IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.12.2020
COM(2020) 838 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/643 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.12.2020
COM(2020) 838 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/643 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija
1. INTRODUZZJONI
1.1 GĦAN TAR-RAPPORT
1 L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2018/643 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ April 2018 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija jispeċifika li, wara li tikkonsulta lill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika, il-Kummissjoni trid tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u dwar żviluppi futuri sal-31 ta’ Diċembru 2020 u kull 4 snin wara.
L-ewwel taqsima ta’ dan ir-rapport tiddeskrivi l-isfond tar-Regolament, il-kuntest tal-politika, u l-pajjiżi u l-istatistika li għalihom japplika r-Regolament. It-tieni taqsima tippreżenta kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tar-Regolament, filwaqt li t-tielet u r-raba’ taqsimiet fihom deskrizzjoni ta’ żviluppi futuri possibbli kif ukoll il-konklużjonijiet.
1.2 SFOND GĦALL-QAFAS ĠURIDIKU
2 Il-bażi ġuridika inizjali għall-istatistika tat-trasport bil-ferrovija kienet ir-Regolament (KE) Nru 91/2003. Billi dan ir-Regolament ġie emendat kemm-il darba b’mod sostanzjali, fl-2018, dan ġie riformulat fl-interess taċ-ċarezza bħala r-Regolament (UE) 2018/643, fejn it-tibdiliet kollha nġabru f’test legali ġdid wieħed.
Ir-Regolament (KE) Nru 91/2003 kien imfassal biex jipprovdi lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-UE, lill-gvernijiet nazzjonali u lill-pubbliku ġenerali b’data statistika komparabbli, affidabbli, armonizzata, regolari u komprensiva dwar it-trasport bil-ferrovija tal-merkanzija u tal-passiġġieri.
L-emendi introdotti fl-2016 bir-Regolament (UE) 2016/2032 kellhom l-għan li jaġġornaw u jissimplifikaw l-att oriġinali (u b’hekk inaqqsu l-piż għall-Istati Membri). Kellhom ukoll l-għan li jottimizzaw il-qafas legali eżistenti għall-istatistika Ewropea dwar it-trasport bil-ferrovija u li jallinjawh mat-Trattat ta’ Lisbona.
1.3 IL-KUNTEST TAL-POLITIKA
Il-Kummissjoni ilha għal dawn l-aħħar 25 sena tipproponi b’mod attiv ir-ristrutturar tas-suq Ewropew tat-trasport bil-ferrovija sabiex issaħħaħ il-pożizzjoni tal-ferroviji fir-rigward ta’ modi oħra tat-trasport. L-isforzi tal-Kummissjoni kkonċentraw fuq tliet objettivi ewlenin, li lkoll huma kruċjali għall-iżvilupp ta’ industrija tat-trasport bil-ferrovija b’saħħitha u kompetittiva:
(1)il-ftuħ tas-suq tat-trasport bil-ferrovija għall-kompetizzjoni;
(2)it-titjib tal-interoperabbiltà u tas-sikurezza tan-networks nazzjonali;
(3)l-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport bil-ferrovija.
3 Ir-rilevanza tal-politika hija għolja ħafna. Il-White Paper Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti tistabbilixxi bosta għanijiet għal sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti. Minn dak iż-żmien, il-prijorità kienet li tinkiseb żona ferrovjarja Ewropea unika billi: i) jitneħħew l-ostakli tekniċi, amministrattivi u legali li jfixklu d-dħul fis-swieq ferrovjarji nazzjonali; u ii) jitlesta n-network ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja sal-2050, meta l-biċċa l-kbira tal-vjaġġi tal-passiġġieri fuq distanzi medji jenħtieġ li jsiru bil-ferrovija.
Minbarra li tappoġġa l-ħtiġijiet ta’ politika, id-data miġbura skont ir-Regolament (UE) 2018/643 hija siewja wkoll għall-kumpaniji tat-trasport, għall-universitajiet, għar-riċerkaturi u għal dawk li jfasslu l-mudelli li jaħdmu fit-trasport bil-ferrovija.
Fi kwestjonarju mibgħut f’April 2020, l-Istati Membri speċifikaw il-benefiċċji tad-data miksuba mill-istatistika tal-ferroviji. Skont il-feedback tagħhom, id-data tintuża minn: awtoritajiet nazzjonali; istituti tar-riċerka; l-industrija ferrovjarja nnifisha, għall-analiżi u għall-ippjanar; l-istituzzjonijiet tal-UE; organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-Forum Internazzjonali tat-Trasport u l-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti; u dawk li jfasslu l-politika, għall-ippjanar, għall-monitoraġġ tal-miri u għat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Barra minn hekk, l-Istati Membri nnutaw li hemm bżonn ta’ data sabiex: josservaw l-evoluzzjoni tal-attività tat-trasport bil-ferrovija permezz ta’ monitoraġġ ta’ terminu qasir (bl-użu ta’ data trimestrali) u permezz ta’ monitoraġġ fit-tul (bl-użu ta’ data annwali); iwettqu analiżijiet tax-xejriet nazzjonali u jagħmlu parametraġġi referenzjarju ma’ pajjiżi oħra; u jsegwu kif qed jevolvi s-sehem tat-trasport bil-ferrovija fit-trasport Ewropew ġenerali meta mqabbel ma’ modi oħra (qasma modali).
4 Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-istrateġija l-ġdida għat-tkabbir li għandha l-għan li tagħmel l-ekonomija tal-UE sostenibbli billi ssarraf l-isfidi klimatiċi u ambjentali f’opportunitajiet fl-oqsma kollha ta’ politika u billi tagħmel it-tranżizzjoni ġusta u inklużiva għal kulħadd. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jitlob tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet tat-trasport sal-2050, inkluż bl-azzjonijiet ta’ prijorità li ġejjin għal tibdil lejn mobbiltà sostenibbli u intelliġenti:
·it-tisħiħ tat-trasport “multimodali”;
·l-appoġġ għal mobbiltà awtomatizzata u konnessa bejn il-modi tat-trasport;
·l-indirizzar aħjar tal-kostijiet esterni tal-attivitajiet tat-trasport permezz tal-ipprezzar;
·iż-żieda fil-produzzjoni u fl-użu ta’ fjuwils alternattivi sostenibbli tat-trasport; u
·it-tnaqqis tat-tniġġis mit-trasport, speċjalment fil-bliet.
Sabiex titħaffef din il-bidla, proporzjon sostanzjali tal-merkanzija ttrasportata bit-triq jenħtieġ li jibda jiġi ttrasportat bil-ferroviji u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (illum, 75 % tal-merkanzija interna tiġi ttrasportata bit-triq).
1.4 KOPERTURA TAL-ISTATI MEMBRI U TA’ PAJJIŻI OĦRAJN
Ir-Regolament (UE) 2018/643 japplika direttament u fl-intier tiegħu għall-Istati Membri kollha.
L-Istati Membri kollha huma meħtieġa jipprovdu d-data stipulata fir-Regolament, ħlief Malta u Ċipru, li ma għandhomx infrastruttura ferrovjarja u, għalhekk, ma għandhom l-ebda attività ta’ trasport bil-ferrovija.
Id-data dwar it-trasport bil-ferrovija hija pprovduta wkoll minn tliet pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) - in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein. Tliet pajjiżi kandidati (il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u t-Turkija) u pajjiż kandidat potenzjali wieħed (il-Bożnija-Ħerzegovina) jipprovdu data fuq bażi volontarja.
F’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2018/643, il-pajjiżi jibagħtu lill-Eurostat: (i) l-istatistika annwali dettaljata dwar it-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri; (ii) l-istatistika trimestrali dwar it-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri; (iii) l-istatistika reġjonali dwar it-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri (kull 5 snin, għal perjodu ta’ referenza ta’ sena); (iv) l-istatistika dwar il-flussi tat-traffiku fin-network ferrovjarju (kull 5 snin, għal perjodu ta’ referenza ta’ sena); u (v) l-istatistika annwali dwar il-livell ta’ attività tat-trasport fit-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri.
Mill-1 ta’ Frar 2020, meta r-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea, il-Eurostat żied mas-settijiet ta’ data tiegħu l-aggregat il-ġdid “Unjoni Ewropea - 27 pajjiż (mill-2020)” li jeskludi r-Renju Unit. Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni sa tmiem l-2020, ir-Renju Unit qed ikompli jibgħat id-data lill-Eurostat, u din id-data hija disponibbli għall-utenti.
2. SEGWITU GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAR-REGOLAMENT
2.1 KONFORMITÀ MAL-OBBLIGI LEGALI
Hemm konformità tajba ħafna mal-obbligi definiti fir-Regolament (UE) 2018/643 għall-forniment tad-data, bl-Istati Membri kollha qed jipprovdu s-settijiet ta’ data meħtieġa. Xi kultant jista’ jkun hemm dewmien qasir minħabba tibdiliet fil-livell nazzjonali (eż. tibdiliet fis-sistemi tal-IT jew fis-suq ferrovjarju). Madankollu, dan id-dewmien qatt ma kellu impatt fuq il-produzzjoni tal-istatistika tat-trasport bil-ferrovija. Il-pajjiżi jsegwu l-metodoloġija maqbula, filwaqt li jiżguraw il-produzzjoni ta’ statistika affidabbli u ta’ kwalità għolja dwar it-trasport bil-ferrovija tal-merkanzija u tal-passiġġieri fl-Ewropa.
2.2 IL-METODI TA’ ĠBIR TAD-DATA UŻATI FL-ISTATI MEMBRI
5 L-intrapriżi ferrovjarji jiġbru d-data bl-użu tal-metodi adottati minn kull pajjiż u jibagħtuha lill-awtoritajiet nazzjonali, li huma responsabbli għall-ipproċessar tad-data. Ir-Reference Manual on Rail transport statistics (Manwal ta’ Referenza dwar l-Istatistika tat-Trasport bil-Ferrovija) tal-Eurostat jinkludi kapitolu ddedikat għall-metodoloġiji nazzjonali b’subkapitolu dwar il-kompilazzjoni tad-data u l-ġestjoni tal-kwalità.
2.3 PIŻ AMMINISTRATTIV GĦALL-ISTATI MEMBRI
It-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u s-simplifikazzjoni huma tħassib kontinwu għall-Eurostat. Abbażi tal-kummenti mill-Istati Membri, il-Eurostat, f’kooperazzjoni mal-istituti nazzjonali tal-istatistika, jimplimenta azzjonijiet speċifiċi sabiex jitnaqqas il-piż tal-ġbir u tar-rapportar tad-data.
Wara talbiet mill-Istati Membri, ir-Regolament (KE) Nru 91/2003 ġie emendat fl-2016 sabiex jitnaqqas u jiġi ssimplifikat il-piż amministrattiv għalihom. Ġew emendati l-annessi li ġejjin:
-L-Anness B - “L-istatistiċi annwali dwar it-trasport tal-merkanzija - ir-rappurtaġġ simplifikat” - tneħħa;
-L-Anness C - “L-istatistiċi annwali dwar it-trasport tal-passiġġieri - ir-rappurtaġġ dettaljat” - ġie ssimplifikat bit-tneħħija tat-Tabelli C1 (“Il-passiġġieri ttrasportati, [skont] it-tip tat-trasport (informazzjoni proviżorja, tan-numru tal-passiġġieri biss)”) u C2 (“Il-passiġġieri internazzjonali, [skont] il-pajjiż [tal-]imbark u l-pajjiż [tal-]iżbark (informazzjoni proviżorja, in-numru tal-passiġġieri biss)”);
-L-Anness D - “L-istatistiċi annwali dwar il-passiġġieri - ir-rappurtaġġ simplifikat” - tneħħa;
-L-Anness H - “L-istatistika dwar l-inċidenti” - tneħħa. Sal-2016, l-Istati Membri kienu jipprovdu data dwar l-inċidenti lill-Eurostat u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji. Mill-2016 ’l hawn, din id-data hija pprovduta biss lill-Aġenzija sabiex jitnaqqas il-piż għall-Istati Membri. L-Aġenzija mbagħad tibgħat id-data lill-Eurostat sabiex ixxerridha permezz tal-bażi tad-data tiegħu 6 ;
-L-Anness I - “Il-lista ta’ impriżi (rappurtaġġ dwar il-lista ta’ impriżi)” - tneħħa.
Il-Eurostat qed jaħdem sabiex jiżviluppa proċeduri aktar b’saħħithom għall-validazzjoni tad-data u għal kontrolli tal-kwalità li se jipprovdu feedback rapidu lill-Istati Membri fi stadju bikri ħafna tat-trażmissjoni tad-data.
Skont l-input miġbur mill-kwestjonarju mibgħut lill-Istati Membri f’April 2020, il-qafas definit mir-Regolament (UE) 2018/643 huwa biżżejjed sabiex jakkomoda l-ħtiġijiet tal-utenti mingħajr ma jqiegħed piż eċċessiv fuq ir-rispondenti. Il-pajjiżi jqisu li d-data hija ta’ valur sinifikanti u li l-piż u l-kost relatati għar-rispondenti u għall-uffiċċji tal-istatistika fil-ġbir ta’ din id-data huma ġġustifikati fir-rigward tal-benefiċċji tagħha. L-Istati Membri jirrikonoxxu li loġistika li tirrispetta l-ambjent hija inkonċepibbli mingħajr it-trasport bil-ferrovija, settur li jeħtieġ li jiġi mmodernizzat u msaħħaħ. Sabiex jiġi appoġġat dan il-proċess, hija meħtieġa data rilevanti u affidabbli sabiex jiġu ddefiniti u evalwati diversi miżuri.
2.4 VALIDAZZJONI TAD-DATA U L-KWALITÀ TAD-DATA STATISTIKA RIĊEVUTA
Filwaqt li l-Istati Membri huma responsabbli għall-kwalità tal-istatistika tat-trasport bil-ferrovija, il-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex issib l-iżbalji fid-data li tirċievi. Il-Eurostat iżomm sistema tal-IT affidabbli għar-riċeviment, għall-validazzjoni u għall-proċessar tad-data u jwettaq diversi tipi ta’ kontrolli tad-data. Meta jinstabu xi żbalji, il-pajjiżi jintalbu jibagħtu data riveduta.
Fir-rigward tal-arranġamenti tekniċi għat-trażmissjoni tad-data, intlaħaq livell għoli ta’ standardizzazzjoni. Il-pajjiżi jibagħtu d-data lill-Eurostat permezz tal-portal EDAMIS, b’mod konformi mal-istruttura tal-fajl u mal-format tar-rekord mitluba. Proċess ta’ validazzjoni, implimentat mis-sistema ewlenija tal-IT, iwettaq identifikazzjoni bikrija ta’ żbalji bażiċi u ta’ kodiċijiet żbaljati, li jippermetti l-integrazzjoni rapida tal-informazzjoni fil-bażi ta’ data tal-produzzjoni tal-Eurostat.
Ladarba d-data tiddaħħal fil-bażi ta’ data tal-produzzjoni tal-Eurostat, jiġu applikati kontrolli dettaljati sabiex tiġi żgurata l-kwalità tad-data li tkun intbagħtet. Dawn il-kontrolli tal-kwalità janalizzaw il-konsistenza tat-tabelli ta’ rapportar ta’ kull pajjiż, il-konsistenza ta’ dawn it-tabelli matul iż-żmien u l-koerenza bejn it-tipi differenti ta’ tabelli, u jqabblu r-riżultati bejn il-pajjiżi sħab rapportaturi (kontrolli riflessivi).
B’mod ġenerali, il-kwalità tad-data hija meqjusa tajba. Madankollu, għadhom meħtieġa sforzi sabiex jitnaqqsu l-assimetriji enfasizzati mill-kontrolli riflessivi, għalkemm xi wħud minn dawn l-assimetriji huma dovuti għal differenzi fil-metodoloġiji nazzjonali u ma jistgħux jitneħħew faċilment. Ir-rapportar tad-data dwar it-tranżitu wkoll irid li jiġi mtejjeb billi jiġu armonizzati l-metodi tal-ġbir tad-data fil-pajjiżi rapportaturi.
2.5 APPOĠĠ METODOLOĠIKU LILL-ISTATI MEMBRI
Il-Eurostat jipprovdi appoġġ metodoloġiku u tekniku kostanti lill-pajjiżi rapportaturi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/643.
Bħala parti minn dan l-appoġġ, il-Eurostat jorganizza żjarat fil-pajjiżi sabiex jiġu diskussi kwistjonijiet li ma jkunux ċari. Barra minn hekk, kull sentejn il-Eurostat jorganizza laqgħa ta’ esperti nazzjonali (il-Grupp ta’ Esperti dwar l-Istatistika tat-Trasport bil-Ferrovija) mill-Istati Membri kollha, mill-pajjiżi tal-EFTA, mill-pajjiżi kandidati u mill-kandidati potenzjali sabiex jiskambjaw prattiki tajbin u jiddiskutu l-kwalità tad-data, kwistjonijiet metodoloġiċi u proġetti ġodda. L-implimentazzjoni tar-Regolament hija wkoll punt regolari fl-aġenda fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni għall-Istatistika dwar it-Trasport.
Ir-Reference Manual on Rail transport statistics (Manwal ta’ Referenza dwar l-Istatistika tat-trasport bil-ferrovija) jipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament. Il-Manwal ta’ Referenza jiġi aġġornat regolarment (l-aktar fuq bażi annwali) sabiex jinkludi l-informazzjoni, id-dokumentazzjoni u l-linji gwida l-aktar reċenti li jkunu rilevanti għall-ġbir tal-istatistika dwar it-trasport bil-ferrovija.
Fl-2019, il-Eurostat, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti u mal-Forum Internazzjonali tat-Trasport, ippubblika b’mod konġunt il-ħames edizzjoni tal-Glossary for transport statistics (Glossarju għall-istatistika dwar it-trasport), li tinkludi taqsima aġġornata u mtejba dwar it-trasport bil-ferrovija. Il-Glossarju jimmira li jistandardizza d-definizzjonijiet tal-istatistika dwar it-trasport fuq livell Ewropew u internazzjonali.
2.6 DISSEMINAZZJONI TAD-DATA
Il-Eurostat joħroġ id-data miġbura skont ir-Regolament (UE) 2018/643 permezz tal-bażi tad-data ta’ disseminazzjoni tiegħu li hija aċċessibbli mingħajr ħlas mis-sit web tal-Eurostat. Hemm 26 tabella dwar it-trasport bil-ferrovija, li jiġu aġġornati regolarment u li huma kkomplementati minn fajls dettaljati tal-metadata.
7 8 Il-Eurostat jipproduċi wkoll artikli “Statistics Explained” (“Statistika Spjegata”) li jipprovdu analiżi tad-data għall-midja u għall-pubbliku ġenerali. Id-data tinxtered ukoll permezz ta’ estrazzjonijiet tad-data mfassla apposta għall-utenti u għal dawk li jfasslu l-politika, permezz tal-aħbarijiet tal-Eurostat u permezz tal-pubblikazzjonijiet tal-Eurostat (eż. il-ktieb tal-istatistika Energy, transport and environment statistics (Statistika dwar l-enerġija, it-trasport u l-ambjent)).
3. ŻVILUPP ULTERJURI TAL-ISTATISTIKA DWAR IT-TRASPORT BIL-FERROVIJA
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew ħabbar sett ta’ politiki trasformattivi fis-setturi ekonomiċi kollha, inkluż it-trasport. L-istatistika dwar it-trasport bil-ferrovija tal-merkanzija u tal-passiġġieri tista’ tgħin fl-istabbiliment u fil-monitoraġġ tal-miri tal-politika billi tipprovdi data dwar il-volumi ta’ merkanzija ttrasportata, in-numri ta’ passiġġieri, il-kilometri vvjaġġati, u t-tagħmir u l-infrastruttura. Din l-informazzjoni tinġabar skont ir-Regolament (UE) 2018/643 u minn kwestjonarji volontarji.
Il-kunfidenzjalità tad-data f’xi pajjiżi tillimita l-potenzjal għall-ġbir ta’ din l-informazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2018/643. Il-Eurostat, flimkien mal-Istati Membri, se jinvestiga jekk jistgħux jittaffew ir-restrizzjonijiet imposti mill-kunfidenzjalità tad-data u, jekk iva, kif.
Sabiex ikun hemm kopertura usa’ dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija, il-Eurostat iffirma ftehim amministrattiv mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji sabiex jirċievi u jippubblika data dwar:
(I)it-tul tal-linji u tal-binarji mgħammra bis-Sistema Ewropea għall-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS);
(II)in-numru ta’ stazzjonijiet tal-ferrovija mgħammra b’faċilitajiet għal persuni b’mobbiltà mnaqqsa.
L-ewwel data, ippubblikata fit-tielet trimestru tal-2020, hija relatata mat-tul tal-linji mgħammra bl-ERTMS.
Barra minn hekk, il-Eurostat qed jaħdem fuq l-iżvilupp ta’ matriċi tad-distanza tal-ferroviji sabiex tgħin fil-kalkolu tal-indikaturi tal-qasma modali skont il-klassi tad-distanza mingħajr ma jitqiegħdu piżijiet addizzjonali fuq il-pajjiżi rapportaturi. Il-matriċi tad-distanza għall-ferroviji hija bbażata fuq il-livell NUTS 2 tal-klassifikazzjoni dwar ir-reġjuni, sabiex tkun taqbel mal-ġbir ta’ data reġjonali għat-trasport bil-ferrovija fi ħdan l-Anness IV tar-Regolament (UE) 2018/643. Il-mod kif tiżviluppa l-matriċi tad-distanza jiddependi mit-titjib tan-networks ġeografiċi. L-applikazzjoni tagħha tiddependi prinċipalment mid-disponibbiltà u mill-kwalità tad-data dwar il-ferrovija fil-livell reġjonali.
Il-kopertura ġeografika tal-istatistika dwar it-trasport bil-ferrovija tista’ tiġi estiża bħala riżultat tat-tkabbir futur tal-UE u tal-involviment volontarju ta’ pajjiżi addizzjonali u/jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali permezz ta’ ftehimiet ta’ koperazzjoni.
Skont il-kwestjonarju mibgħut f’April 2020, l-Istati Membri bħalissa ma jaraw l-ebda ħtieġa għal tibdiliet jew għal titjib fir-Regolament (UE) 2018/643. Ma hemm l-ebda ħtieġa ġdida tal-utenti li trid tiġi indirizzata. Madankollu, inizjattivi politiċi nazzjonali, Ewropej u internazzjonali ġodda dwar is-sostenibbiltà u dwar it-trasformazzjoni tas-sistemi tat-trasport jistgħu joħolqu ħtiġijiet ta’ data ġodda. Ladarba jiġu identifikati dawn il-ħtiġijiet, dawn iridu jiġu evalwati u diskussi f’waqthom fi ħdan il-Grupp ta’ Esperti dwar l-Istatistika tat-Trasport bil-Ferrovija.
4. KONKLUŻJONIJIET
Ir-Regolament (UE) 2018/643 ġie implimentat b’suċċess, u r-riżultati huma meqjusin pożittivi. Mekkaniżmu stabbilit sew fil-Eurostat u fil-livell nazzjonali jagħmilha possibbli li tiġi prodotta statistika li hija komparabbli u ta’ kwalità għolja.
Il-Eurostat qed jagħmel l-almu tiegħu sabiex jgħin lill-Istati Membri jimplimentaw ir-Regolament u jipproduċu statistika ta’ kwalità għolja. Żviluppa sistema tal-IT u introduċa metodi ta’ komunikazzjoni li għandhom l-għan li jimminimizzaw il-piż tal-ġestjoni tad-data għall-pajjiżi rapportaturi. Il-Eurostat qed jipprovdi wkoll gwida dwar kif tista’ tittejjeb il-kwalità tad-data u kif jista’ jitnaqqas il-piż tal-ġbir u tar-rapportar tad-data.
L-istatistika dwar it-trasport bil-ferrovija għandha applikazzjoni immedjata fl-iżvilupp, fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ tal-politiki fil-livell nazzjonali u f’dak Ewropew. Minbarra dawk li jfasslu l-politika, numru ta’ organizzazzjonijiet u ta’ utenti oħra, bħar-riċerkaturi u l-analisti, urew interess fid-data, u l-Eurostat jiżgura li din l-istatistika dwar il-ferrovija tibqa’ viżibbli ħafna billi jxerridha permezz ta’ varjetà ta’ mezzi.
ĠU L 112, 2.5.2018, p. 1.
Ir-Regolament (KE) Nru 91/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija (ĠU L 14, 21.1.2003, p. 1).
https://ec.europa.eu/eurostat/documents/29567/3217334/Reference+manual+on+Rail+Transport+Statistics+ %28Version+8.01%29/ed767b61 - 7fca - 470a - a9e2 - 582e4aabedcb (Disponibbli biss bl-Ingliż).
https://ec.europa.eu/eurostat/statistics - explained/index.php?title=Category:Rail (Disponibbli biss bl-Ingliż).
https://ec.europa.eu/eurostat/web/products - statistical - books/ - /KS - DK - 19 - 001 (Disponibbli biss bl-Ingliż).