IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.11.2025
COM(2025) 674 final
2025/0341(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul l-34 sessjoni tal-Assemblea
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-34 sessjoni tal-Assemblea tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (A 34), li se ssir bejn l-24 ta’ Novembru u t-3 ta’ Diċembru 2025.
Matul l-34 sessjoni tagħha, l-Assemblea għandha tadotta emendi għal dawn li ġejjin:
(a)Il-Kodiċi dwar Twissijiet u Indikaturi, 2025,
(b)Il-proċeduri għall-kontroll mill-Istat tal-port, 2025
(c)Il-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont is-Sistema Armonizzata tal-Istħarriġ u ċ-Ċertifikazzjoni (HSSC, Harmonized System of Survey and Certification), 2025
(d)Il-lista mhux eżawrjenti tal-2025 ta’ obbligi skont l-istrumenti rilevanti għall-Kodiċi għall-Implimentazzjoni tal-Istrumenti tal-OMI (Kodiċi III).
(e)Il-Qafas u l-Proċeduri għall-Iskema ta’ Verifika tal-Istati Membri tal-OMI (IMSAS, IMO Member State Audit Scheme).
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali
Il-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) tistabbilixxi l-OMI. L-għan tal-OMI huwa li tipprovdi forum għall-kooperazzjoni fil-qasam tar-regolamentazzjoni u tal-prattiki relatati ma’ kwistjonijiet tekniċi ta’ kull tip li jaffettwaw it-tbaħħir involut fil-kummerċ internazzjonali. Barra minn hekk, għandha l-għan li tħeġġeġ l-adozzjoni ġenerali tal-ogħla standards prattikabbli fi kwistjonijiet li jikkonċernaw is-sikurezza marittima, l-effiċjenza tan-navigazzjoni u l-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis tal-baħar mill-vapuri, filwaqt li tippromwovi kundizzjonijiet ekwi. Tittratta wkoll kwistjonijiet amministrattivi u legali relatati.
Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Marzu 1958.
L-Istati Membri kollha huma partijiet għall-Konvenzjoni. L-Unjoni ma hijiex parti għall-Konvenzjoni.
2.2.Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali
L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) hija l-aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli għas-sikurezza u għas-sigurtà tat-tbaħħir u għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar mill-vapuri. Hija l-awtorità li tistabbilixxi l-istandards globali għas-sikurezza, għas-sigurtà u għall-prestazzjoni ambjentali tat-tbaħħir internazzjonali. Ir-rwol prinċipali tagħha huwa li toħloq qafas regolatorju għall-industrija tat-tbaħħir li jkun ġust u effettiv, u li dan jiġi adottat u implimentat b’mod universali.
Is-sħubija fl-OMI hija miftuħa biss għall-Istati. Illum, ir-relazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea mal-OMI huma bbażati fuq ir-Riżoluzzjoni A.1168(32) tal-OMI li tippreskrivi l-proċeduri u t-termini għall-kooperazzjoni bejn l-OMI u l-organizzazzjonijiet intergovernattivi. Abbażi ta’ din ir-Riżoluzzjoni tal-OMI u arranġamenti ulterjuri mill-1974, il-Kummissjoni Ewropea qed tipparteċipa bħala osservatur fil-laqgħat kollha tal-Kumitat u tas-Sottokumitat tal-OMI.
L-Assemblea tal-OMI hija l-korp governattiv tal-organizzazzjoni. Din tikkonsisti mill-Istati Membri kollha tal-OMI, li jiltaqgħu kull sentejn u tista’ tadotta miżuri maqbula fil-ħames Kumitati ewlenin kollha tal-OMI. Fost dawn il-ħames kumitati hemm il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (MSC, Maritime Safety Committee) u l-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC, Marine Environment Protection Committee).
2.3.Atti previsti tal-Assemblea tal-OMI
Bejn l-24 ta’ Novembru u t-3 ta’ Diċembru 2025, matul l-34 sessjoni tagħha, l-Assemblea għandha tadotta emendi għal dawn li ġejjin:
(a)Il-Kodiċi dwar Twissijiet u Indikaturi, 2025,
(b)Il-proċeduri għall-kontroll mill-Istat tal-port, 2025
(c)Il-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont is-Sistema Armonizzata tal-Istħarriġ u ċ-Ċertifikazzjoni (Linji Gwida għall-Istħarriġ skont l-HSSC), 2025
(d)Il-lista mhux eżawrjenti tal-2025 ta’ obbligi skont l-istrumenti rilevanti għall-Kodiċi għall-Implimentazzjoni tal-Istrumenti tal-OMI (Kodiċi III).
(e)L-Iskema ta’ Verifika tal-Istati Membri tal-OMI (IMSAS).
Skont il-Konvenzjoni tal-OMI (l-Artikolu 15)j)), l-Assemblea tista’ tadotta regolamenti u linji gwida għall-Membri li jikkonċernaw is-sikurezza marittima, il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis tal-baħar mill-vapuri u kwistjonijiet oħra li jikkonċernaw l-effett tat-tbaħħir fuq l-ambjent tal-baħar assenjat lill-Organizzazzjoni minn jew taħt strumenti internazzjonali, jew emendi għal tali regolamenti u linji gwida li jkunu ġew riferuti lilha, fil-forma ta’ Riżoluzzjonijiet.
Ir-Riżoluzzjonijiet imsemmija hawn fuq li għandhom jiġu adottati, jissupplimentaw u jappoġġaw il-Konvenzjonijiet tal-OMI, huma kapaċi jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE u ħafna minnhom huma inkorporati fil-leġiżlazzjoni tal-UE.
L-għan ġenerali tagħhom huwa li jippromwovu s-sikurezza marittima, il-protezzjoni ambjentali, u l-implimentazzjoni globali konsistenti tal-istandards tal-OMI billi jarmonizzaw ir-rekwiżiti tekniċi, il-proċeduri ta’ spezzjoni u stħarriġ, u s-sorveljanza tal-konformità tal-Istati Membri. Dawn jiġu rieżaminati u aġġornati regolarment biex jinkorporaw teknoloġiji ġodda, żviluppi regolatorji, u esperjenza miksuba mill-applikazzjoni prattika tagħhom, filwaqt li jiġu żgurati r-rilevanza u l-effettività kontinwa tagħhom.
B’mod aktar preċiż:
(a)L-għan tal-emendi previsti għall-Kodiċi dwar Twissijiet u Indikaturi huwa li jaġġornaw ulterjorment id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi, u b’hekk tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tal-istrumenti tal-OMI li ġew adottati u/jew emendati minn meta ġie adottat il-Kodiċi u, b’hekk, jiġu eliminati l-kontradizzjonijiet, l-ambigwitajiet u r-ridondanzi mhux meħtieġa.
(b)L-għan tal-emendi previsti għall-proċeduri għall-kontroll mill-Istat tal-port huwa li jittejbu s-sikurezza u s-sigurtà marittimi, u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar u li jiġu aġġornati l-Proċeduri biex jitqiesu l-emendi għall-istrumenti tal-OMI li daħlu fis-seħħ jew li saru effettivi mill-2023 meta t-33 Assemblea tal-OMI adottat ir-riżoluzzjoni A.1185(33) dwar il-Proċeduri għall-kontroll mill-Istat tal-port, 2023.
(c)L-għan tal-emendi previsti għal-Linji Gwida skont is-sistema armonizzata tal-istħarriġ u ċ-ċertifikazzjoni huwa li dawn jiġu riveduti ulterjorment biex jitqiesu l-emendi għall-istrumenti tal-OMI li daħlu fis-seħħ jew li saru effettivi mill-2023 meta t-33 Assemblea tal-OMI adottat ir-riżoluzzjoni A.1186(33) dwar il-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont is-Sistema Armonizzata tal-Istħarriġ u ċ-Ċertifikazzjoni (HSSC), 2023.
(d)L-għan tal-emendi previsti għal-lista mhux eżawrjenti tal-2025 ta’ obbligi skont l-istrumenti rilevanti għall-Kodiċi III huwa li dawn jiġu riveduti ulterjorment biex jitqiesu l-emendi għall-istrumenti tal-OMI rilevanti għall-Kodiċi III li daħlu fis-seħħ jew li saru effettivi mill-2023 meta t-33 Assemblea tal-OMI adottat ir-riżoluzzjoni A.1187(33) dwar Lista mhux eżawrjenti tal-2023 ta’ obbligi skont l-istrumenti rilevanti għall-Kodiċi III.
(e)L-għan tal-emendi previsti għall-Qafas u l-Proċeduri għall-Iskema ta’ Verifika tal-Istati Membri tal-OMI (IMSAS) huwa li tittejjeb il-kapaċità tal-Istati Membri li jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-istrumenti obbligatorji tal-OMI li għalihom huma Parti, u li titrawwem trasparenza, responsabbiltà u kooperazzjoni akbar fost l-Istati Membri.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
3.1.Adozzjoni tal-abbozz tal-Kodiċi dwar Twissijiet u Indikaturi, 2025, u l-abbozz tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea assoċjat miegħu, u r-revoka tar-riżoluzzjoni eżistenti A.1021(26) dwar il-Kodiċi dwar Twissijiet u Indikaturi, 2009
Il-Kodiċi dwar Twissijiet u Indikaturi, 2009, huwa maħsub biex jipprovdi gwida ġenerali dwar id-disinn u biex jippromwovi l-uniformità tat-tip, tal-post u tal-prijorità għat-twissijiet u l-indikaturi meħtieġa mill-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), li hija applikata għall-vapuri tal-passiġġieri involuti fi vjaġġi domestiċi permezz tad-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri.
Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI, fil-108 sessjoni tiegħu (MSC 108) assenja lis-Sottokumitat dwar id-Disinn u l-Bini ta’ Vapuri (SDC, Sub-Committee on Ship Design and Construction) biex iwettaq il-ħidma dwar ir-“Rieżami tal-Kodiċi tal-2009 dwar Twissijiet u Indikaturi”.
L-SDC 11 innota l-importanza li jiġi żgurat li l-emendi għall-Kodiċi dwar Twissijiet u Indikaturi kienu konsistenti u armonizzati mal-aħħar verżjonijiet tal-konvenzjonijiet, tal-kodiċijiet u tar-riżoluzzjonijiet, li stabbilew rekwiżiti għal twissijiet viżwali u tas-smigħ biex jiggarantixxu s-sikurezza tal-operazzjonijiet abbord. L-SDC 11 stabbilixxa l-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-Rieżami tal-Kodiċi tal-2009 dwar Twissijiet u Indikaturi u tah struzzjonijiet biex jiżviluppa ulterjorment l-abbozz tal-emendi għall-Kodiċi tal-2009 dwar Twissijiet u Indikaturi, bil-għan li jiġi ffinalizzat, flimkien mal-abbozz tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea assoċjat miegħu.
L-SDC 11 approva r-rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-Rieżami tal-Kodiċi tal-2009 dwar Twissijiet u Indikaturi u qabel mal-abbozz tal-Kodiċi tal-2025 dwar Twissijiet u Indikaturi, u l-abbozz tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea assoċjat miegħu, bil-ħsieb li jkun hemm approvazzjoni simultanja mill-MEPC 83 u mill-MSC 110, u adozzjoni sussegwenti minn A 34. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-SDC 11 kienet li għandu jiġi appoġġat il-fatt li l-abbozz tal-emendi għall-Kodiċi tal-2009 dwar Twissijiet u Indikaturi għandu jiġi kkunsidrat fi ħdan grupp ta’ ħidma.
Fit-83 sessjoni tiegħu, il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC) approva, soġġett għal deċiżjoni simultanja minn MSC 110, l-abbozz tal-Kodiċi dwar Twissijiet u Indikaturi, 2025, u l-abbozz tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea assoċjat miegħu, kif stabbilit fl-anness 14, bil-ħsieb li jiġi adottat minn A 34. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-MEPC 83 kienet li tappoġġa l-approvazzjoni tal-abbozz tal-Kodiċi dwar Twissijiet u Indikaturi, 2025 u l-abbozz tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea assoċjat miegħu.
L-MSC 110 qabel mad-deċiżjoni tal-MEPC 83 li jiġi approvat l-abbozz tal-Kodiċi dwar Twissijiet u Indikaturi, 2025 sabiex jiġi adottat minn A 34. Meta approva l-abbozz tal-Kodiċi, il-Kumitat stieden lill-Assemblea tirrevoka r-riżoluzzjoni eżistenti A.1021(26) dwar il-Kodiċi dwar Twissijiet u Indikaturi, 2009. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-MSC 110 kienet li tappoġġa l-approvazzjoni tal-abbozz tal-Kodiċi dwar Twissijiet u Indikaturi, 2025 u l-abbozz tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea assoċjat miegħu.
L-abbozz tal-Kodiċi dwar Twissijiet u Indikaturi, 2025 u l-abbozz tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea assoċjat miegħu ġew approvati mill-MSC 110 biex jiġu adottati minn A34, skont ir-rapport tal-MSC lil A34 (id-dokument tal-OMI A 34/12 tal-1 ta’ Settembru 2025).
Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tkun li tappoġġa l-abbozz tal-Kodiċi dwar Twissijiet u Indikaturi, 2025, u l-abbozz tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea assoċjat miegħu peress li dan ir-rieżami se jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti tal-istrumenti tal-OMI li ġew adottati u/jew li ġew emendati minn meta ġie adottat il-Kodiċi u, b’hekk, biex jiġu eliminati l-kontradizzjonijiet, l-ambigwitajiet u r-ridondanzi mhux meħtieġa.
3.2.Adozzjoni tal-proċeduri għall-kontroll mill-Istat tal-port, 2025 u l-abbozz tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea assoċjat magħhom
Il-Proċeduri għall-kontroll mill-Istati tal-port huma maħsuba biex jipprovdu gwida bażika dwar it-twettiq ta’ spezzjonijiet ta’ kontroll mill-Istat tal-port b’appoġġ għad-dispożizzjonijiet ta’ kontroll ta’ konvenzjonijiet u partijiet rilevanti tal-Kodiċi għall-Implimentazzjoni tal-Istrumenti tal-OMI (Kodiċi III) u jagħtu konsistenza fit-twettiq ta’ dawn l-ispezzjonijiet, fir-rikonoxximent tan-nuqqasijiet ta’ bastiment, tat-tagħmir tiegħu, jew tal-ekwipaġġ tiegħu, u fl-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ kontroll.
Fl-10 sessjoni tiegħu, is-Sottokumitat dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrumenti tal-OMI (III), kien qabel mal-abbozz tal-emendi għall-Proċeduri għall-PSC, 2023 li għandu jiġi ffinalizzat fi III 11, bil-għan li jiġi ppreżentat lil A 34, għall-adozzjoni. III 10 kien stabbilixxa wkoll il-Grupp ta’ Korrispondenza dwar Miżuri għall-Armonizzazzjoni tal-Attivitajiet u l-Proċeduri ta’ Kontroll mill-Istat tal-Port (PSC) Madwar id-Dinja, taħt il-koordinazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, biex ikompli jaħdem fuq l-emendar tal-Proċeduri għall-PSC, 2023. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi III 10 kienet li tappoġġa r-rapport tal-Grupp ta’ Korrispondenza dwar Miżuri għall-Armonizzazzjoni tal-Attivitajiet u l-Proċeduri ta’ Kontroll mill-Istat tal-Port (PSC) Madwar id-Dinja u li tappoġġa l-istabbiliment tal-Grupp ta’ Ħidma dwar kwistjonijiet tal-PSC biex jitqies ix-xogħol pendenti li jirriżulta mir-rapport tal-aħħar.
III 11 ikkunsidra fost l-oħrajn ir-rapport tal-Grupp ta’ Korrispondenza u stabbilixxa l-Grupp ta’ Ħidma dwar Miżuri għall-Armonizzazzjoni tal-Attivitajiet u l-Proċeduri ta’ Kontroll mill-Istat tal-Port Madwar id-Dinja biex ir-rapport jiġi kkunsidrat ulterjorment bil-għan li jiġu ffinalizzati, bħala kwistjoni ta’ prijorità, l-abbozzi tal-emendi proposti għall-Proċeduri għall-PSC, 2023, bil-għan li jiġu ppreżentati, f’forma konsolidata, lil A 34 għall-adozzjoni. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi III 11 kienet li tappoġġa b’mod ġenerali, ir-rapport tal-Grupp ta’ Korrispondenza dwar Miżuri għall-Armonizzazzjoni tal-Attivitajiet u l-Proċeduri ta’ Kontroll mill-Istat tal-Port (PSC) Madwar id-Dinja.
III 11 qabel mal-abbozz tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea dwar il-Proċeduri għall-Kontroll mill-Istat tal-Port, 2025, li għandu jiġi adottat minn A 34.
L-MSC 109 u l-MEPC 83 kienu awtorizzaw lil III 11 biex jirrapporta l-eżitu tal-ħidma tiegħu dwar kwistjonijiet li jkunu jeħtieġu l-adozzjoni tal-abbozz tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea dwar il-Proċeduri għall-Kontroll mill-Istat tal-Port, 2025 direttament lil A 34.
L-abbozz tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea dwar il-Proċeduri għall-Kontroll mill-Istat tal-Port, 2025 tressaq għall-adozzjoni minn A 34, skont ir-rapport tal-MSC lil A34 (id-dokument tal-OMI A 34/12 tal-1 ta’ Settembru 2025).
Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni tal-proċeduri għall-kontroll mill-Istat tal-port, 2025 u l-abbozz tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea assoċjat magħhom peress li dawn se jtejbu s-sikurezza u s-sigurtà marittima, u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar u l-aġġornament se jqis l-emendi għall-istrumenti tal-OMI li daħlu fis-seħħ jew li saru effettivi mill-2023.
3.3.Emendi għal-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont is-Sistema Armonizzata tal-Istħarriġ u ċ-Ċertifikazzjoni (Linji Gwida għall-Istħarriġ skont l-HSSC), 2025
Is-Sistema Armonizzata tal-Istħarriġ u ċ-Ċertifikazzjoni (Linji Gwida għall-Istħarriġ skont l-HSSC) hija sistema unifikata għall-istħarriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-bastimenti skont il-konvenzjonijiet tal-OMI. Il-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont l-HSSC huma rekwiżiti obbligatorji li l-ROs isegwu meta jwettqu stħarriġ u spezzjonijiet statutorji.
Is-Sottokumitat dwar l-Implimentazzjoni tal-Istat tal-Bandiera, il-predeċessur tal-III, qabel li jirrevedi l-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont l-HSSC fuq bażi kontinwa. Il-Linji Gwida għall-Istħarriġ huma għalhekk aġġornati f’kull sessjoni tal-Assemblea tal-OMI.
L-III 9 kien stabbilixxa Grupp ta’ Korrispondenza dwar il-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont l-HSSC, il-Lista mhux eżawrjenti ta’ obbligi, u l-Gwida dwar l-Istħarriġ, l-Awditi u l-Verifiki mill-Bogħod biex jiġu kkunsidrati emendi ulterjuri għal-Linji Gwida tal-HSSC.
L-III 10 qabel li l-abbozzi tal-emendi għal-Linji Gwida għall-Istħarriġ kellhom jiġu żviluppati ulterjorment biex jinkludu r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-emendi għall-istrumenti rilevanti tal-OMI li jidħlu fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2025 u inkluż din id-data, filwaqt li jitqiesu l-eżiti tal-MSC 108, l-MEPC 81 u s-sessjonijiet futuri tal-MSC u l-MEPC, kif xieraq, bil-għan li l-abbozzi tal-emendi jiġu ppreżentati lill-III 11 għall-finalizzazzjoni, qabel il-preżentazzjoni diretta potenzjali fil-forma konsolidata lil A 34 għall-adozzjoni, soġġett għall-approvazzjoni mill-Kumitati. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi III 10 kienet li tappoġġa li l-abbozzi tal-emendi għal-Linji Gwida HSSC tal-2023, li jirriżultaw mill-emendi għall-istrumenti obbligatorji li għandhom jidħlu fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2025 u inkluż din id-data, jiġu kkunsidrati mill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont l-HSSC.
III 10 kien stabbilixxa mill-ġdid il-Grupp ta’ Korrispondenza msemmi hawn fuq biex jiżviluppa ulterjorment emendi għal-Linji Gwida għall-Istħarriġ, bil-għan li jkun hemm verżjoni konsolidata minn III 11.
III 11 ikkunsidra fost l-oħrajn ir-rapport tal-Grupp ta’ Korrispondenza u stabbilixxa l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont l-HSSC, il-Lista Mhux eżawrjenti ta’ Obbligi, u l-Gwida dwar l-Istħarriġ, l-Awditi u l-Verifiki mill-Bogħod biex jiġu ffinalizzati l-abbozzi tal-emendi proposti għal-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont l-HSSC, 2023, għall-finalizzazzjoni f’din is-sessjoni bil-għan li jiġu ppreżentati, f’forma konsolidata, lil A 34 għall-adozzjoni. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi III 11 kienet li tappoġġa li l-emendi proposti jiġu riferuti lill-grupp ta’ ħidma għar-rieżami u l-finalizzazzjoni matul is-sessjoni.
III 11 qabel mal-abbozz tal-emendi għal-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont l-HSSC li għandhom jiġu adottati minn A 34.
L-MSC 109 u l-MEPC 83 kienu awtorizzaw lil III 11 biex jirrapporta l-eżitu tal-ħidma tiegħu dwar kwistjonijiet li jkunu jeħtieġu l-adozzjoni tal-abbozz tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea dwar il-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont l-HSSC direttament lil A 34.
L-abbozz tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea dwar il-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont l-HSSC tressaq għall-adozzjoni minn A 34, skont ir-rapport tal-MSC lil A34 (id-dokument tal-OMI A 34/12 tat-1 ta’ Settembru 2025).
Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni tal-emendi għal-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont l-HSSC minħabba li l-aġġornament se jqis l-emendi għall-istrumenti tal-OMI li daħlu fis-seħħ jew li saru effettivi mill-2023.
3.4.Emendi għal-lista mhux eżawrjenti ta’ obbligi skont l-istrumenti rilevanti għall-Kodiċi għall-Implimentazzjoni tal-Istrumenti tal-OMI (Kodiċi III)
Bħala gwida dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-istrumenti tal-OMI, b’mod partikolari dwar l-identifikazzjoni ta’ oqsma rilevanti li jistgħu jiġu awditjati għall-Iskema ta’ Verifika tal-Istati Membri tal-OMI, l-OMI qed tiżviluppa lista mhux eżawrjenti ta’ obbligi skont l-istrumenti rilevanti għall-Kodiċi għall-Implimentazzjoni tal-Istrumenti tal-OMI (Kodiċi III). L-aħħar reviżjoni ta’ din il-lista kienet fl-2023 bħala anness għar-Riżoluzzjoni A.1187(33) adottat minn A 33. Minn dak iż-żmien, kemm l-MSC kif ukoll l-MEPC adottaw dispożizzjonijiet leġiżlattivi addizzjonali.
III 9 kien stabbilixxa wkoll il-Grupp ta’ Korrispondenza dwar il-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont l-HSSC, il-Lista Mhux Eżawrjenti ta’ Obbligi, u l-Gwida dwar l-Istħarriġ, l-Awditi u l-Verifiki mill-Bogħod, biex, fost l-oħrajn, ikompli jiżviluppa l-abbozzi tal-emendi għal-Lista mhux eżawrjenti ta’ obbligi li jirriżultaw minn dawk l-emendi għall-istrumenti rilevanti tal-OMI li se jidħlu fis-seħħ sal-1 ta’ Lulju 2026 u inkluż dan, bil-għan li jiġu ppreżentati abbozzi ta’ emendi għal-Lista mhux eżawrjenti, kif iffinalizzati f’forma konsolidata, għall-adozzjoni f’A 34.
Minħabba restrizzjonijiet ta’ żmien, III 10 ma setax ilesti l-aġġornament tal-Lista mhux eżawrjenti. Għalhekk, III 10 qabel li jkompli l-ħidma fil-Grupp ta’ Korrispondenza msemmi hawn fuq, bil-għan li jiġi ffinalizzat l-aġġornament tal-Lista mhux eżawrjenti. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi III 10 kienet li tappoġġa r-rapport tal-grupp ta’ korrispondenza bħala bażi biex tiġi aġġornata l-Lista mhux eżawrjenti ta’ obbligi tal-2023 skont strumenti rilevanti għall-Kodiċi III.
III 11 ikkunsidra fost l-oħrajn ir-rapport tal-Grupp ta’ Korrispondenza u rrefera d-dokument lill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont l-HSSC, il-Lista Mhux Eżawrjenti ta’ obbligi, u l-Gwida dwar l-Istħarriġ, l-Awditi u l-Verifiki mill-Bogħod biex jiġu ffinalizzati l-abbozzi ta’ emendi proposti għal-Lista mhux eżawrjenti. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi III 11 kienet li tappoġġa li l-emendi proposti jiġu riferuti lill-grupp ta’ ħidma għar-rieżami u l-finalizzazzjoni matul is-sessjoni.
III 11 qabel mal-abbozzi ta’ emendi għal-Lista mhux eżawrjenti li għandha tiġi adottata minn A 34.
L-MSC 109 u l-MEPC 83 kienu awtorizzaw lil III 11 biex jirrapporta l-eżitu tal-ħidma tiegħu dwar kwistjonijiet li jkunu jeħtieġu l-adozzjoni tal-abbozz tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea dwar il-lista mhux eżawrjenti ta’ obbligi skont strumenti rilevanti għall-Kodiċi III direttament lil A 34.
L-abbozz tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea dwar il-lista mhux eżawrjenti ta’ obbligi skont l-istrumenti rilevanti għall-Kodiċi III tressaq għall-adozzjoni minn A 34, skont ir-rapport ta’ MSC lil A34 (id-dokument tal-OMI A 34/12 tal-1 ta’ Settembru 2025).
Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tkun li tappoġġa l-emendi għal-lista mhux eżawrjenti ta’ obbligi skont l-istrumenti rilevanti għall-Kodiċi III minħabba li l-aġġornament se jqis l-emendi għall-istrumenti tal-OMI rilevanti għall-Kodiċi III li daħlu fis-seħħ jew li saru effettivi mill-2023.
3.5.Qafas u Proċeduri għall-Iskema ta’ Verifika tal-Istati Membri tal-OMI (IMSAS)
Il-Qafas u l-proċeduri għall-Iskema ta’ Verifika tal-Istati Membri tal-OMI jivvalutaw sa liema punt l-Istati Membri jagħtu effett sħiħ u komplut lill-obbligi u lir-responsabbiltajiet tagħhom li jinsabu fl-istrumenti tal-OMI u għandhom l-għan li jippromwovu l-implimentazzjoni konsistenti u effettiva ta’ dawk l-istrumenti. Matul il-134 sessjoni tiegħu (C 134), il-Kunsill tal-OMI nnota r-rapportar ta’ informazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Iskema ta’ Verifika tal-Istat Membru tal-OMI (IMSAS) u r-rapport mid-disa’ sessjoni tal-Grupp ta’ Ħidma Konġunt dwar l-Iskema ta’ Verifika tal-Istati Membri (JWGMSA 9, Joint Working Group on the Member State Audit Scheme 9). Il-134 Kunsill approva dan ir-rapport u approva l-abbozz tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea dwar il-Qafas u l-Proċeduri riveduti għall-Iskema ta’ Verifika tal-Istati Membri tal-OMI u l-anness tiegħu, bil-ħsieb li jiġi ppreżentat fl-34 Assemblea għall-adozzjoni.
Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tkun li tappoġġa l-Qafas u l-Proċeduri riveduti għall-Iskema ta’ Verifika tal-Istati Membri tal-OMI minħabba li dan se jtejjeb il-kapaċità tal-Istati Membri li jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-istrumenti obbligatorji tal-OMI li għalihom huma Parti, u li jitrawmu trasparenza, responsabbiltà u kooperazzjoni akbar fost l-Istati Membri.
4.Leġiżlazzjoni Rilevanti tal-UE u Kompetenza tal-UE
4.1.Leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti
4.1.1.L-adozzjoni tal-abbozz tal-Kodiċi dwar Twissijiet u Indikaturi, 2025, u l-abbozz tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea assoċjat miegħu, u r-revoka tar-riżoluzzjoni eżistenti A.1021(26) dwar il-Kodiċi dwar Twissijiet u Indikaturi, 2009
Il-Kodiċi dwar Twissijiet u Indikaturi, 2009 (ir-Riżoluzzjoni A.1021(26)), huwa maħsub biex jipprovdi gwida ġenerali dwar id-disinn u biex jippromwovi l-uniformità tat-tip, tal-post u tal-prijorità għat-twissijiet u l-indikaturi meħtieġa mill-Konvenzjoni SOLAS. L-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri japplika SOLAS, kif emendata, għall-vapuri tal-passiġġieri tal-Klassi A. Għalhekk, l-emendi għall-Kodiċi se jaffettwaw ir-regoli skont id-Direttiva 2009/45/KE.
4.1.2.L-adozzjoni tal-proċeduri għall-kontroll mill-Istat tal-port, 2025 u l-abbozz tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea assoċjat magħhom
Id-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (PSC), kif emendata, tikkonċerna l-infurzar ta’ standards internazzjonali għas-sikurezza tal-bastimenti, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol abbord fir-rigward ta’ bastimenti li jżuru portijiet tal-UE u li jbaħħru fl-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istati Membri. L-objettiv tad-Direttiva PSC huwa li jitnaqqas it-tbaħħir substandard fl-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istati Membri tal-UE abbażi tal-linji gwida approvati mill-MtQ ta’ Pariġi.
Għalhekk, l-iżvilupp tal-proċeduri tal-PSC tal-OMI, għandu jkun koerenti ma’ dawk approvati mill-MtQ ta’ Pariġi sabiex ikunu jistgħu jinfluwenzawhom, u għalhekk ikunu jistgħu jaffettwaw ir-regoli u l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/16/KE.
4.1.3.Emendi għal-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont is-Sistema Armonizzata tal-Istħarriġ u ċ-Ċertifikazzjoni (HSSC), 2025
Ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri. Dan joħloq sistema ta’ liċenzjar (rikonoxximent), li hija soġġetta għal għadd ta’ kriterji u obbligi biex jiġi żgurat li organizzazzjoni rikonoxxuta tapplika l-istess standards għall-vapuri kollha fir-reġistru tagħha, irrispettivament mill-bandiera li jtajru l-vapuri.
L-Anness I, il-kriterju B7(k) ta’ dak ir-Regolament jiddikjara:
“7. L-organizzazzjoni rikonoxxuta tiżgura li:
(k) il-perizji u l-ispezzjonijiet statutorji rikjesti mis-sistema armonizzata tal-perizji u ċ-ċertifikazzjoni li għalihom l-organizzazzjoni rikonoxxuta tkun awtorizzata jitwettqu skont id-dispożizzjoni stabbilita fl-Anness u fl-Appendiċi għar-Riżoluzzjoni A.948(23) tal-IMO dwar linji gwida għall-perizji skont is-sistema armonizzata tal-perizji u ċ-ċertifikazzjoni.” (Dan għandu jitqies bħala referenza għall-verżjoni aġġornata tal-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont l-HSSC.)
Għalhekk, ir-reviżjoni tal-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont is-Sistema Armonizzata tal-Istħarriġ u ċ-Ċertifikazzjoni, 2021, se taffettwa r-rekwiżiti applikabbli skont ir-Regolament (KE) Nru 391/2009.
4.1.4.Emendi għal-lista mhux eżawrjenti ta’ obbligi skont l-istrumenti rilevanti għall-Kodiċi għall-Implimentazzjoni tal-Istrumenti tal-OMI (Kodiċi III)
Id-Direttiva 2009/21/KE dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera għandha l-għan li tiżgura li l-Istati Membri tal-UE jirrispettaw l-obbligi tagħhom bħala Stati tal-bandiera u jissodisfaw ir-rekwiżiti imposti fuq Stat tal-bandiera skont il-Konvenzjonijiet Internazzjonali li huma parti minnhom. Fi ħdan id-Direttiva, ġew stabbiliti żewġ mekkaniżmi li għandhom l-għan li jissorveljaw il-prestazzjoni tal-Istat tal-bandiera: proċedura ta’ awditu mmexxija mill-OMI (l-Artikolu 7) u sistema interna ta’ ġestjoni tal-kwalità (l-Artikolu 8).
Barra minn hekk, il-Kodiċi III huwa obbligatorju għall-Istati Membri tal-UE f’konformità mad-definizzjoni ta’ “konvenzjonijiet internazzjonali” fir-Regolament (KE) Nru 391/2009, kif emendat.
Għalhekk, l-emendi għal-lista mhux eżawrjenti ta’ obbligi skont l-istrumenti rilevanti għall-Kodiċi III jistgħu jaffettwaw ir-rekwiżiti applikabbli skont id-Direttiva 2009/21/KE u r-Regolament (KE) Nru 391/2009.
4.1.5.Emendi għall-Qafas u l-Proċeduri għall-Iskema ta’ Verifika tal-Istati Membri tal-OMI (IMSAS)
Id-Direttiva 2009/21/KE dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera għandha l-għan li tiżgura li l-Istati Membri tal-UE jirrispettaw l-obbligi tagħhom bħala Stati tal-bandiera u jissodisfaw ir-rekwiżiti imposti fuq Stat tal-bandiera skont il-Konvenzjonijiet Internazzjonali li għalihom huma parti. Fl-Artikolu 7 tagħha, id-Direttiva tistipula li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għal awditu tal-OMI tal-amministrazzjoni tagħhom f’konformità maċ-ċiklu adottat mill-OMI. Għalhekk, l-emendi għall-Qafas u l-Proċeduri għall-Iskema ta’ Verifika tal-Istati Membri tal-OMI se jaffettwaw ir-rekwiżiti applikabbli skont id-Direttiva 2009/21/KE.
5.Bażi legali
5.1.Bażi legali proċedurali
5.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hijiex membru tal-korp jew parti għall-ftehim.
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni”.
5.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-Assemblea tal-OMI hija korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.
L-atti li l-34 Assemblea hija mitluba tadotta jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali peress li huma kapaċi jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri:
–id-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri. Dan għaliex l-Artikolu 6(2)(a)(i) tad-Direttiva japplika SOLAS fuq il-vapuri tal-passiġġieri fi vjaġġi domestiċi u l-Kodiċi dwar Twissijiet u Indikaturi, 2009, huwa maħsub biex jipprovdi gwida ġenerali dwar id-disinn u biex jippromwovi l-uniformità tat-tip, tal-post u tal-prijorità għal twissijiet u indikaturi meħtieġa mill-Konvenzjoni SOLAS.
–Id-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll tal-Istat tal-port (PSC). Dan minħabba li l-objettiv tad-Direttiva PSC huwa li jitnaqqas it-tbaħħir substandard fl-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Istati Membri tal-UE abbażi tal-linji gwida approvati mill-MtQ ta’ Pariġi u l-iżvilupp tal-proċeduri PSC tal-OMI għandhom ikunu koerenti ma’ dawk approvati mill-MtQ ta’ Pariġi.
–Ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri. Dan għaliex jeħtieġ li organizzazzjoni rikonoxxuta tiżgura li l-istħarriġ u l-ispezzjonijiet statutorji jitwettqu f’konformità mal-linji gwida għall-istħarriġ skont is-sistema armonizzata tal-istħarriġ u ċ-ċertifikazzjoni adottata mill-OMI. Il-Kodiċi III huwa obbligatorju wkoll għall-Istati Membri tal-UE f’konformità mad-definizzjoni ta’ “konvenzjonijiet internazzjonali”.
–Id-Direttiva 2009/21/KE dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera. Dan minħabba li l-lista mhux eżawrjenti hija għodda ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Iskema ta’ Verifika tal-Istati Membri tal-OMI (IMSAS), li hija inkluża fid-Direttiva msemmija hawn fuq.
L-atti previsti ma jissupplimentawx jew ma jemendawx il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
5.2.Bażi legali sostantiva
5.2.1.Prinċipji
Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
5.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma relatati mat-trasport marittimu. Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 100(2) tat-TFUE.
5.3.Konklużjoni
Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 100(2) tat-TFEU flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2025/0341 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul l-34 sessjoni tal-Assemblea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (“OMI”) daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Marzu 1958.
(2)L-OMI hija aġenzija speċjalizzata tan-Nazzjonijiet Uniti responsabbli għas-sikurezza u għas-sigurtà tat-tbaħħir u għall-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar u tal-arja mill-vapuri. L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma membri tal-OMI. L-Unjoni ma hijiex membru tal-OMI.
(3)Skont l-Artikolu 15(j) tal-Ftehim, l-Assemblea tista’ tadotta regolamenti u linji gwida għall-Membri li jikkonċernaw is-sikurezza marittima, il-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis tal-baħar mill-vapuri u kwistjonijiet oħra li jikkonċernaw l-effett tat-tbaħħir fuq l-ambjent tal-baħar assenjat lill-Organizzazzjoni minn jew taħt strumenti internazzjonali, jew emendi għal tali regolamenti u linji gwida li jkunu ġew riferuti lilha.
(4)L-Assemblea tal-OMI, matul l-34 sessjoni tagħha mill-24 ta’ Novembru sat-3 ta’ Diċembru 2025, għandha tadotta emendi għall-Kodiċi dwar Twissijiet u Indikaturi, għall-proċeduri għall-kontroll mill-Istat tal-port, għal-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont is-Sistema Armonizzata tal-Istħarriġ u ċ-Ċertifikazzjoni (HSSC), għal-lista mhux eżawrjenti ta’ obbligi skont strumenti rilevanti għall-Kodiċi ta’ Implimentazzjoni tal-Istrumenti tal-OMI (Kodiċi III) u għall-Qafas u l-Proċeduri għall-Iskema ta’ Verifika tal-Istati Membri tal-OMI (IMSAS).
(5)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul l-34 sessjoni tal-Assemblea tal-OMI, peress li l-emendi msemmija hawn fuq se jkunu jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri, id-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll tal-Istat tal-port (PSC), ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri u d-Direttiva 2009/21/KE dwar il-konformità mar-rekwiżiti tal-Istat tal-bandiera.
(6)L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-abbozz tal-Kodiċi dwar Twissijiet u Indikaturi, 2025 u l-abbozz tar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea assoċjat miegħu peress li dan ir-rieżami se jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti tal-istrumenti tal-OMI li ġew adottati u/jew emendati minn meta ġie adottat il-Kodiċi u, b’hekk, biex jiġu eliminati l-kontradizzjonijiet, l-ambigwitajiet u r-ridondanzi mhux meħtieġa.
(7)L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-adozzjoni tal-proċeduri għall-kontroll mill-Istat tal-port, 2025 u l-abbozz tar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea assoċjat magħhom, peress li se ttejjeb is-sikurezza u s-sigurtà marittima, u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar u l-aġġornament se jqis l-emendi għall-istrumenti tal-OMI li daħlu fis-seħħ jew li saru effettivi mill-2023.
(8)Il-pożizzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li tkun waħda li tappoġġa l-adozzjoni tal-emendi għal-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont l-HSSC minħabba li l-aġġornament se jqis l-emendi għall-istrumenti tal-OMI li daħlu fis-seħħ jew li saru effettivi mill-2023.
(9)Il-pożizzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li tkun li tappoġġa l-emendi għal-lista mhux eżawrjenti ta’ obbligi skont l-istrumenti rilevanti għall-Kodiċi III minħabba li l-aġġornament se jqis l-emendi għall-istrumenti tal-OMI rilevanti għall-Kodiċi III li daħlu fis-seħħ jew saru effettivi mill-2023.
(10)L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-Qafas u l-Proċeduri riveduti għall-Iskema ta’ Verifika tal-Istati Membri tal-OMI minħabba li dan se jtejjeb il-kapaċità tal-Istati Membri li jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-istrumenti obbligatorji tal-OMI li għalihom huma Parti, u jrawmu trasparenza, responsabbiltà u kooperazzjoni akbar fost l-Istati Membri.
(11)Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tal-Unjoni bħala membri tal-OMI, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-34 sessjoni tal-Assemblea tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni ta’ emendi għall-Kodiċi dwar Twissijiet u Indikaturi, għall-proċeduri għall-kontroll mill-Istat tal-port, għal-Linji Gwida għall-Istħarriġ skont is-Sistema Armonizzata tal-Istħarriġ u ċ-Ċertifikazzjoni (HSSC), għal-lista mhux eżawrjenti ta’ obbligi skont l-istrumenti rilevanti għall-Kodiċi ta’ Implimentazzjoni tal-OMI (Kodiċi III) u għall-Qafas u l-Proċeduri għall-Iskema ta’ Verifika tal-Istati Membri tal-OMI (IMSAS).
Artikolu 2
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Assemblea tal-OMI, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President