16.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 131/183


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/626

tal-14 ta’ April 2021

li tistabbilixxi l-Portal InvestEU u tfassal l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tiegħu

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 26 tiegħu,

Billi:

(1)

Jenħtieġ li l-portal InvestEU jikkontribwixxi għall-katalizzazzjoni u l-aċċellerazzjoni tal-iżvilupp u r-riżultati tal-proġetti ta’ investiment fl-Unjoni.

(2)

Skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2021/523, il-proġetti li huma kompatibbli mad-dritt u l-politiki tal-Unjoni biss għandhom jiġu elenkati fil-Portal InvestEU. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji ta’ ammissjoni biex jiġi żgurat li dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfat.

(3)

Sabiex tiġi żgurata ġestjoni trasparenti tal-Portal InvestEU, jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tiegħu,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Jiġi stabbilit il-Portal InvestEU. Dan għandu jkun konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati fl-Anness I.

Artikolu 2

L-inklużjoni tal-proġetti fl-Portal InvestEU għandu jkun konformi mal-kriterji ta’ ammissjoni li ġejjin:

(a)

il-proġett (jew il-programm li jikkonsisti minn proġetti iżgħar) għandu jkollu daqs minimu ta’ EUR 500 000 f’termini ta’ investimenti meħtieġa;

(b)

il-proġett għandu jkun kopert mill-oqsma eliġibbli għal operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment kif stabbilit fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2021/523;

(c)

il-promotur ma għandux jiġi eskluż minn kuntratti ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni jew issanzjonat għal kondotta professjonali ħażina serja, attivitajiet kriminali, jew nuqqasijiet sinifikanti fil-konformità mal-obbligi tiegħu skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2);

(d)

il-proġett ma għandux jikkostitwixxi attivitajiet esklużi kif stabbilit fil-punt B tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/523;

(e)

il-proġett għandu jkun jinsab fl-Unjoni, jew f’pajjiż jew territorju ekstra-Ewropew marbut ma’ Stat Membru kif stabbilit fl-Anness II tat-TFUE;

(f)

il-proġett ma għandux jinvolvi riskji għar-reputazzjoni tal-Kummissjoni;

(g)

l-implimentazzjoni tal-proġett għandha tkun inbdiet jew għandha tkun mistennija li tibda fi żmien tliet snin mid-data tal-preżentazzjoni lill-Portal InvestEU;

(h)

il-proġett għandu jkun deskritt b’mod ċar fl-applikazzjoni tal-proġett bħala proġett ta’ investiment u l-informazzjoni pprovduta fiha għandha tkun preċiża u għandha tispeċifika l-ammont ta’ finanzjament meħtieġ għat-twettiq tal-proġett; u

(i)

il-proġett għandu jkun kompatibbli mad-dritt u l-politiki tal-Unjoni.

Artikolu 3

Ma għandha tintalab l-ebda tariffa għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-inklużjoni ta’ proġett fil-Portal InvestEU.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ April 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30.

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


ANNESS

SPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI TAL-PORTAL INVESTEU

1.   Deskrizzjoni ġenerali

Il-Portal InvestEU għandu jkun bażi tad-data tal-proġetti li tkun faċli biex taċċessaha u biex tużaha, u li tipprovdi informazzjoni rilevanti għal kull proġett, u b’hekk tipprovdi mezz għall-promoturi tal-proġetti biex jagħmlu l-proġetti li qed jitolbu finanzjament għalihom viżibbli għall-investituri, inklużi d-donaturi u l-filantropi. Informazzjoni dettaljata dwar il-proġett għandha tkun disponibbli għall-utenti rreġistrati biss.

Il-pubblikazzjoni ta’ proġett fuq il-Portal InvestEU ma għandhiex tfisser li approvat mill-Kummissjoni. L-inklużjoni ta’ proġetti fil-Portal tal-InvestEU għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet dwar il-proġetti finali li jintgħażlu għas-sostenn skont ir-Regolament (UE) 2021/523, skont kull strument ieħor tal-Unjoni, jew għad-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament pubbliku.

Il-komponenti ewlenin tal-Portal InvestEU għandhom ikunu:

(1)

portal pubbliku: parti mis-sit tal-programm InvestEU li fiha informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, inkluż:

—

mappa tal-proġett (interattiva għall-utenti rreġistrati); u

—

direttorju tal-proġetti raggruppat skont il-pajjiżi, is-setturi u kriterji rilevanti oħrajn (disponibbli bil-viżwalizzazzjoni ta’ kard);

(2)

pjattaforma online għall-utenti rreġistrati (“front office”): parti mis-Sistema ta’ Informazzjoni Maniġerjali tal-InvestEU li tippermetti r-reġistrazzjoni tal-utenti (inklużi l-promoturi tal-proġetti u l-investituri) u li tipprovdi informazzjoni dettaljata, bħal:

—

bażi tad-data ta’ preżentazzjonijiet dettaljati tal-proġetti (informazzjoni fil-qosor strutturata dwar proġetti individwali) disponibbli għall-utenti rreġistrati biss; u

—

oqsma speċifiċi għall-promoturi tal-proġetti u l-investituri biex ikunu jistgħu jissottomettu proġetti online għall-pubblikazzjoni fuq il-Portal InvestEU u biex jirrevedu proġetti ppubblikati;

(3)

pjattaforma interna (“back office”): parti mis-Sistema ta’ Informazzjoni Maniġerjali tal-InvestEU użata mis-servizzi tal-Kummissjoni għall-finijiet ta’ skrinjar u ġestjoni.

2.   Ġestjoni tal-Portal InvestEU

Il-Portal InvestEU għandu jiġi ġestit mill-Kummissjoni. Il-kontenut tal-Portal għandu jiġi ġġenerat mill-promoturi tal-proġett, jiġifieri minn entitajiet ġuridiċi privati u pubbliċi. Il-Portal jista’ jkun appoġġat minn avvenimenti mmirati.

Il-parteċipazzjoni tal-promoturi tal-proġett u tal-utenti tas-sit irreġistrati l-oħrajn fil-Portal InvestEU għandha tkun soġġetta għall-aċċettazzjoni tagħhom tal-Patti u l-Kundizzjonijiet li għandu jkollhom l-għan li jiżguraw il-kwalità tal-informazzjoni ppubblikata rċevuta mill-promoturi tal-proġett filwaqt li jagħmluha ċara li l-Kummissjoni ma tagħtix garanzija dwar il-preċiżjoni tal-informazzjoni ppubblikata u ma tista’ tinżamm responsabbli għall-ebda pretensjoni bbażata fuq il-pubblikazzjoni tal-proġett.

Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà għandha twissi lill-utenti tas-sit li l-Kummissjoni ma tistax tiggarantixxi l-preċiżjoni tal-informazzjoni ppubblikata u li l-investituri potenzjali jkollhom iwettqu d-diliġenza dovuta proprja tagħhom, inkluż rigward aspetti finanzjarji u kull aspett ieħor rilevanti għad-deċiżjoni tagħhom dwar jekk għandhomx jinvestu fi proġett.

Għandha tiġi stabbilita ħarsa ġenerali lejn is-servizzi ta’ konsulenza pubblika fil-livell nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tibgħat proġetti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 lis-sħab ta’ implimentazzjoni tal-InvestEU rilevanti. Meta jkun xieraq u meta jkun jeżisti inizjattiva konsultattiva, il-Kummissjoni għandha tibgħat ukoll tali proġetti liċ-Ċentru ta’ Konsulenza tal-InvestEU.

3.   Skrinjar tal-proġett

Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom iwettqu skrinjar tal-proġett abbażi tal-kriterji ta’ ammissjoni stabbiliti fl-Artikolu 2. Xi aspetti tekniċi tal-proċess ta’ validazzjoni, bħall-verifika tal-identità tal-promoturi tal-proġett, jistgħu jiġu esternalizzati lil terzi. L-Istati Membri għandhom jiġu mistiedna jaħtru punt ta’ kuntatt wieħed jew aktar għall-finijiet tal-iskrinjar ta’ proġetti b’implikazzjonijiet reali u diretti għas-sigurtà, b’mod partikolari fis-setturi tal-ispazju, tad-difiża u taċ-ċibersigurtà. Is-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni (EDES) għandha tiġi kkonsultata kif xieraq.

Il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni ppreżentata mill-promoturi għandha tiġi miċħuda jekk l-informazzjoni ma tkunx preċiża jew jekk il-proġett ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 2.

L-informazzjoni dwar proġett għandha titneħħa mill-Portal InvestEU jekk ma tkunx ġiet aġġornata mill-promotur tal-proġett għal tliet snin.