SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Sitt Awla)
2 ta’ Lulju 2009 ( *1 )
“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal trade mark figurattiva li tirrappreżenta id iżżomm kard bi tliet trijangoli — Raġuni assoluta għal rifjut — Nuqqas ta’ karattru distintiv — Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”
Fil-Kawża T-414/07,
Européenne de traitement de l’information (Euro-Information), stabbilita fi Strasbourg (Franza), irrappreżentata minn P. Greffe, M. Chaminade u L. Paudrat, avukati,
rikorrenti
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn O. Montalto u R. Bianchi, bħala aġenti,
konvenut
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tas-6 ta’ Settembru 2007 (Każ R 290/2007-1), li tiċħad l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja ta’ sinjal li jirrappreżenta id iżżomm kard bi tliet trijangoli,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Is-Sitt Awla),
komposta minn A. W. H. Meij, President, V. Vadapalas (Relatur) u L. Truchot, Imħallfin,
Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fid-19 ta’ Novembru 2007,
wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-4 ta’ Frar 2008,
wara s-seduta tal-10 ta’ Ottubru 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
1 |
Fl-10 ta’ Lulju 2006, ir-rikorrenti, il-Européenne de traitement de l’information (Euro-Information) ippreżentata lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) applikazzjoni għal trade mark Komunitarja skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)]. |
|
2 |
It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv riprodott hawn taħt:
|
|
3 |
Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 35 sa 38 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:
|
|
4 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2006, l-eżaminatur ċaħad din l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 2007/2009], biss għall-prodotti u s-servizzi li ġejjin (iktar ’il quddiem il-“prodotti u servizzi kkonċernati”):
|
|
5 |
Fil-15 ta’ Frar 2007, ir-rikorrenti ppreżentat, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94 [li saru l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009], appell quddiem l-UASI kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur. |
|
6 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Settembru 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad dan l-appell abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009], għar-raġuni li s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni ma kellux karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati. Skont il-Bord tal-Appell, din it-trade mark ser tkun ipperċepita bħala indikazzjoni prattika, proċedura li għandha tiġi segwita jew metodu biex titwettaq tranżazzjoni li tinvolvi l-użu ta’ kard bankarja jew ta’ tip ieħor. |
It-talbiet tal-partijiet
|
7 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
|
|
8 |
Waqt is-seduta, ir-rikorrenti għamlet it-talbiet tagħha billi talbet li l-UASI jiġi kkundannat għall-ispejjeż. |
|
9 |
L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
|
Id-dritt
Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti
|
10 |
Bit-tieni kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Oorti tal-Prim’Istanza tordna lill-UASI sabiex jirreġistra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, b’mod konformi mal-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 65(6) tar-Regolament Nru 207/2009], l-UASI għandu jieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ qorti Komunitarja. Għalhekk, mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tindirizza ordni lill-UASI. Huwa dan tal-aħħar li għandu jasal għall-konsegwenzi mid-dispożittiv u mill-motivi ta’ din is-sentenza [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs UASI (Giroform), T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 33, u tas-27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL), T-34/00, Ġabra p. II-683, punt 12]. Għaldaqstant it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrenti huwa inammissibbli. |
Fuq il-mertu
|
11 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009]. |
L-argumenti tal-partijiet
|
12 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-ebda element tat-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni, jiġifieri r-rappreżentazzjoni stilizzata ta’ id, il-figura rettangolari ta’ kulur abjad miżmuma mill-id u s-serje ta’ tliet trijangoli, meħuda individwalment jew flimkien, ma jwassal għall-konklużjoni li din it-trade mark tikkostitwixxi indikazzjoni ta’ “proċedura li għandha tiġi segwita” jew ta’ “metodu” biex titwettaq “tranżazzjoni li tinvolvi l-użu ta’ kard bankarja”, kif il-Bord tal-Appell afferma fid-deċiżjoni kkontestata. |
|
13 |
L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-eżattezza tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, li tipprovdi li l-figura rettangolari ta’ kulur ċar miżmuma b’id li tidher fuq is-sinjal inkwisjtoni hija kard tal-bank. |
|
14 |
Għaldaqstant, ma jkunx korrett li jiġi ddikjarat li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma għandhiex karattru distintiv fir-rigward ta’ parti mill-prodotti u mis-servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 35 u 42, inkwantu dawn il-prodotti u servizzi huma neċessarjament konnessi mal-użu ta’ kards għal ħlas elettroniku u għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet permezz ta’ dawn il-kards, kif ukoll fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 36 u 38, għaliex l-imsemmija trade mark timplika li l-konsumaturi jistgħu jwettqu dan l-operazzjonijiet permezz ta’ kards elettroniċi jew manjetiċi. |
|
15 |
It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-abbinament li jikkonsisti f’id iżżomm figura rettangolari ta’ kulur ċar jikkostitwixxi element distintiv fir-rigward ta’ ċerti prodotti u servizzi kkonċernati, minħabba r-rappreżentazzjoni stilizzata, id-dispożizzjoni u t-tqegħid tal-id u tal-figura rettangolari. |
|
16 |
Skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell imur lil hinn mill-elementi li jikkostitwixxu t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u mill-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati sabiex jipprova jistabbilixxi konnessjoni bejn ċerti elementi tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-prodotti u servizzi kkonċernati. Barra minn hekk, huwa jinjora l-eżistenza tal-abbinament tat-tliet trijangoli, li jikkostitwixxi wieħed mill-elementi distintivi u dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Dan l-element huwa rari u arbitrarju għall-prodotti u servizzi kkonċernati u jippermetti li jiġu identifikati dawk tar-rikorrenti minn dawk tal-kompetituri tagħha. |
|
17 |
Minn naħa, skont ir-rikorrenti, l-elementi tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, meħuda individwalment jew flimkien, huma totalment distintivi fir-rigward tal-prodotti u tas-servizz li ġejjin:
|
|
18 |
Meħuda individwalment, l-elementi jirrappreżentaw id stilizzata, figura rettangolari ta’ kulur ċar miżmuma mill-id u s-serje ta’ tliet trijangoli, li, flimkien, jikkostitwixxu wkoll abbinament distintiv u arbitrarju, huma distintivi fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi msemmija hawn fuq, li jippermetti li jiġi kkonstatat li ma jeżisti l-ebda rekwiżit ta’ disponibbiltà tal-abbinament ta’ dawn l-elementi għal dawn il-prodotti u servizzi. |
|
19 |
Għaldaqstant, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li t-trade mark inkwistjoni hija użata b’mod komuni fil-kummerċ meta mqabbla ma’ tali prodotti u servizzi. |
|
20 |
Min-naħa l-oħra, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, għandha karattru distintiv għall-prodotti u għas-servizzi li ġejjin:
|
|
21 |
Ir-rikorrenti tosserva li, anki jekk ċerti elementi li jifformaw it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jistgħu eventwalment jevokaw il-qasam li jappartjeni għaliha l-prodotti u s-servizzi msemmija hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-rappreżentazzjoni ta’ serje ta’ tliet trijangoli għandha karattru distintiv u arbitrarju fir-rigward ta’ dawn il-prodotti u servizzi kollha. Għalhekk, ma jeżisti l-ebda rekwiżit ta’ disponibbiltà ta’ dan l-element għal dawn il-prodotti u servizzi. |
|
22 |
Barra minn hekk, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li dan l-element huwa użat b’mod komuni fil-kummerċ meta mqabbel ma’ tali prodotti u servizzi. Għaldaqstant, is-serje ta’ tliet trijangoli flimkien mal-elementi l-oħrajn li jifformaw it-trade mark inkwistjoni għandha karattru distintiv fir-rigward ta’ dawn il-prodotti u servizzi. |
|
23 |
It-tielet nett, ir-rikorrenti tosserva li s-serje ta’ tliet trijangoli ta’ kulur skur orjentati lejn il-lemin, li tnejn minnhom huma mqiegħda fuq il-figura rettangolari, tikkostitwixxi waħda mill-elementi distintivi u dominanti fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati kollha. |
|
24 |
Fil-fatt, it-tliet trijangoli ta’ kulur iswed, li l-grafika tagħhom hija rari u arbitrarja meta mqabbla mal-prodotti u mas-servizzi kkonċernati, huma viżwalment dominanti u jikkonferixxu lit-trade mark, fit-totalità tagħha, impressjoni partikolari ħafna, li tippermetti lill-konsumaturi li jiftakruha u li jiddistingwuha mit-trade marks tal-kompetituri tagħha. |
|
25 |
Ir-rikorrenti tiddikjara li xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li t-trade mark inkwistjoni hija użata b’mod komuni fil-kummerċ meta mqabbla mal-prodotti u servizzi kkonċernati. Hija tippermetti lill-pubbliku rilevanti li jiddistingwi mingħajr konfużjoni possibbli l-prodotti u s-servizzi tal-proprjetarju tat-trade mark minn dawk li għandhom oriġini kummerċjali oħra. |
|
26 |
Ir-rikorrenti ssostni li hija wriet l-użu intensiv, qabel ir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, ta’ logo li jikkonsisti minn tliet trijangoli orjentati lejn il-lemin. Fil-fatt, hija kienet ippreżentat kopja ta’ karta tal-ittri stampata bl-isem u bl-indirizz, żewġ fatturi u estratt tas-sit-tal-Internet tagħha. Fl-opinjoni tagħha, il-pubbliku jistabblixxi neċessarjament konnessjoni bejnha u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li tirriproduċi kompletament dan il-logo. |
|
27 |
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-karattru distintiv intrinsiku tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa identifikat, inkwantu din it-trade mark kienet ġiet użata b’mod estensiv qabel ir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. Banek, li hija konnessa magħhom, għamlu użu minnha fuq il-magni li jagħtu l-flus tagħhom, kif ukoll jidher minn ritratt meħud fl-2005 fi Thionville (Franza) u dokument bl-isem “Euro Automatic Cash- Supports u użu fuq GABs CEE-SE-IDF-SMB”, ta’ Ġunju 2007, li hija pproduċiet matul il-proċedimenti qudddiem l-UASI. Konsegwentement hija ssostni li tali użu huwa ta’ natura li jikkonferixxi lit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni żieda ta’ karattru distintiv u li l-għarfien, mill-pubbliku rilevanti, ta’ din it-trade mark jista’ jsaħħaħ il-karattru distintiv tagħha. |
|
28 |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-UASI kienet diġà aċċettat ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark simili għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. |
|
29 |
L-UASI tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti esposti mir-rikorrenti. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
|
30 |
Skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009] ma jistgħux jiġu rreġistrati “trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv”. |
|
31 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-karattru distintiv ta’ trade mark għandu jiġi evalwat, minn naħa, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat, li huwa kompost mill-konsumatur medju ta’ dawn il-prodotti jew servizzi, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, għandu tagħha (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Henkel vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs UASI, C-25/05 P, Ġabra p. I-5719, punt 25). |
|
32 |
Għandu jiġi mfakkar li t-trade marks li jaqgħu taħt l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 huma, b’mod partikolari, dawk li, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, huma użati b’mod komuni fil-kummerċ sabiex jirrappreżentaw il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jew li fir-rigward tagħhom jeżistu, minn tal-inqas, indizji konkreti li abbażi tagħhom jista’ jiġi konkluż li dawn jistgħu jiġu użati b’dan il-mod. Barra minn hekk, is-sinjali li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni tali li jistgħu jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri li jidentifikaw l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz, sabiex b’hekk jippermettu lill-konsumatur li jkun akkwista l-prodott jew is-servizz indikat mit-trade mark li, meta jiġi biex jagħmel akkwist ieħor, jerġa’ jagħmel l-istess għażla jekk l-esperjenza tkun waħda pożittiva jew li jagħmel għażla oħra jekk l-esperjenza tkun waħda negattiva [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Diċembru 2003, Nestlé Waters France vs UASI (Forma ta’ flixkun), T-305/02, Ġabra p. II-5207, punt 28; tal-31 ta’ Marzu 2004, Fieldturf vs UASI (LOOKS LIKE GRASS… FEELS LIKE GRASS… PLAYS LIKE GRASS), T-216/02, Ġabra p. II-1023, punti 23 u 24, u tal-24 ta’ Novembru 2004, Henkel vs UASI (Forma ta’ flixkun abjad u trasparenti) T-393/02, Ġabra p. II-4115, punt 30]. |
|
33 |
Ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konklużjoni tal-Bord tal-Appell rigward il-pubbliku rilevanti. Il-kontroll tal-evalwazzjoni mill-Bord tal-Appell tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ssir, konsegwentement, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsumatur Ewropew medju, normalment informat u raġonevolment attent u avżat, li għalih qed isir referenza fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
34 |
Ir-rikorrenti ma tikkontestax li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tikkorrispondi għal rappreżentazzjoni grafika li tikkonsisti minn rappreżentazzjoni stilizzata ta’ id, ta’ figura rettangolari ta’ kulur ċar miżmuma minn id u serje ta’ tliet trijangoli ta’ kulur skur, orjentata lejn il-lemin, li tnejn minnhom huwa mqiegħda fuq il-figura rettangolari. |
|
35 |
Għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, allegat mir-rikorrenti mill-fatt ta’ rappreżentazzjoni stilizzata tal-elementi li jifformaw lil din tal-aħħar, għandu jiġi eżaminat jekk, fir-rigward tal-impressjoni ġenerali magħmula permezz tal-abbinament tal-forma tagħha, tal-kuluri tagħha u tad-disinn tagħha, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tistax tiġi pperċepita mill-konsumatur rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tagħha. |
|
36 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud, qabel kollox, l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex jissepara l-elementi differenti li jifformaw it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u li jiġi evalwat il-karattru distintiv tagħhom b’mod individwali. Fil-fatt, l-eżami tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandu jirrigwarda l-impressjoni ġenerali li hija tipproduċi u mhux fuq kull element li jifformaha, meħud separatament [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 2005, BioID vs UASI, C-37/03 P, Ġabra p. I-7975, punt 29, u tat-8 ta’ Mejju 2008, Eurohypo vs UASI, C-304/06 P, Ġabra p. I-3297, punt 41]. |
|
37 |
Issa, kif ukoll il-Bord tal-Appell ġustament irrileva, fid-dawl tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, ir-rappreżentazzjoni ta’ id iżżomm figura rettangolari li tixbah kard, flimkien ma’ tliet trijangoli orjentati lejn l-istess direzzjoni, tiġi ppreċepita mill-pubblika rilevanti bħala indikazzjoni prattika, intiża sabiex tindika l-proċedura li għandha tiġi għall-użu tal-kard biex titwettaq tranżazzjoni, u mhux bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati. Fil-fatt, il-konsumatur medju huwa kkonfrontat ta’ kuljum ma’ din it-tip ta’ indikazzjoni prattika f’postijiet differenti, bħal banek, supermarkits, stazzjonijiet tal-ferrovija, ajruporti, żoni ta’ parkeġġ u kabini tat-telefon. |
|
38 |
Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ressqet l-ebda argument li jqiegħed inkwistjoni l-fondatezza ta’ din l-evalwazzjoni. Minkejja li r-rikorrenti tikkontesta l-fatt li l-figura rettangolari ta’ kulur ċar tista’ tiġi pperċepita bħala kard manjetika jew kard b’mikroċippa, għandu jitqies li l-kuntest li fih tidher din tal-aħħar, jiġifieri id stilizzata li żżommha u t-tliet trijangoli b’direzzjoni, kif ukoll il-prodotti u servizzi kkonċernati, ma tħallix jissussisti l-ebda dubju rigward il-perċezzjoni ta’ dan is-sinjal mill-pubbliku rilevanti. |
|
39 |
Bl-istess mod, għandu jiġi nnotat li l-abbinament ifformat mit-tliet trijangoli ta’ kulur iswed, minħabba l-inklużjoni tiegħu fis-sinjal inkwistjoni, ma għandux il-karattru distintiv allegat mir-rikorrenti, minħabba l-fatt li huwa pperċepit mill-pubbliku rilevanti li jinkludi vleġġeġ direzzjonali li għandhom funzjoni prattika, jiġifieri dik li jindikaw fejn il-kard manjetika għandha tiddaħħal fid-distributur. B’dan il-mod, it-tliet trijangoli mhumiex distintivi fir-rigward tal-ebda waħda mill-klassijiet tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati. Għaldaqstant, hemmx lok li l-elementi l-oħra tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jiġu eżaminati separatament. |
|
40 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell ġustament qies li l-konklużjoni tiegħu dwar in-nuqqas ta’ karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet tapplika, kif huwa spjega fid-dettall fil-punti 19 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, għall-prodotti u servizzi kkonċernati kollha, li huma konnessi mal-użu tal-kards ta’ ħlas elettroniku u għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet li jimplikaw l-użu ta’ tali kards, bħal ħlasijiet elettroniċi permezz ta’ kard magnetika (klassi 9), għall-ġestjoni amministrattiva tad-distributuri awtomatiċi (klassi 35), għas-sistema ta’ ħlas elettroniku fuq netwerks informatiċi (klassi 42), għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ kards manjetiċi ta’ ħlas u għat-tranżazzjonijiet li jitwettqu permezz tal-imsemmija kards (klassi 36), jew ukoll għal telekomunikazzjonijiet u trażmissjoni ta’ informazzjoni elettronika li tintuża bħala tip ta’ messaġġ li permezz tiegħu dawn is-servizzi jistgħu jinkisbu bl-użu ta’ kard manjetika (klassi 38). |
|
41 |
F’dan ir-rigward, għandu, b’mod partikolari, jiġi kkonstatat li r-rikorrenti baqgħet ma pprovdiet l-ebda prova li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta qies, fil-punti 19 sa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fid-dawl tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tkun ipperċepita bħala direttament u neċessarjament konnessa mat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas elettroniku permezz ta’ kard manjetika. |
|
42 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandu jitqies li l-Bord tal-Appell ġustament ikkunsidra li, fir-rigward tal-impressjoni ġenerali li tirriżulta mill-abbinament tal-elementi differenti li jifformaw is-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, dan tal-aħħar ma jippermettix lill-pubbliku rilevanti li jidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati, meta huwa jkun meħtieġ jagħżel fil-mument ta’ xirja. |
|
43 |
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni huwa msaħħaħ mill-fatt, minn naħa, tal-użu li kien sar mill-element li jirrappreżenta serje ta’ tliet trijangoli orjentati lejn il-lemin bħala logo tar-rikorrenti fuq il-karta tal-ittri stampata bl-isem u bl-indirizz tagħha, fuq il-fatturi tagħha u fuq is-sit tal-Internet tagħha, u min-naħa l-oħra, tal-użu li kien sar mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, qabel ir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark, minn grupp bankarju, li hija kienet tifforma parti minnu, b’mod partikolari fuq id-distributuri awtomatiċi l-ewwel tal-bank CIC, u sussegwentement fuq dawk tal-grupp kollu. |
|
44 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li r-rikorrenti ma tinvokax ksur tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009], li jipprovdi li r-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni previsti fl-Artikolu 7(1)(b), (ċ) u (d) tal-imsemmi regolament ma jipprekludux ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark jekk din ikollha karattru distintiv, fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom kienet mitluba tkun r-reġistrazzjoni, minħabba l-użu li jkun sar minn din it-trade mark. Issa, għandu jiġi enfasizzat li, għall-finijiet li tevita r-raġuni assoluta ta’ rifjut stipulat fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009], ir-rikorrenti ma tistax issostni li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tingħata “żieda” ta’ karattru distintiv jew, ukoll, li dan tal-aħħar kien imsaħħaħ mill-fatt tal-użu li kien sar minnu. Peress li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma għandhiex karattru distintiv intrinsiku, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009], dan is-sinjal jista’ jiġi rreġistrat biss jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94 huma sodisfatti [li sar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009]. |
|
45 |
Konsegwentement, sa fejn ir-rikorrenti tallega l-iktar l-iktar li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha karattru distintiv intrinsikament suffiċjenti, fis-sens tal-Artiklolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009], minħabba l-użu, minn naħa, tal-logo kostitwit minn tliet trijangoli, li huwa inkluż fil-kompożizzjoni tagħha, u, min-naħa l-oħra, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni nnifisha, hemm lok li jiġi miċħud dan il-motiv. |
|
46 |
Sa fejn ir-rikorrenti riedet madankollu tallega li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tiġi rreġistrata skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009], hemm lok li jiġi mfakkar li mill-ġurisprudenza relattiva għall-intepretazzjoni tal-Artikolu 3(3) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, li l-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu tat-trade mark li l-kontenut legali tagħha huwa, essenzjalment, identifiku għal dak tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009], li l-kontenut legali tiegħu huwa essenzjalment identiku għal dak tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li l-ksib ta’ karattru distintiv permezz tal-użu tat-trade mark jeħtieġ li mill-inqas porzjon sinjifikattiv tal-pubbliku rilevanti jidentifika, bis-saħħa tat-trade mark, il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala li ġejjin minn impriża partikolari [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C-108/97 u C-109/97, Ġabra p. I-2779, punt 52, u tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips, C-299/99, Ġabra p. I-5475, punt 61; ara, ukoll, f’dan ir-rigward ir-Regolament Nru 40/94, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ April 2004, Eurocermex vs UASI (Forma ta’ flixkun tal-birra), T-399/02, Ġabra p. II-1391, punt 42, u tal-14 ta’ Ġunju 2004, Europig vs UASI (EUROPIG), T-207/06, Ġabra p. II-1961, punt 55]. |
|
47 |
Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu tat-trade mark, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sehem tas-suq li din it-trade mark għandha, l-intensità, il-firxa ġeografika u kemm ilha tintuża din it-trade mark, l-importanza tal-investimenti magħmula mill-impriża sabiex tippromwoviha, il-proporzjoni tal-oqsma kkonċernati li jidentifikaw il-prodott bħala li joriġina minn impriża partikolari permezz tat-trade mark kif ukoll id-dikjarazzjonijet tal-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija jew ta’ assoċjazzjonijiet professjonali oħra. Jekk, abbażi ta’ dawn il-fatturi, jista’ jitqies li l-oqsma kkonċernati jew għall-inqas, parti sinjifikattiva minnhom jidentifikaw bis-saħħa tat-trade mark il-prodott bħala li joriġina minn impriżi partikolari, għandu jiġi konkluż li l-kundizzjoni meħtieġa mill-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009] hija sodisfatta [ara, b’analoġija, is-sentenzi Windsurfing Chiemsee, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 u 52, u Philips, iċċitata iktar ’il fuq, punti 60 u 61, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Marzu 2003, Alcon vs UASI — Dr. Robert Winzer Pharma (BSS), T-237/01, Ġabra p. II-411, punt 50]. |
|
48 |
F’din il-kawża, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-logo li r-rikorrenti tagħmel referenza għalih mhuwiex l-istess bħat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, iżda jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li jifformaha. Issa, kif il-Bord tal-Appell ġustament qies fil-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, anki jekk dan il-logo akkwista karattru distintiv bis-saħħa tal-użu tiegħu, dan il-karattru distintiv ma jistax jibbenefika s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni, li huwa fformat minn elementi oħrajn determinanti fl-impressjoni ġenerali li huwa jipproduċi. |
|
49 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-provi tal-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, prodotti mir-rikorrenti matul il-proċedimenti quddiem l-UASI, huma manifestament insuffiċjenti sabiex juru karattru distintiv miksub permezz tal-użu, fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009], imfakkra fil-punti 47 u 48 iktar ’il fuq. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, fin-nuqqas ta’ elementi rilevanti l-ishma tas-suq, kif ukoll l-intensità u l-firxa ġeografika tal-użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-fatt biss li grupp bankarju għamel użu mill-imsemmija trade mark fuq il-magni li jagħtu l-flus tiegħu bl-ebda mod ma jippermetti li jitqies li parti sinjifikattiva tal-pubbliku rilevanti ser jattribbwixxi l-prodotti u servizzi kkonċernati, li għalihom it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ser tintuża, mar-rikorrenti jew mal-grupp li hija tifforma parti minnhom. |
|
50 |
Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti la jista’ jistabbilixxi żieda tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u lanqas juri l-kisba ta’ karattru distintiv permezz tal-użu skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 207/2009]. |
|
51 |
Fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq reġistrazzjonijiet preċedenti magħmula mill-UASI, intiżi sabiex jikkritikaw il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ trattament, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 40/94 [li sar ir-Regolament Nru 207/2009], kif interpretat mill-qorti Komunitarja, u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti għal dawk tal-aħħar [sentenza BioID vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47, u sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Frar 2002, Streamserve vs UASI (STREAMSERVE), T-106/00, Ġabra p. II-723, punt 66]. |
|
52 |
Minn dan isegwi li l-uniku motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009], huwa infondat u, għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud. |
Fuq l-ispejjeż
|
53 |
Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tigi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Meij Vadapalas Truchot Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-2 ta’ Lulju 2009. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.