|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2024/4431 |
11.7.2024 |
DEĊIŻJONI TAR-RAPPREŻENTANT GĦOLI TAL-UNJONI GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U L-POLITIKA TA’ SIGURTÀ
tat-23 ta’ Mejju 2024
dwar ir-regoli dwar l-aċċess għad-dokumenti
(C/2024/4431)
IR-RAPPREŻENTANT GĦOLI TAL-UNJONI GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN U L-POLITIKA TA’ SIGURTÀ,
Wara li kkunsidra l-Artikolu 11(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (1),
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 11(1) tad-Deċiżjoni 2010/427/UE, is-SEAE għandu japplika r-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u r-Rappreżentant Għoli għandu jiddeċiedi dwar ir-regoli ta’ implimentazzjoni għas-SEAE. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001, is-SEAE stabbilixxa reġistru ta’ dokumenti aċċessibbli għall-pubbliku. |
|
(3) |
Sabiex tiġi riflessa l-evoluzzjoni tal-politika u l-prattiki ta’ trasparenza tas-SEAE, huwa xieraq li d-Deċiżjoni PROC HR (2011) 012 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (3) billi titħassar u tiġi sostitwita b’din id-Deċiżjoni, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni mis-SEAE tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament”).
Artikolu 2
Sottomissjoni ta’ applikazzjoni
1. Applikazzjoni għal aċċess għad-dokumenti indirizzata lis-SEAE għandha tiġi ppreżentata bil-miktub, permezz tas-sit web tas-SEAE, bil-posta elettronika lit-Tim ta’ Trasparenza tas-SEAE jew bil-posta lill-Korrispondent tal-Aċċess għad-Dokumenti, Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, Rond Point Schuman 9A Brussels 1040, Belgium.
2. L-applikazzjoni għandha ssir b’mod preċiż biżżejjed sabiex is-SEAE jkun jista’ jidentifika d-dokumenti mitluba u jipproċessa l-applikazzjoni fil-limiti ta’ żmien tar-Regolament.
3. F’każ ta’ applikazzjonijiet li ma jkunux preċiżi biżżejjed jew li jkunu ġenerali wisq fl-ambitu tagħhom, is-SEAE għandu jikkuntattja minnufih lill-applikant bil-ħsieb li jiċċara t-talba jew jillimita l-ambitu tagħha f’konformità mal-Artikolu 6(2) u 6(3) tar-Regolament. Fin-nuqqas ta’ tweġiba mill-applikant fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol, is-SEAE għandu jerġa’ jikkuntattja lill-applikant u jagħtih 5 ijiem ta’ xogħol oħra biex jiċċara jew jillimita l-ambitu tat-talba sabiex is-SEAE jkun jista’ jittrattaha b’mod effiċjenti. Jekk l-applikant jonqos milli jiċċara jew jillimita l-ambitu, l-applikazzjoni għandha titqies miċħuda.
4. Malli l-applikazzjoni tiġi rreġistrata, il-Korrispondent tal-Aċċess għad-Dokumenti tas-SEAE għandu jibgħat konferma tar-riċevuta lill-applikant.
5. Id-data personali tal-applikanti għandha tiġi pproċessata f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali (4).
Artikolu 3
Limiti ta’ żmien
1. L-applikazzjonijiet kollha għandhom jiġu pproċessati skont il-kundizzjonijiet u sal-iskadenzi stabbiliti mir-Regolament.
2. F’każijiet eċċezzjonali, kif stipulat fl-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament, l-iskadenzi jistgħu jiġu estiżi bi 15-il jum ta’ xogħol, b’mod partikolari:
|
(a) |
fil-każ ta’ applikazzjonijiet li huma kumplessi jew li jinvolvu volum kbir ta’ data jew dokumenti, |
|
(b) |
jekk talba tkun teħtieġ konsultazzjoni ma’ istituzzjoni, korp jew uffiċċju tal-Unjoni, Stat Membru, jew delegazzjoni tal-Unjoni; jew |
|
(c) |
jekk tkun meħtieġa konsultazzjoni ma’ parti terza. |
L-applikant għandu jiġi infurmat bi kwalunkwe estensjoni bħal din u bir-raġunijiet għaliha.
Artikolu 4
Trattar ta’ risposti
1. It-tweġibiet għall-applikazzjonijiet inizjali jiġu ttrattati mit-Tim ta’ Trasparenza u jiġu ffirmati mill-Korrispondent tal-Aċċess għad-Dokumenti tas-SEAE.
2. It-tweġibiet għall-applikazzjonijiet konfermatorji jiġu ffirmati mis-Segretarju Ġenerali tas-SEAE wara li jitqies il-parir tal-Korrispondent tal-Aċċess għad-Dokumenti. Is-Segretarju Ġenerali jista’ jiddelega din is-setgħa fi ħdan is-SEAE.
Artikolu 5
Risposta negattiva
Jekk it-tweġiba għal applikazzjoni tkun kompletament jew parzjalment negattiva, din għandha tiddikjara r-raġunijiet għar-rifjut abbażi ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament. It-tweġibiet għal applikazzjoni inizjali għandhom jinfurmaw lill-applikant bid-dritt li jissottometti applikazzjoni konfermatorja. It-tweġibiet għal applikazzjoni konfermatorja għandhom jinfurmaw lill-applikant dwar ir-rimedji disponibbli, jiġifieri li jinbdew proċedimenti tal-qorti kontra s-SEAE skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 263 TFUE u/jew li jitressaq ilment lill-Ombudsman Ewropew skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 228 TFUE.
Artikolu 6
Dokumenti ta’parti terza miżmuma għand is-SEAE
1. Meta s-SEAE jirċievi applikazzjoni għal aċċess għal dokument li jkollu fil-pussess tiegħu, iżda li joriġina minn parti terza, il-parti terza għandha tiġi kkonsultata sakemm ma jkunx ċar li d-dokument għandu jew ma għandux jiġi żvelat, fid-dawl tal-eċċezzjonijiet stipulati fir-Regolament.
2. L-aċċess għad-dokument għandu jingħata mingħajr konsultazzjoni mal-parti terza jekk id-dokument ikun diġà ġie ppubblikat mill-awtur tiegħu, ikun diġà ġie rilaxxat mis-SEAE, jew jekk ikun ċar li l-iżvelar, jew l-iżvelar parzjali, tal-kontenut tiegħu ovvjament ma jaffettwa l-ebda wieħed mill-interessi msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament.
3. Il-parti terza dejjem għandha tiġi kkonsultata jekk id-dokument ikun kopert mill-Artikolu 9 tar-Regolament, jew jekk id-dokument joriġina minn Stat Membru u l-Istat Membru jkun talab lis-SEAE biex ma jiżvelax id-dokument mingħajr il-qbil tiegħu minn qabel f’konformità mal-Artikolu 4(5) tar-Regolament. Talba bħal din minn Stat Membru għandha ssir bil-miktub.
4. Il-parti terza għandha tiġi kkonsultata bil-miktub u tingħata limitu ta’ żmien raġonevoli biex twieġeb, filwaqt li jitqiesu l-limiti ta’ żmien stipulati fl-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni. Il-parti terza għandha tagħti l-opinjoni tagħha bil-miktub.
5. Fin-nuqqas ta’ tweġiba mill-parti terza fil-limitu ta’ żmien, jew jekk il-parti terza ma tkunx identifikabbli jew traċċabbli, is-SEAE għandu jiddeċiedi dwar l-applikazzjoni fid-dawl tal-eċċezzjonijiet stipulati fir-Regolament, filwaqt li jqis l-interessi leġittimi tal-parti terza abbażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu.
6. Jekk is-SEAE jkollu l-ħsieb li jagħti aċċess għal dokument kontra l-opinjoni espliċita tal-parti terza, huwa għandu jinforma lill-parti terza bl-intenzjoni tiegħu li jiżvela d-dokument fil-limitu ta’ żmien applikabbli skont ir-Regolament.
Artikolu 7
Konsultazzjoni mas-SEAE
1. It-talbiet għall-konsultazzjoni mas-SEAE minn Stat Membru jew istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija oħra tal-Unjoni li jkunu rċevew applikazzjoni għal dokument fil-pussess tagħhom iżda li joriġina mis-SEAE għandhom jiġu ppreżentati lit-Tim tat-Trasparenza tas-SEAE jew lill-Korrispondent tal-Aċċess għad-Dokumenti bil-posta lil Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, Rond Point Schuman 9A, Brussels 1040, Belgium, jew bil-posta elettronika lil ACCESS-TO-DOCUMENTS@eeas.europa.eu.
2. Is-SEAE għandu jagħti l-opinjoni tiegħu minnufih, filwaqt li jqis kwalunkwe limitu ta’ żmien applikabbli biex tingħata tweġiba, u mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta’ xogħol.
Artikolu 8
Dokumenti klassifikati
1. Meta applikazzjoni għal aċċess għal dokument tikkonċerna dokument fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament jew dokument ieħor ikklassifikat skont ir-regoli tas-sigurtà tas-SEAE, din għandha tiġi ttrattata mill-membri tal-persunal awtorizzati li jiffamiljarizzaw ruħhom mad-dokument.
2. Għandhom jingħataw raġunijiet fuq il-bażi tal-eċċezzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 tar-Regolament għal kull deċiżjoni li tirrifjuta aċċess għal parti minn dokument klassifikat jew għalih kollu kemm hu. Jekk id-dokument mitlub ma jistax jiġi rifjutat fuq il-bażi ta’ dawk l-eċċezzjonijiet, l-uffiċjal li jittratta l-applikazzjoni għandu jiżgura li d-dokument jiġi deklassifikat qabel ma jintbagħat lill-applikant.
Artikolu 9
Modalitajiet ta’ aċċess
1. Id-dokumenti li għandu jingħata aċċess għalihom għandhom jintbagħtu bil-posta jew bil-posta elettronika. Jekk id-dokumenti mitluba jkunu voluminużi jew ma jkunux jistgħu jiġu mmaniġġjati faċilment, l-applikant jista’ jiġi mistieden jikkonsultahom fejn jinżammu. Konsultazzjoni bħal din għandha tkun bla ħlas.
2. Jekk dokument ikun diġà ġie rilaxxat mis-SEAE, it-tweġiba tista’ tikkonsisti f’li l-applikant jiġi infurmat kif jista’ jikseb id-dokument mitlub, bħall-għoti tar-referenzi tal-pubblikazzjoni jew l-indikazzjoni tal-indirizz web fejn ikun disponibbli.
3. Jekk il-volum tal-kopji tad-dokumenti li għandhom jintbagħtu bil-posta jaqbeż l-20 paġna, l-applikant jista’ jintalab iħallas tariffa ta’ EUR 0,10 għal kull paġna, flimkien mal-ispejjeż tat-trasport. Il-miżati għal mezzi oħra għandhom jiġu deċiżi skont il-każ, iżda fi kwalunkwe każ m’għandhomx jeċċedu ammont raġonevoli.
Artikolu 10
Reġistru Pubbliku tas-SEAE
1. Id-dokumenti li jingħata aċċess għalihom wara applikazzjoni skont ir-Regolament għandhom jiġu ppubblikati fir-reġistru pubbliku tas-SEAE. Ir-reġistru għandu jkun aċċessibbli f’forma elettronika.
2. Dokumenti li jikkwalifikaw bħala “sensittivi” skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament għandhom jiġu rreġistrati fir-reġistru bil-kunsens tal-oriġinatur biss.
Artikolu 11
Rapportar
Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament, kull sena s-SEAE għandu jippubblika rapport, inkluż l-għadd ta’ każi fejn is-SEAE rriffjuta l-aċċess għal dokumenti, ir-raġunijiet għal dan ir-rifjut u n-numru ta’ dokumenti sensittivi li mhumiex reġistrati fir-reġistru.
Artikolu 12
Tħassir tad-Deċiżjoni PROC HR (2011) 012
Din id-Deċiżjoni tħassar u tissostitwixxi d-Deċiżjoni PROC HR (2011) 012.
Artikolu 13
Effett
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-iffirmar tagħha.
Magħmul fi Brussell, 23 ta’ Mejju 2024.
Josep BORRELL FONTELLES
Rappreżentant Għoli tal-Unjoni
għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà
(1) ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(3) Id-Deċiżjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tad-19 ta’ Lulju 2011 dwar ir-regoli li jirrigwardaw l-aċċess għad-dokumenti (ĠU C 243, 20.8.2011, p. 16).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4431/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)