11.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 283/16


P9_TA(2023)0051

Id-deterjorament reċenti tal-kundizzjonijiet diżumani tal-priġunerija ta' Alexei Navalny u tal-priġunieri politiċi l-oħra fir-Russja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Frar 2023 dwar il-kundizzjonijiet diżumani tal-priġunerija ta' Alexei Navalny (2023/2553(RSP))

(2023/C 283/05)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja,

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi Alexei Navalny, figura politika prominenti Russa u rebbieħ tal-Premju Sakharov 2021, li ġie avvelenat b'aġent nervin Novichok mir-reġim tal-Kremlin, ilu detenut mis-17 ta' Jannar 2021 u bħalissa jinsab inkarċerat f'kolonja penali;

B.

billi mill-arrest tiegħu, Navalny ġie soġġett għal trattament ħażin, inklużi atti ta' tortura, kastigi arbitrarji u pressjonijiet psikoloġiċi; billi Navalny ma kellux viżitaturi għal dawn l-aħħar tmien xhur;

C.

billi Navalny għandu jiġi pproċessat fuq akkużi ġodda f'Marzu jew April, u qed jissogra sentenza ta' ħabs ulterjuri ta' mhux iktar minn 35 sena;

D.

billi mill-bidu tal-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna, l-awtoritajiet Russi żiedu r-repressjoni tagħhom tal-oppożizzjoni politika u tas-soċjetà ċivili;

E.

billi l-imġiba tal-Kremlin fil-konfront tal-avversarji politiċi u l-priġunieri politiċi, inkluż Navalny, turi n-natura brutali tiegħu, murija wkoll bil-gwerra tiegħu kemm kontra l-Ukrajna kif ukoll kontra r-Russi b'mentalità demokratika;

1.

Jingħaqad ma' Alexei Navalny u l-priġunieri politiċi Russi kuraġġużi l-oħra kollha fil-ġlieda tagħhom għad-demokrazija fir-Russja;

2.

Jitlob il-ħelsien ta' Navalny u tal-priġunieri politiċi l-oħra kollha fir-Russja, inklużi Dmitry Ivanov, Vladimir Kara-Murza, Ioann Kurmoyarov, Viktoria Petrova, Maria Ponomarenko, Aleksandra Skochilenko, Dmitry Talantov, Aleksei Gorinov, Ilya Yashin u oħrajn li ġew imħarrka biss minħabba l-assoċjazzjoni tagħhom ma' Navalny, l-oppożizzjoni tagħhom għall-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna jew skont l-Artikolu 207.3 tal-Kodiċi Kriminali Russu;

3.

Jeżiġi li, sakemm jinħelsu, il-kundizzjonijiet li fihom huma detenuti Navalny u l-priġunieri l-oħra kollha jinġiebu f'konformità mal-obbligi internazzjonali tar-Russja, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess ta' Navalny għat-tobba tal-għażla tiegħu u t-trattament mediku fi sptar ċivili, id-dritt tiegħu li jiċċaqlaq għal faċilità ta' qabel il-proċess b'aċċess għall-avukati tiegħu, u l-komunikazzjoni mal-familja tiegħu;

4.

Itenni t-talbiet tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE biex ikomplu jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja; iħeġġeġ lill-UE tappoġġa lis-soċjetà ċivili Russa; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu assistenza lill-ġurnalisti indipendenti, lill-attivisti favur id-demokrazija u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ta' nazzjonalità Russa, fir-Russja u lil hinn minnha;

5.

Jenfasizza li kemm l-Ukrajna kif ukoll id-demokrazija fir-Russja jridu jkunu rebbieħa, u li ż-żewġ rebħiet se jkunu wkoll rebħiet għal Alexei Navalny; jistieden lill-UE u lill-komunità demokratika kollha jadottaw strateġija ċara biex jassistu fiż-żewġ rebħiet bħala l-aħjar dimostrazzjoni tas-solidarjetà tagħna ma' Alexei Navalny u mal-oħrajn kollha li qed jiġġieldu għall-futur demokratiku tar-Russja;

6.

Jenfasizza li Putin irid jiġi pproċessat għal reati kontra l-popolazzjoni tiegħu stess;

7.

Iħeġġeġ lill-Kunsill jadotta miżuri restrittivi kontra dawk responsabbli għall-prosekuzzjonijiet arbitrarji u l-atti ta' tortura kontra d-dimostranti kontra l-gwerra;

8.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet Russi.