|
24.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 340/215 |
RIŻOLUZZJONI (UE) 2021/1573 TAL-PARLAMENT EWROPEW
tad-29 ta’ April 2021
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2019
IL-PARLAMENT EWROPEW,
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga għas-sena finanzjarja 2019, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0087/2021), |
|
A. |
billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tiegħu (1), il-baġit finali taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (iċ-"Ċentru") għas-sena finanzjarja 2019 kien ta’ EUR 18 178 352,57, li jirrappreżenta żieda ta’ 12,39 % meta mqabbel mal-2018; billi ż-żieda fil-baġit tista’ tiġi spjegata primarjament bil-bidu tal-Istrument il-ġdid għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni 7 (IPA 7); billi l-baġit taċ-Ċentru huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni; |
|
B. |
billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2019 (ir-"rapport tal-Qorti"), iddikjarat li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali taċ-Ċentru huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari; |
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
|
1. |
Japprezza li l-isforzi ta’ monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2019 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 100 %, jiġifieri l-istess rata bħal fl-2018; jinnota b’sodisfazzjon li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 98,29 %, li tirrappreżenta żieda ta’ 0,28 % meta mqabbla mas-sena preċedenti; |
Prestazzjoni
|
2. |
Jilqa’ l-fatt li fl-2019 iċ-Ċentru stabbilixxa mudell ġdid għall-kejl tal-prestazzjoni, bl-użu ta’ għaxar indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) komposti biex titkejjel l-effikaċja fil-kisba tar-riżultati u l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi; jinnota li l-għaxar KPIs komposti jinqasmu fi 43 indikatur tal-prestazzjoni aktar speċifiku li għalihom huma ddefiniti l-miri annwali; jilqa’ l-fatt li ċ-Ċentru laħaq 39 minn 43 mira u li t-tlieta li jifdal intlaħqu parzjalment u waħda ma kinitx applikabbli; |
|
3. |
Japprezza l-livell għoli ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma tal-2019, li fir-rigward tiegħu nkiseb il-monitoraġġ tal-KPI għall-outputs/riżultati tal-livell 1 u li aktar milli nkiseb għall-outputs/riżultati tal-livell 2 u tal-livell 3; |
|
4. |
Ifakkar liċ-Ċentru biex jirrieżamina u jaġġorna regolarment is-sistema ta’ kejl tal-prestazzjoni u l-KPIs tiegħu biex tiżgura l-kontribut effiċjenti u l-għarfien espert taċ-Ċentru fil-livell tal-Unjoni; iħeġġeġ liċ-Ċentru janalizza l-eżiti bir-reqqa u jużahom biex itejjeb l-istrateġija u l-ippjanar tal-attività tiegħu; |
|
5. |
Jenfasizza r-rwol importanti taċ-Ċentru li jipprovdi lil dawk li jfasslu l-politika u lill-professjonisti analiżijiet u informazzjoni dwar id-drogi u d-dipendenza fuq id-drogi kif ukoll dwar ix-xejriet emerġenti bil-ħsieb li jiġi miġġieled b’mod effettiv l-użu illeċitu u t-traffikar tad-drogi, u li jikkontribwixxi għal Ewropa aktar f’saħħitha billi jindirizza tħassib importanti dwar is-saħħa pubblika relatat mad-drogi; ifakkar li t-traffikar tad-droga ġie identifikat bħala sors ewlieni ta’ profitt u mezz ta’ reklutaġġ għall-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, u għalhekk jenfasizza l-kontribut taċ-Ċentru anki favur Ewropa aktar sikura; |
|
6. |
Jilqa’ l-kooperazzjoni bejn iċ-Ċentru u l-Europol; jirrikonoxxi l-pubblikazzjoni tat-tielet rapport konġunt tagħhom dwar is-Swieq tad-Droga tal-UE u l-pakkett ta’ sostenn tiegħu ta’ informazzjoni diġitali; jinnota l-konklużjoni ta’ żewġ arranġamenti ta’ ħidma ġodda fl-2019 fil-livell istituzzjonali mal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) u mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), bl-għan li tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni ġdida dwar sustanzi psikoattivi ġodda; iħeġġeġ liċ-Ċentru jżid il-kooperazzjoni tiegħu ma’ aġenziji, korpi, uffiċċji u istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni, filwaqt li joħloq sinerġiji ġodda f’oqsma bħall-iskemi konġunti ta’ akkwist pubbliku, iċ-ċibersigurtà u t-tranżizzjoni ekoloġika kif ukoll f’oqsma speċifiċi għall-qasam ta’ azzjoni tiegħu; |
|
7. |
Jinnota li ċ-Ċentru laħaq parzjalment il-mira tiegħu għall-għadd ta’ jiem ta’ taħriġ għal kull membru tal-persunal (mira ta’ 3 ijiem, 2,4 jumejn milħuqa) bħala riżultat ta’ allokazzjonijiet tal-baġit imnaqqsa għat-taħriġ; |
|
8. |
Jinnota li ċ-Ċentru laħaq parzjalment il-mira tiegħu għall-ispejjeż tal-utilità, minkejja tnaqqis fil-konsum tal-ilma (- 20 %); jinnota li l-ispejjeż tal-utilità għall-elettriku (+ 19,6 %) u għall-gass (+ 44 %) żdiedu minħabba l-użu addizzjonali tal-arja kkondizzjonata bħala riżultat tal-kundizzjonijiet atmosferiċi f’Lisbona, fejn tinsab is-sede taċ-Ċentru; jirrakkomanda li ċ-Ċentru jiffoka fuq l-iffrankar tal-enerġija u jżomm lill-awtorità ta’ kwittanza infurmata dwar il-kisbiet f’dan ir-rigward; |
|
9. |
Jinnota li ċ-Ċentru laħaq parzjalment il-mira tiegħu ta’ kontribut għal 14-il avveniment xjentifiku u prattiku ewlieni dwar id-droga minħabba l-ħtieġa li l-persunal jiġi riallokat għal kompiti oħra ta’ prijorità; iħeġġeġ liċ-Ċentru jkompli jattendi avvenimenti bħal dawn li huma mezz importanti għat-tixrid tal-għarfien taċ-Ċentru lill-pubbliku ġenerali; |
|
10. |
Jinnota b’sodisfazzjon li r-rapport tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Mejju 2019 dwar evalwazzjoni taċ-Ċentru (2) kkonkluda li ċ-Ċentru qed jaħdem tajjeb; jilqa’ l-konklużjonijiet l-oħra tar-rapport li ċ-Ċentru huwa rikonoxxut bħala ċentru ta’ eċċellenza fl-Ewropa u internazzjonalment, li l-informazzjoni prodotta miċ-Ċentru hija fattwali, oġġettiva, affidabbli u robusta, li l-attivitajiet taċ-Ċentru huma rilevanti fil-livell tal-Unjoni u rilevanti b’mod li jvarja fil-livell nazzjonali, li l-ħidma taċ-Ċentru hija koerenti mal-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, aġenziji oħra tal-Unjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali, u li l-valur miżjud tal-Unjoni tal-ħidma taċ-Ċentru huwa għoli; jinnota r-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapport u l-pjan ta’ azzjoni stabbilit miċ-Ċentru; jistieden liċ-Ċentru jżomm l-awtorità ta’ kwittanza infurmata dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet; |
|
11. |
Jirrimarka li huwa meħtieġ approċċ kumpless sabiex il-paġni inizjali tas-siti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jsiru aċċessibbli għal persuni b’kull xorta ta’ diżabbiltà, kif previst fid-Direttiva (UE) 2016/2102 (3), inkluża d-disponibbiltà tal-lingwi tas-sinjali nazzjonali; jissuġġerixxi li jiġu involuti organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà f’dan il-proċess; |
|
12. |
Jilqa’ l-istabbiliment tal-proġett ta’ kooperazzjoni teknika "EU4Monitoring Drugs", flimkien mal-pajjiżi sħab tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), li huwa ffinanzjat mill-Istrument Ewropew ta’ Viċinat li jinkludi baġit totali ta’ EUR 3 miljuni u li huwa ppjanat li jibqa’ għaddej sa tmiem l-2021, bl-objettiv li jappoġġa l-istat ta’ tħejjija nazzjonali u reġjonali fil-qasam tal-PEV biex jiġi identifikat theddid għas-saħħa u s-sigurtà relatat mad-drogi u biex ikun hemm reazzjoni għalih; |
|
13. |
Jenfasizza l-kontribut taċ-Ċentru, permezz tar-rapporti annwali tiegħu, għall-iżvilupp tal-Aġenda u l-Pjan tal-Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi 2021-2025 (4), u r-rwol li ċ-Ċentru se jkollu fl-implimentazzjoni tiegħu; |
Politika dwar il-persunal
|
14. |
Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2019, mit-tabella tal-persunal kien imtela perċentwal ta’ 94,74 %, u li kienu nħatru 9 uffiċjali u 63 aġent temporanju minn 10 uffiċjali u 66 aġent temporanju awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma’ 76 post tax-xogħol awtorizzati fl-2018); jinnota wkoll li, fl-2019, iċ-Ċentru ħaddem 34 aġent kuntrattwali u espert nazzjonali sekondat wieħed; |
|
15. |
Ifakkar li l-Qorti identifikat nuqqasijiet rikorrenti li japplikaw għal għadd ta’ aġenziji fir-rigward tal-użu ta’ persunal estern u ħaddiema interim; jinnota li, skont ir-risposta taċ-Ċentru, huwa vvaluta mill-ġdid il-politika tiegħu għall-użu ta’ ħaddiema temporanji bil-ħsieb li jkompli jirrazzjonalizza dik il-politika f’konformità mal-ħtiġijiet operattivi tiegħu u mal-qafas ġuridiku rilevanti; |
|
16. |
Jinnota li ċ-Ċentru rrapporta li fl-2019 kien hemm bilanċ kważi perfett bejn il-ġeneri fil-Bord ta’ Ġestjoni (16-il raġel u 14-il mara); jinnota bi tħassib li m’hemm ebda bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell tal-maniġment superjuri (7 irġiel u 2 nisa); jitlob liċ-Ċentru jiżgura li fil-futur ikun hemm bilanċ bejn il-ġeneri fil-livell tal-maniġment superjuri; |
|
17. |
Jilqa’ l-pubblikazzjoni ta’ postijiet vakanti kemm fis-sit web taċ-Ċentru, kif ukoll fis-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal; |
|
18. |
Jinnota bi tħassib livell għoli ta’ disparità fil-bilanċ ġeografiku tal-persunal, bi proporzjon sinifikanti ta’ madwar 50 % tal-uffiċjali, l-aġenti temporanji u l-aġenti kuntrattwali jkunu ċittadini tal-Istat Membru ospitanti; jistieden liċ-Ċentru jindirizza din il-kwistjoni b’urġenza u jtejjeb il-bilanċ ġeografiku tal-persunal; |
|
19. |
Iħeġġeġ liċ-Ċentru jimmira li jiżviluppa qafas ta’ politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani li jindirizza l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri, it-telexogħol, il-bilanċ ġeografiku kif ukoll ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabilità; |
|
20. |
Itenni t-tħassib tiegħu li l-Qorti identifikat nuqqas rikorrenti li japplika għal għadd ta’ aġenziji fir-rigward tal-użu ta’ persunal estern u ħaddiema interim; jitlob li tiġi indirizzata d-dipendenza mir-reklutaġġ estern f’dan il-qasam importanti u li tiġi rrispettata l-liġi tax-xogħol applikabbli; jilqa’ r-risposta taċ-Ċentru li vvaluta mill-ġdid il-politika tiegħu dwar l-użu ta’ ħaddiema temporanji bil-ħsieb li jkompli jirrazzjonalizza din il-politika f’konformità mal-ħtiġijiet operattivi tiegħu u mal-qafas ġuridiku rilevanti; jinnota l-kawża pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (5) li tindirizza diversi kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/104/KE (6) dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija fl-aġenziji tal-Unjoni; jistieden liċ-Ċentru biex kemm jista’ jkun iserraħ fuq persunal permanenti; |
Akkwist
|
21. |
Jilqa’ l-fatt li ċ-Ċentru stabbilixxa pjan ta’ akkwist konformi mal-pjan ta’ ġestjoni taċ-Ċentru, li twettaq b’suċċess; jinnota li ċ-Ċentru juża l-proċedura negozjata b’mod partikolari għal kuntratti ta’ valur żgħir; jenfasizza r-riskji inerenti assoċjati mal-użu tal-proċedura negozjata; jinnota bi tħassib li f’85 minn 92 proċedura, li jirrappreżentaw 60 % tal-valur totali tal-kuntratti, iċ-Ċentru attribwixxa kuntratti diretti fi proċeduri b’offerti uniċi; jirrikonoxxi li l-biċċa l-kbira ta’ dawn is-sitwazzjonijiet seħħew b’rabta ma’ każijiet ta’ kuntratti ta’ valur żgħir; jirrakkomanda li ċ-Ċentru juża proċeduri li jinvolvu diversi kandidati, anki f’kuntratti ta’ valur żgħir, sabiex iżid il-varjetà tal-possibilitajiet; jistieden liċ-Ċentru jkompli jissorvelja mill-qrib il-kuntratti konklużi; jilqa’ l-fatt li l-Qorti ma kellhiex kummenti dwar l-applikazzjoni min-naħa taċ-Ċentru tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku; jilqa’ l-progress li sar miċ-Ċentru fl-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku; |
Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, etika u trasparenza
|
22. |
Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti taċ-Ċentru u l-isforzi kontinwi biex jiżgura t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u l-protezzjoni tal-informaturi; jinnota b’sodisfazzjon li d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri u s-sostituti tal-bord ta’ ġestjoni, id-direttur u l-membri tal-kumitat xjentifiku huma ppubblikati fis-sit web taċ-Ċentru; jinnota li sommarju qasir tas-CV tad-direttur u tal-membri tal-kumitat xjentifiku huma ppubblikati wkoll fis-sit web taċ-Ċentru; |
|
23. |
Jissottolinja l-fatt li l-qafas etiku attwali li japplika għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni jbati minn żvantaġġi konsiderevoli minħabba l-frammentazzjoni tiegħu u n-nuqqas ta’ konsistenza bejn id-dispożizzjonijiet eżistenti; jenfasizza li dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati billi jiġi stabbilit qafas etiku komuni, li jiżgura l-applikazzjoni ta’ standards etiċi għoljin għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-Unjoni; |
|
24. |
Jissottolinja li ċerti uffiċjali jimlew dikjarazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ kunflitti ta’ interess u jipprovdu awtovalutazzjonijiet fir-rigward tar-rispett tal-istandards etiċi; jenfasizza, madankollu, li tali awtodikjarazzjonijiet u awtovalutazzjonijiet mhumiex biżżejjed u li għalhekk huwa meħtieġ skrutinju addizzjonali; |
|
25. |
Jilqa’ l-fatt li, skont il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Ombudsman Ewropew, f’Lulju 2019 iċ-Ċentru adotta kodiċi ta’ kondotta u rakkomandazzjonijiet prattiċi għall-interazzjoni possibbli tal-persunal tiegħu ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess; |
Diġitalizzazzjoni
|
26. |
Jisħaq fuq l-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni taċ-Ċentru f’termini ta’ proċeduri ta’ operazzjonijiet u ġestjoni interni; jisħaq fuq il-ħtieġa li ċ-Ċentru jibqa’ jkun proattiv f’dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji akkost ta’ kollox; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata; |
Kontrolli interni
|
27. |
Jiddeplora l-fatt li żewġ rakkomandazzjonijiet li ilhom pendenti li rriżultaw minn awditu tal-2015 tas-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) dwar il-ġestjoni tal-proġetti tal-IT kienu għadhom ma ngħalqux fl-2019, erba’ snin wara l-konklużjoni tal-awditu; jinnota li r-rakkomandazzjonijiet kollha ġew implimentati miċ-Ċentru u ngħalqu formalment f’Jannar 2020; |
|
28. |
Jinnota l-missjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni tal-IAS dwar nuqqasijiet potenzjali fil-kontroll intern fiċ-Ċentru relatati mal-ġestjoni tar-riżorsi umani; jilqa’ l-fatt li dawn in-nuqqasijiet potenzjali ma kinux relatati mal-frodi; jistieden liċ-Ċentru jindirizza malajr il-kwistjonijiet identifikati mill-IAS u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu u jinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-istatus tal-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet sa Ġunju 2021; |
|
29. |
Jilqa’ l-fatt li l-osservazzjoni tal-Qorti rigward il-kontribuzzjoni finanzjarja min-Norveġja liċ-Ċentru, li ma kinitx konformi mal-mekkaniżmu ta’ kontribuzzjoni previst, ittieħdet azzjoni fuqha u ġiet ikkompletata; |
|
30. |
Jinnota li, wara l-introduzzjoni tal-qafas ta’ kontroll intern (QKI) il-ġdid fl-2017 u t-twaqqif ta’ repożitorju bl-istat attwali tal-implimentazzjoni fl-2018, il-verżjoni finali tar-repożitorju dwar il-QKI il-ġdid ġiet approvata mid-direttur taċ-Ċentru f’Marzu 2019; jirrakkomanda li ċ-Ċentru jwettaq il-valutazzjoni annwali tal-implimentazzjoni tal-QKI, u jirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-eżitu tagħha, fil-qafas tal-proċedura ta’ kwittanza tal-2020; |
|
31. |
Jinnota li l-istrateġija kontra l-frodi taċ-Ċentru tmur lura għal Awwissu 2016 u ġiet irrappurtata bħala implimentata bis-sħiħ fir-rapport konsolidat tal-attività annwali taċ-Ċentru; jirrakkomanda li ċ-Ċentru jaġġorna l-istrateġija tiegħu kontra l-frodi, filwaqt li jqis l-esponiment tiegħu għal riskji ta’ frodi, u jaġġorna l-pjan ta’ azzjoni tiegħu kif meħtieġ; jistieden liċ-Ċentru biex, sa Ġunju 2021, jirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-istat attwali tal-aġġornament; |
|
32. |
Iħeġġeġ liċ-Ċentru jkompli jippromwovi l-ħidma, ir-riċerka u l-attivitajiet tiegħu biex iżid il-viżibbiltà pubblika tagħha; |
|
33. |
Jinnota l-isforzi li saru biex jiżdiedu ċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data taċ-Ċentru; |
|
34. |
Jilqa’ l-isforzi taċ-Ċentru biex jipprovdi post tax-xogħol kosteffikaċi u ekokompatibbli; |
|
35. |
Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ April 2021 (7) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji. |
(1) ĠU C 143, 30.4.2020, p. 17.
(2) COM(2019)0228.
(3) Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).
(4) COM(2020)0606.
(5) C-948/19, Manpower Lit.
(6) Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).
(7) Testi adottati, P9_TA(2021)0215.