European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/649

10.2.2025

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Jannar 2025

li tapprova l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju ta' Malta

(C/2025/649)

Il-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2024/1263, u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)

Fit-30 ta' April 2024 daħal fis-seħħ qafas ta' governanza ekonomika tal-UE riformat. Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali (1), flimkien mar-Regolament (KE) Nru 1467/97 emendat dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (2), u d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri emendata (3) huma l-elementi ewlenin tal-qafas riformat ta' governanza ekonomika tal-UE. Il-qafas għandu l-għan li jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, u tkabbir sostenibbli u inklużiv u r-reżiljenza permezz ta' riformi u investimenti, u li jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern. Huwa jippromwovi wkoll is-sjieda nazzjonali u jiffoka aktar fuq terminu medju, flimkien ma' infurzar aktar effettiv u koerenti tar-regoli.

(2)

Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-Istati Membri jissottomettu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni huma fiċ-ċentru tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika. Il-pjanijiet għandhom jimmiraw li jintlaħqu żewġ objettivi: i) l-iżgurar li, fost l-oħrajn, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja ta' tnaqqis plawżibbli, jew jibqa' f'livelli prudenti, u li d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fuq it-terminu medju, u ii) l-iżgurar tat-twettiq ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE. Għal dak il-għan, kull pjan għandu jippreżenta impenn fuq terminu medju għal perkors tan-nefqa netta (4), li effettivament jistabbilixxi restrizzjoni baġitarja għad-durata tal-pjan, li tkopri erba' jew ħames snin (skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura fi Stat Membru). Barra minn hekk, il-pjan għandu jispjega kif l-Istat Membru ser jiżgura t-twettiq tar-riformi u l-investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (inkluż dawk li jappartjenu għall-proċedura ta' żbilanċi makroekonomiċi (MIP), jekk applikabbli), u kif l-Istat Membru ser jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni. Il-perjodu għall-aġġustament fiskali jkopri perjodu ta' erba' snin, li jista' jiġi estiż sa tliet snin jekk l-Istat Membru jintrabat li jwettaq sett ta' riformi u investimenti rilevanti li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fir-Regolament (UE) 2024/1263.

(3)

Wara l-preżentazzjoni tal-pjan, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk jikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(4)

Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill irid imbagħad jadotta rakkomandazzjoni biex jistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta' impenji ta' riforma u ta' investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali.

KUNSIDERAZZJONIJIET DWAR IL-PJAN FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU TA' MALTA

(5)

Fl-20 ta' Settembru 2024, Malta ssottomettiet il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali tagħha fuq terminu medju lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Proċess qabel is-sottomissjoni tal-pjan

(6)

Sabiex jiġi inkwadrat id-djalogu li jwassal għas-sottomissjoni tal-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, fil-21 ta' Ġunju 2024, il-Kummissjoni bagħtet it-trajettorja referenzjarja (5) lil Malta, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2024/1263. Il-Kummissjoni ppubblikat it-trajettorja referenzjarja fl-20 ta' Settembru 2024 (6). It-trajettorja referenzjarja hija bbażata fuq ir-riskju u tiżgura li, sa tmiem il-perjodu ta' aġġustament fiskali u fin-nuqqas ta' aktar miżuri baġitarji lil hinn mill-perjodu ta' aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja plawżibbli 'l isfel jew jibqa' f'livelli prudenti fuq it-terminu medju, u d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb taħt it-3 % tal-PDG matul il-perjodu ta' aġġustament u jinżamm taħt dak il-valur referenzjarju fuq it-terminu medju. It-terminu medju huwa definit bħala l-perjodu ta' għaxar snin wara t-tmiem tal-perjodu ta' aġġustament. F'konformità mal-Artikoli 6, il-punt (d), 7 u 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263, it-trajettorja referenzjarja hija konsistenti wkoll mal-parametru referenzjarju tad-defiċit, mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn u mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit. It-trajettorja referenzjarja ta' Malta tistabbilixxi li, abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni li jsostnu l-gwida minn qabel trażmessa f'Ġunju 2024 u jekk wieħed jassumi perjodu ta' aġġustament ta' 4 snin, in-nefqa netta ma għandhiex tikber b'aktar mill-valuri pprovduti fit-Tabella 1. Dan jikkorrispondi għal tkabbir medju nett fin-nefqa ta' 5,9 % matul il-perjodu ta' aġġustament (2025–2028).

Tabella 1: Trajettorja referenzjarja pprovduta mill-Kummissjoni lil Malta fil-21 ta' Ġunju 2024

 

2025

2026

2027

2028

Medja 2025–2028

Tkabbir massimu fin-nefqa netta (annwali, %)

6,0

5,8

5,9

5,7

5,9

Sors: Kalkoli tal-Kummissjoni.

(7)

F'konformità mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2024/1263, Malta u l-Kummissjoni kienu involuti fi djalogu tekniku minn Ġunju sa Settembru 2024. Id-djalogu ffoka fuq il-perkors tan-nefqa netta previst minn Malta u s-suppożizzjonijiet sottostanti (b'mod partikolari l-impatt mistenni tar-reviżjoni tal-parametri referenzjarji fuq il-PDG), kif ukoll it-twettiq previst ta' riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni fi tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, is-sigurtà tal-enerġija u l-bini tal-kapaċitajiet tad-difiża.

(8)

F'Settembru 2024, f'konformità mal-Artikolu 11(3) u 36(1), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2024/1263, skont l-informazzjoni pprovduta minn Malta fil-pjan tagħha, Malta kienet involuta fi proċess ta' konsultazzjoni mas-sħab soċjali. Skont l-informazzjoni pprovduta minn Malta fil-pjan tagħha, il-miżuri u l-inizjattivi fil-pjan ġew ikkonsultati mal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), pjattaforma li tlaqqa' s-sħab soċjali primarji f'Malta.

Proċessi relatati oħra

(9)

Fis-26 ta' Lulju 2024, il-Kunsill stabbilixxa l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv f'Malta minħabba nuqqas ta' konformità mal-kriterju tad-defiċit (7). Din ir-Rakkomandazzjoni tikkoinċidi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern f'Malta (8). L-adozzjoni simultanja ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet, li hija mfassla u ġġustifikata mit-tranżizzjoni għall-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika, tiżgura l-konsistenza bejn il-perkorsi ta' aġġustament rakkomandati.

(10)

Fil-15 ta' Ottubru 2024, Malta ppreżentat l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju tagħha għas-sena 2025. Il-Kummissjoni adottat opinjoni dwar dan l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju fis-26 ta' Novembru 2024 (9).

(11)

Fil-21 ta' Ottubru 2024, il-Kunsill indirizza lil Malta sensiela ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) fil-kuntest tas-Semestru Ewropew (10).

SOMMARJU TAL-PJAN U L-VALUTAZZJONI TIEGĦU MILL-KUMMISSJONI

(12)

F'konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-Kummissjoni vvalutat il-pjan kif ġej:

Kuntest: is-sitwazzjoni u l-prospetti makroekonomiċi u fiskali

(13)

L-attività ekonomika f'Malta kibret b'7,5 % fl-2023, xprunata mill-konsum privat u l-esportazzjonijiet. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija hija mistennija tikber b'5,0 % fl-2024, minħabba d-domanda domestika qawwija u l-prestazzjoni tal-esportazzjoni. Fl-2025, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied b'4,3 %, hekk kif il-konsum u l-investiment ikomplu jappoġġaw it-tkabbir. Fl-2026, il-PDG reali huwa mistenni li jiżdied b'4,3 %, hekk kif l-ekonomija żżomm il-momentum tat-tkabbir tagħha. Matul il-perjodu ta' tbassir (jiġifieri, 2024–2026), il-PDG potenzjali f'Malta huwa mistenni li jikber b'rata solida (4,9 % bħala medja), xprunata mill-kontribut b'saħħtu tax-xogħol u, xi ftit inqas, mill-akkumulazzjoni tal-kapital. Fl-2023 ir-rata tal-qgħad kienet ta' 3,5 % u l-Kummissjoni tipprojetta li fl-2024 tkun 3,2 %, fl-2025 tkun 3,1 % u fl-2026 tkun 3 %. L-inflazzjoni (deflatur tal-PDG) hija pprojettata li tonqos minn 5,3 % fl-2023 għal 2,6 % fl-2024, u hija mistennija tilħaq 2,5 % fl-2025 u 2,1 % fl-2026.

(14)

Fir-rigward tal-iżviluppi fiskali, fl-2023 id-defiċit tal-gvern estiż ta' Malta ammonta għal 4,5 % tal-PDG. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, dan mistenni li jilħaq 4 % tal-PDG fl-2024 u li jkompli jonqos għal 3,5 % tal-PDG fl-2025 u, fuq bażi ta' ebda bidla fil-politika, għal 3,1 % fl-2026. It-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea jinkludi l-abbozz tal-baġit ta' Malta għall-2025 li l-gvern ippropona lill-parlament nazzjonali f'Ottubru. Id-dejn tal-gvern estiż kien ta' 47,4 % tal-PDG fi tmiem l-2023. Skont it-Tbassir tal-Ħarifa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea, il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jiżdied għal 49,8 % tal-PDG fi tmiem l-2024. Huwa pprojettat li dan ikompli jiżdied għal 50,4 % tal-PDG fi tmiem l-2025 u 50,2 % fi tmiem l-2026. It-tbassir fiskali mill-Kummissjoni ma jqisx l-impenji ta' politika fil-pjanijiet fuq terminu medju bħala tali sakemm ma jkunux sostnuti minn miżuri ta' politika konkreti mħabbra b'mod kredibbli u speċifikati biżżejjed.

Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan

(15)

Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju ta' Malta jkopri l-perjodu 2025–2028 u jippreżenta aġġustament fiskali fuq erba' snin.

(16)

Il-pjan fih l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2024/1263.

(17)

Il-pjan jintrabat għall-perkors tan-nefqa netta indikat fit-Tabella 2, li jikkorrispondi għat-tkabbir medju nett fin-nefqa ta' 5,9 % matul is-snin 2025-2028. It-tkabbir medju tan-nefqa netta rrapportat fil-pjan matul il-perjodu ta' aġġustament 2025-2028 huwa ġeneralment konformi (11) mat-trajettorja referenzjarja trażmessa mill-Kummissjoni fil-21 ta' Ġunju 2024. Il-pjan jassumi li t-tkabbir tal-PDG potenzjali jonqos minn 5,1 % fl-2024 għal 4,8 % fl-2025 u jonqos aktar għal 4,6 % fl-2026 imbagħad jibqa' stabbli f'dak il-livell sal-2028. Barra minn hekk, il-pjan jistenna li r-rata ta' tkabbir tad-deflatur tal-PDG tonqos minn 3,1 % fl-2024 u tibqa' stabbli għal 2,6 % kull sena sal-2028.

Tabella2: Perkors tan-nefqa netta u suppożizzjonijiet ewlenin fil-pjan ta' Malta

 

2024

2025

2026

2027

2028

Medja matul il-perjodu ta' validità tal-pjan 2025–2028

Tkabbir nett fin-nefqa (annwali, %)

7,4

6,0

5,8

5,8

6,1

5,9

Tkabbir nett fin-nefqa (kumulattiv, mis-sena bażi 2023, %)

7,4

13,8

20,4

27,4

35,2

mhux applikabbli

Tkabbir tal-PDG potenzjali (%)

5,1

4,8

4,6

4,6

4,6

4,7

Inflazzjoni (tkabbir tad-deflatur tal-PDG) (%)

3,1

2,6

2,6

2,6

2,6

2,6

Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju ta' Malta u l-kalkoli tal-Kummissjoni.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għad-dejn tal-gvern estiż

(18)

Jekk il-perkors tan-nefqa netta impenjat fil-pjan u s-suppożizzjonijiet sottostanti jimmaterjalizzaw, id-dejn tal-gvern estiż, skont il-pjan, jonqos bi ftit minn 49,2 % fl-2024 għal 48,8 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028), skont it-tabella li ġejja. Wara tmiem il-perjodu ta' aġġustament, fuq it-terminu medju (jiġifieri sal-2038), il-proporzjon tad-dejn huwa mistenni li jkompli jonqos fuq it-terminu medju skont il-pjan, u jilħaq 42,3 % tal-PDG fl-2038. Għalhekk, skont il-pjan, id-dejn tal-gvern estiż jibqa' taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 60 % tal-PDG fuq it-terminu medju. Dan huwa plawżibbli abbażi tas-suppożizzjonijiet tal-pjan, peress li d-dejn ikun ipprojettat li jkun taħt is-60 % tal-PDG sal-2038 skont it-testijiet tal-istress deterministiċi kollha tal-Analiżi tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-Kummissjoni. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-dejn kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (a), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Tabella 3 Dejn tal-gvern estiż u żviluppi tal-bilanċ fil-pjan ta' Malta

 

2023

2024

2025

2026

2027

2028

2038

Dejn tal-gvern (% tal-PDG)

47,3

49,2

49,8

49,9

49,5

48,8

42,3

Bilanċ tal-gvern (% tal-PDG)

-4,5

-4,0

-3,8

-3,4

-3,0

-2,6

-2,1

Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju ta' Malta.

Implikazzjonijiet tal-impenji tan-nefqa netta tal-pjan għall-bilanċ tal-gvern estiż

(19)

Fuq il-bażi tal-perkors u s-suppożizzjonijiet tan-nefqa netta tal-pjan, id-defiċit tal-gvern estiż jonqos gradwalment minn 4 % tal-PDG fl-2024 għal 3,0 % tal-PDG fl-2027 u 2,6 % fl-2028. Għalhekk, skont il-pjan, il-bilanċ tal-gvern estiż ma jaqbiżx il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG fi tmiem il-perjodu ta' aġġustament (2028). Barra minn hekk, fl-għaxar snin ta' wara l-perjodu ta' aġġustament (jiġifieri sal-2038), id-defiċit tal-gvern ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mar-rekwiżit għad-defiċit kif stabbilit fl-Artikoli 6, il-punt (b), u 16(2) tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali

(20)

Il-profil taż-żmien tal-aġġustament fiskali, imkejjel bħala l-bidla fil-bilanċ primarju strutturali, kif deskritt fil-pjan, huwa ġeneralment lineari, kif meħtieġ mill-Artikolu 6, il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2024/1263. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mal-klawżola ta' salvagwardja mingħajr posponiment stabbilita fl-Artikolu 6, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2024/1263.

Tabella 4 Żviluppi fil-bilanċ primarju strutturali fil-pjan ta' Malta

 

2023

2024

2025

2026

2027

2028

Bilanċ primarju strutturali (% tal-PDG)

-3,5

-2,7

-2,2

-1,7

-1,2

-0,8

Bidla fil-bilanċ primarju strutturali (punti perċentwali)

mhux applikabbli

0,8

0,5

0,5

0,5

0,4

Sors: Il-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju ta' Malta.

Konsistenza mal-proċedura ta' defiċit eċċessiv

(21)

Il-perkors tan-nefqa netta stabbilit fil-pjan huwa konformi mar-rekwiżiti skont il-proċedura ta' defiċit eċċessiv (b'mod partikolari mal-aġġustament strutturali annwali minimu stabbilit fl-Artikolu 3(4), it-tielet subparagrafu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97).

Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit

(22)

Ir-rekwiżit tal-parti preventiva stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2024/1263 dwar is-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit, li għandu l-għan li jipprovdi marġni komuni relattiv għall-valur referenzjarju tad-defiċit ta' 3 % tal-PDG, japplika għal Malta mill-2028, peress li d-defiċit huwa ppjanat li jinġieb taħt it-3 % tal-PDG mill-2027. Għalhekk, fl-2028 l-aġġustament annwali fil-bilanċ primarju strutturali ma għandux ikun inqas minn 0,4 % tal-PDG jekk id-defiċit strutturali jibqa' 'l fuq minn 1,5 % tal-PDG fl-2027, biex jinkiseb marġni ta' reżiljenza komuni f'termini strutturali ta' 1,5 % tal-PDG. L-aġġustament fiskali li jirriżulta mill-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan huwa ta' 0,4 % fl-2028. Għalhekk, abbażi tal-impenji ta' politika u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan, il-perkors tan-nefqa netta mressaq fil-pjan huwa konsistenti mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit.

Konsistenza tal-pjan mas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn

(23)

Skont il-pjan, id-dejn tal-gvern estiż huwa mistenni li jibqa' taħt is-60 % tal-PDG matul il-perjodu ta' aġġustament kollu. Għalhekk, is-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn ma tapplikax skont il-pjan.

Suppożizzjonijiet makroekonomiċi tal-pjan

(24)

Il-pjan huwa bbażat fuq sett ta' suppożizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali li huwa konformi mas-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni mibgħuta lill-Istati Membri fil-21 ta' Ġunju 2024. Dan iqis l-informazzjoni addizzjonali disponibbli mqabbla mat-trajettorja referenzjarja u tinkludi indikaturi makro u fiskali aġġornati kif xieraq. L-impatt ta' dan l-aġġornament ma jaffettwax b'mod sinifikanti t-tkabbir medju tan-nefqa netta fil-pjan imqabbel mat-trajettorja referenzjarja.

Strateġija fiskali tal-pjan

(25)

Skont l-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, l-impenji fuq in-nefqa netta ser jitwettqu prinċipalment permezz ta' trażżin fl-infiq. Is-sett indikattiv ta' miżuri ta' politika jinkludi tnaqqis gradwali tad-dipendenza fuq is-sussidji tal-enerġija ffaċilitati minn riformi strutturali u investimenti strateġiċi fis-settur tal-enerġija biex jiġu promossi sorsi ta' enerġija rinnovabbli u tissaħħaħ l-effiċjenza enerġetika. L-ispeċifikazzjoni preċiża tal-miżuri ta' politika rilevanti trid tiġi kkonfermata jew aġġustata u kkwantifikata fil-baġits annwali. Fl-istess ħin, hemm riskji għall-implimentazzjoni tal-istrateġija fiskali indikattiva fil-pjan, li jirriżultaw minn inċertezza li għadha għolja dwar l-ispeċifikazzjoni preċiża tal-miżuri. Barra minn hekk, l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju għall-2025 jispeċifika l-miżuri ta' politika li permezz tagħhom ser jinkiseb l-impenn tan-nefqa netta għall-2025 (12).

Intenzjonijiet ta' riforma u investiment fil-pjan biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew fejn jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni

(26)

Il-pjan jiddeskrivi l-intenzjonijiet ta' politika li jikkonċernaw ir-riformi u l-investimenti biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, speċjalment is-CSRs, u biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-pjan jinkludi 143 riforma u investiment li jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-UE, li minnhom 32 huma appoġġati finanzjarjament mill-RRF u 23 mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni.

(27)

Fir-rigward tal-prijorità komuni ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inkluż l-objettivi klimatiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/1119 u l-objettivi deskritti fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECP) ta' Malta għall-2021–2030, il-pjan jinkludi miżuri dwar is-simplifikazzjoni tal-proċessi għall-għoti ta' permessi għall-impjanti tal-enerġija rinnovabbli (inklużi fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza (RRP)) u l-kontinwazzjoni ta' programmi li jħeġġu l-adozzjoni ta' teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli mill-unitajiet domestiċi u min-negozji. Dawn il-miżuri, fost l-oħrajn, għandhom l-għan li jindirizzaw: is-CSRs dwar it-tnaqqis tad-dipendenza fuq il-fjuwils fossili u l-promozzjoni ta' sorsi rinnovabbli tal-enerġija maħruġa mill-Kunsill mill-2020 sal-2024. Il-pjan jinkludi wkoll miżuri għall-promozzjoni tal-modifika retroattiva ta' bini privat u pubbliku mhux residenzjali (inklużi fl-RRP) u għall-adozzjoni ta' awditi tal-enerġija mill-SMEs, li, flimkien ma' miżuri oħra, huma mistennija jikkontribwixxu għas-CSRs tal-2019-2023 dwar l-effiċjenza enerġetika. Il-pjan fih ukoll investimenti kbar fl-impjanti tal-enerġija mill-iskart u tal-ipproċessar organiku kif ukoll riformi inklużi fl-RRP relatati mal-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni, li, fost l-oħrajn, huma mistennija jikkontribwixxu għas-CSR tal-2020 dwar il-ġestjoni tal-iskart. Il-miżuri inklużi fil-pjan dwar l-ottimizzazzjoni tal-faċilitajiet tal-ilma tax-xorb għandhom l-għan, fost l-oħrajn, li jikkontribwixxu għas-CSR tal-2019 dwar il-ġestjoni u l-effiċjenza tar-riżorsi. Il-miżuri fil-pjan biex jissaħħu l-mezzi u l-infrastruttura tat-trasport sostenibbli f'diversi modi ta' trasport, u miżuri oħra inkluż dawk fl-RRP, għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs dwar it-tnaqqis tal-konġestjoni u tal-emissjonijiet mit-trasport bit-triq maħruġa mill-Kunsill mill-2019 sal-2024. Il-pjan jinkludi wkoll miżuri li jsaħħu r-reżiljenza, il-kapaċità, u s-sigurtà tal-infrastruttura diġitali tal-Gvern (inkluża fl-RRP), li jtejbu l-aċċess għat-teknoloġiji diġitali (parzjalment permezz ta' miżuri fl-RRP), u miżuri oħra bħat-titjib tal-portal online tar-Reġistru tan-Negozju ta' Malta, li, fost l-oħrajn, huma mistennija jikkontribwixxu għas-CSR tal-2020 dwar l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni diġitali.

(28)

Fir-rigward tal-prijorità komuni ta' reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-pjan jinkludi miżuri biex jiġu introdotti mekkaniżmi ta' inċentiv biex il-ħajja tax-xogħol tiġi estiża lil hinn mill-età tal-irtirar u jiġi diversifikat l-introjtu tal-irtirar. Dawn il-miżuri, fost oħrajn fil-pjan, għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSR tal-2019 dwar is-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet. Il-pjan jinkludi wkoll miżuri biex jiġu żgurati provvisti mediċi kritiċi, tissaħħaħ il-kura primarja, u tiġi żgurata forza tax-xogħol sostenibbli, anke permezz tar-riforma tal-RRP biex jittejjeb il-benesseri tal-ħaddiema barranin li, fost l-oħrajn, għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs tal-2019 u l-2020 dwar it-tisħiħ tas-sostenibbiltà u r-reżiljenza tas-sistema tal-kura tas-saħħa. Il-miżuri fil-pjan dwar it-tisħiħ tat-tagħlim tul il-ħajja, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-kwalità u l-aċċess għall-edukazzjoni, u miżuri oħra inkluż dawk fl-RRP, għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSR dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ inklużivi maħruġa mill-Kunsill fl-2019, is-CSR dwar it-tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi b'reazzjoni għat-tranżizzjoni ekoloġika tal-2023, kif ukoll is-CSR dwar il-kwalità u r-rilevanza għas-suq tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiġu indirizzati l-eżiti edukattivi baxxi tal-2024. Barra minn hekk, il-pjan jinkludi miżuri li jappoġġaw il-kapital ta' riskju u li jġeddu l-qafas nazzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni, li fost l-oħrajn, għandhom l-għan li jindirizzaw is-CSR tal-2020 dwar il-promozzjoni tal-investiment privat u s-CSRs tal-2019 u l-2020 dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni. Il-miżuri biex jissaħħaħ is-servizz ta' prosekuzzjoni (inklużi fl-RRP), u biex jitkomplew l-isforzi għall-identifikazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni (inklużi fl-RRP), fost l-oħrajn, ser ikollhom l-għan li jindirizzaw is-CSRs dwar it-tisħiħ tal-indipendenza u l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja maħruġa mill-Kunsill fl-2019 u l-2020 u s-CSR dwar it-tisħiħ tal-qafas ta' governanza maħruġ mill-Kunsill fl-2019. Barra minn hekk, il-pjan jinkludi miżuri dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u t-tassazzjoni, bħall-isforzi biex titkompla l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Unità tal-Analiżi tal-Intelligence Finanzjarja (FIAU) 2023-2026, u biex tiġi introdotta leġiżlazzjoni ġdida dwar il-pagamenti li jkunu deħlin u ħerġin (inklużi fl-RRP), li ser ikollha l-għan li tindirizza s-CSR dwar il-progress fit-tisħiħ tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus maħruġ mill-Kunsill fl-2019 u l-2020 u s-CSRs dwar it-trażżin tal-prattiki ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa maħruġa mill-Kunsill mill-2019 sal-2024.

(29)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tas-sigurtà tal-enerġija, il-pjan jinkludi miżuri li jissimplifikaw il-proċessi tal-permessi għall-impjanti tal-enerġija rinnovabbli u jappoġġaw l-investiment fl-enerġija rinnovabbli kif ukoll isaħħu l-grilja tal-elettriku u l-kapaċità tal-ħżin (inklużi wkoll fl-RRP).

(30)

Fir-rigward tal-prijorità komuni tal-kapaċitajiet tad-difiża, il-pjan jinkludi investimenti fl-immodernizzar tal-infrastruttura militari, fit-tisħiħ taċ-ċibersigurtà u fl-allinjament mal-Istrateġija għall-Industrija tad-Difiża Ewropea.

(31)

Il-pjan jipprovdi informazzjoni dwar il-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà mal-fondi tal-politika ta' koeżjoni u l-RRP ta' Malta f'diversi oqsma inkluż id-diġitalizzazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, il-promozzjoni tal-mobbiltà urbana multimodali sostenibbli, it-trawwim tar-reżiljenza fis-settur tas-saħħa billi tiġi żgurata forza tax-xogħol b'saħħitha u sostenibbli u tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-suq tax-xogħol, l-avvanz tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-ħiliet.

(32)

Il-pjan jipprovdi ħarsa ġenerali tal-ħtiġijiet tal-investiment pubbliku ta' Malta fir-rigward tal-prijoritajiet komuni tal-UE u għandu l-għan li jikkontribwixxi biex dawn jintlaħqu. Għal tranżizzjoni ekoloġika ġusta, Malta tidentifika ħtiġijiet ta' investiment relatati mas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, l-adattament għat-tibdil fil-klima, l-ekonomija ċirkolari, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-protezzjoni tal-bijodiversità. Għal tranżizzjoni diġitali ġusta, il-pjan jidentifika ħtiġijiet ta' investiment relatati mal-ħiliet diġitali, it-trasformazzjoni diġitali tan-negozji u infrastruttura diġitali sigura u sostenibbli. B'rabta mar-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-ħtiġijiet tal-investimenti huma identifikati fil-politiki tax-xogħol attivi u fis-servizzi soċjali, fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal, fit-tagħlim tul il-ħajja u fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), fl-infrastruttura tas-saħħa u fit-turiżmu sostenibbli. B'rabta mas-sigurtà tal-enerġija, il-ħtiġijiet tal-investimenti huma identifikati fl-infrastruttura tal-enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari l-enerġija solari u eolika, l-effiċjenza enerġetika u l-iżvilupp ta' grilji intelliġenti u soluzzjonijiet għall-ħżin tal-enerġija. B'rabta mal-bini tal-kapaċitajiet tad-difiża, Malta tidentifika ħtiġijiet ta' investiment fil-kapaċitajiet tad-difiża tagħha biex tiżgura s-sigurtà nazzjonali u Ewropea.

Konklużjoni tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni

(33)

B'mod ġenerali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-pjan ta' Malta jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2024/1263.

KONKLUŻJONI ĠENERALI TAL-KUNSILL

(34)

Il-Kunsill jilqa' l-pjan fiskali-strutturali fuq terminu medju ta' Malta u jqis li l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu twassal biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi sodi u tiġi appoġġata s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku kif ukoll tkabbir sostenibbli u inklużiv.

(35)

Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjan. Madankollu, il-Kunsill jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet futuri f'dokument separat mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.

(36)

Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-perkors tan-nefqa netta u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi ewlenin fil-pjan, inkluż fir-rigward tal-gwida minn qabel mill-Kummissjoni, kif ukoll l-implikazzjonijiet tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan għad-defiċit u d-dejn tal-gvern. Il-Kunsill jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali, filwaqt li f'xi każijiet huma differenti mis-suppożizzjonijiet tal-Kummissjoni, inkluż biex jipprovdu għal data makroekonomika u fiskali aġġornata, huma ġeneralment debitament ġustifikati u sostnuti minn argumenti ekonomiċi sodi. Il-Kunsill jieħu nota tal-istrateġija fiskali wiesgħa tal-pjan u r-riskji għall-prospettiva, li jistgħu jaffettwaw il-materjalizzazzjoni tax-xenarju makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet sottostanti u t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tal-pjan. B'mod partikolari, il-Kunsill jilqa' wkoll li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kienu involuti fil-livell nazzjonali qabel il-preżentazzjoni tal-pjan. Il-Kunsill jinnota wkoll li r-riskji ġeopolitiċi jistgħu jagħmlu pressjoni fuq in-nefqiet tad-difiża.

(37)

Il-Kunsill jistenna li Malta tkun lesta taġġusta l-istrateġija fiskali tagħha kif meħtieġ biex tiżgura t-twettiq tal-perkors tan-nefqa netta tagħha. Il-Kunsill huwa determinat li jissorvelja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u fiskali, inkluż dawk sottostanti għax-xenarju tal-pjan.

(38)

Il-Kunsill iqis li aktar diskussjonijiet biex jinstab fehim komuni dwar l-implikazzjonijiet ta' sorveljanza annwali tar-rati ta' tkabbir kumulattiv tan-nefqa netta huma meħtieġa fil-ħin għaċ-ċiklu li jmiss ta' sorveljanza fiskali.

(39)

Il-Kunsill jieħu nota tad-deskrizzjoni tal-Kummissjoni tar-riformi u l-ħtiġijiet u l-intenzjonijiet ta' investiment, b'reazzjoni għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, u jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat it-twettiq ta' tali riformi u investimenti. Il-Kunsill, abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni, ser jivvaluta tali riformi u investimenti u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

(40)

Il-Kunsill jistenna b'interess ir-rapporti ta' progress annwali minn Malta li għandu jkun fihom, b'mod partikolari, informazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill, u l-implimentazzjoni ta' riformi u investimenti usa' fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

(41)

F'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1263, il-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit fil-pjan għandu jiġi rrakkomandat mill-Kunsill lil Malta.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li Malta:

1.

Tiżgura li t-tkabbir fin-nefqa netta ma jaqbiżx il-massimi stabbiliti fl-Anness I ta' din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. DOMAŃSKI


(1)  Ir-Regolament (UE) 2024/1263 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2024 dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (ĠU L, 2024/1263, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 tad-29 ta' April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta' April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj).

(4)  In-nefqa netta kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2024/1263, jiġifieri n-nefqa tal-gvern netta minn (i) nefqa fuq l-imgħax, (ii) miżuri diskrezzjonali relatati mad-dħul, (iii) nefqa fuq il-programmi tal-Unjoni ffinanzjata kompletament minn dħul minn fondi tal-Unjoni, (iv) nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni, (v) elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad u (vi) miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra.

(5)  Gwida minn qabel trażmessa lill-Istati Membri u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tinkludi trajettorji mingħajr u b'estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament (li jkopri 4 u 7 snin, rispettivament). Dan jinkludi wkoll il-kundizzjonijiet inizjali ewlenin u s-suppożizzjonijiet sottostanti użati fil-qafas tal-projezzjoni tad-dejn tal-gvern fuq terminu medju tal-Kummissjoni. It-trajettorja referenzjarja ġiet ikkalkolata abbażi tal-metodoloġija deskritta fid-Debt Sustainability Monitor 2023 (https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/debt-sustainability-monitor-2023_en). Din hija bbażata fuq it-Tbassir tar-Rebbiegħa 2024 tal-Kummissjoni Ewropea u l-estensjoni tiegħu fuq terminu medju sal-2033, u t-tkabbir tal-PDG fit-tul u l-ispejjeż tat-tixjiħ huma konformi mar-rapport konġunt tal-Kummissjoni u tal-Kunsill 2024 Ageing Report(https://economy-finance.ec.europa.eu/publications/2024-ageing-report-economic-and-budgetary-projections-eu-member-states-2022-2070_en).

(6)   https://economy-finance.ec.europa.eu/economic-and-fiscal-governance/national-medium-term-fiscal-structural-plans_en#malta.

(7)  ĠU L, 1.8.2024, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dec/2024/2128/oj.

(8)  Ir-Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv f'Malta, 26.11.2024, COM(2024) 955 final.

(9)  L-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju ta' Malta, 26.11.2024, C(2024) 9061 final.

(10)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2024 dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali ta' Malta.

(11)  Id-differenza mhix viżibbli minħabba l-ittondjar.

(12)  Ara L-Opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-Abbozz ta' Pjan Baġitarju ta' Malta, 26.11.2024, C(2024) 9061 final.


ANNESS I

Rati massimi ta' tkabbir tan-nefqa netta

(rati ta' tkabbir annwali u kumulattivi, f'termini nominali)

Malta

Snin

2025

2026

2027

2028

Rati ta' tkabbir (%)

Annwali

6,0

5,8

5,8

6,1

Kumulattiv (*1)

13,8

20,4

27,4

35,1


(*1)  Ir-rati ta' tkabbir kumulattivi huma kkalkolati b'referenza għas-sena bażi tal-2023. Ir-rati kumulattivi ta' tkabbir jintużaw fil-monitoraġġ annwali tal-konformità ex post fil-kont ta' kontroll.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/649/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)