifa u diġitali kif stabbilit fil-Patt għal Industrija Nadifa 6 . Dawn huma wkoll komponenti essenzjali għall-industriji tal-Unjoni, fl-oqsma kollha, inkluż id-difiża. Is-sitwazzjoni ġeopolitika attwali tpoġġi l-provvista u s-sigurtà tal-Unjoni tal-materja prima kritika f’riskju, u għalhekk il-qafas attwali jenħtieġ li jissaħħaħ.
(3)Skont ir-Regolament (UE) 2024/1252, il-Kummissjoni jeħtieġ tistabbilixxi sejħiet tal-applikazzjoni għall-Proġetti Strateġiċi bi mqar erba’ dati limitu kull sena. Minħabba l-ammont qawwi ta’ applikazzjonijiet għar-rikonoxximent ta’ Proġett Strateġiku li jaslu għal kull sejħa għall-identifikazzjoni ta’ Proġetti Strateġiċi tal-materja prima kritika u biex tkun żgurata valutazzjoni aħjar tad-diversi applikazzjonijiet, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tillimita l-għadd ta’ dawn is-sejħiet kull sena.
(4)Skont ir-Regolament (UE) 2024/1252, l-Istati Membri jeħtieġ jidentifikaw il-kumpaniji kbar sa Mejju 2025 u fi żmien 12-il xahar minn kull aġġornament tal-lista tal-materja prima strateġika skont l-Artikolu 3(3). Minkejja dan, il-kumpaniji kbar li jużaw il-materja prima kritika jistgħu joperaw f’aktar minn Stat Membru wieħed. Biex tkun evitata duplikazzjoni tal-identifikazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji kbar minn diversi amministrazzjonijiet nazzjonali u jkun evitat ir-riskju ta’ frammentazzjoni tas-Suq Uniku, il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha s-setgħa tidentifika dawn il-kumpaniji kbar li joperaw fl-Unjoni.
(5)Hu essenzjali li tissaħħaħ it-tħejjija għar-riskji tal-kumpaniji kbar identifikati mill-Kummissjoni u hu essenzjali li l-obbligi tagħhom jissaħħu, u għalhekk il-kumpaniji kbar jenħtieġ li jkunu obbligati jieħdu miżuri biex itaffu l-vulnerabbiltajiet tagħhom, inkluż billi jiddiversifikaw il-katina tal-provvista tal-materja prima tagħhom. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tirċievi l-informazzjoni dwar il-konformità tagħhom li hija neċessarja għal monitoraġġ effettiv, u li tiżgura li dawn ikunu ppreparati għal interruzzjoni tal-provvista. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tispeċifika l-miżuri tal-mitigazzjoni li l-kumpaniji kbar jenħtieġ li jadottaw f’każ ta’ vulnerabbiltajiet; u jenħtieġ li tkun tista’ tagħmel dan permezz ta’ atti delegati.
(6)Jenħtieġ li, bħala parti minn dik il-valutazzjoni tar-riskju, il-kumpaniji kbar jimmappjaw minn fejn tiġi estratta, ipproċessata u riċiklata l-materja prima strateġika li jużaw, u janalizzaw il-fatturi li jistgħu jaffettwaw il-provvista tagħha u jivvalutaw il-vulnerabbiltajiet tagħhom għal interruzzjonijiet tal-provvista. Biex ikollhom stampa ċar tal-vulnerabbiltajiet tagħhom, jenħtieġ li jimmappjaw ukoll il-katina tal-provvista tal-komponenti li fihom il-materja prima kritika. Biex iżidu t-tħejjija tagħhom, il-kumpaniji kbar jenħtieġ li jirrapportaw dwar il-valutazzjoni tar-riskju tagħhom lill-bord tad-diretturi jew lill-bord maniġerjali tal-kumpanija.
(7)Il-Kummissjoni jenħtieġ li tibqa’ timmonitorja s-sitwazzjoni u t-tħejjija għar-riskji tal-kumpaniji kbar, filwaqt li tiżgura li dawn ikunu ppreparati għal interruzzjoni tal-ktajjen tal-provvista tagħhom. Għal dak l-għan, u meta tiddeċiedi hekk, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni mingħand il-kumpaniji kbar dwar il-miżuri tal-konformità u tal-mitigazzjoni tagħhom kif meħtieġ skont dan ir-Regolament.
(8)Ir-rikonoxximent tal-materjali riċiklati ta’ qabel il-konsum jikkomplementa l-irkupru tal-iskart ta’ wara l-konsum billi jiżgura li l-manifatturi jkunu jistgħu jtejbu l-effiċjenza fir-riżorsi fl-immedjat, filwaqt li jibqa’ jkun hemm inċentivi sodi biex jibnu u jestendu s-sistemi tal-ġbir u tar-riċiklaġġ fi tmiem il-ħajja. Għalhekk, kategoriji tal-prodotti addizzjonali u l-iskart ta’ qabel il-konsum huma essenzjali biex jitjieb ir-riċiklaġġ, tissaħħaħ it-traċċabbiltà u tiżdied id-disponibbiltà ta’ materjali sekondarji u b’hekk jiġu appoġġati l-effiċjenza ġenerali tar-riżorsi u s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni.
(9)Għalhekk, biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni RESourceEU, ir-Regolament (UE) 2024/1252 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi għar-Regolament (UE) 2024/1252
Ir-Regolament (UE) 2024/1252 huwa emendat kif ġej:
(1)fl-Artikolu 7(3), it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“L-ewwel tali data limitu għandha tkun mhux aktar tard mill-24 ta’ Awwissu 2024. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi dati limitu sa erba’ darbiet fis-sena.”;
(2)l-Artikolu 24 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Sa [OP please insert date corresponding to the date of entry into force of this Regulation plus 2 months] u fi żmien sitt xhur minn kull aġġornament tal-lista tal-materja prima strateġika, il-Kummissjoni għandha tidentifika l-kumpaniji kbar li joperaw fl-Unjoni li jużaw il-materja prima strateġika għall-manifattura ta’ batteriji għall-ħażna tal-enerġija u l-elettromobbiltà, tagħmir relatat mal-produzzjoni u mal-użu tal-idroġenu, tagħmir relatat mal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, inġenji tal-ajru, muturi tat-trazzjoni, pompi tas-sħana, tagħmir relatat mat-trażmissjoni u mal-ħżin ta’ data, apparati elettroniċi mobbli, tagħmir relatat mal-manifattura addittiva, tagħmir relatat mar-robotika, droni, lanċaturi tar-rokits, radar, satelliti jew ċipep avvanzati.”;
(b)jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:
“1a. Lill-kumpaniji kbar li tkun identifikat skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tinformahom dwar tali identifikazzjoni u l-obbligi tagħhom skont dan l-Artikolu.”;
(c)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
2. Kumpaniji kbar kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom sa sitt xhur minn meta jiġu infurmati bl-identifikazzjoni tagħhom u mqar kull tliet snin u sa fejn l-informazzjoni meħtieġa tkun disponibbli għalihom, iwettqu valutazzjoni tar-riskju tal-katina tal-provvista tal-materja prima tagħhom tal-materja prima strateġika, li tkun tinkludi:
a) immappjar tal-katina tal-provvista tal-komponenti li jkun fihom il-materja prima strateġika;
b) immappjar ta’ minn fejn tiġi estratta, ipproċessata jew irriċiklata l-materja prima strateġika li jużaw;
c) analiżi tal-fatturi li jistgħu jaffettwaw il-provvista tagħhom tal-materja prima strateġika;
d) valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet tagħhom għal interruzzjonijiet tal-provvista.”;
(d)il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“4. Jekk wara l-valutazzjoni tar-riskju msemmija fil-paragrafu 2 jinstabu vulnerabbiltajiet sinifikanti għal interruzzjonijiet tal-provvista, il-kumpaniji kbar kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jagħmlu sforz biex itaffu dawk il-vulnerabbiltajiet, inkluż billi jiddiversifikaw il-ktajjen tal-provvista tal-materja prima tagħhom, filwaqt li jikkunsidraw il-materja prima sekondarja, jew jissostitwixxu l-materja prima strateġika.”;
(e)il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“5. Il-kumpaniji kbar imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jippreżentaw ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju msemmija fil-paragrafu 2 lill-bord tad-diretturi jew lill-bord maniġerjali tagħhom.”;
(f)jiddaħħlu l-paragrafi 5a u 5b li ġejjin:
“5a. Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-kumpaniji kbar imsemmija fil-paragrafu 1 biex jispjegaw kif inhuma konformi mal-obbligi stabbiliti f’dan l-Artikolu. Dawn għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni fi żmien sa 30 jum mill-wasla tat-talba tal-Kummissjoni.”
“5b. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 38 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika l-miżuri tal-mitigazzjoni tar-riskju li l-kumpaniji kbar imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jieħdu meta jinstabu vulnerabbiltajiet sinifikanti għal interruzzjonijiet tal-provvista f’konformità mal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.
Il-Kummissjoni għandha tibbaża t-tali miżuri tal-mitigazzjoni tar-riskju fuq valutazzjoni tal-informazzjoni disponibbli dwar ir-riskji tal-provvista, il-flussi kummerċjali bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi, u l-ostakli potenzjali għall-kummerċ ta’ materja prima kritika, u għandha tispeċifika l-ishma massimi ta’ dipendenza fuq pajjiż terz wieħed fil-katina tal-provvista tal-materja prima kritika.”;
(g)jitħassar il-paragrafu 6;
(3)fl-Artikolu 28(1), il-kliem introduttorju huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Minn sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 2, kull persuna fiżika jew ġuridika li tintroduċi fis-suq apparat tal-immaġni bir-riżonanza manjetika, ġeneraturi tal-enerġija eolika, robots industrijali, vetturi bil-mutur, mezzi tat-trasport ħfief, ġeneraturi tat-tkessiħ, pompi tas-sħana, muturi elettriċi, inkluż meta l-muturi elettroniċi jkunu integrati fi prodotti oħra, magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ awtomatiċi, magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ, microwaves, vacuum cleaners, magni tal-ħasil tal-platti, hard disk drives, transducers, loudspeakers, droni għall-użu ċivili jew ġugarelli bil-mutur għandha tiżgura li dawk il-prodotti jkollhom tikketta viżibbli, leġibbli b’mod ċar u li ma titħassarx li tkun tindika:”;
(4)l-Artikolu 29 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Sal-24 ta’ Mejju 2027 jew sentejn mid-dħul fis-seħħ tal-att delegat imsemmi fil-paragrafu 2, skont liema minnhom jiġi l-aħħar, kull persuna fiżika jew ġuridika li tintroduċi fis-suq prodotti msemmija fl-Artikolu 28(1) li jinkorporaw kalamita permanenti waħda jew aktar imsemmija fl-Artikolu 28(1), il-punt (b)(i), (ii) u (iii), u li għalihom il-piż totali ta’ dawn il-kalamiti permanenti f’daqqa jaqbeż iż-0,2 kg, għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku fuq sit web b’aċċess liberu is-sehem ta’ neodimju, ta’ disprożju, ta’ praseodimju, ta’ terbju, ta’ boron, ta’ samarju, ta’ nikil u ta’ kobalt irkuprati mill-iskart ta’ qabel il-konsum u ta’ wara l-konsum, inkluż l-ishma ta’ tali skart prodott fl-Unjoni, li jkun hemm fil-kalamiti permanenti inkorporati fil-prodott.”;
(b)fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2. Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 38 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi regoli għall-kalkolu u l-verifika tas-sehem ta’ neodimju, ta’ disprożju, ta’ praseodimju, ta’ terbju, ta’ boron, ta’ samarju, ta’ nikil u ta’ kobalt irkuprati mill-iskart ta’ qabel il-konsum u ta’ wara l-konsum, inkluż l-ishma ta’ tali skart prodott fl-Unjoni, li jkun hemm fil-kalamiti permanenti inkorporati fil-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.”;
(c)fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“3. Wara d-dħul fis-seħħ tal-att delegat adottat skont il-paragrafu 2, u fi kwalunkwe każ sal-31 ta’ Diċembru 2031, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati li jissupplimentaw dan ir-Regolament billi tistabbilixxu ishma minimi ta’ neodimju, ta’ disprożju, ta’ praseodimju, ta’ terbju, ta’ boron, ta’ samarju, ta’ nikil u ta’ kobalt irkuprati mill-iskart ta’ qabel il-konsum u ta’ wara l-konsum, inkluż l-ishma ta’ tali skart prodott fl-Unjoni, jew kwalunkwe kombinament tagħhom li jrid ikun hemm fil-kalamita permanenti inkorporata fil-prodotti msemmija fil-paragrafu 1.”;
(d)fil-paragrafu 3, it-tielet subparagrafu, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(a) Id-disponibbiltà eżistenti u prevista tan-neodimju, tad-disprożju, tal-praseodimju, tat-terbju, tal-boron, tas-samarju, tan-nikil u tal-kobalt irkuprati minn sorsi tal-iskart ta’ qabel il-konsum u ta’ wara l-konsum kif ukoll il-kapaċità tar-riċiklaġġ tal-Unjoni;”;
(5)l-Artikolu 38 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 2, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:
“2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(2), fl-Artikolu 4(2), fl-Artikolu 5(3), fl-Artikolu 6(2), fl-Artikolu 24(5b), fl-Artikolu 28(12) u fl-Artikolu 29(2) u (3), fl-Artikolu 31(1) u (8), u fl-Artikolu 34(1) għanda tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ tmien snin mill-24 ta’ Ġunju 2024.”;
(b)fil-paragrafu 3, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:
“3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 3(2), fl-Artikolu 4(2), fl-Artikolu 5(3), fl-Artikolu 6(2), fl-Artikolu 24(5b), fl-Artikolu 28(12), fl-Artikolu 29(2) u (3), fl-Artikolu 31(1) u (8), u fl-Artikolu 34(1) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.”;
(c)il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 3(2), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 5(3), l-Artikolu 6(2), l-Artikolu 24(5b), l-Artikolu 28(12), l-Artikolu 29(2) jew (3), l-Artikolu 31(1) jew (8) jew l-Artikolu 34(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu jista’ jiġi estiż b’xahrejn wara inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill
Il-President Il-President