|
29.9.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 242/301 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1884 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tal-10 ta’ Mejju 2023
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) għas-sena finanzjarja 2021
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għas-sena finanzjarja 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0121/2023), |
|
A. |
billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tiegħu (1), il-baġit finali tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (l-“Istitut”) għas-sena finanzjarja 2021 kien ta’ EUR 8 692 878, li jirrappreżenta żieda ta’ 12,17 % meta mqabbel mal-2020; |
|
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għas-sena finanzjarja 2021 (ir-“rapport tal-Qorti”), iddikjarat li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Istitut huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; |
|
C. |
billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija valur ewlieni tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 2 tat-TUE; billi l-Artikolu 8 tat-TFUE jiddikjara li fl-azzjonijiet kollha tagħha l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tinkoraġġixxi ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa, filwaqt li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri; |
|
D. |
billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Unjoni ntlaqtet b’mod partikolari mill-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID, il-gwerra fl-Ukrajna, u r-rigressjonijiet fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa, speċjalment is-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (SRHR) f’diversi Stati Membri; billi n-nisa jinsabu f’riskju li jiġu affettwati b’mod sproporzjonat miż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u mill-għoli tal-ħajja b’mod ġenerali; billi dan għandu l-potenzjal li jkompli japprofondixxi l-inugwaljanzi u jfixkel l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi hemm bżonn ta’ aktar riċerka dwar l-impatt tal-faqar enerġetiku abbażi tal-ġeneru fl-Unjoni; billi l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fl-2022 huwa ta’ 68,6 madwar l-Unjoni, li jirrappreżenta żieda ta’ 0,6 punti biss meta mqabbel mal-2021, u dan juri li l-pass tal-Unjoni lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri miexi bil-mod; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Jinnota b’sodisfazzjon li l-isforzi ta’ monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2021 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena attwali ta’ 98,92 %, li tirrappreżenta żieda ta’ 1,18 % meta mqabbla mal-2020; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena attwali kienet ta’ 71,39 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 3,44 % meta mqabbla mal-2020; |
|
2. |
Jinnota li l-ammont tal-baġit finali tal-Istitut huwa r-riżultat tal-ewwel emenda baġitarja ta’ EUR 971 698, li tirrappreżenta żieda fil-baġit ta’ 12 % meta mqabbel mal-baġit inizjali allokat għall-2021 u tat-tieni emenda baġitarja ta’ EUR 375 000, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 4,14 % adottata mill-Bord ta’ Tmexxija tal-Istitut minħabba l-iffrankar relatat mal-COVID-19 identifikat fi tmiem is-sena; |
|
3. |
Jirrikonoxxi żieda fin-nefqa amministrattiva riportata tal-Istitut għal 54,79 % fl-2022 (49,49 % fl-2021); |
Prestazzjoni
|
4. |
Ifakkar li l-Istitut ġie stabbilit sabiex jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Unjoni u jsaħħaħha; jisħaq fuq ir-rwol ewlieni li għandu l-Istitut fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Unjoni, bħal li jipprovdi riċerka u data, kompitu li fih wera li huwa vitali u effettiv; jissottolinja, għalhekk, li l-Istitut jeħtieġ li jingħata riżorsi finanzjarji u umani suffiċjenti u stabbli biex iwettaq il-kompiti tiegħu; ifakkar li l-kompitu tal-Istitut huwa li jiġbor, janalizza u jxerred informazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u li jiżviluppa, janalizza, jevalwa u jxerred għodod ta’ metodoloġija sabiex jappoġġa l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki kollha tal-Unjoni u l-politiki nazzjonali li jirriżultaw; iħeġġeġ il-kollaborazzjoni bejn l-Istitut u aġenziji oħra tal-Unjoni; |
|
5. |
Josserva li l-Istitut juża ċerti indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni fir-rigward tal-objettivi operattivi biex jivvaluta l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tiegħu; jinnota b’apprezzament li l-Istitut kiseb 96,62 % tal-programm ta’ ħidma tiegħu fl-2021, u b’hekk laħaq il-miri stabbiliti fid-dokument uniku ta’ programmazzjoni tal-2021-2023; |
|
6. |
Jinnota li fl-2021 l-Istitut ippubblika rapport li janalizza l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 għall-vittmi tal-vjolenza minn sieħeb intimu, u wettaq l-ewwel stħarriġ mifrux tiegħu li ġabar evidenza dwar il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 għall-kura informali, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-benesseri, l-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol; jinnota wkoll li permezz tal-iżvilupp tal-għodda dwar il-monitoraġġ tal-allokazzjonijiet tar-riżorsi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-Istitut iffinalizza sett ta’ għodod pass pass dwar l-ibbaġitjar skont il-ġeneru bl-għan li jgħin lill-awtoritajiet maniġerjali jintegraw il-perspettiva tal-ġeneri taħt ġestjoni kondiviża; jinnota, barra minn hekk, li l-Istitut ħejja sett ta’ għodod dwar l-akkwist pubbliku reattiv għal kwistjonijiet ta’ ġeneru għall-fondi tal-Unjoni u l-baġits nazzjonali, biex jikkomplementa l-qafas tal-Kummissjoni għal akkwist pubbliku soċjalment responsabbli; |
|
7. |
Jinnota li l-Istitut saħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu mal-aġenziji tal-Unjoni matul is-sena, speċjalment mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound); jinnota l-involviment tal-Istitut fin-network tal-aġenziji tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni fil-kuntest tar-rispons għall-kriżi tal-COVID-19 u s-solidarjetà tal-Unjoni mal-Ukrajna; jinnota wkoll l-involviment tal-Istitut fin-Network tal-Aġenziji tal-UE għall-Pariri Xjentifiċi (EU-ANSA), b’mod partikolari bir-raggruppament tad-data kwantitattiva tal-istħarriġ u r-raggruppament soċjoekonomiku; jistieden lill-Istitut ikompli jiżviluppa s-sinerġiji tiegħu (pereżempju r-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà), il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ prattiki tajbin ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza; |
|
8. |
Jilqa’ l-kooperazzjoni li għaddejja bejn l-Istitut u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi; jisħaq fuq il-kontribut siewi li l-Istitut jista’ jagħti lill-kumitati kollha tal-Parlament, sabiex il-perspettiva tal-ġeneri tiġi integrata aħjar fil-politiki kollha tal-Unjoni; jirrikonoxxi l-ispeċjalizzazzjoni u l-għarfien tal-Istitut, speċjalment fil-forniment ta’ data u l-valutazzjoni tal-politiki tal-Istati Membri; |
Politika dwar il-persunal
|
9. |
Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2021, 96 % tat-tabella tal-persunal kienet kompluta, bil-ħatra ta’ 26 aġent temporanju mis-27 aġent temporanju awtorizzat mill-baġit tal-Unjoni (l-istess numru ta’ pożizzjonijiet bħal fl-2020); jinnota li ġew ippubblikati 12-il sejħa għal applikazzjonijiet, inklużi erbgħa għal pożizzjonijiet ta’ aġenti kuntrattwali, ħamsa għal pożizzjonijiet ta’ aġenti temporanji, waħda għal espert nazzjonali sekondat u tnejn għal trainees; jenfasizza li matul l-2021, ir-rata tad-dawran kienet ta’ 11 %; jieħu nota tal-eżerċizzju ta’ skrinjar tal-persunal, skont liema 77,6 % tal-persunal tal-Istitut kien allokat għal kompiti operattivi, 14,5 % għal appoġġ amministrattiv u 7,9 % għal operazzjonijiet newtrali; josserva li fis-27 ta’ Mejju 2021 ġew adottati regoli ġodda dwar il-persunal tal-maniġment intermedju; |
|
10. |
Jinnota d-distribuzzjoni bilanċjata tal-ġeneri fil-maniġment superjuri (2 irġiel (50 %) u 2 nisa (50 %)), u d-distribuzzjoni tal-ġeneri żbilanċjata fil-bord ta’ tmexxija (6 irġiel (19 %) u 26 mara (81 %)) u fost il-persunal ġenerali (12-il raġel (29 %) u 30 mara (71 %)); itenni l-appell tiegħu lill-Istitut biex jiżgura bilanċ bejn il-ġeneri fil-futur; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-importanza li jiżguraw bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw lill-membri tagħhom fil-bord ta’ tmexxija tal-Istitut; |
|
11. |
Jinnota li l-Istitut, minbarra l-applikazzjonijiet għal traineeships u pożizzjonijiet ta’ esperti nazzjonali sekondati, fl-2021 irċieva 513-il applikazzjoni, li 68 % minnhom ġew sottomessi minn nisa u 32 % minn irġiel; jilqa’ l-fatt li nkiseb bilanċ bejn il-ġeneri fit-tim maniġerjali superjuri iżda huwa mħasseb dwar l-iżbilanċ fost il-persunal ġenerali; jilqa’ l-parteċipazzjoni attiva tal-Istitut mill-2021 fil-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Diversità u l-Inklużjoni tan-Network tal-Aġenziji tal-UE (EUAN) u d-diversi azzjonijiet meħuda biex jittejbu d-diversità u l-inklużjoni fl-Istitut; |
|
12. |
Jinnota li fl-2021 l-Istitut għamel arranġamenti biex jiffirma kuntratt ta’ sena mal-kumpanija UAB Manpower Lit għall-forniment ta’ persunal interim; ifakkar li s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2021 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (kawża C-948/19) ikkonfermat l-applikabbiltà tad-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) għall-aġenziji deċentralizzati tal-Unjoni, kif ukoll il-prinċipju tat-trattament ugwali tal-ħaddiema interim ma’ membri statutorji tal-persunal, u li l-Qorti Suprema tal-Litwanja kkonfermat din is-sentenza; josserva f’dan il-kuntest li l-kumpanija kkuntrattata UAB Manpower Lit irrifjutat li testendi l-kuntratt għall-forniment ta’ persunal interim mill-2022; |
|
13. |
Jirrakkomanda l-allokazzjoni ta’ aktar persunal lill-Istitut u finanzjament suffiċjenti filwaqt li titqies il-valutazzjoni proprja tal-Istitut tal-ħtiġijiet tiegħu sabiex ilaħħaq ma’ żieda qawwija fit-talbiet għal assistenza teknika dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, sabiex ikun hemm rispons urġenti għall-impatt li qed jiddeterjora tal-kriżijiet soċjali, ekonomiċi u klimatiċi differenti u suċċessivi fuq in-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u r-rigressjoni fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa, f’diversi Stati Membri u madwar id-dinja; |
|
14. |
Jilqa’ l-politika komprensiva ta’ benesseri tal-Istitut, b’għadd ta’ miżuri stabbiliti biex jappoġġaw il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, it-telexogħol u stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa għall-membri tal-persunal tiegħu; jinnota, fir-rigward tal-appoġġ psikoloġiku, li fl-2021 ġiet konkluża investigazzjoni indipendenti waħda dwar rapport ta’ fastidju psikoloġiku u din wasslet għat-tkeċċija tal-membru tal-persunal li kien soġġett għal investigazzjoni; ifaħħar il-pjan ta’ taħriġ komprensiv tal-Istitut għall-persunal tiegħu; iħeġġeġ lill-Istitut jiżviluppa politika tar-riżorsi umani fit-tul dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-offerta ta’ possibbiltajiet ta’ taħriġ speċifiku għall-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-persunal, it-telexogħol, id-dritt għall-iskonnessjoni, it-titjib tal-bilanċ ġeografiku biex ikun hemm rappreżentanza xierqa mill-Istati Membri kollha, u r-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà kif ukoll l-iżgurar li jiġu ttrattati b’mod ugwali u li l-opportunitajiet tagħhom jiġu promossi b’mod wiesa’; |
Akkwist
|
15. |
Jinnota li fl-2021 tlestew 47 proċedura ta’ akkwist amministrattiv u 62 proċedura ta’ akkwist operattiv; jinnota li l-Istitut aġġorna l-linji gwida dwar l-akkwist għall-persunal, inklużi listi ta’ kontroll, skedi ta’ żmien interni u passi proċedurali, sabiex tittejjeb il-kwalità tad-dokumenti prodotti fil-qafas tal-azzjonijiet ta’ akkwist; |
|
16. |
Jinnota bi tħassib l-osservazzjoni tal-Qorti li fl-2021 l-Istitut għamel pagamenti irregolari (li jammontaw għal EUR 12 200) għax-xiri ta’ servizzi ta’ traduzzjoni li ma kinux fl-ambitu tas-sejħa għal espressjoni ta’ interess relatata; |
|
17. |
Ifakkar fl-importanza li l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku kollha jiżguraw kompetizzjoni ġusta bejn l-offerenti u li l-oġġetti u s-servizzi jiġu akkwistati bl-aħjar prezz, filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji tat-trasparenza, il-proporzjonalità, it-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni; jitlob l-implimentazzjoni tal-għodod tal-IT tal-akkwist elettroniku żviluppati mill-Kummissjoni; jitlob kjarifika aġġornata tal-proċeduri u l-mudelli fil-linji gwida dwar l-akkwist; jinnota bi tħassib l-osservazzjoni tal-Qorti li d-dgħufijiet fl-akkwist pubbliku qed jiżdiedu u għadhom l-akbar sors ta’ pagamenti irregolari fil-biċċa l-kbira tal-aġenziji; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza
|
18. |
Jinnota l-miżuri eżistenti tal-Istitut u l-isforzi li għaddejjin biex jiġu żgurati t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u l-protezzjoni tal-informaturi; jinnota li l-Istitut qed jiffinalizza l-politika tiegħu dwar il-kunflitti ta’ interess; jinnota li l-istrateġija kontra l-frodi tal-2021-2023 ġiet implimentata b’suċċess fl-2021, f’konformità mal-pjan ta’ azzjoni relatat, abbażi tal-metodoloġija pprovduta mill-OLAF; jilqa’ l-fatt li, barra minn hekk, fl-2021 sar ħafna taħriġ fil-qasam tal-etika u l-integrità, kif ukoll sessjonijiet ta’ informazzjoni għall-prevenzjoni tal-frodi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti jew aġġornati regolarment regoli sistematiċi dwar it-trasparenza, l-inkompatibbiltajiet, il-kunflitt ta’ interess, il-lobbying illegali u r-revolving doors; |
|
19. |
Jinnota li l-Istitut ippubblika fuq is-sit web tiegħu s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tad-direttur tiegħu u tal-biċċa l-kbira tal-membri tal-bord ta’ tmexxija tiegħu; ifakkar fl-importanza li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess jiġu ppubblikati; jistieden lill-Istitut jippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri kollha tal-bord ta’ tmexxija tiegħu; |
Kontroll intern
|
20. |
Jilqa’ l-miżuri tal-Istitut meħuda fl-2021 biex tissaħħaħ is-sistema ta’ kontroll intern tiegħu; jinnota f’dan il-kuntest ir-reviżjoni tal-proċedura tiegħu għat-twettiq ta’ kontrolli ex post; ifaħħar f’dan ir-rigward li ilhom isiru kontrolli ex post minn Settembru 2021 u li l-azzjoni relatata marbuta mal-osservazzjoni tal-Qorti tlestiet; jilqa’ wkoll il-fatt li l-Istitut aġġorna l-politika tiegħu ta’ aċċertament tal-kwalità li tiddefinixxi miżuri speċifiċi ta’ kontroll għall-proġetti; |
|
21. |
Jinnota bi tħassib l-osservazzjonijiet tal-Qorti li jenfasizzaw diversi dgħufijiet fil-qasam tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll; jinnota li l-ewwel osservazzjoni hija marbuta ma’ proċedura ta’ reklutaġġ li biha l-prinċipji ta’ trasparenza u trattament ugwali ġew kompromessi, u li t-tieni osservazzjoni tirrapporta dwar ommissjonijiet fi proċedura ta’ selezzjoni waħda għal esperti nazzjonali sekondati li jikkompromettu l-oġġettività tagħha u juru dgħufijiet fil-kontrolli interni tal-Istitut; jinnota li t-tielet osservazzjoni hija marbuta ma’ proċedura ta’ akkwist li fiha l-membri kollha tal-kumitat ta’ evalwazzjoni kienu jappartjenu għall-istess unità amministrattiva, li jmur kontra l-Artikolu 150(3) tar-Regolament Finanzjarju; ifakkar li n-nuqqasijiet proċedurali fil-proċeduri ta’ reklutaġġ jikkompromettu l-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ trattament indaqs; jitlob li l-Istitut itejjeb il-proċedura interna ta’ reklutaġġ tiegħu biex jiċċara l-proċessi ta’ evalwazzjoni u l-avviżi dwar il-pożizzjonijiet vakanti; |
|
22. |
Jinnota li, wara l-Pjan Strateġiku ta’ Awditjar Intern għall-2019-2021 tas-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni, fl-2021 twettqu total ta’ 1 800 operazzjoni ta’ kontroll fuq kampjun ta’ 40 tranżazzjoni b’baġit totali kkontrollat ta’ EUR 920 776; jinnota li r-riżultati finali juru li s-sistema ta’ kontroll intern stabbilita tiżgura l-konformità tat-tranżazzjonijiet mar-regoli finanzjarji u mal-proċeduri interni; jinnota li r-rapport kien jinkludi erba’ rakkomandazzjonijiet biex jissaħħu l-kontrolli interni sabiex jiġu indirizzati nuqqasijiet żgħar; jilqa’ l-fatt li r-rakkomandazzjonijiet kollha, inkluż mis-snin preċedenti, ġew implimentati bis-sħiħ mill-Istitut u l-azzjonijiet relatati ngħalqu mill-IAS fi Frar 2022; |
|
23. |
Jinnota li twettqet valutazzjoni speċifika tal-kontroll intern għas-sena 2021 f’konformità mal-qafas ta’ kontroll intern tal-Istitut u mal-linji gwida għall-valutazzjoni tal-kontroll intern; jinnota l-konklużjoni ta’ dik il-valutazzjoni li l-prinċipji kollha huma preżenti u qed jiffunzjonaw kif maħsub, b’sitt nuqqasijiet moderati identifikati fir-rigward tal-komponenti 2, 3 u 5 tas-sistema ta’ kontroll intern; jistieden lill-Istitut iżomm lill-awtorità ta’ kwittanza infurmata dwar il-progress li sar fl-indirizzar ta’ dawn in-nuqqasijiet; jilqa’ l-azzjonijiet implimentati mill-Istitut biex jittaffew l-oqsma ta’ riskju, inkluż fir-rigward ta’ funzjonijiet sensittivi; |
|
24. |
Jistieden lill-Istitut ikompli jsaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ kontroll intern tiegħu, inkluż bl-istabbiliment ta’ mekkaniżmu intern kontra l-korruzzjoni; |
Diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika
|
25. |
Jinnota l-isforzi tal-Istitut biex jiżgura post tax-xogħol kosteffettiv u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent; josserva li l-Istitut stabbilixxa għodda ta’ ġestjoni tal-missjonijiet biex jippermetti l-monitoraġġ tal-emissjonijiet tas-CO2 prodotti mill-vjaġġi; jieħu nota li l-monitoraġġ tal-2021 juri li l-emissjonijiet tas-CO2 tal-missjonijiet tal-Istitut ammontaw għal 8 tunnellati; jinnota li l-Istitut inkluda r-rekwiżiti tal-miżuri ambjentali f’diversi tipi ta’ kuntratti; jilqa’ l-impenn tal-Istitut li jinstalla pannelli solari fil-bini tiegħu f’Vilnius sabiex itejjeb il-prestazzjoni ambjentali tal-bini u li jiddependi biss minn sorsi ta’ enerġija ekoloġika; jinnota b’interess li ġiet akkwistata applikazzjoni li tgħin lill-Istitut iżomm rendikont tal-impronta ambjentali tiegħu, u li l-applikazzjoni għandha tiġi implimentata fl-2022; jistieden lill-Istitut iżomm lill-awtorità baġitarja infurmata dwar l-iżviluppi f’dan ir-rigward; |
|
26. |
Jieħu nota li l-Istitut iddiġitalizza bis-sħiħ il-proċessi ewlenin tiegħu fl-2021 billi introduċa flussi tax-xogħol elettroniċi u firma elettronika; jinnota l-aġġornament tal-politika tas-sigurtà tal-ICT u tal-politika ta’ ġestjoni tal-informazzjoni tal-Istitut; jilqa’ t-tweġiba tal-Istitut li għandu ċibersigurtà stabbilita u li implimenta għadd ta’ miżuri dwar iċ-ċibersigurtà bħas-sistema ta’ awtentikazzjoni b’diversi fatturi u taħriġ dwar is-sigurtà għall-membri tat-tim tal-IT; iħeġġeġ lill-Istitut iwettaq valutazzjonijiet tar-riskju regolari dwar l-infrastruttura tal-IT tiegħu u jiżgura awditi u testijiet regolari tad-difiżi ċibernetiċi tiegħu; |
Kontinwità tal-operat matul il-kriżi tal-COVID-19
|
27. |
Jinnota li l-Istitut adatta malajr biex jiżgura l-kontinwità tal-operat f’konformità mad-dokument uniku ta’ programmazzjoni rivedut; japprezza l-ħidma tal-Istitut fl-appoġġ tal-Presidenza Portugiża u dik Slovena tal-Kunsill, billi jipprovdi evidenza ġdida dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala bażi għall-konklużjonijiet rispettivi tal-Kunsill dwar l-impatt soċjoekonomiku tal-COVID-19 fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jinnota li ġew diskussi inizjattivi konġunti għall-pjanijiet ta’ kontinwità tal-operat u ta’ rispons għall-COVID-19 fi ħdan in-network tal-aġenziji tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni; jilqa’ l-fatt li l-Istitut aġġorna l-pjan ta’ kontinwità tal-operat tiegħu f’Lulju 2022; |
|
28. |
Iħeġġeġ lill-Istitut iqiegħed fil-prattika t-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19 rigward l-ivvjaġġar tal-persunal, sabiex fil-futur jorganizza aħjar il-laqgħat, l-avvenimenti u l-intervisti li jistgħu jsiru b’mod aktar effiċjenti b’mod remot pjuttost milli wiċċ imb wiċċ; |
Kummenti oħra
|
29. |
Ifaħħar lill-Istitut għall-isforzi biex iżid il-viżibbiltà pubblika tiegħu permezz ta’ laqgħat għall-istampa, stqarrijiet għall-istampa, kampanji tal-media bħas-16-il Jum ta’ Attiviżmu u kuntatt mill-qrib mal-ġurnalisti; jinnota l-metrika mtejba tal-Istitut rigward il-media soċjali u t-talbiet tal-media; |
|
30. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 141, 29.3.2022, p. 123.
(2) Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).
(3) Testi adottati, P9_TA(2023)0190.