IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.9.2025
COM(2025) 485 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI
li jiġbor data speċifika relatata mal-kontijiet tal-ħlas mill-Istati Membri kif meħtieġ mill-Artikolu 27 tad-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi
KONTENUT
1.
INTRODUZZJONI
2.
KONFORMITÀ MILL-FORNITURI TA’ SERVIZZI TA’ PAGAMENT MAL-ARTIKOLI 4, 5 U 6
3.
KONFORMITÀ MILL-ISTATI MEMBRI MAR-REKWIŻITI BIEX TIĠI ŻGURATA L-EŻISTENZA TA’ SITI WEB TA’ TQABBIL SKONT L-ARTIKOLU 7
4.
GĦADD TA’ KONTIJIET TAL-ĦLAS LI NBIDLU U L-PROPORZJON TA’ APPLIKAZZJONIJIET GĦAL BDIL LI ĠEW IRRIFJUTATI
5.
GĦADD TA’ ISTITUZZJONIJIET TA’ KREDITU LI JOFFRU KONTIJIET TAL-ĦLAS B’KARATTERISTIĊI BAŻIĊI, L-GĦADD TA’ KONTIJIET BĦAL DAWN LI NFETĦU U L-PROPORZJONI TA’ APPLIKAZZJONIJIET RIFJUTATI GĦAL KONTIJIET TAL-ĦLAS B’KARATTERISTIĊI BAŻIĊI
6.
KONKLUŻJONI
1.
INTRODUZZJONI
Id-Direttiva dwar il-Kontijiet tal-Ħlas (PAD, Payment Accounts Directive) daħlet fis-seħħ f’Settembru 2014. L-Istati Membri kellhom sat-18 ta’ Settembru 2016 biex jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-PAD. Skont l-Artikolu 27 tal-PAD, il-Kummissjoni hija meħtieġa tħejji rapport li jipprovdi l-informazzjoni li ġejja:
1.konformità mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament mal-Artikoli 4, 5 u 6 tal-PAD;
2.konformità mill-Istati Membri mar-rekwiżiti biex jiżguraw l-eżistenza ta’ siti web ta’ tqabbil skont l-Artikolu 7 tal-PAD;
3.l-għadd ta’ kontijiet tal-ħlas li nbiddlu u l-proporzjon ta’ applikazzjonijiet għal bdil li ġew irrifjutati;
4.l-għadd ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li joffru kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi, l-għadd ta’ tali kontijiet li nfetħu u l-proporzjon ta’ applikazzjonijiet għall-kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi li ġew irrifjutati.
Kif stabbilit fl-Artikolu 27, ir-rapport huwa bbażat biss fuq data pprovduta mill-Istati Membri. Madankollu, id-data fiha ċerti lakuni (eż. meta l-informazzjoni ma kinitx disponibbli fi Stat Membru). Il-metodoloġiji u s-sorsi tal-ġbir tad-data setgħu wkoll kienu differenti bejn l-Istati Membri, u dan jista’ jagħmel it-tqabbil u l-valutazzjoni diffiċli.
Dan huwa t-tieni rapport ibbażat fuq l-Artikolu 27 tal-PAD, li jkopri l-informazzjoni relatata mal-2022 u mal-2023. Tħejja abbażi ta’ kwestjonarju li ġie diskuss u miftiehem mar-rappreżentanti tal-gvern mis-27 Stat Membru tal-UE.
2.KONFORMITÀ MILL-FORNITURI TA’ SERVIZZI TA’ PAGAMENT MAL-ARTIKOLI 4, 5 U 6
Il-Kapitolu II tal-PAD jintroduċi regoli biex jiġi żgurat li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jagħmlu disponibbli informazzjoni ċara u trasparenti dwar it-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas. Iż-żewġ għanijiet primarji tiegħu, kif iddikjarat fil-premessi tal-PAD, huma li (i) isaħħaħ is-suq intern għall-operazzjonijiet bankarji għall-konsumatur; u (ii) jagħti s-setgħa lill-konsumaturi biex iqabblu b’mod effettiv l-offerti u jagħmlu għażliet infurmati.
L-ewwel pass biex jintlaħqu dawn l-għanijiet huwa li tiġi stabbilita terminoloġija standardizzata, kif deskritt fl-Artikolu 3 tal-PAD. Sabiex dan iseħħ, l-Istati Membri huma mgħammra b’lista tal-aktar servizzi komuni bbażati fuq tariffi marbuta ma’ kont tal-ħlas, żviluppata permezz ta’ approċċ komprensiv u gradwali. Din it-terminoloġija standardizzata hija stabbilita f’Regolament Delegat. Isservi wkoll bħala l-pedament għall-artikoli sussegwenti fil-Kapitolu II, peress li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament huma meħtieġa jużaw dawn it-termini maqbula sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet li jifdal tal-kapitolu.
F’konformità mal-Artikolu 27 tal-PAD, l-informazzjoni li ġejja dwar l-Artikoli 4, 5, u 6 dwar il-livell ta’ konformità mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ġiet ipprovduta mill-Istati Membri.
a)Artikolu 4: Dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi u glossarju
L-Artikolu 4 jistabbilixxi li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament iridu jipprovdu lill-konsumaturi b’dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi fi żmien xieraq qabel ma jidħlu f’kuntratt għal kont tal-ħlas. Id-dokument irid jiġi pprovdut fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor u jrid ikun fih it-termini standardizzati u t-tariffi korrispondenti għal kull servizz offrut mill-fornitur. Il-preżentazzjoni tad-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi hija soġġetta għal regoli preċiżi stabbiliti f’Regolament ta’ Implimentazzjoni. Barra minn hekk, il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jridu jagħmlu disponibbli glossarju tat-termini u tad-definizzjonijiet standardizzati u jridu jiżguraw li d-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi u l-glossarju jkunu faċilment aċċessibbli għall-konsumaturi fi kwalunkwe ħin, mingħajr ħlas, u f’diversi formati, inkluża formola elettronika fuq is-siti web tagħhom u l-post fejn jinsabu, kif ukoll fuq karta jew mezz durabbli ieħor fuq talba tal-konsumaturi.
Fir-rigward tal-forniment f’waqtu tad-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi lill-konsumaturi, kif stipulat mill-Artikolu 4(1), id-data tindika konformità ġenerali fost il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament. Din il-konklużjoni hija meħuda minn stħarriġiet, spezzjonijiet jew kontrolli u analiżijiet superviżorji mwettqa oħra (eż. BE, CZ, DE, ES, FR, HR, HU, IE, IT, LU, LV, MT, PL, PT, RO, SI), u l-inċidenza baxxa ħafna ta’ lmenti jew nuqqas ta’ indikazzjonijiet oħra ta’ nuqqas ta’ konformità tal-fornituri (eż. AT, BG, CY, DK, EE, EL, ES, FI, LT, NL, SE, SK). B’mod ġenerali, dawn is-sejbiet jissuġġerixxu li l-fornituri huma konformi. Id-dokumenti ta’ informazzjoni huma ppreżentati wkoll lill-konsumaturi f’diversi formati, inkluż fiżikament f’fergħat u b’mod diġitali fuq is-siti web. F’dak ir-rigward, in-Netherlands enfasizzaw li filwaqt li d-dokumenti ta’ informazzjoni dwar it-tariffi huma disponibbli fuq siti web, dawn mhux dejjem ikunu faċli biex jinstabu għall-konsumaturi. Franza nnotat l-osservazzjoni reċenti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li tipprovdi informazzjoni dwar l-ipprezzar permezz ta’ kodiċi QR, li tqisha f’konformità jekk tkun marbuta ma’ mezz durabbli li jista’ jitniżżel, jiġi stampat jew irreġistrat, u jekk l-informazzjoni tkun disponibbli fuq talba tal-konsumatur.
Fir-rigward tar-rekwiżit tal-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament li jagħmlu disponibbli glossarju tat-termini standardizzati, kif deskritt fl-Artikolu 4(4), id-data tindika konformità ġenerali fost il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament. Din il-konklużjoni tittieħed minn stħarriġiet, spezzjonijiet jew kontrolli u analiżijiet superviżorji oħra (eż. BE, BG, CZ, DE, FR, HR, HU, IE, IT, LU, LV, MT, PL, PT, RO, SI), u l-inċidenza baxxa ħafna ta’ lmenti jew nuqqas ta’ indikazzjonijiet oħra ta’ nuqqas ta’ konformità tal-fornituri (eż. AT, CY, DK, EL, ES, FI, LT, NL, SE, SK). B’mod ġenerali, dawn is-sejbiet jissuġġerixxu li l-fornituri huma konformi.
Fir-rigward tar-rekwiżit li d-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi u l-glossarju jkunu disponibbli għall-konsumaturi (u għal dawk li ma humiex klijenti) fi kwalunkwe ħin fuq is-sit web u fil-post fejn jinsabu, kif meħtieġ mill-Artikolu 4(5), id-data tissuġġerixxi konformità ġenerali mill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament. Din il-konklużjoni reġgħet ittieħed minn stħarriġiet, spezzjonijiet jew kontrolli u analiżijiet superviżorji oħrajn (eż. BE, BG, CZ, DE, FR, HR, HU, IE, IT, LU, LV, MT, PL, PT, RO, SI) u l-inċidenza baxxa ħafna ta’ lmenti jew nuqqas ta’ indikazzjonijiet oħra ta’ nuqqas ta’ konformità tal-fornituri (eż. AT, CY, DK, EL, ES, FI, LT, NL, SE, SK). B’mod ġenerali, dawn is-sejbiet jissuġġerixxu li l-fornituri huma konformi.
F’għadd limitat ta’ każijiet, ġew identifikati anomaliji fir-rigward tal-użu ta’ termini mhux standardizzati u l-forniment tad-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi u l-glossarju. Il-fornituri rispettivi ngħataw struzzjonijiet biex jindirizzaw il-kwistjonijiet identifikati b’azzjonijiet ta’ rimedju xierqa, iżda ma ġiet imposta l-ebda sanzjoni peress li l-fornituri ħadu miżuri biex jiżguraw il-konformità (eż. ES, IT, PT). Fi Franza, stabbiliment wieħed li naqas milli jipprovdi d-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi rċieva mandat ta’ inibizzjoni biex jikkonforma wara każijiet ripetuti ta’ nuqqas ta’ konformità. Madankollu, kważi l-Istati Membri kollha rrapportaw li ma nbdiet l-ebda azzjoni ta’ infurzar rigward il-ksur tal-Artikolu 4.
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri indikaw li d-detriment għall-konsumatur naqas b’riżultat tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4. Madankollu, diversi Stati Membri indikaw li ma hemmx biżżejjed data biex din il-kwistjoni tiġi vvalutata bis-sħiħ b’ċertezza.
b)Artikolu 5: Dikjarazzjoni tat-tariffi
L-Artikolu 5 tal-PAD jirregola d-dikjarazzjoni tat-tariffi. Id-dikjarazzjoni trid tinkludi diżaggregazzjoni dettaljata tat-tariffi kollha mġarrba għal servizzi marbuta ma’ kont tal-ħlas. Sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u ċ-ċarezza, il-Kummissjoni Ewropea ppromulgat Regolament ta’ Implimentazzjoni li jarmonizza l-format tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tat-tariffi u jintroduċi simbolu komuni. Dan l-obbligu għandu l-għan li jippromwovi t-trasparenza u jgħin lill-konsumaturi jifhmu aħjar it-tariffi assoċjati mal-kontijiet tal-ħlas tagħhom.
F’termini tal-obbligu li titwassal mill-inqas darba fis-sena u mingħajr ħlas dikjarazzjoni tat-tariffi kollha mġarrba, kif stipulat fl-Artikolu 5, id-data tindika konformità ġenerali fost il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament. Din il-konklużjoni tittieħed minn stħarriġiet, spezzjonijiet jew kontrolli u analiżijiet superviżorji oħra (eż. CZ, DE, FR, HR, HU, IE, IT, LU, LV, MT, PL, PT, SI), u n-nuqqas ta’ lmenti jew in-nuqqas ta’ indikazzjonijiet oħra ta’ nuqqas ta’ konformità mill-fornituri (eż. AT, BE, BG, CY, EL, ES, FI, LT, PL, RO, SE, SK). B’mod ġenerali, dawn is-sejbiet jissuġġerixxu li l-fornituri huma konformi.
F’għadd limitat ta’ każijiet, ġew identifikati nuqqasijiet, eż. fl-Ungerija u fil-Portugall fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni tad-dikjarazzjoni. Ġew identifikati wkoll xi nuqqasijiet fl-Italja dwar il-kategorizzazzjoni mhux korretta ta’ prodotti barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-PAD kif ukoll il-forniment tad-dikjarazzjoni tat-tariffi inqas ta’ spiss milli meħtieġ. Dawn in-nuqqasijiet kienu jirrikjedu li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu azzjoni biex jiżguraw il-konformità (eż. HU, IT). Madankollu, kważi l-Istati Membri kollha rrapportaw li ma nbdiet l-ebda azzjoni ta’ infurzar fir-rigward ta’ ksur tal-Artikolu 5.
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri indikaw li d-detriment għall-konsumatur naqas b’riżultat tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5. Madankollu, diversi Stati Membri indikaw li ma hemmx biżżejjed data biex din il-kwistjoni tiġi vvalutata bis-sħiħ b’ċertezza.
c)Artikolu 6: Informazzjoni għall-konsumaturi
L-Artikolu 6 tal-PAD jirrikjedi li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, fl-informazzjoni kuntrattwali, kummerċjali u tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom lill-konsumaturi, jużaw it-termini standardizzati. Dan ifisser li jrid jintuża lingwaġġ konsistenti u ċar biex jgħin lill-konsumaturi jifhmu s-servizzi u t-tariffi assoċjati mal-kontijiet tal-ħlas tagħhom. Filwaqt li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jitħallew jużaw l-ismijiet tal-marki tagħhom fid-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi u fid-dikjarazzjoni tat-tariffi, dawn l-ismijiet tal-marki jistgħu jintużaw biss bħala deżinjazzjoni sekondarja tas-servizzi.
Fir-rigward tal-obbligu li jiġu inkorporati termini standardizzati fl-informazzjoni kuntrattwali, kummerċjali u tal-kummerċjalizzazzjoni lill-konsumaturi, kif speċifikat fl-Artikolu 6(1), id-data tindika konformità ġenerali fost il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament. Din il-konklużjoni toħroġ minn stħarriġiet, spezzjonijiet jew kontrolli superviżorji oħra (eż. BE, CZ, DE, FR, HR, HU, IE, IT, LU, LV, MT, PL, PT, RO) u n-nuqqas ta’ lmenti jew nuqqas ta’ indikazzjonijiet oħra tan-nuqqas ta’ konformità tal-fornituri (eż. AT, CY, BG, DK, EE, EL, ES, FI, LT, NL, SE, SI, SK). Id-data tissuġġerixxi li b’mod ġenerali, il-fornituri huma ġeneralment konformi.
Rigward kemm-il darba l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jinkludu l-isem tad-ditta tagħhom fid-dokument ta’ informazzjoni dwar it-tariffi u fid-dikjarazzjoni tat-tariffi, l-osservazzjoni ġenerali hija li l-fornituri spiss jinkludu l-isem tad-ditta. Diversi Stati Membri indikaw li ma kellhomx biżżejjed data biex jivvalutaw din il-kwistjoni.
Fir-rigward tal-azzjonijiet ta’ infurzar relatati mal-ksur tal-Artikolu 6, kważi l-Istati Membri kollha rrapportaw li ma ttieħdet l-ebda azzjoni bħal din. Il-Portugall innota li, bejn l-2022 u l-2023, ġew identifikati tliet okkorrenzi ta’ ksur, li ġew segwiti bi twissijiet biex tintlaħaq konformità. Madankollu, ma ttieħdet l-ebda azzjoni ta’ infurzar ulterjuri. Abbażi ta’ stħarriġ li sar fl-2022, Franza enfasizzat li fornitur ta’ servizzi ta’ pagament wieħed ma kienx inkluda l-informazzjoni kollha meħtieġa. Madankollu, wara mandat ta’ inibizzjoni, il-fornitur ikkonforma mal-obbligu tal-Artikolu 6 fil-PAD.
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri indikaw li d-detriment għall-konsumatur naqas b’riżultat tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6. Madankollu, diversi Stati Membri indikaw li ma hemmx biżżejjed data biex din il-kwistjoni tiġi vvalutata bis-sħiħ b’ċertezza, u xi Stati Membri oħra enfasizzaw ukoll impatt limitat probabbli tal-Artikolu 6.
3.KONFORMITÀ MILL-ISTATI MEMBRI MAR-REKWIŻITI BIEX TIĠI ŻGURATA L-EŻISTENZA TA’ SITI WEB TA’ TQABBIL SKONT L-ARTIKOLU 7
L-Artikolu 7 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom aċċess, mingħajr ħlas, għal mill-inqas sit web wieħed li jqabbel it-tariffi mitluba mill-fornituri ta’ pagament għal mill-inqas is-servizzi li jinsabu fil-lista nazzjonali tal-aktar servizzi rappreżentattivi relatati ma’ kont tal-ħlas u soġġetti għal tariffa. Jistabbilixxi wkoll li s-sit web ta’ tqabbil jista’ jitħaddem jew minn operatur privat jew minn awtorità pubblika, li hija operazzjonalment indipendenti, jiżvela s-sid tas-sit web, jistabbilixxi kriterji ċari u oġġettivi li t-tqabbil huwa bbażat fuqhom, juża lingwaġġ sempliċi u mhux ambigwu, huwa aġġornat, ikopri parti sinifikanti mis-suq u jipprovdi proċedura effettiva biex tiġi rrapportata informazzjoni mhux korretta dwar it-tariffi ppubblikati.
Kważi l-Istati Membri kollha għandhom mill-inqas sit web ta’ tqabbil operazzjonali wieħed, kif meħtieġ mill-Artikolu 7. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri assenjaw ir-responsabbiltà għall-ħolqien u għall-aġġornament tas-sit web lil awtorità pubblika. Fl-Irlanda, fil-Polonja u fi Spanja jeżistu diversi siti web privati flimkien ma’ sit web pubbliku. Fid-Danimarka u fiċ-Ċekja, is-siti web disponibbli huma mmexxija minn operaturi privati. Fil-Finlandja, fin-Netherlands u fl-Iżvezja, huma involuti kemm atturi pubbliċi kif ukoll privati.
Il-Kroazja nnotat li s-sit web tagħha jiddistingwi wkoll bejn tipi differenti ta’ kontijiet, bħall-kontijiet bażiċi għall-konsumaturi li jagħmlu parti minn grupp vulnerabbli. Xi siti web jipprovdu wkoll informazzjoni dwar prodotti oħra jew siti web ta’ tqabbil oħra relatati ma’ prodotti differenti li jeżistu fl-Istati Membri rispettivi. Prodotti addizzjonali jinkludu karti ta’ kreditu, assigurazzjonijiet, self ipotekarju, krediti għall-konsumatur u kontijiet ta’ tfaddil. Ħlief għal xi siti web privati fiċ-Ċekja, l-ebda wieħed mis-siti web ta’ tqabbil disponibbli għall-pubbliku fl-Istati Membri ma jidher li jagħti pariri personalizzati lill-konsumaturi.
B’mod ġenerali, is-siti web ta’ tqabbil jidhru li huma aġġornati fuq bażi regolari. Barra minn hekk, diversi Stati Membri jenfasizzaw li jirrikjedu li l-fornituri jinnotifikaw lill-operaturi tas-siti web bi kwalunkwe bidla, qabel jew mhux aktar tard minn meta jibdew japplikaw il-kundizzjonijiet il-ġodda (eż. BG, DE, ES, HR, HU, LT, MT, LV, PL, PT, RO, SI, SK).
Ftit Stati Membri biss irrapportaw li l-mekkaniżmu ta’ rapportar għal informazzjoni żbaljata dwar it-tariffi ppubblikati kien ġie skattat (eż. BE, BG, EL, FI, FR, LU, MT), li normalment kien jirrikjedi biss korrezzjonijiet żgħar. B’mod ġenerali, dan jissuġġerixxi li tintwera informazzjoni korretta fuq is-siti web ta’ tqabbil. Fil-korrezzjoni tal-iżbalji, Franza enfasizzat il-proċess ta’ verifika awtomatiku tagħha, li jwettaq kontrolli tal-kwalità fuq l-informazzjoni ppubblikata fuq is-sit web matul l-istadju tad-dħul. Malta enfasizzat ukoll li l-awtorità kompetenti tagħha tirrieżamina l-bidliet kollha qabel il-pubblikazzjoni fuq is-sit web ta’ tqabbil biex tipprevjeni milli tiġi ppubblikata informazzjoni mhux korretta.
Diversi Stati Membri nedew ukoll kampanji ta’ sensibilizzazzjoni pubblika speċifiċi permezz ta’ diversi mezzi ta’ komunikazzjoni, bħat-televiżjoni, ir-radju u l-media soċjali (eż. BE, DE, EE, HR, IE, PT). Barra minn hekk, diversi Stati Membri oħra jiddisseminaw l-informazzjoni rilevanti fuq siti web pubbliċi relatati, l-istqarrijiet għall-istampa u r-rapporti (eż. BG, ES, FI, LV, NL, PL, SE, SI). Barra minn hekk, l-Awstrija u l-Ungerija indikaw li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jridu jinfurmaw lill-konsumaturi dwar id-disponibbiltà tas-sit web ta’ tqabbil.
Ftit Stati Membri biss wettqu valutazzjonijiet speċifiċi tas-siti web tagħhom, jew qegħdin jippjanaw li jagħmlu dan fil-futur. Pereżempju, fl-2020, twettqet evalwazzjoni tas-sit web ta’ tqabbil Netherlandiż, inklużi kwestjonarji mmirati kemm għall-utenti kif ukoll għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament. Abbażi tal-feedback tal-evalwazzjoni, żdiedet informazzjoni ċara dwar meta jiġi aġġornat is-sit web. Is-sit web tal-Lussemburgu ġie rrieżaminat fl-2023 u sar aktar faċli għall-konsumatur u aktar prattiku. Filwaqt li Spanja ma wettqitx valutazzjoni wiesgħa, xi evidenza ssuġġeriet li l-konsumaturi jesperjenzaw diffikultajiet fl-użu u li l-informazzjoni mhux dejjem tidher li hija kompletament aġġornata mal-preferenzi attwali tal-konsumaturi. Għalhekk, bħalissa, Spanja qiegħda tirrieżamina s-sit web tagħha. Malta semmiet li hija twettaq eżerċizzji perjodiċi biex tirreġistra ż-żjarat lis-sit web u tivvaluta l-effettività tas-sit web ta’ tqabbil. Ir-Rumanija se tmexxi proġett kofinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew. L-għan huwa li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-individwi u għan-negozji fil-protezzjoni tal-konsumatur, li jinkludi t-titjib tas-sit web ta’ tqabbil sabiex ikun aktar faċli għall-utent.
4.GĦADD TA’ KONTIJIET TAL-ĦLAS LI NBIDLU U L-PROPORZJON TA’ APPLIKAZZJONIJIET GĦAL BDIL LI ĠEW IRRIFJUTATI
a)Kontijiet tal-ħlas li nbidlu
Il-PAD tistabbilixxi proċedura ta’ malajr għall-konsumaturi li jixtiequ jibdlu l-kont tagħhom minn bank għal ieħor fl-istess Stat Membru.
It-Tabella 1 turi l-għadd ta’ kontijiet tal-ħlas li nbiddlu bejn l-2016 u l-2023. Mhux l-informazzjoni kollha hija disponibbli fl-Istati Membri kollha u t-tabella għandha ċerti lakuni fid-data tagħha. Minħabba t-traspożizzjoni tardiva f’xi Stati Membri, servizz ta’ bdil seta’ ma kienx disponibbli fl-2016 jew fl-2017, jew id-data ma nġabritx għal dawn is-snin. Barra minn hekk, f’xi Stati Membri, id-data mhux dejjem inġabret kull sena.
Barra minn hekk, id-data pprovduta tista’ mhux dejjem tkun komparabbli minħabba metodi differenti ta’ ġbir ta’ data. Filwaqt li f’xi Stati Membri huwa obbligatorju li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jirrapportaw perjodikament (jew fuq bażi ad hoc), id-data tista’ tinġabar biss fuq bażi volontarja jew biss minn kampjun ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu fi Stati Membri oħra. F’xi każijiet, id-data pprovduta mill-Istati Membri għall-2016 tista’ tinkludi bidliet li jkunu seħħew fix-xhur ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tal-PAD (meta pereżempju servizz ta’ bdil simili kien diġà jeżisti f’dawn l-Istati Membri qabel l-implimentazzjoni tal-PAD).
Minn meta beda l-eżerċizzju tal-ġbir tad-data, inbiddlu 17,6-il miljun kont tal-ħlas bl-użu tas-servizz ta’ bdil.
Tabella 1: Għadd ta’ bidliet annwali
Minħabba l-lakuni fid-data u n-nuqqas ta’ data kompletament komparabbli, huwa diffiċli li wieħed jasal għal konklużjonijiet ċari fir-rigward tal-adozzjoni tas-servizz ta’ bdil jew li jidentifika kwalunkwe xejra ċara matul il-perjodu ta’ żmien. Madankollu, huwa possibbli li wieħed jinnota differenzi sinifikanti. Filwaqt li f’xi Stati Membri seħħew għadd konsiderevoli ta’ bidliet, f’każijiet oħra ċ-ċifri jidhru baxxi ħafna. Ta’ min jinnota b’mod partikolari l-livell għoli ta’ bdil fi Franza (1,2 miljun fl-2023, tnaqqis minn 1,5 miljun fl-2022), fejn il-proċess sar stabbilit sew.
Skont ir-risposti tal-Istati Membri, l-għadd baxx ta’ bidliet f’xi Stati Membri oħra jista’ jiġi attribwit għal għadd ta’ fatturi. Dawn jinkludu (i) nuqqas ta’ għarfien dwar is-servizzi tal-bdil; (ii) nuqqas ta’ domanda (minħabba differenzi minimi bejn il-kontijiet tal-ħlas u l-użu ta’ kontijiet multipli ma’ fornituri differenti); (iii) perċezzjonijiet negattivi dwar id-diffikultà tal-proċess; (iv) inerzja; (v) diffikultajiet biex jiġu identifikati alternattivi ta’ valur aħjar; jew (vi) faċilitajiet ta’ kreditu jew servizzi marbuta oħra ma’ istituzzjoni finanzjarja li jistgħu jkunu diffiċli li jiġu ttrasferiti; u (vii) inkonvenjenza marbuta mal-bdil ta’ numru IBAN. Xi Stati Membri ħadu azzjoni biex ikomplu jiffaċilitaw il-proċess tal-bdil tal-kontijiet. L-użu baxx tas-servizzi tal-bdil f’xi Stati Membri jista’ jistħoqqlu valutazzjoni u diskussjoni ulterjuri.
b)Għadd (u proporzjon) ta’ applikazzjonijiet għal bdil irrifjutati
It-Tabella 2 turi l-għadd ta’ applikazzjonijiet għal bdil li ġew irrifjutati bejn l-2016 u l-2023. Il-proporzjonijiet ġew ikkalkolati billi l-għadd ta’ applikazzjonijiet għal bdil rifjutati ġie diviż bl-għadd totali ta’ applikazzjonijiet. L-informazzjoni ma hijiex kompluta minħabba li d-data dwar l-applikazzjonijiet irrifjutati ma tinġabarx f’xi Stati Membri. Apparti dan, id-data pprovduta tista’ ma tkunx kompletament komparabbli minħabba metodi differenti ta’ ġbir ta’ data.
Tabella 2: L-għadd u l-proporzjon ta’ applikazzjonijiet għal bdil li ġew irrifjutati
Fid-dawl tal-lakuni fid-data kif ukoll metodoloġiji differenti, huwa diffiċli li wieħed jasal għal konklużjonijiet sodi. Madankollu, huwa possibbli li wieħed jinnota differenzi sinifikanti ħafna bejn l-Istati Membri u li jiġu pprovduti indikazzjonijiet dwar spjegazzjonijiet possibbli, kif previst fir-risposti tal-Istati Membri għall-kwestjonarju. Il-perċentwal ta’ rifjuti laħaq 85 % fir-Rumanija (2023), 49 % fi Spanja (2020), 29 % fil-Polonja (2023), 27 % fl-Irlanda (2023), 27 % fl-Ungerija (2023), filwaqt li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri l-oħra l-proporzjon ta’ applikazzjonijiet irrifjutati huwa ħafna aktar baxx. L-Istati Membri taw diversi raġunijiet biex jispjegaw għaliex l-applikazzjonijiet għal bdil ġew irrifjutati. Dawn jinkludu (i) żbalji relatati mal-formola tal-applikazzjoni għall-bdil (informazzjoni nieqsa, mhux korretta jew inkonsistenti, tipi ta’ kontijiet ineliġibbli, firem illeġibbli/nieqsa eċċ.); (ii) dokumentazzjoni mhux kompluta; (iii) nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn il-banek; (iv) bilanċi tal-kont negattivi; (v) nuqqas ta’ lħuq ta’ skadenzi speċifiċi; jew (vi) kanċellazzjoni tal-applikazzjoni mill-utent.
5.GĦADD TA’ ISTITUZZJONIJIET TA’ KREDITU LI JOFFRU KONTIJIET TAL-ĦLAS B’KARATTERISTIĊI BAŻIĊI, L-GĦADD TA’ KONTIJIET BĦAL DAWN LI NFETĦU U L-PROPORZJONI TA’ APPLIKAZZJONIJIET RIFJUTATI GĦAL KONTIJIET TAL-ĦLAS B’KARATTERISTIĊI BAŻIĊI
a)Istituzzjonijiet ta’ kreditu li joffru kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (PABF, Payment Accounts with Basic Features)
Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha li jipprovdu kontijiet tal-ħlas standard għandhom joffru kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (BE, BG, CZ, DK, DE, EE, IE, ES, FR, IT, LV, LT, HU, NL, AT, PL, PT, RO, SI, FI, SE). Fi Stati Membri oħra, xi istituzzjonijiet tal-kreditu biss, jiġifieri dawk li jissodisfaw kriterji speċifiċi stabbiliti mill-Istati Membri individwali, huma obbligati joffru kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi. F’dawn l-aħħar każijiet, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu marbuta b’obbligu ġeneralment ikopru sehem kbir mis-suq f’termini ta’ għadd ta’ kontijiet tal-ħlas.
Tabella 3: Stati Membri fejn ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditubiss joffru PABFs
|
Pajjiż
|
Kriterji speċifiċi tal-Istati Membri biex joffru PABF mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu
|
L-għadd totali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li huma obbligati joffru kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (meta mqabbel mal-għadd totali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li jipprovdu kontijiet tal-ħlas) u s-sehem mis-suq tagħhom
|
|
Il-Greċja
|
L-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha li jipprovdu servizzi ta’ pagament lill-konsumaturi, ħlief għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jipprovdu kont tal-ħlas b’faċilitajiet online biss
|
|
|
Il-Kroazja
|
L-istituzzjonijiet ta’ kreditu li l-assi tagħhom jaqbżu EUR 1,99 biljun jridu joffru PABF. Istituzzjonijiet ta’ kreditu oħra jistgħu joffru PABF
|
7 banek minn 20 (assi li jaqbżu EUR 1,99 biljun), li jirrappreżentaw 94 % tas-sehem mis-suq
|
|
Ċipru
|
L-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha li joperaw f’Ċipru huma obbligati joffru PABF, ħlief għal tliet banek żgħar ħafna inkorporati lokalment
|
14-il istituzzjoni ta’ kreditu li jirrappreżentaw sehem mis-suq ta’ madwar 94 %
|
|
Il-Lussemburgu
|
Istituzzjonijiet ta’ kreditu b’mill-inqas 25 aġenzija fil-Lussemburgu u li għandhom mill-inqas 2,5 % tad-depożiti koperti jridu jipprovdu PABFs
|
5 istituzzjonijiet ta’ kreditu li flimkien jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tas-suq
|
|
Malta
|
L-istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom 5 fergħat jew aktar f’Malta huma obbligati joffru PABF
|
5 istituzzjonijiet ta’ kreditu joffru PABF b’sehem mis-suq ta’ 93,7 %
|
|
Is-Slovakkja
|
Istituzzjonijiet ta’ kreditu biss li jipprovdu s-servizzi bankarji kollha marbuta ma’ kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi bħala parti mill-attività kummerċjali tagħhom lill-konsumaturi
|
10 istituzzjonijiet ta’ kreditu
|
b)Għadd ta’ Kontijiet tal-Ħlas b’Karatteristiċi Bażiċi (PABFs)
L-informazzjoni dwar l-għadd ta’ PABFs ipprovduti mill-Istati Membri u stabbilita fit-Tabella 4 ta’ hawn taħt ma hijiex kompluta għal ċerti snin. F’xi Stati Membri, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu ma jagħmlux distinzjoni bejn kont tal-ħlas standard u PABF, u għalhekk ma teżisti l-ebda data dwar il-PABFs. Bl-istess mod, l-informazzjoni mhux dejjem tista’ tkun komparabbli minħabba metodi ta’ ġbir ta’ data differenti. F’xi Stati Membri, xi istituzzjonijiet ta’ kreditu biss joffru l-PABFs bħala prodott speċifiku, filwaqt li istituzzjonijiet ta’ kreditu oħra ma jagħmlux distinzjoni bejn tipi differenti ta’ kontijiet. Għalhekk, f’dawn il-pajjiżi, iċ-ċifri jkopru biss il-PABFs offruti bħala prodott speċifiku.
Tabella 4: Għadd ta’ PABFs miftuħa kull sena
Minħabba l-lakuni fid-data u n-nuqqas ta’ data komparabbli, huwa diffiċli li wieħed jasal għal konklużjonijiet sodi. Peress li ma huwiex rekwiżit skont l-Artikolu 27, ma hemmx data disponibbli biex jiġi indikat l-għadd totali ta’ PABFs pendenti fi tmiem kull sena. L-informazzjoni pprovduta fit-Tabella 4 turi li matul il-perjodu ta’ żmien infetħu għadd konsiderevoli ta’ PABFs, li fl-2023 laħqu kważi 2 miljun. L-għadd għoli ħafna ta’ kontijiet miftuħa fir-Rumanija huwa spjegat mill-fatt li d-data turi t-tipi kollha ta’ kontijiet miftuħa u ma hijiex limitata għall-PABFs. Bl-istess mod fil-Greċja, l-għadd għoli ta’ kontijiet ġodda miftuħa huwa minħabba l-fatt li l-klijenti jużaw kontijiet standard bħala PABFs. L-għadd ta’ kontijiet ġodda miftuħa fi Franza, fl-Italja u fis-Slovakkja huwa baxx ħafna.
c)Għadd (u proporzjon) ta’ applikazzjonijiet għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi li ġew irrifjutati
Id-data dwar l-għadd ta’ applikazzjonijiet għal PABFs li ġew irrifjutati nġabret mill-Istati Membri (it-Tabella 5). Il-proporzjonijiet ġew ikkalkolati billi ttieħdu l-għadd ta’ PABFs miftuħa u l-għadd ta’ applikazzjonijiet għal PABFs li ġew irrifjutati bħala l-għadd totali ta’ applikazzjonijiet.
Tabella 5: Għadd u proporzjon ta’ applikazzjonijiet għal PABF li ġew irrifjutati
Id-data ma hijiex disponibbli għall-Istati Membri kollha u tista’ ma tkunx kompletament komparabbli. Għalhekk, ma huwiex possibbli li wieħed jasal għal konklużjonijiet sodi. Madankollu, id-data tindika li r-rati ta’ rifjut tal-applikazzjoni għal PABF huma ġeneralment baxxi ħafna.
Is-sitwazzjoni madwar l-Istati Membri tvarja b’mod sinifikanti fir-rigward tar-raġunijiet għar-rifjuti. Abbażi tat-tweġibiet għall-kwestjonarju, ir-raġunijiet ewlenin għar-rifjuti jinkludu: (i) il-konformità mar-rekwiżiti ta’ ħasil tal-flus u kun af lill-klijent tiegħek; (ii) il-klijent diġà jkollu kont tal-ħlas; (iii) il-klijent kellu anteċedenti negattivi fil-passat mal-bank; (iv) problemi bid-dokumentazzjoni; jew (v) l-applikant ma huwiex residenti fl-UE.
6.KONKLUŻJONI
Ir-rapport jikkonferma li l-miżuri ewlenin tal-PAD dwar it-trasparenza u l-komparabbiltà, is-servizz ta’ bdil u d-dritt għal kont tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi, huma ġeneralment fis-seħħ. Madankollu, id-differenzi fil-metodi tal-ġbir tad-data tal-Istati Membri u l-persistenza ta’ lakuni sinifikanti fid-data jagħmluha diffiċli li wieħed jasal għal konklużjonijiet sodi dwar il-firxa tal-benefiċċji li l-introduzzjoni tal-PAD tat lill-konsumaturi Ewropej.
B’dawk il-prekawzjonijiet f’moħħna, xorta nistgħu naslu għall-konklużjonijiet proviżorji li ġejjin:
·Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni u trasparenza skont l-Artikoli 4, 5 u 6 ġeneralment qegħdin jiġu rrispettati, u dan jissuġġerixxi tnaqqis ġenerali tad-detriment għall-konsumatur. Madankollu, id-disponibbiltà ta’ data aktar komprensiva u robusta tkun meħtieġa biex wieħed jasal għal konklużjonijiet sodi dwar l-impatt pożittiv ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fuq il-konsumaturi Ewropej.
·Is-siti web ta’ tqabbil huma kompletament operazzjonali fi kważi l-Istati Membri kollha. Diversi Stati Membri wettqu wkoll kampanji ta’ sensibilizzazzjoni pubblika u pprovdew informazzjoni permezz ta’ diversi mezzi ta’ komunikazzjoni, li jista’ jkollhom rwol vitali fis-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi. Ftit Stati Membri biss ivvalutaw jew qegħdin jippjanaw li jivvalutaw is-siti web ta’ tqabbil tagħhom. Valutazzjonijiet regolari, l-inkorporazzjoni ta’ feedback kemm mill-konsumaturi kif ukoll mill-fornituri tas-servizzi jiżguraw interfaċċi aktar faċli għall-utent kif ukoll informazzjoni aktar rilevanti u faċilment aċċessibbli għall-konsumaturi.
·Fir-rigward tal-bdil ta’ kont tal-ħlas, is-servizz ta’ bdil intuża minn aktar minn 2,5 miljun klijent fl-2023, li naqas mil-livell massimu preċedenti fl-2022 ta’ 2,86 miljun. Mill-2016, kien hemm total ta’ 17,6-il miljun bidla ta’ kont. F’xi Stati Membri, is-servizz ta’ bdil jintuża ta’ spiss, b’kuntrast għal għadd ta’ Stati Membri oħra fejn bilkemm jintuża. Ir-raġunijiet għal diskrepanzi bħal dawn ma humiex ċari bis-sħiħ u jistgħu jirrikjedu aktar investigazzjoni. Madankollu, l-evidenza aneddotali pprovduta mill-Istati Membri tissuġġerixxi li l-inerzja, in-nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni u domanda, il-kumplessità perċepita (inkluż b’rabta mal-ħruġ mill-arranġamenti marbuta eżistenti), il-lealtà tal-klijenti, in-nuqqas ta’ benefiċċji ovvji li għandhom jinkisbu mill-bdil jew l-inkonvenjenza tal-bdil tal-IBAN kollha jistgħu jaffettwaw.
·Hemm ukoll differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-għadd ta’ applikazzjonijiet għal bdil li jiġu rrifjutati. Fost ir-raġunijiet għar-rifjut mogħtija mill-Istati Membri hemm (i) żbalji relatati mal-formola tal-applikazzjoni għal bdil (informazzjoni nieqsa jew mhux korretta, data inkonsistenti tal-klijenti, tipi ta’ kontijiet ineliġibbli, formoli mhux korretti, IBAN żbaljat, firem illeġibbli/nieqsa); (ii) skadenzi qosra wisq; (iii) dokumentazzjoni mhux kompluta; (iv) nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn il-banek; (v) bilanċi tal-kont negattivi; (vi) nuqqas ta’ lħuq ta’ skadenzi speċifiċi; jew (vii) kanċellazzjoni tal-applikazzjoni mill-utent.
·Fir-rigward tal-Kontijiet ta’ Ħlas b’Karatteristiċi Bażiċi (PABFs, Payment Accounts with Basic Features), għad hemm lakuni fid-data fejn xi Stati Membri ma pprovdewx l-għadd ta’ kontijiet ġodda miftuħa. Il-Kummissjoni ma għandhiex data dwar l-għadd totali ta’ PABFs fl-aħħar ta’ kull sena u għalhekk ma tistax tindika kemm nies issa għandhom tali kontijiet. Hemm differenzi sinifikanti fost l-Istati Membri fir-rigward tal-għadd kontijiet ġodda miftuħa. Dan jista’ jiġi spjegat parzjalment mid-differenzi fil-mod kif il-banek joffru dawn il-karatteristiċi lill-klijenti tagħhom. Pereżempju, f’xi każijiet ma hemm l-ebda differenza bejn il-PABFs u l-kontijiet standard li jinkorporaw il-karatteristiċi bażiċi ta’ PABF. Filwaqt li d-data ta’ tmiem is-sena dwar l-għadd totali ta’ kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi ma hijiex disponibbli. Mid-data pprovduta mill-Istati Membri huwa possibbli li jiġu identifikati żidiet sena wara sena – bl-għadd ta’ kontijiet ġodda miftuħa jilħaq kważi ż-2 miljuni fl-2023.
·Ir-rata ta’ rifjuti tal-applikazzjonijiet għal PABFs tvarja b’mod sinifikanti fost l-Istati Membri. Ir-raġunijiet għal dan jinkludu tħassib dwar il-ħasil tal-flus, il-fatt li l-klijent diġà għandu kont tal-ħlas ieħor, esperjenzi negattivi fil-passat mal-bank, problemi bid-dokumentazzjoni jew minħabba li l-persuna ma hijiex residenti fl-UE. B’kollox, fl-2023 ġew irreġistrati 24 545 rifjut għall-ftuħ ta’ kontijiet bażiċi ta’ pagament, li jirrappreżentaw 1,2 % tal-għadd totali ta’ kontijiet bażiċi ta’ pagament miftuħa.
Il-Kummissjoni se ssegwi s-sejbiet tar-rapport, inkluż l-adozzjoni baxxa tas-servizz ta’ bdil jew ir-rati għoljin ta’ rifjut għall-PABFs f’xi Stati Membri, se tiddiskutihom mal-Istati Membri u se tesplora jekk azzjonijiet ulterjuri jistgħux ikunu ta’ benefiċċju, inkluż fil-livell tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem ukoll mal-Istati Membri biex tiżgura li fil-futur ikun hemm data aktar robusta u komparabbli.