Brussell, 1.3.2024

COM(2024) 92 final

2024/0048(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-adeżjoni ta’ Tonga mal-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-proposta mehmuża għal Deċiżjoni tal-Kunsill tikkostitwixxi l-istrument legali għall-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea (UE), tal-adeżjoni ta’ Tonga mal-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea minn naħa u l-Istati tal-Paċifiku min-naħa l-oħra, (il-Ftehim) skont l-Artikolu 218(6) TFUE.

Fit-12 ta’ Ġunju 2002, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati għal Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) mal-Grupp ta’ pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP).

Fit-30 ta’ Lulju 2009, l-UE ffirmat FSE interim bejn l-Unjoni (dak iż-żmien il-Komunità Ewropea) minn naħa u l-Istati tal-Paċifiku min-naħa l-oħra. L-FSE interim ġie applikat provviżorjament mill-Papua New Guinea u mir-Repubblika ta’ Fiġi mill-20 ta’ Diċembru 2009 u mit-28 ta’ Lulju 2014 rispettivament.

L-Artikolu 80 tal-FSE interim jistipula l-possibilità li Gżejjer oħra tal-Paċifiku jaderixxu mal-Ftehim. Għaldaqstant, l-Istat Indipendenti ta’ Samoa u l-Gżejjer Solomon aderixxew mal-Ftehim u ilhom japplikawh b’mod provviżorju mill-31 ta’ Diċembru 2018 u mis-17 ta’ Mejju 2020, rispettivament.

Fit-13 ta’ Lulju 2023, Tonga ressqet talba lill-Kummissjoni, flimkien ma’ offerta ta’ aċċess għas-suq, biex taderixxi mal-FSE interim. Il-Kummissjoni evalwat il-pjan u qieset li hu aċċettabbli. Għaldaqstant, hija kkonkludiet in-negozjati f’isem l-Unjoni.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat

Din il-proposta timplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”, jew il-Ftehim ta’ Cotonou, li se jiġi sostitwit mill-“Ftehim UE-OSAKP” (il-Ftehim ta’ wara Cotonou)) 1 .

L-adeżjoni ta’ Tonga mal-FSE interim bejn l-UE, Fiġi, Papua New Guinea, Samoa u l-Gżejjer Solomon 2 , li huwa ftehim kummerċjali asimetriku u kompatibbli mad-WTO, issaħħaħ il-qafas legali tar-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE ma’ pajjiżi sħab u tiffaċilita l-kummerċ reċiproku. Tinkorpora wkoll lil Tonga fir-reġim ta’ regoli u istituzzjonijiet konġunti stabbiliti mill-FSE interim.

Wara l-klassifikazzjoni ta’ Tonga mill-Bank Dinji bħala pajjiż b’introjtu medju superjuri, fl-2019 il-pajjiż tneħħa mil-lista tal-pajjiżi benefiċjarji tal-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (SĠP) u ma baqax jibbenefika mill-preferenzi SĠP (aċċess mingħajr dazju u mingħajr kwoti għas-suq tal-UE) mill-1 ta’ Jannar 2021.

Mal-adeżjoni, u sakemm jitlestew il-proċeduri interni relatati mill-Partijiet tal-Paċifiku għall-Ftehim (Fiġi, Papua New Guinea, Samoa u l-Gżejjer Solomon), l-UE u Tonga għandhom japplikaw il-Ftehim b’mod proviżorju bil-kundizzjoni li jinnotifikaw lil xulxin bil-miktub dwar it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dan l-għan f’konformità mal-Artikolu 76(3) tal-Ftehim.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika fih dispożizzjonijiet dwar Żvilupp Sostenibbli (Artikolu 3), fejn il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid li l-għan tal-iżvilupp sostenibbli għandu jkun parti integrali mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim, konsistenti mal-objettivi u l-prinċipji ewlenin stabbiliti fil-Ftehim ta’ Cotonou, u b’mod speċjali l-impenn ġenerali biex jitnaqqas u eventwalment jinqered il-faqar b’mod li jkun konsistenti mal-objettivi tal-iżvilupp sostenibbli.

Il-FSE interim huwa ftehim kummerċjali orjentat lejn l-iżvilupp, li joffri aċċess asimetriku għas-suq għal Tonga u jippermettilha tipproteġi mil-liberalizzazzjoni setturi sensittivi, filwaqt li jipprovdi għadd kbir ta’ salvagwardji u klawżola għall-protezzjoni tal-industrija li għadha tibda. Fih ukoll dispożizzjonijiet dwar ir-regoli tal-oriġini li jiffaċilitaw l-esportazzjonijiet ta’ Tonga lejn l-UE. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkontribwixxu għall-objettiv ta’ Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp 3 u huma konsistenti mal-Artikolu 208 TFUE.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi Legali

Il-bażi ġuridika għal din id-Deċiżjoni tal-Kunsill hija t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-politika kummerċjali komuni, f’konformità mal-Artikolu 3(1)(e) TFUE, hija definita bħala kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

•Proporzjonalità

Din il-proposta hija meħtieġa sabiex jiġu implimentati l-impenji internazzjonali tal-Unjoni, kif stabbiliti fil-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, b’mod partikolari biex jiġu konklużi arranġamenti ġodda ta’ kummerċ kompatibbli mad-WTO li qiegħdin progressivament ineħħu l-ostakli għall-kummerċ bejn il-Partijiet u jtejbu l-kooperazzjoni fl-oqsma kollha rilevanti għall-kummerċ.

•Għażla tal-istrument

Ma jeżistix strument legali ieħor li jista’ jintuża sabiex jintlaħaq l-objettiv espress f’din il-proposta.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

•Valutazzjoni tal-impatt

Valutazzjoni tal-Impatt għas-Sostenibilità (VIS) tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika UE-AKP twettqet bejn l-2003 u l-2007. It-termini ta’ referenza għal dan il-proġett ġew ippubblikati mill-Kummissjoni Ewropea fl-2002 f’sejħa kompetittiva għal offerti. Bħala riżultat ta’ din is-sejħa għall-offerti, ingħata kuntratt qafas ta’ ħames snin lil PwC ta’ Franza f’Awwissu 2002. Verżjoni tal-abbozz tar-rapport finali tal-VIS tressqet quddiem il-partijiet ikkonċernati fl-Ewropa matul laqgħa ta’ Djalogu tas-Soċjetà Ċivili tal-UE organizzata mill-Kummissjoni Ewropea fit-23 ta’ Marzu 2007 fi Brussell, il-Belġju. Ma twettqet l-ebda VIS ġdida minħabba li din l-inizjattiva tikkonċerna adeżjoni ma’ Ftehim eżistenti li diġà qed jiġi applikat mill-Istati Gżejjer tal-Paċifiku l-oħra li l-karatteristiċi strutturali u s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tagħhom huma komparabbli ma’ dawk ta’ Tonga.

•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-approvazzjoni tal-adeżjoni ta’ Tonga mal-FSE interim mhijiex soġġetta għall-proċeduri REFIT; ma timplika ebda kostijiet għall-SMEs tal-Unjoni; u ma tqajjimx kwistjonijiet mil-lat tal-ambjent diġitali.

•Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Tonga se tibbenefika minn aċċess sħiħ mingħajr dazju u mingħajr kwoti għas-suq tal-UE għall-prodotti kollha, bi skambju għall-ftuħ gradwali tas-suq tagħha għall-prodotti tal-UE. Mhux se jkun hemm implikazzjoni baġitarja peress li l-adeżjoni mal-Ftehim se, fil-biċċa l-kbira, tkompli l-aċċess ta’ Tonga għas-suq tal-UE (bħal qabel taħt l-arranġament standard tal-SĠP) bl-istess termini ta’ preferenzi.

5.ELEMENTI OĦRA

•Benefiċċji tal-adeżjoni għall-atturi ekonomiċi

L-FSE interim jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-operaturi ekonomiċi tal-UE biex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet bejn l-ekonomiji rispettivi. Matul l-implimentazzjoni tiegħu, l-FSE interim fil-biċċa l-kbira se jeħles lill-esportaturi tal-UE ta’ prodotti industrijali lejn Tonga milli jħallsu d-dazji doganali. Il-Ftehim jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu XXIV tal-GATT 1994 (li jelimina d-dazji u regolamenti restrittivi oħra tal-kummerċ fir-rigward ta’ sostanzjalment il-kummerċ kollu bejn il-partijiet). L-offerta hija fil-biċċa l-kbira fi ħdan il-firxa tal-limitu tad-WTO, jiġifieri liberalizzazzjoni ta’ 78,9 % (f’linji tariffarji), li jikkorrispondi għal 81 % fil-volum tal-esportazzjonijiet tal-UE fuq 20 sena. Tonga se tibbenefika miż-żamma tal-aċċess tagħha għas-suq tal-UE mingħajr dazju u mingħajr kwoti.

L-FSE interim jistabbilixxi wkoll sett ta’ dixxiplini fl-oqsma tal-iżvilupp sostenibbli; Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (TBT); u miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (SPS) fost oħrajn. Barra minn hekk, il-Partijiet għall-FSE interim jipparteċipaw fil-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit skont il-Ftehim. Il-possibilità li l-UE tagħmel użu mill-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim bilaterali previst skont il-Ftehim tikkontribwixxi għall-għan tal-iżgurar ta’ ambjent trasparenti, mhux diskriminatorju u prevedibbli għall-operaturi tal-UE fil-pajjiżi tal-Paċifiku.

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Tonga se tieħu sehem fil-Kumitat tal-Kummerċ, stabbilit skont l-Artikolu 68 tal-FSE interim, li għandu jittratta l-kwistjonijiet kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Ftehim, inkluż il-monitoraġġ u r-rieżami tal-implimentazzjoni, il-provvediment ta’ koordinazzjoni u konsultazzjoni dwar kwistjonijiet dwar l-OTK u l-SPS, l-identifikazzjoni u r-rieżami tas-setturi u l-prodotti prijoritarji u l-oqsma ta’ prijorità għall-kooperazzjoni li jirriżultaw, u li jagħmel rakkomandazzjonijiet għal modifiki għall-Ftehim. Il-Kumitat tal-Kummerċ għandu jkun magħmul mir-rappreżentanti tal-Partijiet.

•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikoli 1 u 2 tal-proposta fihom dispożizzjonijiet dwar l-approvazzjoni, f’isem l-Unjoni, tal-adeżjoni ta’ Tonga mal-FSE interim u dwar in-notifiki sabiex jiġi espress il-kunsens tal-Unjoni Ewropea għall-adeżjoni u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim skont l-Artikolu 76(3) tiegħu.

L-Artikolu 3 jispeċifika li l-approvazzjoni tal-adeżjoni ma tridx tiġi interpretata bħala li tagħti xi drittijiet jew timponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati jew it-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

L-Artikolu 4 jistabbilixxi d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni.

2024/0048 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-adeżjoni ta’ Tonga mal-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew 4 ,

Billi:

(1)Fit-12 ta’ Ġunju 2002, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati għal Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika mal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku 5 .

(2)Il-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra 6 (il-“Ftehim Interim ta’ Sħubija”), li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika, ġie ffirmat f’Londra fit-30 ta’ Lulju 2009. Il-Ftehim Interim ta’ Sħubija ġie applikat b’mod proviżorju mill-Papua New Guinea u mir-Repubblika ta’ Fiġi mill-20 ta’ Diċembru 2009 u mit-28 ta’ Lulju 2014, rispettivament.

(3)L-Artikolu 80 tal-Ftehim Interim ta’ Sħubija jistipula d-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-adeżjoni ta’ Stati Gżejjer oħra tal-Paċifiku. Għaldaqstant, l-Istat Indipendenti ta’ Samoa u l-Gżejjer Solomon aderixxew mal-Ftehim Interim ta’ Sħubija u ilhom japplikawh b’mod provviżorju mill-31 ta’ Diċembru 2018 u mis-17 ta’ Mejju 2020, rispettivament.

(4)Fit-13 ta’ Lulju 2023, Tonga ressqet talba għall-adeżjoni flimkien ma’ offerta ta’ aċċess għas-suq lill-Unjoni.

(5)Il-Kummissjoni vvalutat l-offerta ta' Tonga u qisitha aċċettabbli. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet in-negozjati ma’ Tonga fis-27 ta’ Settembru 2023.

(6)F’konformità mal-Artikolu 76(3) tal-Ftehim Interim ta’ Sħubija, l-Unjoni u Tonga għandhom japplikaw provviżorjament il-Ftehim Interim ta’ Sħubija għaxart ijiem wara li jinnotifikaw lil xulxin bil-miktub dwar it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dak il-għan.

(7)Jenħtieġ li l-adeżjoni ta’ Tonga mal-Ftehim Interim ta’ Sħubija tiġi approvata f’isem l-Unjoni, soġġett għad-depożitu minn Tonga tal-att tal-adeżjoni skont l-Artikolu 80(2) tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.L-adeżjoni ta’ Tonga mal-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim Interim ta’ Sħubija”), hija b’dan approvata f’isem l-Unjoni, soġġetta għad-depożitu minn Tonga tal-att ta’ adeżjoni skont l-Artikolu 80(2) tiegħu.

2.Il-President tal-Kummissjoni għandha, f’isem l-Unjoni, tinnotifika lill-Partijiet Kontraenti l-oħra għall-Ftehim Interim ta’ Sħubija u lil Tonga bl-approvazzjoni, mill-Unjoni, tal-adeżjoni ta’ Tonga mal-Ftehim Interim ta’ Sħubija.

3.It-test tal-offerta ta’ Tonga għall-aċċess tas-suq huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1.Għall-finijiet tal-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni u Tonga, il-President tal-Kummissjoni għandha, f’isem l-Unjoni, tagħti n-notifika msemmija fl-Artikolu 76(3) tal-Ftehim Interim ta’ Sħubija.

2.L-Unjoni u Tonga għandhom japplikaw b’mod proviżorju l-Ftehim Interim ta’ Sħubija 10 ijiem wara li jkunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub dwar it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dak l-għan f’konformità mal-paragrafu 1.

Artikolu 3

L-approvazzjoni tal-adeżjoni ta’ Tonga mal-Ftehim Interim ta’ Sħubija ma għandhiex tiġi interpretata bħala li tagħti drittijiet jew timponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati jew it-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3 il-Ftehim kif emendat bil-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27) u bil-Ftehim iffirmat f’Ouagadougou fit-22 ta’ Ġunju 2010 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).
(2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra (ĠU L 272, 16.10.2009, p. 1).
(3)    Permezz tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp, l-UE u l-Istati Membri tagħha jfittxu li jqisu l-objettivi tal-iżvilupp fil-politiki li x’aktarx ikollhom impatt fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-PCD għandha l-għan li timminimizza l-kontradizzjonijiet u tibni sinerġiji bejn il-politiki differenti tal-UE. Għandha l-għan li żżid l-effettività tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, għall-benefiċċju tal-pajjiżi sħab tagħna.
(4)    Il-Parlament Ewropew ta l-kunsens tiegħu fi [data].    
(5)    Id-Direttivi tal-Kunsill għan-negozjati ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika mal-pajjiżi u r-reġjuni tal-AKP (9930/02 (DG E II) HH/sg).
(6)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/729/KE tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra (ĠU L 272, 16.10.2009, p. 1).