20.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 325/29


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/2028

tal-4 ta' Diċembru 2018

li tistabbilixxi li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet mill-Ungerija b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2018

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(2), ir-raba' subparagrafu, tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-22 ta' Ġunju 2018, il-Kunsill iddeċieda b'konformità mal-Artikolu 121(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) li fl-Ungerija teżisti devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju ta' – 1,5 % tal-PDG.

(2)

Fid-dawl tad-devjazzjoni sinifikanti stabbilita, fit-22 ta' Ġunju 2018 il-Kunsill ħareġ Rakkomandazzjoni (2) għall-Ungerija biex tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiggarantixxi li r-rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett (3) ma taqbiżx it-2,8 % fl-2018, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta' 1,0 % tal-PDG. Huwa rrakkomanda li l-Ungerija tuża kull gwadann mhux previst għat-tnaqqis tad-defiċit, filwaqt li jenħtieġ li l-miżuri ta' konsolidazzjoni baġitarja jiżguraw titjib dejjiemi fil-bilanċ strutturali tal-amministrazzjoni pubblika b'mod li jiffavorixxi t-tkabbir. Il-Kunsill stabbilixxa skadenża tal-15 ta' Ottubru 2018 sa meta l-Ungerija kellha tirrapporta dwar l-azzjoni li tkun ħadet b'reazzjoni għal dik ir-Rakkomandazzjoni.

(3)

Fit-18 u d-19 ta' Settembru 2018, il-Kummissjoni wettqet missjoni ta' sorveljanza msaħħa fl-Ungerija għall-fini tal-monitoraġġ fuq il-post skont l-Artikolu -11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Wara li s-sejbiet provviżorji ġew trażmessi lill-awtoritajiet Ungeriżi għall-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni rrapportat is-sejbiet tagħha lill-Kunsill fil-21 ta' Novembru 2018. Dawk is-sejbiet sussegwentement saru pubbliċi. Ir-rapport tal-Kummissjoni jikkonstata li l-awtoritajiet Ungeriżi għandhom l-intenzjoni li jżommu l-mira tad-defiċit nominali bħal fl-2018 ta' 2,4 % tal-PGD kif stabbilit fil-Programm ta' Konverġenza tal-2018 u għalhekk mhumiex jippjanaw li jaġixxu fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2018.

(4)

Fil-15 ta' Ottubru 2018, l-awtoritajiet Ungeriżi ppreżentaw rapport dwar l-azzjoni meħuda b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2018 (4). Fir-rapport, l-awtoritajiet tennew li l-mira tagħhom għall-2018 jibqa' defiċit nominali ta' 2,4 % tal-PDG. Meta mqabbel mal-projezzjoni baġitarja fil-Programm ta' Konverġenza tal-2018, l-awtoritajiet jistennew li jsibu dħul mit-taxxa u tfaddil ogħla b'mod sinifikanti minħabba spejjeż ta' konfinanzjament imnaqqsa ta' proġetti finanzjati mill-baġit tal-Unjoni. Madanakollu, huma jippjanaw nefqa addizzjonali li tpaċi b'mod sħiħ l-effett ta' tnaqqis ta' defiċit ta' dawk l-iżviluppi. Miżuri diskrezzjonali ġodda rrapportati ma għandhom l-ebda impatt fiskali nett sinifikanti fuq l-eżitu tal-baġit fl-2018, u b'hekk ma jissodisfawx ir-rekwiżit iddikjarat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2018.

(5)

Fl-2018, abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tal-ħarifa 2018, it-tkabbir tan-nefqa tal-gvern, bl-esklużjoni tal-miżuri diskrezjonarji tad-dħul u dħul ta' darba, huwa pproġettat li jkun 7,0 %, ferm ogħla mir-rata ta' referenza rakkomandata ta' tkabbir ta' 2,8 % (distakk ta' 1,6 % tal-PDG). Il-bilanċ strutturali huwa mistenni li jiddeterjora b' 0,4 % tal-PDG kontra t-titjib rakkomandat ta' 1,0 % tal-PDG (distakk ta' 1,4 % tal-PDG). Għaldaqstant, iż-żewġ pilastri jindikaw lejn devjazzjoni b'marġni wiesa' mill-aġġustament rakkomandat. Ir-riżultat tal-parametru referenzjarju għan-nefqa huwa milqut negattivament minn tliet elementi, jiġifieri rata ta' tkabbir potenzjali fuq terminu medju aktar baxxa milli stmata bħalissa u deflatur tal-PDG li hu l-bażi tal-parametru referenzjarju tan-nefqa baxx aktar milli mistenni kif ukoll effett tad-dħul indirett ta' ċerti miżuri. Wara aġġustament għal dawn il-fatturi kollha, il-parametru referenzjarju tal-infiq jidher li jirrifletti b'mod adegwat l-isforz fiskali u għadu jindika devjazzjoni. L-istima tal-bilanċ strutturali twassal għal riżultat simili. Il-bilanċ strutturali huwa affettwat b'mod negattiv minn tnaqqis fid-dħul, iżda dan huwa parzjalment paċut bl-effett ta' stima tal-punt ogħla għat-tkabbir tal-PDG potenzjali meta mqabbel mal-medja fuq terminu medju sottostanti tal-valur referenzjarju tan-nefqa. Għalhekk, il-valutazzjoni kumplessiva tikkonferma devjazzjoni b'marġni wiesa' mill-aġġustament rakkomandat.

(6)

Is-sejbiet ta' hawn fuq iwasslu għall-konklużjoni li r-reazzjoni tal-Ungerija għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2018 ma kinitx suffiċjenti. L-isforz fiskali ma jiżgurax li r-rata ta' tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma teċċedix 2,8 % fl-2018, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta' 1,0 % tal-PDG,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Ungerija ma ħaditx azzjoni effettiva b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2018.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LÖGER


(1)   ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2018 bil-ħsieb li tiġi kkoreġuta d-devjazzjoni osservata sinifikanti mill-perkors ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fl-Ungerija (ĠU C 223, 27.6.2018, p. 1).

(3)  In-nefqa pubblika primarja netta tal-gvern hija magħmula min-nefqa pubblika totali bl-esklużjoni tan-nefqa fuq l-imgħax, in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni kompletament korrisposti mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni u tibdil nondiskrezzjonarju fin-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjata fil-livell nazzjonali hija mifruxa fuq perjodu ta' erba' snin. Miżuri ta' dħul diskrezzjonali jew żidiet fid-dħul mitluba mil-liġi huma meqjusa. Miżuri ta' darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-infiq huma nnettjati.

(4)  https://ec.europa.eu/info/files/hungary-report-council-recommendations-under-significant-deviation-procedure_en