2014/112/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 27 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (notifikata bid-dokument C(2014) 1194)
Official Journal L 061 , 01/03/2014 P. 0007 - 0010
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 27 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (notifikata bid-dokument C(2014) 1194) (Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika) (2014/112/UE) IL-KUMMISSJONI EWROPEA, Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat- 12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli [1] u, b’mod partikolari, it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tagħha, Billi: (1) Jekk l-ammont ta’ demel li l-Istat Membru beħsiebu japplika għal kull ettaru fis-sena huwa differenti minn dak speċifikat fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) ta’ dak is-subparagrafu, dak l-ammont għandu jiġi ffissat b’mod li ma jagħmilx ħsara fil-kisba tal-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva u dan għandu jkun iġġustifikat abbażi ta’ kriterji oġġettivi, bħal staġuni twal ta’ kultivazzjoni u għelejjel b’rata għolja ta’ assorbiment ta’ nitroġenu. (2) Fit- 22 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2007/697/KE li tagħti deroga mitluba mill-Irlanda skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli [2], li tippermetti l-applikazzjoni ta’ demel tal-bhejjem sa limitu ta’ 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, skont ċerti kundizzjonijiet, fi rziezet b’tal-anqas 80 % ta’ bwar, fil-kuntest tal-Programm ta’ Azzjoni Irlandiż kif implimentat fir-Regolamenti tal-Komunitajiet Ewropej (Metodi ta’ Biedja Għaqlija għall-Ħarsien tal-Ilmijiet) tal-2006 (Strument statutorju Nru 378 tal-2006), bid-data tal-iskadenza s- 17 ta’ Lulju 2010. (3) Fl- 24 ta’ Frar 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/127/UE [3], li temenda d-Deċiżjoni 2007/697/KE u li ġġedded id-deroga sal- 31 ta’ Diċembru 2013, fil-kuntest tal-Programm ta’ Azzjoni Irlandiż kif implimentat fir-Regolamenti tal-Komunitajiet Ewropej (Metodi ta’ Biedja Għaqlija għall-Ħarsien tal-Ilmijiet) tal-2010 (Strument Statutorju Nru 610 tal-2010). (4) Id-deroga mogħtija bid-Deċiżjoni 2007/697/KE kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/127/UE kienet tikkonċerna 5093 razzett fl-2012, li jikkorrispondu għal madwar 3,34 % tal-għadd totali ta’ azjendi agrikoli b’annimali li jirgħu, 11,44 % tal-għadd totali ta’ unitajiet ta’ bhejjem u 5,19 % tat-total nett ta’ żona agrikola. (5) Fl- 4 ta’ Ottubru 2013, l-Irlanda ressqet talba għat-tiġdid tad-Deroga quddiem il-Kummissjoni skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE. (6) L-Irlanda, f’konformità mal-paragrafu 5 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/676/KEE, tapplika programm ta’ azzjoni fit-territorju kollu tagħha. (7) Ir-Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, abbażi tar-rapporti tal-Istati Membri għall-perjodu 2008-2011, juri li fl-Irlanda, fir-rigward tal-ilma ta’ taħt l-art, l-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ kollha għandhom medja ta’ konċentrazzjoni tan-nitrati taħt il-50 mg/l u 87 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ għandhom medja ta’ konċentrazzjoni tan-nitrati taħt il-25 mg/l. Għall-ilma tal-wiċċ, l-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ kollha għandhom medja ta’ konċentrazzjoni tan-nitrati taħt il-50 mg/l u 99 % tal-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ għandhom medja ta’ konċentrazzjoni tan-nitrati taħt il-25 mg/l. (8) F’dawn l-aħħar snin l-għadd ta’ bhejjem u l-użu ta’ fertilizzanti kimiċi naqsu. L-għadd ta’ bovini, ħnieżer u nagħaġ naqas b’4 %, 11 % u 22 % rispettivament mill-perjodu 2004-2007 sal-perjodu 2008-2011. Il-piż medju ta’ nitroġenu mid-demel tal-bhejjem fil-perjodu 2008-2011 kien ta’ 105 kg/ha, bi tnaqqis ta’ 8 % meta mqabbel mal-perjodu 2004-2007. Il-piż medju ta’ fosforu fil-perjodu 2008-2011 kien ta’ 15 kg/ha, bi tnaqqis ta’ 6 % meta mqabbel mal-perjodu 2004-2007. L-użu medju tal-fertilizzant kimiku N naqas b’6 % fil-perjodu 2008-2011 meta mqabbel mal-perjodu 2004-2007. L-użu medju tal-fertilizzant kimiku P naqas b’31 % fil-perjodu 2008-2011 meta mqabbel mal-perjodu 2004-2007. (9) Fl-Irlanda, 93 % tal-art agrikola hija ddedikata għall-bwar. B’mod ġenerali, fi rziezet tal-bwar, 47 % tal-art hija maħduma b’mod estensiv u għaldaqstant għandha densità tal-għelejjel u użu ta’ fertilizzanti relattivament baxxi, 32 % tinħadem skont il-programmi agroambjentali u 5,2 % biss tal-art tinħadem b’mod intensiv. 7 % tintuża għat-tħaddim tar-raba’. L-użu medju ta’ fertilizzant kimiku fuq il-bwar huwa ta’ 81 kg/ha nitroġenu u 7 kg/ha fosfru. (10) Il-klima Irlandiża, li hija kkaratterizzata minn kwantità annwali ta’ xita mqassma ndaqs matul is-sena u varjazzjoni relattivament żgħira fit-temperatura annwali, tippromwovi staġun twil ta’ tkabbir ta’ mergħat li jvarja minn 330 jum fis-sena fil-parti tal-Lbiċ sa madwar 250 jum fis-sena fil-parti tal-Grigal. (11) Wara li eżaminat it-talba tal-Irlanda u qieset il-Programm ta’ Azzjoni Irlandiż fid-dawl tal-esperjenza miksuba mid-deroga stipulata fid-Deċiżjoni 2007/697/KE kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/127/UE, il-Kummissjoni tqis li l-ammont ta’ demel propost mill-Irlanda, li jikkorrispondi għal 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena, mhux se jkun ta’ ħsara għall-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva 91/676/KEE, sakemm ċerti kundizzjonijiet stretti jkunu ssodisfati. (12) Id-dokumenti ta’ sostenn li tressqu mill-Irlanda juru li l-ammont propost ta’ 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena għal irziezet b’tal-anqas 80 % ta’ bwar, huwa ġġustifikat abbażi ta’ kriterji oġġettivi bħal preċipitazzjoni netta għolja, staġuni twal ta’ tkabbir u produttività għolja ta’ ħaxix b’assorbiment għoli ta’ nitroġenu. (13) Id-Deċiżjoni 2007/697/KE kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/127/UE għandha d-data tal-iskadenza l- 31 ta’ Diċembru 2013. Sabiex jiġi żgurat li l-bdiewa kkonċernati jkunu jistgħu jibqgħu jibbenefikaw mid-deroga, huwa xieraq li din id-Direttiva tiġi adottata. (14) Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Tingħata d-deroga mitluba mill-Irlanda permezz tal-ittra tal- 4 ta’ Ottubru 2013, bil-għan li jiġi permess ammont ogħla ta’ demel tal-irziezet minn dak stipulat fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) tiegħu, suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: (a) "irziezet tal-bwar" tfisser azjendi agrikoli fejn 80 % jew aktar taż-żona agrikola disponibbli għall-applikazzjoni tad-demel tkun ħaxix; (b) "bhejjem li jirgħu" tfisser bhejjem (għajr għall-għoġġiela tal-vitella), nagħaġ, ċriev, mogħoż u żwiemel; (c) "ħaxix" tfisser bur permanenti jew bur temporanju (temporanju jimplika art li tkun miżrugħa bil-ħaxix għal anqas minn erba’ snin); (d) "ġonta raba’" tfisser għalqa individwali jew grupp ta’ għelieqi, omoġenji f’dak li għandu x’jaqsam mal-għelejjel, it-tip ta’ ħamrija u l-prattiki ta’ fertilizzazzjoni. Artikolu 3 Kamp ta’ applikazzjoni Din id-Deċiżjoni tapplika fuq bażi individwali għal irziezet tal-bwar u hija soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 4, 5 u 6. Artikolu 4 Awtorizzazzjoni u impenn annwali 1. Il-bdiewa li jridu jibbenefikaw minn deroga skont din id-Deċiżjoni għandhom iressqu applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti kull sena. 2. Flimkien mal-applikazzjoni annwali li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1, huma għandhom jintrabtu bil-miktub li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5 u 6. Artikolu 5 L-għoti tad-demel u fertilizzanti oħra 1. L-ammont ta’ demel tal-bhejjem li jirgħu li jingħata kull sena fi rziezet tal-bwar, inkluż dak mill-bhejjem stess, ma għandux jaqbeż l-ammont ta’ demel li jkun fih 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi minn 2 sa 7. 2. L-ammonti totali ta’ nitroġenu mogħtija ma għandhomx jaqbżu d-domanda prevista għan-nutrijent tal-għala meqjusa, għandhom iqisu l-provvista mill-ħamrija, u ma għandhomx jaqbżu r-rata massima ta’ fertilizzant applikabbli għar-razzett, kif stabbilit fil-Programm ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati. L-applikazzjoni totali tan-nitroġenu għandha tkun differenzjata abbażi tad-densità tal-għelejjel u l-produttività tal-bwar. 3. Għandu jinżamm pjan ta’ fertilizzazzjoni għal kull razzett bid-deskrizzjoni tat-tinwib u l-applikazzjoni ppjanata ta’ demel u fertilizzanti oħra. Dan għandu jkun disponibbli fir-razzett kull sena kalendarja sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu. Il-pjan ta’ fertilizzazzjoni għandu jinkludi tal-anqas dan li ġej: (a) Il-pjan tat-tinwib, li jrid jispeċifika d-daqs tal-ġonot tar-raba’ bil-ħaxix u tal-ġonot b’għelejjel oħra, inkluż mappa li tindika l-lok tal-ġonot tar-raba’ individwali; (b) l-għadd ta’ bhejjem, deskrizzjoni tal-bini fejn jinżammu u tas-sistema tal-ħżin, inkluż il-volum tal-ħżin tad-demel disponibbli; (c) kalkolu tan-nitroġenu u l-fosforu tad-demel prodott fir-razzett; (d) l-ammont, it-tip u l-karatteristiċi tad-demel imwassal barra r-razzett jew fuq ir-razzett; (e) ir-rekwiżiti prevedibbli tal-għelejjel tan-nitroġenu u l-fosforu għal kull ġonta raba’; (f) ir-riżultati tal-analiżi tal-ħamrija relatati mal-istatus tan-nitroġenu u tal-fosforu fil-ħamrija, jekk ikunu disponibbli; (g) in-natura tal-fertilizzant li għandu jintuża; (h) kalkolu tal-applikazzjoni tan-nitroġenu u tal-fosforu mid-demel fuq kull ġonta raba’; (i) kalkolu tal-applikazzjoni tan-nitroġenu u tal-fosforu minn fertilizzanti kimiċi u fertilizzanti oħrajn fuq kull ġonta raba’. Il-pjan ta’ fertilizzazzjoni għandu jiġi rivedut sa mhux aktar tard minn sebat ijiem wara kwalunkwe bidla fil-prattiki agrikoli sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn dan il-pjan u l-prattiki agrikoli reali. 4. Kull bidwi għandu jżomm il-kontijiet tal-fertilizzazzjoni, inkluża l-informazzjoni marbuta mal-ġestjoni tal-ammonti ta’ nitroġenu u fosforu mogħtija u l-ġestjoni tal-ilma maħmuġ. Dawn għandhom jitressqu quddiem l-awtorità kompetenti għal kull sena kalendarja. 5. Għal kull razzett tal-bwar li jibbenefika minn deroga, il-bidwi għandu jaċċetta li l-applikazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 4(1), il-pjan ta’ fertilizzazzjoni u l-kontijiet tal-fertilizzazzjoni jistgħu jkunu soġġetti għal kontroll. 6. L-analiżi perjodika tan-nitroġenu u l-fosforu fil-ħamrija għandha ssir minn kull bidwi li jingħata d-deroga għal fertilizzazzjoni preċiża. L-analiżi u t-teħid ta’ kampjuni, fir-rigward tat-tinwib u l-karatteristiċi tal-ħamrija, iridu jitwettqu tal-anqas darba kull erba’ snin għal kull żona omoġenja tar-razzett. Għandha ssir tal-anqas analiżi waħda għal kull ħames ettari ta’ art agrikola. Ir-riżultati tal-analiżi tan-nitroġenu u l-fosforu fil-ħamrija għandhom ikunu disponibbli fuq kull razzett li jibbenefika minn deroga. 7. Id-demel tal-bhejjem ma għandux jitferrex fil-ħarifa, qabel il-kultivazzjoni tal-ħaxix. Artikolu 6 Immaniġġjar tal-artijiet 1. Tmenin fil-mija jew aktar taż-żona disponibbli għall-għoti tad-demel fuq l-irziezet għandha tkun ikkultivata bil-ħaxix. 2. Il-bdiewa li jibbenefikaw minn deroga individwali għandhom iwettqu l-miżuri li ġejjin: (a) il-bwar temporanji għandhom jinħartu fir-rebbiegħa; (b) ħaxix li jinħarat fuq kull tip ta’ ħamrija għandu jkun segwit minnufih minn għala li tassorbi rata għolja ta’ nitroġenu; (c) it-tinwib ma għandux jinkludi pjanti leguminużi jew pjanti oħrajn li jiffissaw in-nitroġenu atmosferiku. 3. Il-punt c tat-tieni paragrafu, madanakollu, ma għandux japplika għas-silla fil-bwar b’anqas minn 50 % ta’ silla u għal pjanti leguminużi oħra li jinżergħu flimkien mal-ħaxix. Artikolu 7 Monitoraġġ 1. L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li mapep li juru l-perċentwal ta’ rziezet tal-bwar, il-perċentwal ta’ bhejjem u l-perċentwal tal-art agrikola koperta b’deroga individwali f’kull pajjiż, kif ukoll il-mapep dwar l-użu tal-art lokali jitħejjew u jiġu aġġornati kull sena. 2. Il-monitoraġġ għandu jitwettaq fuq il-ħamrija, l-ilma tal-wiċċ u l-ilma ta’ taħt l-art sabiex tinġabar dejta dwar il-konċentrazzjoni tan-nitroġenu u l-fosforu fl-ilma tal-ħamrija, dwar in-nitroġenu minerali fil-profil tal-ħamrija u l-konċentrazzjoni tan-nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art u fl-ilma tal-wiċċ, kemm jekk taħt kundizzjonijiet ta’ deroga kif ukoll jekk le. Il-monitoraġġ għandu jitwettaq fil-livell tal-irziezet u fl-ambitu tal-monitoraġġ taż-żoni ta’ qbid ta’ baċini agrikoli. Is-siti ta’ monitoraġġ għandhom jinkludu t-tipi ewlenin ta’ ħamrija, il-livelli ta’ intensità, il-prattiki ta’ fertilizzazzjoni u l-għelejjel. 3. Għandu jitwettaq monitoraġġ aktar intensiv tal-ilma f’żoni ta’ qbid ta’ baċini agrikoli li jinsabu qrib il-korpi tal-ilma l-aktar vulnerabbli. 4. Stħarriġiet dwar l-użu tal-art lokali, it-tinwib u l-prattiki agrikoli għandhom jitwettqu fuq irziezet li jibbenefikaw minn derogi individwali. L-informazzjoni u d-dejta miġbura mill-analiżi ta’ nutrijenti kif hemm referenza fl-Artikolu 5(6) u l-monitoraġġ kif hemm referenza fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jintużaw għal kalkoli ibbażati fuq mudelli ta’ kemm hu kbir it-telf ta’ nitrati u fosforu minn irziezet li jibbenefikaw minn deroga. Artikolu 8 Kontrolli 1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-applikazzjonijiet kollha għal deroga jitressqu għal kontroll amministrattiv. Meta l-kontroll juri li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5 u 6 mhumiex issodisfati, l-applikant għandu jiġi mgħarraf b’dan. F’dan il-każ, l-applikazzjoni għandha titqies miċħuda. 2. Għandu jkun stabbilit programm ta’ spezzjonijiet fuq il-post abbażi tal-analiżi tar-riskji, ir-riżultati tal-kontrolli tas-snin ta’ qabel u r-riżultati ta’ kontrolli każwali ġenerali tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE. L-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom ikopru tal-anqas 5 % tal-irziezet li jibbenefikaw minn deroga individwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5 u 6 ta’ din id-Deċiżjoni. Fejn il-verifika tindika nuqqas ta’ konformità, il-bidwi għandu jiġi mgħarraf b’dan. Din l-informazzjoni għandha titqies fid-deċiżjoni dwar it-talba għal deroga għas-sena ta’ wara. 3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat u l-mezzi meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità mad-deroga mogħtija skont din id-Deċiżjoni. Artikolu 9 Rappurtar Sa Ġunju ta’ kull sena, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jissottomettu rapport li jkun fih l-informazzjoni li ġejja: (a) mapep li juru l-perċentwal ta’ rziezet, il-perċentwal ta’ bhejjem u l-perċentwal ta’ art agrikola koperta b’deroga individwali għal kull pajjiż, kif ukoll mapep dwar l-użu lokali tal-art, kif hemm referenza fl-Artikolu 7(1); (b) ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma ta’ taħt l-art u tal-wiċċ, fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet tan-nitrati, inkluża informazzjoni dwar ix-xejriet fil-kwalità tal-ilma, kemm jekk taħt kundizzjonijiet ta’ deroga kif ukoll jekk le, flimkien mal-impatt tad-deroga dwar il-kwalità tal-ilma, kif hemm referenza fl-Artikolu 7(2); (c) ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ħamrija fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet tan-nitroġenu u tal-fosforu fl-ilma tal-ħamrija u dwar in-nitroġenu minerali fil-profil tal-ħamrija, kemm jekk taħt kundizzjonijiet ta’ deroga kif ukoll jekk le, kif hemm referenza fl-Artikolu 7(2); (d) sommarju u evalwazzjoni tad-dejta miksuba mill-monitoraġġ tal-ilma intensifikat kif hemm referenza fl-Artikolu 7(3); (e) ir-riżultati tal-istħarriġiet dwar l-użu lokali tal-art, it-tinwib u l-prattiki agrikoli, kif hemm referenza fl-Artikolu 7(4); (f) ir-riżultati ta’ kalkoli abbażi ta’ mudelli ta’ kemm hu kbir it-telf tan-nitroġenu u tal-fosforu minn irziezet li jibbenefikaw minn deroga individwali, kif hemm referenza fl-Artikolu 7(4); (g) evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet tad-deroga, abbażi ta’ kontrolli fil-livell ta’ rziezet u ta’ informazzjoni dwar l-irziezet li mhumiex konformi, abbażi tar-riżultati tal-kontrolli amministrattivi u fuq il-post, kif hemm referenza fl-Artikolu 8(1) u (2). (h) analiżi komparattiva ta’ kontrolli ta’ rziezet fl-Irlanda li jibbenefikaw mid-deroga u oħrajn li ma jibbenefikawx. L-informazzjoni għandha tinkludi dejta dwar spezzjonijiet annwali, verifiki amministrattivi, spezzjonijiet agrikoli fil-kuntest tal-arranġamenti ta’ kundizzjonalità u statistika dwar il-ksur. Artikolu 10 Applikazzjoni Din id-Deċiżjoni għandha tapplika fil-kuntest tal-Programm ta’ Azzjoni Irlandiż hekk kif implimentat fir-Regolamenti tal-Komunitajiet Ewropej (Metodi ta’ Biedja Għaqlija għall-Ħarsien tal-Ilmijiet) tal-2014 (Strument statutorju Nru 31 tal-2014). Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil- 31 ta’ Diċembru 2017. Artikolu 11 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda. Magħmul fi Brussell, is- 27 ta’ Frar 2014. Għall-Kummissjoni Janez Potočnik Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1. [2] ĠU L 284, 30.10.2007, p. 27. [3] ĠU L 51, 25.2.2011, p. 19. --------------------------------------------------