European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/2890

25.4.2024

Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Il-Każ M.9569 - EssilorLuxottica / GrandVision

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(C/2024/2890)

1.   

Fit-23 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta li permezz tagħha EssilorLuxottica S.A. (“EssilorLuxottica”) takkwista, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) (“ir-Regolament dwar l-Għaqdiet”), il-kontroll sħiħ ta’ GrandVision N.V. (“GrandVision”) (it-“Tranżazzjoni Proposta”). Għall-finijiet ta’ dan ir-rapport, EssilorLuxottica u GrandVision huma flimkien imsejħa “il-Partijiet”.

2.   

Fis-6 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni biex tniedi proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Fis-16 ta’ Frar 2020, EssilorLuxottica ppreżentat kummenti bil-miktub dwar id-deċiżjoni tal-Artikolu 6(1)(c).

3.   

Fil-25 ta’ Frar 2020, wara talba mill-Partijiet, l-iskadenza stabbilita skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet ġiet estiża b’għaxart ijiem ta’ xogħol skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10(3), tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Fis-16 ta’ Marzu 2020 u fil-15 ta’ April 2020, il-Kummissjoni adottat żewġ deċiżjonijiet skont l-Artikoli 11(3) u 10(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, fejn il-Partijiet intalbu jipprovdu informazzjoni li kienet is-suġġett ta’ talba sempliċi preċedenti għal informazzjoni u l-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet ġie sospiż. Is-sospensjonijiet intemmu fit-18 ta’ Marzu 2020 u fit-30 ta’ April 2020 rispettivament.

4.   

Fil-5 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (id-“DO”). Id-DO ġiet innotifikata formalment lil EssilorLuxottica fil-5 ta’ Ġunju 2020 u EssilorLuxottica ngħatat aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni fl-istess jum (3).

5.   

Fil-11 ta’ Ġunju 2020, EssilorLuxottica talbet lid-DĠ Kompetizzjoni għal estensjoni ta’ jum tax-xogħol wieħed biex tippreżenta l-kummenti tagħha dwar id-DO, jiġifieri sat-Tnejn, 22 ta’ Ġunju 2020. Għalkemm ma ngħatat l-ebda estensjoni formali, id-DĠ Kompetizzjoni qabel ma’ EssilorLuxottica li hija setgħet tippreżenta l-kummenti tagħha dwar id-DO is-Sibt, 20 ta’ Ġunju 2020 b’mezzi elettroniċi u kopja ffirmata fir-Reġistru tal-Fużjonijiet it-Tnejn, 22 ta’ Ġunju 2020. EssilorLuxottica ppreżentat it-tweġiba bil-miktub tagħha għad-DO, fil-perjodu ta’ żmien miftiehem mad-DĠ Kompetizzjoni. Fil-kummenti tagħha għad-DO, EssilorLuxottica talbet seduta orali formali.

6.   

Is-seduta orali formali saret fis-26 ta’ Ġunju 2020.

7.   

Aċċess ulterjuri għall-fajl ingħata fil-5 ta’ Ġunju 2020, fit-8 ta’ Lulju 2020, fit-18 ta’ Frar 2021, fid-19 ta’ Frar 2021 u fit-3 ta’ Marzu 2021, fir-rigward ta’ dokumenti li żdiedu mal-fajl wara l-adozzjoni tad-DO. Ma rċevejt l-ebda lment jew talba mingħand il-Partijiet rigward l-aċċess għall-fajl.

8.   

Bejn is-27 ta’ April u s-16 ta’ Ġunju 2020, aċċettajt erba’ impriżi (kompetituri u/jew klijenti tal-Partijiet) bħala terzi interessati f’dan il-każ. It-terzi interessati kollha ngħataw verżjoni mhux kunfidenzjali tad-DO u kif ukoll skadenza sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom.

9.   

Fis-7 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li testendi l-proċedura b’ħamest ijiem ta’ xogħol skont l-Artikolu 10(3), it-tieni subparagrafu, it-tielet sentenza, tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

10.   

Fit-8 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ fatti lil EssilorLuxottica. Fil-15 ta’ Lulju 2020, EssilorLuxottica ppreżentat it-tweġiba tagħha għal din l-ittra ta’ fatti.

11.   

Fil-15 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li testendi l-proċedura b’ħamest ijiem ta’ xogħol skont l-Artikolu 10(3), it-tieni subparagrafu, it-tielet sentenza, tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

12.   

Fis-17 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni indirizzat talba għal informazzjoni lil EssilorLuxottica skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet bi skadenza tal-20 ta’ Lulju 2020. Wara li għaddiet din l-iskadenza, EssilorLuxottica indikat li jkollha bżonn aktar żmien biex tipprovdi l-informazzjoni mitluba. Minħabba l-importanza tal-informazzjoni inkwistjoni għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni rigward il-konċentrazzjoni, fit-22 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 11(3) u 10(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, u ssospendiet il-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, b’effett fl-istess jum. Din is-sospensjoni tal-limitu ta’ żmien skadiet fit-8 ta’ Frar 2021. Dakinhar EssilorLuxottica ukoll ippreżentat impenji skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet sabiex tindirizza t-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni.

13.   

Wara test tas-suq tal-impenji inizjali ppreżentati u feedback mid-DĠ Kompetizzjoni, EssilorLuxottica ppreżentat impenji riveduti fit-22 ta’ Frar 2021, li reġgħu ġew ittestjati fis-suq mid-DĠ Kompetizzjoni. Wara feedback ulterjuri mid-DĠ Kompetizzjoni, EssilorLuxottica offriet sett finali ta’ impenji fl-1 ta’ Marzu 2021 (l-“Impenji Finali”).

14.   

L-abbozz ta’ deċiżjoni jsib li, soġġett għall-konformità mal-kundizzjonijiet u l-obbligi stabbiliti fl-Impenji Finali, it-Tranżazzjoni Proposta hija kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE.

15.   

Eżaminajt l-abbozz tad-deċiżjoni skont l-Artikolu 16(1) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE u kkonkludejt li dan jittratta biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-Partijiet ingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

16.   

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, nikkunsidra li f’dan il-każ, l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali ġie rispettat.

Brussell, it-22 ta' Marzu 2021.

Dorothe DALHEIMER


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29) (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE”).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(3)  Fl-10 ta’ Ġunju 2020, GrandVision ikkonfermat lid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (“DĠ Kompetizzjoni”) li ma kinitx teħtieġ verżjoni mhux kunfidenzjali tad-DO separatament.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/2890/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)