|
28.9.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 355/5 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(2016/C 355/05)
Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li wieħed jopponi l-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONI TA’ ORIĠINI PROTETTA JEW TA’ INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA
Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012
“POMME DE TERRE DE L’ÎLE DE RÉ”
Nru tal-UE: PDO-FR-0065-AM01 — 18.5.2016
DOP ( X ) IĠP ( )
1. Grupp applikant u interess leġittimu
Il-grupp jikkonsisti fi produtturi u kumpaniji li jippakkjaw il-“Pomme de terre de l’île de Ré”. Għaldaqstant, dan il-grupp għandu interess leġittimu biex iressaq l-applikazzjoni għal emenda.
|
Isem tal-grupp: |
Syndicat de défense de l’appellation d’origine de la Pomme de terre de l’île de Ré (“Trade union għall-protezzjoni tad-DOP tal-patata tal-Île de Ré”) |
|||
|
Tip tal-grupp: |
Iktar minn persuna waħda |
|||
|
Parteċipanti: |
Produttur jew Produtturii Oħrajn: Kumpaniji tal-ippakkjar |
|||
|
Indirizz: |
|
|||
|
Tel. |
+33 0546092309 |
|||
|
Email(s): |
pommedeterre.iledere@orange.fr |
2. Stat Membru jew Pajjiż Terz
Franza
3. Intestaturi fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwati mill-emenda/i
|
— |
☐ |
Isem il-prodott |
|
— |
☐ |
Deskrizzjoni tal-prodott |
|
— |
☐ |
Żona ġeografika |
|
— |
☐ |
Prova tal-oriġini |
|
— |
☒ |
Metodu ta’ produzzjoni |
|
— |
☐ |
Rabta |
|
— |
☐ |
Tikkettar |
|
— |
☒ |
Oħrajn |
4. Tip ta’ emenda(i)
|
— |
☒ |
Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 |
|
— |
☐ |
Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għaliha ma jkun ġie rreġistrat l-ebda Dokument Uniku (jew ekwivalenti) u li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 |
5. Emenda/i
Metodu ta’ produzzjoni
Varjetajiet:
|
|
L-applikazzjoni għal emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott tikkonċerna l-emenda tal-varjetajiet awtorizzati. |
|
|
Huwa propost li jitneħħew erba’ varjetajiet, li huma Goulvena, Pénélope, BF15 u Roseval. Wara diversi snin ta’ implimentazzjoni tad-denominazzjoni, jidher li l-karatteristiċi tal-varjetajiet BF15 u Roseval ma għadhomx jissodisfaw l-ispeċifiċitajiet tal-produzzjoni tal-patata bikrija bħal dawk tad-DOP “Pomme de terre de l’île de Ré”. Fil-fatt, matul is-snin, irriżulta li dawn iż-żewġ varjetajiet ta’ patata jippreżentaw inkonvenjent sinifikanti minħabba ċ-ċiklu tat-tħawwil twil tagħhom (bejn 105 u 110 ijiem); dawn il-varjetajiet ma jgħinux biex inaqqsu ċ-ċiklu tal-parassiti fil-ħamrija (tat-tip nematodi), li jdumu ma jiżviluppaw. F’dan il-kuntest, il-promozzjoni ta’ varjetajiet b’ċiklu qasir jgħin biex jillimita l-iżvilupp ta’ dawn il-parassiti u biex titnaqqas il-popolazzjoni tagħhom. Rigward il-varjetajiet Goulvena u Pénélope, peress li ma għadhomx jiġu prodotti minn produtturi tal-patata ċċertifikati, dawn ma għadhomx disponibbli għall-produtturi tal-“Pomme de terre de l’île de Ré”. |
|
|
Qed jintalab ukoll li jiżdiedu tliet varjetajiet ġodda, jiġifieri l-Primabelle, is-Celtiane u l-Léontine. Celtiane u Léontine huma patata tal-konsum b’ġewwieni iebes. Primabelle hija varjetà ta’ patata tal-konsum. Dawn il-varjetajiet ġodda ġew ittestjati għal sentejn skont protokoll tal-ittestjar bl-għan li jivverifika jekk dawn jirrispettawx il-kriterji ta’ kwalità tekniċi, agronomiċi, u organolettiċi tad-denominazzjoni. Ir-riżultati ta’ dan l-ittestjar urew li dawn it-tliet varjetajiet jissodisfaw il-kriterji deskrittivi u l-ispeċifiċitajiet kollha tad-DOP “Pomme de terre de l’île de Ré”. |
|
|
Minħabba li l-varjetà Primabelle hija inkluża fil-katalgu Ewropew imma għadha ma ġietx inkluża fil-katalgu Franċiż, din il-varjetà ma tappartjeni għall-ebda grupp kulinarju tal-katalgu Franċiż korrispondenti. Għall-finijiet tas-simplifikazzjoni tal-abbozzar, huwa propost li titneħħa r-referenza għall-gruppi kulinarji, peress li hemm korrelazzjoni qawwija bejn il-grupp kulinarju u l-perċentwali ta’ materja niexfa tat-tuberi. Dan ma jaffettwax l-Ispeċifikazzjoni minħabba li l-varjetajiet awtorizzati huma ddeżinjati bl-isem, u huma inklużi minħabba l-karatteristiċi tagħhom u mhux minħabba l-gruppi kulinarji tagħhom. |
|
|
Huwa meħtieġ li ssir din l-emenda biex tkompli titwettaq il-produzzjoni tal-“Pomme de terre de l’île de Ré”: minn naħa, din l-emenda tneħħi dawk il-varjetajiet li ma għadhomx disponibbli u dawk li t-tkabbir tagħhom jippreżenta problemi agronomiċi, u min-naħa l-oħra, tintroduċi varjetajiet li jissodisfaw il-kriterji deskrittivi u l-ispeċifiċitajiet kollha tad-DOP. |
Oħrajn
Referenzi dwar l-istruttura ta’ kontroll:
|
|
Id-dettalji ta’ kuntatt tal-korp ta’ kontroll ġew mibdula b’dawk tal-awtorità kompetenti ta’ kontroll. |
|
|
L-għan ta’ din l-emenda huwa biex tiġi evitata l-emenda tal-Ispeċifikazzjonijiet fil-każ ta’ bidla fil-korp ta’ kontroll. |
Oħrajn
Rekwiżiti nazzjonali:
|
|
Ġew aġġornati l-valuri ta’ referenza li huma indikati fit-tabella bil-punti prinċipali li għandhom jiġu ċċekkjati dwar il-varjetajiet ta’ patata. |
|
|
Dan kien jinvolvi li jittieħed kont tal-emenda relattiva tat-tneħħija u l-introduzzjoni ta’ varjetajiet. |
DOKUMENT UNIKU
“POMME DE TERRE DE L’ÎLE DE RÉ”
Nru tal-UE: PDO-FR-0065-AM01 — 18.5.2016
DOP ( X ) IĠP ( )
1. Isem
“Pomme de terre de l’île de Ré”
2. Stat Membru jew Pajjiż Terz
Franza
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.6. Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
Il-“Pomme de terre de l’île de Ré” hija patata bikrija b’daqs ta’ inqas minn 70 mm.
Il-patata li jista’ jkollha d-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Pomme de terre de l’île de Ré” trid tkun ġejja minn varjetajiet ta’ patata tal-konsum (Alcmaria, Starlette, Carrera u Primabelle) u patata tal-konsum b’ġewwieni iebes (Amandine, Charlotte, Celtiane u Léontine).
Hija kkaratterizzata minn konsistenza b’ġewwieni li jinħall, kif ukoll minn aromi speċifiċi li jista’ jkollhom lemħiet veġetali. Il-perċentwali ta’ materja niexfa tagħha, dakinhar li tinġabar, hija ta’ bejn 15 u 20,5 % għall-varjetajiet Alcmaria, Starlette, Carrera u Primabelle, u bejn 16 u 21 % għall-varjetajiet Amandine, Charlotte u Celtiane u Léontine.
Billi tinġabar qabel timmatura għalkollox, il-qoxra tagħha tibqa’ rqiqa u titqaxxar malajr meta tinħakk ftit.
Din il-patata tinvolvi produzzjoni staġjonali li tista’ tinbiegħ biss sal-31 ta’ Lulju inkluż tas-sena tal-ġbir, u li mhijiex xierqa biex tinżamm għal tul ta’ żmien.
Il-“Pomme de terre de l’île de Ré” hija ħaxixa friska li trid tinbiegħ malajr wara li tinġabar.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
—
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
L-istadji kollha mill-ġerminazzjoni sal-ħsad isiru fiż-żona ġeografika.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li jirreferi għalih isem il-prodott
L-ippakkjar isir fiż-żona ġeografika ddefinita. Isir fl-imballaġġi ta’ distribuzzjoni li ma jistgħux jaqbżu l-25 kg. Il-modi ta’ ppakkjar jiżguraw l-identifikazzjoni tal-lottijiet u l-oriġini tagħhom, u b’hekk jikkontribwixxu sabiex tiġi garantita t-traċċabbiltà tal-patata.
Peress li l-“Pomme de terre de l’île de Ré” huwa prodott kummerċjalizzat biss frisk, irid jiġi ppakkjat malajr wara li jinġabar.
Barra minn hekk, il-prodott jinġabar qabel il-maturità sħiħa, u minħabba dan huwa prodott fraġli. Għandhom għalhekk jiġu evitati l-iskossi li jistgħu jbiddlu l-qoxra: daqqiet u tbenġil. B’hekk, il-produtturi joqogħdu ferm attenti fil-mument tal-ġbir, tat-tqassim, u tal-ippakkjar biex jinżammu l-karatteristiċi tal-patata.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
Minbarra r-referenzi stipulati mir-Regolamenti dwar il-kummerċjalizzazzjoni tal-patata, it-tikkettar tal-patata li tibbenefika mid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta “Pomme de terre de l’île de Ré” għandu jindika l-isem tad-denominazzjoni “Pomme de terre de l’île de Ré” kif ukoll il-kliem “Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta” jew it-taqsira “DOP”.
4. Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika tikkorrispondi għat-territorju tal-Île de Ré li jikkonsisti fil-muniċipalitajiet li ġejjin: Ars-en-Ré, La Couarde-sur-Mer, Loix, Les Portes-en-Ré, Saint-Clément-des-Baleines, Le Bois-Plage-en Ré, La Flotte, Rivedoux-Plage, Sainte-Marie-de-Ré, Saint-Martin-de-Ré.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Speċifiċità taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni tal-oriġini “Pomme de terre de l’île de Ré” tikkorrispondi għall-10 muniċipalitajiet ta’ Charente-Maritime li jiffurmaw l-Île de Ré. L-Île de Ré tinsab fl-Oċean Atlantiku, 3 kilometri mix-xtut ta’ Franza, u tinsab faċċata tal-muniċipalità ta’ La Rochelle.
L-Île de Ré tidħol fl-istorja ġeoloġika tal-fruntiera tat-Tramuntana tal-Baċir ta’ Aquitaine. Hija msawra minn depożiti sedimentari differenti tat-tip tas-sikek tal-korall u tal-ġir taflin taż-żmien Ġurassiku. Din is-sedimentazzjoni tal-era sekondarja ġabet magħha l-bażi tal-franka tal-Île de Ré li kienet miksija b’depożiti ta’ tafal u mir-riħ matul l-era kwaternarja.
Dawn l-episodji differenti ta’ sedimentazzjoni wasslu għal pajsaġġ ta’ pjan pjuttost imħattab, fejn l-ogħla punt ma jaqbiżx l-20 metru.
L-iktar tipi ta’ ħamrija komuni fuq il-gżira huma dawk tat-tipi Calcosol jew Calcisol fuq materjal primarjament tal-franka.
Iż-żoni riżervati għall-produzzjoni tal-patata ġeneralment jikkorrispondu għall-ħamrija max-xtut tat-tip ta’ ħamrija kannella tal-ġir jew tal-kalċju b’għatta ramlija kif ukoll ħamrija b’depożiti mir-riħ b’konsistenza ramlija. Din hija ħamrija ħafifa, xotta u li tiffiltra. Din il-ħamrija hija rikka fil-potassju, fl-aċidu fosforiku, u ġeneralment ftit li xejn ikollha ħumus.
Barra minn hekk, l-Île de Ré għandha l-partikolarità li toffri sors ta’ fertilizzant naturali lill-produtturi permezz tal-kelp. Dan il-fertilizzant organiku magħmul minn alki tal-baħar miġburin minn fuq il-bajjiet tal-gżira, li għal żmien twil kienu l-unika riżorsa organika tal-ħamrija tal-gżira, għadu jintuża sal-lum minn ċerti produtturi. Il-kelp huwa interessanti għaliex jiddekomponi iktar malajr meta mqabbla pereżempju mad-demel tal-bovini.
Il-klima hija tat-tip oċeaniku moderat. Il-karattru moderat jinħass iktar milli fix-xtut kontinentali, peress li dawn in-naħat jaraw iktar xemx, u għandhom xita iktar dgħajfa u temperaturi tajbin. Dawn id-differenzi ġejjin mill-influwenza iktar immarkata tal-oċean meta mqabbel mal-kontinent.
Il-klima hija kkaratterizzata minn perjodi xemxin importanti ta’ madwar 2 300 siegħa fis-sena, assoċjati ma’ dawl importanti, xita ftit abbundanti u inqas minn 700 millimetru fis-sena u temperatura annwali medja qrib it-13 °C. Ix-xita hija osservata l-iktar fil-ħarifa u fix-xitwa, u l-borra jew is-silġ ma tantx huma spissi. Barra minn hekk, l-Île de Ré hija esposta għal riħ sħun u kiefer.
Il-prattiki tat-tħawwil li huma implimentati għandhom l-għan li jiksbu l-karatteristika tal-ġbir bikri tal-“Pomme de terre de l’île de Ré”. B’mod partikolari, huma kkaratterizzati:
|
— |
mit-tfassil ta’ data ta’ skadenza għat-tħawwil, sabiex jiġi ggarantit ġbir qabel iż-żmien għall-“Pomme de terre de l’île de Ré”, li ma tistax tibqa’ tinġabar wara l-31 ta’ Lulju. |
|
— |
minn densità għolja ta’ tħawwil u ta’ ringieli kompatti; |
|
— |
minn tqallib li jsir biss b’mod mekkaniku, sabiex ma tiġix affettwata l-ħamrija, prattika li tikkontribwixxi għall-karatteristiċi organolettiċi tal-prodott. |
Speċifiċità tal-prodott
Il-“Pomme de terre de l’île de Ré” hija patata bikrija.
Dan l-aspett bikri, kif ukoll id-daqs żgħir jew medju, inqas minn 70 millimetru, jagħtiha kwalitajiet organolettiċi oriġinali: ġewwieni li jinħall, irwejjaħ, wara t-tisjir, li jevolvu matul l-istaġun — minn veġetali għal frott niexef — u togħmiet kważi dejjem ħelwin u xi kultant assoċjati ma’ togħmiet ftit milħin.
Rabta kawżali
Ir-rabta bejn il-fatturi pedoklimatiċi tal-île de Ré mal-prattiki tat-tħawwil tal-produtturi twassal għall-karatteristiċi u l-kwalitajiet organolettiċi oriġinali tal-“Pomme de terre de l’île de Ré”.
Il-“Pomme de terre de l’île de Ré” tikseb l-aspett bikri tagħha mill-ħamrija u mill-għarfien lokali. Fil-fatt, il-ħamrija ħafifa, xotta u filtranti, it-temperaturi tajbin u l-perjodi twal ta’ xemx, flimkien ma’ ħidma tal-wiċċ jippermettu li jsir tqallib mgħaġġel tal-ħamrija. Il-kisba tal-karatteristika bikrija tidher fil-ġerminaturi, mit-tinbit tal-pjanti sal-ħsad.
Il-kwalità tal-“Pomme de terre de l’île de Ré” hija dovuta wkoll għad-daqs massimu tagħha ta’ 70 millimetru li jikkontribwixxi għall-kwalitajiet organolettiċi tagħha. Il-produzzjoni ta’ dan id-daqs hija spjegata mill-assoċjazzjoni ta’ xita regolata b’mod naturali mad-densitajiet tat-tħawwil ġeneralment għoljin li huma prattikati fuq il-gżira. Il-kapaċità tajba tal-ħamrija sabiex tnixxef lilha nnifisha, it-temperaturi tajbin, is-sħana u l-qilla tar-riħ li tiffavorixxi l-evapotraspirazzjoni jikkontribwixxu wkoll biex jillimitaw id-daqs tal-patata. Id-densitajiet tat-tħawwil għoljin jippermettu li l-pjanti jifilħu għall-qilla tar-riħ tal-gżira.
Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet pedoklimatiċi ideali sfruttati mill-prattiki tat-tħawwil adattati, u għażla għaqlija ta’ varjetajiet, iġibu magħhom il-karatteristiċi tipiċi tal-“Pomme de terre de l’île de Ré”.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni
(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)
https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-33a6ecf7-2f06-499e-a064-705743de4243/telechargement
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.