IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.6.2025
COM(2025) 312 final
2025/0164(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, dwar l-emenda tal-Anness IV (Enerġija) tal-Ftehim ŻEE
(RED II)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE b’rabta mal-adozzjoni prevista tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt dwar emenda tal-Anness IV (Enerġija) tal-Ftehim ŻEE
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim dwar iż-ŻEE
Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE’’) jiggarantixxi drittijiet u obbligi ugwali fi ħdan is-Suq Intern għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi fiż-ŻEE. Dan jipprevedi l-inklużjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li tkopri l-erba’ libertajiet fi 30 Stat taż-ŻEE li tinkludi l-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. Barra minn hekk, il-Ftehim ŻEE jkopri l-kooperazzjoni f’oqsma importanti oħra bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, il-politika soċjali, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, it-turiżmu u l-kultura, li kollettivament huma magħrufin bħala l-politiki “ta’ appoġġ u orizzontali”. Il-Ftehim ŻEE daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994. L-Unjoni, flimkien mal-Istati Membri tagħha, hija parti għall-Ftehim ŻEE.
2.2.Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa responsabbli mill-ġestjoni tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. Huwa forum għall-iskambju ta’ fehmiet b’rabta mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE. Id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu b’kunsens u huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni ta’ kwistjonijiet taż-ŻEE min-naħa tal-UE hija tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea.
2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mistenni jadotta d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (“l-att previst”) rigward l-emenda tal-Anness IV (Enerġija) tal-Ftehim ŻEE.
L-għan tal-att previst huwa li jinkorpora r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/759 fir-rigward ta’ metodoloġija għall-kalkolu tal-ammont ta’ enerġija rinnovabbli użata għat-tkessiħ u għat-tkessiħ distrettwali u d-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-Ftehim ŻEE.
L-att previst se jsir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-Kummissjoni tippreżenta l-abbozz ta’ Deċiżjoni anness tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Ladarba tiġi adottata, il-pożizzjoni jenħtieġ li tiġi ppreżentata fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mal-ewwel opportunità possibbli.
L-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE anness jinkludi adattamenti għall-Istati taż-ŻEE-EFTA kif deskritt fil-premessi u t-test tal-adattamenti fl-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt anness, li jmorru lil hinn minn dak li jista’ jitqies bħala sempliċi adattamenti tekniċi fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94. Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa korp stabbilit minn ftehim, jiġifieri l-Ftehim ŻEE. L-att, li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att li jkollu effetti legali. L-att previst isir vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għaldaqstant, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94.
4.2.Bażi legali sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE, flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94, tiddependi primarjament fuq il-bażi legali sostantiva tal-att legali tal-UE li għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.
Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun identifikabbli bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti
Peress li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tinkorpora r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/759 u d-Direttiva (UE) 2018/2001 fil-Ftehim ŻEE, huwa xieraq li din id-deċiżjoni tal-Kunsill tiġi bbażata fuq l-istess bażi legali sostantiva tal-att li huwa inkorporat. Għaldaqstant, il-bażi legali sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 194(2) TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 194(2) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Billi l-att tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE se jemenda l-Anness IV (Enerġija) tal-Ftehim taż-ŻEE, huwa xieraq li wara l-adozzjoni tiegħu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2025/0164 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, dwar l-emenda tal-Anness IV (Enerġija) tal-Ftehim ŻEE
(RED II)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.
(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, l-Anness IV (Enerġija) tal-Ftehim ŻEE.
(3)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/759 fir-rigward ta’ metodoloġija għall-kalkolu tal-ammont ta’ enerġija rinnovabbli użata għat-tkessiħ u għat-tkessiħ distrettwali u d-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli jenħtieġ li jiġu inkorporati fil-Ftehim ŻEE.
(4)Diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jeħtieġu adattamenti sostantivi li jirriflettu l-ispeċifiċitajiet tal-Ftehim ŻEE u tal-Istati tal-EFTA.
(5)Peress li l-mira vinkolanti tal-Unjoni dwar l-enerġija rinnovabbli ma tapplikax għall-Istati tal-EFTA, il-mira tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jenħtieġ li ma tapplikax għall-Istati tal-EFTA. Għaldaqstant, dak l-Artikolu ġie adattat kif xieraq. Madankollu, l-Istati tal-EFTA jistabbilixxu b’mod volontarju l-miri indikattivi nazzjonali tagħhom għall-enerġija rinnovabbli, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni tal-Istati tal-EFTA mehmuża mad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE. Konsegwentement, jenħtieġ li l-Istati tal-EFTA la jkunu parti mill-pjattaforma tal-Unjoni għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u lanqas jipparteċipaw fi trasferimenti ta’ statistika mal-Istati Membri. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 ma japplikax għall-Istati tal-EFTA.
(6)Minħabba l-pożizzjoni ġeografika remota tal-Iżlanda u l-isfidi relatati mal-kalkolu tal-konsum finali gross tal-enerġija fir-rigward tal-ammont ta’ enerġija kkunsmata fl-avjazzjoni, l-istess livell limitu bħal dak mogħti lil Ċipru u lil Malta fl-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jenħtieġ li japplika għall-Iżlanda.
(7)Fir-rigward tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tqis l-obbligi partikolari tan-Norveġja li tikkonsulta mal-poplu Sami, sabiex jiġi żgurat li l-perjodi ta’ żmien għall-proċess tal-għoti tal-permessi msemmija fl-Artikoli 16(4), 16(5) u 16(6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jkunu jistgħu jiġu estiżi sa sena.
(8)L-Istati tal-EFTA jenħtieġ li jsegwu l-politika tal-Unjoni fir-rigward tar-rikonoxximent reċiproku ta’ garanziji tal-oriġini ma’ pajjiżi terzi stabbilita fl-Artikolu 19(11) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. Għaldaqstant, jenħtieġ li ma jirrikonoxxux il-garanziji tal-oriġini maħruġa minn pajjiż terz sakemm l-Unjoni ma tkunx ikkonkludiet ftehim ma’ dak il-pajjiż terz, u l-kriterji stabbiliti f’dak l-Artikolu ma jkunux ġew issodisfati. Għaldaqstant, l-Artikolu 19(11) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 ġie adattat skont dan.
(9)Peress li n-Norveġja u l-Iżlanda għandhom ishma ta’ elettriku rinnovabbli għoljin u n-Norveġja tuża dak l-elettriku b’mod predominanti għal skopijiet ta’ tisħin filwaqt li l-Iżlanda tkopri d-domanda tagħha għat-tisħin minn sorsi ġeotermali rinnovabbli jew minn elettriku rinnovabbli, huwa xieraq li jiġu adattati l-metodi ta’ kalkolu relatati mal-integrazzjoni tat-tisħin u t-tkessiħ stabbiliti fl-Artikolu 23 tad-Direttiva (UE) 2018/2001.
(10) Barra minn hekk, bħalissa ma huwiex possibbli li l-Liechtenstein japplika l-Artikoli 25 sa 31 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar l-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-trasport u r-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà għall-fjuwils rinnovabbli, peress li l-politika dwar il-fjuwils hija rregolata fl-unjoni reġjonali tal-Liechtenstein mal-Iżvizzera. Għaldaqstant, jenħtieġ li tingħata deroga temporanja lil-Liechtenstein, filwaqt li jitqies li f’dik l-unjoni reġjonali tapplika sistema ta’ żieda fil-bijofjuwils ibbażata fuq mekkaniżmu ta’ kumpens tas-CO2 b’mira ta’ 23 % applikabbli mill-2024. Id-deroga jenħtieġ li tapplika biss sakemm id-Direttiva (UE) 2018/2001 kif emendata bid-Direttiva (UE) 2023/2413 tkun ġiet inkorporata fil-Ftehim ŻEE.
(11)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Anness IV (Enerġija) għall-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan.
(12)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni mehmuża,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta tal-Anness IV (Enerġija) għall-Ftehim ŻEE, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President