IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.7.2023
COM(2023) 433 final
ANNESSI
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kummissjoni Estiża tal-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2019/824
ANNESS I
1.PRINĊIPJI
Fil-qafas tas-CCSBT, l-Unjoni għandha:
(a)tiżgura li l-miżuri adottati fis-CCSBT ikunu konsistenti mad-dritt internazzjonali, u partikolarment mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 fuq id-Dritt Marittimu, tal-Ftehim tal-1995 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Tranżonali u Stokkijiet ta’ Ħut li Jpassi Ħafna, tal-Ftehim tal-1993 biex jippromwovi l-osservanza tal-miżuri internazzjonali ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni minn bastimenti tas-sajd f'ibħra internazzjonali, u tal-Ftehim tal-2009 tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura dwar Miżuri tal-Istat Portwarju;
(b)tippromwovi l-objettivi tal-Ftehim skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika marini lil hinn mill-ġuriżdizzjoni nazzjonali (BBNJ) u fil-15-il Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (COP 15), partikolarment fiż-żieda fil-protezzjoni tal-bijodiversità marina u l-protezzjoni ta’ 30 % tal-oċean tad-dinja permezz ta’ żoni marini protetti;
(c)tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, inklużi l-Istrateġiji għall-Bijodiversità u l-Adattament għat-Tibdil Klimatiku, notevolment dwar il-protezzjoni tan-natura, u l-istrateġiji “Mill-Għalqa sal-Platt”, u Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja;
(d)issegwi fuq l-objettivi tal-Istrateġija għall-Plastiks u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero, notevolment it-tnaqqis tal-plastik u t-tniġġis tal-baħar;
(e)taġixxi f'konformità mal-objettivi u l-prinċipji segwiti mill-Unjoni fi ħdan il-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), notevolment permezz tal-approċċ prekawzjonarju u l-miri relatati mar-rendiment massimu sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, biex tkun promossa l-implimentazzjoni ta’ approċċ abbażi tal-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd, biex kemm jista’ jkun jiġu evitati jew jitnaqqsu qabdiet mhux mixtieqa, u jiġi eliminat gradwalment il-qbid skartat, u biex jiġi minimizzat l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi marini u l-abitati tagħhom, kif ukoll, permezz tal-promozzjoni ta’ sajd ekonomikament vijabbli u kompetittiv tal-Unjoni, biex ikun provdut livell tal-għajxien ġust għal dawk li jiddependu minn attivitajiet relatati mas-sajd u jitqiesu l-interessi tal-konsumaturi;
(f)tkun konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-politika komuni tas-sajd;
(g)tkun konformi mal-objettivi tal-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-aġenda tal-UE għall-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani rigward il-konservazzjoni tal-bijodiversità marina, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dik il-Komunikazzjoni Konġunta;
(h)taħdem lejn involviment xieraq tal-partijiet konċernati fil-fażi tal-preparazzjoni għall-miżuri CCSBT u tiżgura li l-miżuri adottati fi ħdan is-CCSBT jkunu skont l-objettivi tal-Konvenzjoni CSBT;
(i)tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti mal-aħjar prattiki għall-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs);
(j)tara li jkun hemm konsistenza u sinerġija mal-politika li l-Unjoni qed issegwi bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tagħha tas-sajd ma’ pajjiżi terzi, u tiżgura l-koerenza mal-politiki l-oħrajn tagħha notevolment fl-oqsma tar-relazzjonijiet esterni, l-ambjent, il-kummerċ, l-iżvilupp, ir-riċerka u l-innovazzjoni;
(k)timmira li toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-flotta tal-Unjoni fl-ambitu taż-Żona tal-Konvenzjoni CSBT abbażi tal-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni, u li tippromwovi l-implimentazzjoni uniformi ta’ dawk il-prinċipji u ta’ dawk l-istandards;
(l)fejn xieraq, tippromwovi l-koordinazzjoni bejn is-CCSBT, RFMOs eżistenti u konvenzjonijiet dwar ibħra reġjonali (RSCs) u l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet globali, kif applikabbli skont il-mandati tagħhom;
(m)tippromwovi l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni fost RFMOs tat-tonn permezz tal-proċess Kobe għal RFMOs tat-tonn.
2.ORJENTAZZJONIJIET
Fejn xieraq, l-Unjoni għandha tfittex li tappoġġa l-adozzjoni mis-CCSBT tal-azzjonijiet li ġejjin:
(a)miżuri li jippromwovu l-konservazzjoni u r-restawr totali tal-ekosistemi u l-bijodiversità marini, is-sostenibbiltà tal-istokkijiet, filwaqt li jitqiesu kunsiderazzjonijiet tat-tibdil klimatiku;
(b)miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni għar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tal-Konvenzjoni CSBT abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli, bħal l-Qabdiet Totali Permissibbli u l-kwoti jew ir-regolazzjoni tal-isforz fis-sajd li jistad riżorsi bijoloġiċi marini ħajjin regolati mis-CCSBT, bil-ħsieb li jiġu restawrati u mantnuti dawn ir-riżorsi tal-anqas f’livelli li jippermettu produzzjoni ta’ rendiment massimu sostenibbli. Fejn meħtieġ, dawk il-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni għandhom jinkludu miżuri speċifiċi għall-istokkijiet li jġarrbu sajd eċċessiv biex l-isforz tas-sajd jinżamm f’livelli kommensurati mal-irkupru ta’ dawn l-istokkijiet;
(c)miżuri li jippromwovu l-ġbir ta’ data dwar is-sajd li jippermettu valutazzjonijiet robusti tal-istokkijiet, jappoġġaw il-ħidma xjentifika tal-Kumitat Xjentifiku tas-CCSBT u jsejsu deċiżjonijiet ta’ ġestjoni bbażati fuq ix-xjenza, miżuri li jimmiraw li jsaħħu l-kumitat ta’ konformità tiegħu, jippromwovu kultura ta’ konformità u ta’ twettiq ta’ rieżamijiet tal-prestazzjoni perjodiċi indipendenti;
(d)miżuri għall-prevenzjoni, id-deterrent u l-eliminazzjoni ta’ attivitajiet ta’ sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (IUU) fiż-żona tal-Konvenzjoni, inkluż l-elenkar tal-bastimenti IUU u l-elenkar komuni ma’ RFMOs oħra, u miżuri li jippromwovu t-traċċabbiltà tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd abbażi tal-Linji Gwida Volontarji għall-Iskemi ta’ Dokumentazzjoni tal-Qbid;
(e)miżuri ta’ monitoraġġ, kontroll u sorveljanza fiż-żona tal-Konvenzjoni sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-kontroll u l-konformità mal-miżuri adottati fi ħdan is-CCSBT inkluż it-tisħiħ tal-kontroll fuq l-operazzjonijiet tat-trażbord abbażi tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar it-Trażbord;
(f)miżuri biex jiġi minimizzat l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi marini u l-abitati tagħhom, inkluż miżuri protettivi għal ekosistemi marini vulnerabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni CSBT bi qbil mal-Konvenzjoni CSBT u l-Linji Gwida Internazzjonali tal-FAO għall-Ġestjoni tas-Sajd fl-Ibħra Fondi fil-Baħar Miftuħ, miżuri biex jiġi evitat u jitnaqqas kemm jista’ jkun il-qbid mhux mixtieq, inkluż partikolarment l-ispeċijiet marini vulnerabbli, u biex gradwalment jiġi eliminat il-qbid skartat;
(g)miżuri biex jitnaqqas it-tniġġis tal-baħar u jiġi prevenut l-iskariku tal-plastik fil-baħar u jitnaqqas l-impatt tal-plastik fil-baħar fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi marini, inkluż miżuri biex jitnaqqas l-impatt ta’ Rkaptu tas-Sajd Abbandunat, Mitluf jew Skartat Mod Ieħor (ALDFG) fl-oċean u biex jiġu ffaċilitati l-identifikazzjoni u l-irkupru ta’ tali rkaptu abbażi tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Markar tal-Irkaptu tas-Sajd;
(h)miżuri mmirati lejn il-projbizzjoni tas-sajd imwettaq biss bl-iskop tas-sajd għall-pinen tal-klieb il-baħar u li jirrikjedu li l-klieb il-baħar kollha jitħattew l-art bil-pinen kollha mwaħħla kif tipprovdi n-natura;
(i)rakkomandazzjonijiet, fejn xieraq u sal-estent permess skont id-dokumenti kostitwenti rilevanti, li jħeġġu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);
(j)approċċi komuni ma’ RFMOs oħrajn, fejn xieraq, partikolarment dawk involuti fil-ġestjoni tas-sajd fl-istess reġjun;
(k)miżuri tekniċi addizzjonali abbażi tal-pariri mill-korpi sussidjarji u mill-gruppi ta’ ħidma tas-CCSBT.
ANNESS II
Speċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni
fil-laqgħat tal-Kummissjoni Estiża tal-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar
Qabel kull laqgħa tal-Kummissjoni Estiża CCSBT, meta dak il-korp jintalab jadotta deċiżjonijiet li jkollhom effetti ġuridiċi fuq l-Unjoni, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni tqis l-aktar informazzjoni xjentifika reċenti u informazzjoni rilevanti oħra trażmessa lill-Kummissjoni, f’konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.
Għal dan il-għan, u abbażi ta’ dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill, jew lill-korpi preparatorji tiegħu fi żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa tas-CCSBT, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għad-diskussjoni u l-approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f’isem l-Unjoni.
Jekk matul laqgħa tal-Kummissjoni Estiża CCSBT ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil, inkluż fuq il-post, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis elementi ġodda.