IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.10.2024
COM(2024) 471 final
2024/0259(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
·Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-istrument legali għall-approvazzjoni tal-iffirmar tal-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Użbekistan (minn hawn ’il quddiem l-“EPCA” jew “il-Ftehim”).
Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u r-Repubblika tal-Użbekistan (l-Użbekistan) bħalissa huma bbażati fuq il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (minn hawn ’il quddiem “FSK”) iffirmat fi Brussell fil-21 ta’ Ġunju 1996, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1999.
Fid-9 ta’ Ottubru 2017, il-Kunsill adotta Deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mal-Użbekistan għal Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni. In-negozjati tal-Ftehim bdew f’Novembru 2018. L-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Użbekistan iffinalizzaw in-negozjati tagħhom dwar il-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni f’Ġunju 2022. Fis-6 ta’ Lulju 2022, ġie inizjalat it-test tal-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni mill-kapiijet negozjaturi.
Il-Ftehim huwa pass importanti lejn it-tisħiħ tal-impenn politiku u ekonomiku tal-UE mal-Asja Ċentrali. Huwa se jipprovdi l-bażi għal impenn bilaterali aktar effettiv bejn l-UE u l-Użbekistan billi jsaħħaħ id-djalogu politiku u jtejjeb il-kooperazzjoni fuq firxa wiesgħa ta’ oqsma.
Il-Ftehim imsaħħaħ ta’ sħubija u kooperazzjoni jkopri l-klawżoli standard tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), l-Armi ta’ Qerda Massiva (AQM), l-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir (“SALW”, Small Arms and Light Weapons) u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Huwa jinkorpora wkoll il-kooperazzjoni f’oqsma bħalma huma s-saħħa, l-ambjent, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, it-taxxa, l-edukazzjoni u l-kultura, ix-xogħol, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, ix-xjenza u t-teknoloġija, u t-trasport. Il-Ftehim jindirizza wkoll il-kooperazzjoni legali, l-istat tad-dritt, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni. Il-parti kummerċjali tal-Ftehim hija mistennija li tiżgura ambjent regolatorju aħjar għall-operaturi ekonomiċi u għalhekk se ġġib benefiċċji ekonomiċi sostanzjali għan-negozji tal-UE. L-EPCA ma jikkostitwixxix inizjattiva fil-mandat tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT).
Il-Ftehim jistabbilixxi qafas istituzzjonali magħmul mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, il-Kumitat ta’ Kooperazzjoni u l-Kumitat ta’ Kooperazzjoni Parlamentari (ara t-Titolu VII “Dispożizzjonijiet istituzzjonali, ġenerali u finali”), Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, u jippermetti l-istabbiliment ta’ sottokumitati u korpi oħra biex jassistu lill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni. Huwa jistabbilixxi wkoll mekkaniżmu għat-twettiq tal-obbligi biex jiġi indirizzat in-nuqqas minn waħda mill-Partijiet li tissodisfa l-obbligi assunti skont il-Ftehim.
Mad-dħul fis-seħħ tiegħu, il-Ftehim jieħu post il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, iffirmat fil-21 ta’ Ġunju 1996.
·Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
L-EPCA jibni fuq l-ambizzjonijiet u l-ħtiġijiet tar-Repubblika tal-Użbekistan u tal-UE rispettivament biex imexxu ’l quddiem ir-relazzjoni bilaterali tagħhom, fl-ispirtu tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Asja Ċentrali tas-17 ta’ Ġunju 2019. Il-Ftehim se jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Asja Ċentrali adottata fil-15 ta’ Mejju 2019.
L-EPCA jimmodernizza l-FSK tal-1999, filwaqt li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu f’oqsma ġodda ta’ kooperazzjoni u jaġġorna b’mod sinifikanti l-qafas regolatorju għar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn il-partijiet f’konformità mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u l-ftehimiet ekonomiċi reġjonali.
Il-Ftehim, ladarba jiġi implimentat, se jiġi kkomplementat b’mod utli mill-mekkaniżmu ta’ Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (SĠP+), li minnu bbenefikat ir-Repubblika tal-Użbekistan mill-2021. Din l-iskema toffri preferenzi tariffarji addizzjonali bi skambju għall-konformità ma’ 27 konvenzjoni fundamentali dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza, l-ambjent u x-xogħol.
·Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
L-EPCA jirrispetta bis-sħiħ it-Trattati u jippreserva l-integrità u l-awtonomija tal-ordni ġuridiku tal-Unjoni. Huwa jippromwovi l-valuri, l-objettivi u l-interessi tal-Unjoni, u jiżgura l-konsistenza, l-effettività u l-kontinwità tal-politiki u tal-azzjonijiet tagħha.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
·Bażi legali
–Bażi legali sostantiva
Skont il-każistika, jekk eżami ta’ miżura tal-UE jiżvela li għandha żewġ għanijiet jew li tinkludi żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn ikun identifikabbli bħala l-għan jew il-komponent ewlieni jew predominanti, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, il-miżura għandha tkun ibbażata fuq bażi legali waħda, jiġifieri, dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti. B’mod eċċezzjonali, jekk jiġi stabbilit, min-naħa l-oħra, li l-miżura għandha simultanjament għadd ta’ objettivi, jew diversi komponenti, li huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, biex ikunu applikabbli diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat, il-miżura jrid ikollha l-bosta bażijiet legali korrispondenti (ara, f’dan is-sens, is-Sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l-Kunsill, C-178/03, EU:C:2006:4, il-punti 42 u 43; tal-11 ta’ Ġunju 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-377/12, EU:C:2014:1903, il-punt 34; tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-263/14, EU:C:2016:435, il-punt 44; u tal-4 ta’ Settembru 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (il-Każakistan), C-244/17, ECLI:EU:C:2018:662, il-punt 40).
F’dan il-każ partikolari, il-Ftehim għandu żewġ objettivi ewlenin u żewġ komponenti ewlenin li jaqgħu fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Għalhekk, jenħtieġ li l-bażi legali għad-deċiżjoni proposta tkun dik tal-Artikoli 207 u 209 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
Ta’ min jinnota li l-Ftehim ma jinkludix oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, u għalhekk ma jirrikjedix li l-Istati Membri jsiru Parti għal dan il-Ftehim.
–Bażi legali proċedurali
L-Artikolu 218(5) tat-TFUE jipprevedi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-Kunsill dwar l-iffirmar ta’ ftehim.
L-Artikolu 218(8) TFUE jipprevedi li l-Kunsill għandu jaġixxi permezz ta’ maġġoranza kwalifikata ħlief fiċ-ċirkostanzi elenkati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE fejn il-Kunsill għandu jaġixxi b’mod unanimu. Minħabba l-fatt li ż-żewġ komponenti predominanti tal-Ftehim huma l-politika kummerċjali u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, ir-regola tal-votazzjoni għal dan il-każ partikolari hija, għalhekk, dik tal-maġġoranza kwalifikata.
Wara l-awtorizzazzjoni tal-iffirmar mill-Kunsill, f’konformità mal-Artikolu 17 tat-TUE hija l-prerogattiva tal-Kummissjoni li tirrappreżenta lill-Unjoni esternament.
·Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-Ftehim ikopri kwistjonijiet ta’ kompetenza esklużiva tal-UE, bħall-politika kummerċjali komuni, u l-parti tal-UE ta’ kompetenza parallela, bħall-politika tal-iżvilupp. Huwa jsaħħaħ id-djalogu politiku u l-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Użbekistan. Għalhekk, hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-Unjoni.
·Proporzjonalità
Il-Ftehim ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ta’ politika tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Repubblika tal-Użbekistan, bil-ħsieb li jitkomplew ir-riformi demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli bħala mezz biex jiżdiedu l-istabbiltà u s-sigurtà tar-Repubblika tal-Użbekistan. Il-Ftehim ma jirrikjedix li l-Unjoni temenda r-regoli, ir-regolamenti jew l-istandards tagħha f’kull qasam regolat.
3.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
·Konsultazzjonijiet
Il-Kunsill ġie infurmat u kkonsultat regolarment fil-Grupp ta’ Ħidma rilevanti tal-Kunsill, b’mod partikolari fil-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Ewropa tal-Lvant u l-Asja Ċentrali (COEST) u fil-Kumitat tal-Politika Kummerċjali (TPC, Trade Policy Committee), fl-istadji kollha tan-negozjati.
Il-Parlament Ewropew ġie infurmat regolarment u fil-pront matul in-negozjati.
Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-objettivi stipulati mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjar tiegħu intlaħqu, u li l-abbozz tal-Ftehim jista’ jiġi ppreżentat għall-iffirmar.
·Valutazzjoni tal-impatt
Ma saritx valutazzjoni tal-impatt, peress li l-Ftehim fil-biċċa l-kbira jaġġorna u jsaħħaħ il-FSK eżistenti, u għalhekk mhuwiex se jintroduċi oqsma ġodda sostanzjali ta’ kooperazzjoni li jkollhom impatt ekonomiku, soċjali jew ambjentali konsiderevoli. L-impatt mistenni huwa fil-biċċa l-kbira politiku - l-UE għandha l-għan li tirrinforza d-direzzjoni politika ta’ pajjiż sieħeb u li ssaħħaħ il-kapital politiku tal-UE. Jista’ jkun hemm konsegwenzi soċjali pożittivi fl-Użbekistan relatati prinċipalment mad-dispożizzjonijiet previsti dwar l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u s-sigurtà. Hija prevista wkoll żieda fil-kummerċ bħala riżultat ta’ ambjent tan-negozju mtejjeb, iżda din ma tippreżenta l-ebda riskju għal setturi speċifiċi tal-industrija fuq kull naħa, peress li l-Użbekistan u l-UE mhumiex qed jikkompetu fl-istess setturi. It-tħejjija ta’ valutazzjoni tal-impatt ma titqiesx li x’aktarx tagħti riżultati proporzjonati mar-riżorsi użati.
2024/0259 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 207 u 209, flimkien mal-Artikolu 218(5),
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Fis-16 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill awtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Repubblika tal-Użbekistan għal Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni,
(2)Filwaqt li jibnu fuq ix-xewqa tal-Partijiet li jsaħħu u jwessgħu r-relazzjonijiet b’mod ambizzjuż u innovattiv, in-negozjati tal-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (il-“Ftehim”) ġew finalizzati b’suċċess permezz tal-inizjalar tal-Ftehim fis-6 ta’ Lulju 2022,
(3)Għaldaqstant, il-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni Ewropea,
(4)F’konformità mat-Trattati, hija l-Kummissjoni li għandha tiżgura l-iffirmar tal-Ftehim, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-iffirmar tal-Ftehim Imsaħħaħ ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi.
2. It-test tal-Ftehim li għandu jiġi ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President