IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.7.2023
COM(2023) 433 final
2023/0279(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kummissjoni Estiża tal-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2019/824
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-laqgħat tal-Kummissjoni Estiża tal-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar għall-perjodu 2024-2028 b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar
Bl-istabbiliment tal-Kummissjoni tal-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar (CCSBT), il-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar (Konvenzjoni CSBST) timmira li tiżgura l-konservazzjoni u l-aħjar użu tat-tonna tan-Nofsinhar. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Mejju 1994.
L-Unjoni Ewropea hija parti kontraenti għall-Kummissjoni Estiża tas-CCSBT, wara li approvat il-Konvenzjoni fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2437.
2.2.Il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonn tan-Nofsinhar
Is-CCSBT hija l-korp stabbilit mill-Konvenzjoni tal-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar biex ikun responsabbli mill-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona ta’ distribuzzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar. Billi l-Konvenzjoni hija ristretta għal stati, is-CCSBT stabbiliet “il-Kummissjoni Estiża tas-CCSBT”, li tinkludi entitajiet tas-sajd u l-Unjoni Ewropea flimkien mal-membri tas-CCSBT. Il-Kummissjoni Estiża tas-CCSBT tipprepara deċiżjonijiet li jiġu mbagħad formalment endorsjati mis-CCSBT. Il-miżuri tas-CCSBT għall-konservazzjoni, il-ġestjoni u l-użu ottimu tat-tonna tan-Nofsinhar jistgħu jsiru vinkolanti għall-Unjoni Ewropea.
Bħala membru tal-Kummissjoni Estiża tas-CCSBT, l-Unjoni Ewropea hija intitolata tipparteċipa u tivvota fid-deċiżjonijiet tagħha. Is-CCSBT tieħu d-deċiżjonijiet tagħha b’kunsens.
2.3.Deċiżjonijiet tas-CCSBT
Is-CCSBT għandha l-awtorità li tadotta miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ infurzar għas-sajd taħt ir-responsabbiltà tagħha, li huma vinkolanti fuq il-partijiet kontraenti.
Skont l-Artikolu 8(7) tal-Konvenzjoni CSBT, il-miżuri jidħlu fis-seħħ immedjatament mal-adozzjoni mis-CCSBT.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea
Il-pożizzjoni li tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-laqgħat annwali tal-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs) bħalissa hija stabbilita permezz ta’ approċċ b’żewġ saffi. Deċiżjoni tal-Kunsill tistipula l-prinċipji ta’ gwida u orjentazzjonijiet tal-pożizzjoni tal-UE fuq bażi pluriennali, u minn hemm ’il quddiem din il-pożizzjoni tiġi aġġustata għal kull laqgħa annwali permezz ta’ dokumenti informali tas-servizzi tal-Kummissjoni li jridu jiġu endorsjati mill-Kunsill.
Għas-CCSBT, dan l-approċċ huwa implimentat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/824 tal-14 ta’ Mejju 2019, li tistipula l-pożizzjoni tal-UE fis-CCSBT għall-perjodu 2019-2023. Id-Deċiżjoni fiha prinċipji ġenerali, iżda kemm jista’ jkun tqis ukoll l-ispeċifiċitajiet tas-CCSBT. Barra minn hekk, tistipula l-proċess standard għall-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-UE kull sena kif mitlub mill-Istati Membri.
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/824 inkorporat il-prinċipji tal-politika komuni tas-sajd il-ġdida, kif stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, filwaqt li tqis ukoll l-objettivi stipulati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-politika komuni tas-sajd. Barra minn hekk, aġġustat il-pożizzjoni tal-Unjoni għat-Trattat ta’ Liżbona.
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/824 tipprevedi rieżami tal-pożizzjoni tal-Unjoni qabel il-laqgħa annwali tal-2024. Għalhekk, din il-proposta tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni fis-CCSBT għall-perjodu 2024-2028, u b’hekk tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/824.
Fir-rigward tas-sajd, din ir-reviżjoni tqis il-Patt Ekoloġiku Ewropew, notevolment l-Istrateġiji għall-Bijodiversità, l-Adattament għat-Tibdil Klimatiku u “Mill-Għalqa sal-Platt”. Tqis ukoll l-Istrateġija għall-Plastiks u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero. Barra minn hekk, tqis ukoll il-Komunikazzjoni Konġunta dwar il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
“Atti li jkollhom effetti legali” jinkludu atti li jkollhom effetti legali permezz tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni, u l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti taħt id-dritt internazzjonali, iżda huma “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
Is-CCSBT hija korp stabbilit permezz ta’ ftehim, il-Konvenzjoni CSBT.
L-atti li s-CCSBT tintalab tadotta jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali. Dawn se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni CSBT u huma kapaċi jinfluwenzaw deċiżament il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż:
·ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat;
·ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd; u
·ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni.
L-atti previsti la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni CSBT.
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni Ewropea. Jekk l-att ikollu żewġ miri jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn il-miri jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-mira jew komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw is-sajd. Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 huwa l-bażi ġuridika li jistipula l-prinċipji li għandhom jiġu riflessi f’din il-pożizzjoni.
Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 43(2) tat-TFUE. Id-Deċiżjoni għandha tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/824, li tkopri l-perjodu 2019-2023.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 43(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2023/0279 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kummissjoni Estiża tal-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2019/824
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/2437, l-Unjoni Ewropea kkonkludiet il-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar (“Konvenzjoni CSBT”), li stabbiliet il-Kummissjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar (“CCSBT”).
(2)Is-CCSBT hija responsabbli mill-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona ta’ distribuzzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar. Billi l-Konvenzjoni CSBT hija ristretta għall-Istati, is-CCSBT stabbiliet “il-Kummissjoni Estiża tas-CCSBT”, li tinkludi entitajiet tas-sajd u l-Unjoni flimkien mal-Membri tas-CCSBT. Fi ħdan is-CCSBT, il-Kummissjoni Estiża tas-CCSBT tħejji d-deċiżjonijiet li jiġu mbagħad formalment endorsjati mis-CCSBT. Is-CCSBT tadotta miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni għall-konservazzjoni, il-ġestjoni u l-użu ottimu tat-Tonna tan-Nofsinhar. Tali miżuri jistgħu jsiru vinkolanti għall-Unjoni.
(3)Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u li jkunu ġestiti b’mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandha tfittex li tiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi marini ħajjin jirrestawra u jmantni l-popolazzjoni tal-ispeċijiet mistada ogħla mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Jipprevedi wkoll li l-Unjoni tieħu miżuri ta’ ġestjoni u ta’ konservazzjoni bbażati fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, tappoġġja l-iżvilupp ta’ għarfien u pariri xjentifiċi, gradwalment telimina l-iskartar u tippromwovi metodi tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u l-evitar u t-tnaqqis, kemm jista’ jkun, ta’ qabdiet mhux mixtieqa, u trażżan l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistema marina u r-riżorsi tas-sajd. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 speċifikament jipprevedi li dawk l-objettivi u l-prinċipji għandhom jiġu applikati mill-Unjoni fit-twettiq tar-relazzjonijiet tas-sajd esterni tagħha.
(4)F’konformità mal-Istrateġiji għall-Bijodiversità, l-Adattament għat-Tibdil Klimatiku u “mill-Għalqa sal-Platt”, huwa essenzjali li tiġi protetta n-natura u titreġġa’ lura d-degradazzjoni tal-ekosistemi. Ir-riskji li jirriżultaw mit-tibdil klimatiku u t-telf tal-bijodiversità ma jridux jippreġudikaw id-disponibbiltà tal-oġġetti u s-servizzi li ekosistemi marini f’saħħithom jipprovdu lis-sajjieda, lill-komunitajiet kostali u lill-umanità inġenerali.
(5)L-istrateġija għall-Plastiks tirreferi għal miżuri speċifiċi biex jitnaqqas il-plastiks u t-tniġġis tal-baħar kif ukoll it-telf jew l-abbandun tal-irkaptu tas-sajd fil-baħar. Barra minn hekk, il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero jimmira li jnaqqas 50 % tal-iskart tal-plastik fil-baħar u 30 % tal-mikroplastiċi rilaxxati fl-ambjent.
(6)Skont il-Komunikazzjoni Konġunta dwar il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani, il-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiversità marini huma prijoritajiet ewlenin taħt l-azzjoni esterna tal-UE. L-UE hija l-aktar attur prominenti fl-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) u fil-korpi tas-sajd madwar id-dinja. Hemmhekk, l-UE tippromwovi s-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut, tippromwovi t-teħid ta’ deċiżjonijiet trasparenti abbażi ta’ parir xjentifiku sod, ittejjeb ir-riċerka xjentifika, u ssaħħaħ il-konformità.
(7)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tas-CCSBT għall-perjodu 2024-2028, minħabba li l-miżuri ta’ konservazzjoni u infurzar tas-CCSBT se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni u jistgħu jinfluwenzaw deċiżament il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008; ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009; u r-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(8)Bħalissa l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tas-CCSBT hija stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/824. Huwa xieraq li dik id-Deċiżjoni titħassar u li tiġi stabbilita Deċiżjoni ġdida għall-perjodu 2024-2028.
(9)Fid-dawl tan-natura evolventi tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona ta’ distribuzzjoni tat-tonna tan-Nofsinhar u l-ħtieġa konsegwenti li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-iżviluppi l-ġodda, inkluż informazzjoni xjentifika ġdida u informazzjoni rilevanti oħra preżentata qabel jew matul il-laqgħat tas-CCSBT, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri għall-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni għall-perjodu 2024-2028, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kummissjoni Estiża tal-Konvenzjoni għall-Konservazzjoni tat-Tonna tan-Nofsinhar (CCSBT) hija stipulata fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
L-ispeċifikazzjoni minn sena għall-oħra tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-Kummissjoni Estiża tas-CCSBT għandha ssir f’konformità mal-Anness II.
Artikolu 3
Il-pożizzjoni tal-Unjoni stipulata fl-Anness I għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, l-aktar tard, għal-laqgħa annwali tal-Kummissjoni Estiża tas-CCSBT fl-2029.
Artikolu 4
Id-Deċiżjoni (UE) 2019/824 hija mħassra.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President