9.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 4/3


Pubblikazzjoni skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' istituzzjonijiet ta' kreditu

(2009/C 4/05)

LANDSBANKI ISLANDS HF

Fil-5 ta' Diċembru 2008, fuq ordni tal-Qorti Distrettwali ta' Rejkjavik, kien awtorizzat moratorium tal-pagamenti fir-rigward ta' Landsbanki Islands hf. (“Landsbanki”) skond l-Artikolu 100a tal-Att Nru 161/2002 dwar l-Impriżi Finanzjarji, wara li Landsbanki ssodisfa lill-qorti dwar il-kawżi tad-diffikultajiet finanzjarji tiegħu, x'konsegwenzi jġibu magħhom, kif biħsiebu jirriorganizza l-finanzi tiegħu u li jissodisfa l-kundizzjonijiet għal moratorium tal-pagamenti. L-Avukat tal-Qorti Suprema s-Sur Kristinn Bjarnason inħatar biex jassisti lil-Landsbanki b'rabta ma' dan. L-effett tal-ordni huwa li ma jistgħux jitnfetħu proċedimenti legali kontra Landsbanki waqt li jkun fil-moratorium tal-pagamenti sakemm dan ma jkunx espliċitament permess bil-liġi jew inkella l-azzjoni tikkostitwixxi proċedimenti kriminali li jinvolvu talbiet għal penalitajiet.

L-awtorizzazzjoni fir-rigward tal-moratorium iddum b'effett sas-26 ta' Frar 2009 fis-14:00, meta l-Qorti Distrettwali ta' Rejkjavik sejra terġa' tindirizza l-kwistjoni fil-Pjazza Laekjatorg, Rejkjavik, l-Iżlanda. Il-kredituri ta' Landsbanki għandhom id-dritt jagħmlu rappreżentazzjonijiet f'dan is-smigħ.