IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.5.2026
COM(2026) 350 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-adegwatezza tar-Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-fondi tas-suq monetarju mil-lat prudenzjali u ekonomiku
SOMMARJU EŻEKUTTIV
Ir-Regolament dwar il-Fondi tas-Suq Monetarju (ir-Regolament MMF) daħal fis-seħħ fl-2018 u stabbilixxa qafas komprensiv għall-fondi tas-suq monetarju tal-UE (MMFs). Huwa jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tagħhom fil-finanzjament tal-ekonomija, b’mod partikolari l-finanzjament fuq terminu qasir lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-korporattivi, u l-issodisfar tal-ħtieġa tal-investituri. L-MMFs tal-UE joffru għodda ta’ investiment likwida, irregolata tajjeb li tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti.
Ir-Regolament MMF jinkludi salvagwardji li għandhom l-għan li jsaħħu r-reżiljenza tal-MMF, li hija essenzjali għall-fiduċja tal-investituri fil-prodott. Ir-rapport tal-MMF tal-2023 tal-Kummissjoni sab li l-qafas huwa ġeneralment effettiv fit-tnaqqis tar-riskji ta’ likwidità u identifika ċertu aspett tar-riskji ta’ likwidità li jeħtieġu valutazzjoni ulterjuri. Dan ir-rapport jippreżenta r-riżultati tal-ħidma analitika komplementari mwettqa fuq ir-riskji tal-likwidità, u l-konklużjonijiet dwar reżiljenza aħjar tal-MMFs.
L-MMFs huma differenti u jesperjenzaw livelli differenti ta’ xokkijiet ta’ likwidità abbażi tat-tip tagħhom (varjabbli, volatilità baxxa jew valur nett kostanti tal-assi — VNAVs, LVNAVs u CNAVs, rispettivament), tal-munita, tal-investituri u tal-użi. Minħabba dawn id-differenzi, l-MMFs iżommu riżervi ta’ likwidità ogħla mil-livelli minimi meħtieġa, meta jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull fond u l-eżiti tat-test tal-istress tagħhom. Dan l-approċċ kawt mill-maniġers tal-MMF jista’ jiġi spjegat mill-iskrutinju tal-investituri (iffaċilitat mir-regoli ta’ trasparenza fir-Regolament MMF), mis-superviżjoni regolatorja u mit-tħassib dwar ir-riskji għar-reputazzjoni.
L-MMFs urew il-kapaċità tagħhom li jirrikostitwixxu riżervi ta’ likwidità anke matul perjodi ta’ stress fis-suq, u dan jirrifletti ġestjoni attiva tar-riskju tal-likwidità u sorveljanza superviżorja effettiva. Dan jissuġġerixxi li l-mekkaniżmi differenti stabbiliti fir-Regolament MMF ġew implimentati b’mod konsistenti, bil-koordinazzjoni tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA).
Dan ir-rapport ivvaluta r-reżiljenza tal-assi likwidi ta’ kull ġimgħa (WLAs), li jitqiesu bħala parametri referenzjarji utli tad-WLA għall-ġestjoni u s-superviżjoni tar-riskju tal-likwidità. Abbażi ta’ analiżi estensiva tad-data, dan ir-rapport jikkonkludi li l-livelli xierqa ta’ parametri referenzjarji tad-WLA (“livelli ta’ reżiljenza tas-suq”) huma ta’ 20 % għall-VNAV MMFs u ta’ 40 % għas-CNAV MMFs u l-LVNAV MMFs.
Għalhekk, il-Kummissjoni temmen li dawn il-livelli ta’ reżiljenza tas-suq jistgħu jservu bħala parametri referenzjarji għall-maniġers tal-MMFs, b’mod partikolari fir-rwoli tal-ġestjoni tar-riskju, u għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, biex jgħinu fl-identifikazzjoni ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jeħtieġ monitoraġġ aktar mill-qrib u involviment superviżorju akbar.
Werrej
SOMMARJU EŻEKUTTIV
ABBREVJAZZJONIJIET
1
INTRODUZZJONI
2
VALUTAZZJONI TAL-ĠESTJONI TAL-LIKWIDITÀ TAL-MMFs
2.1
Livelli tar-riżerva ta’ likwidità
2.2
Kif l-MMFs jissodisfaw it-talbiet għall-fidi
3
VALUTAZZJONI TAL-LIVELLI XIERQA TA’ REŻILJENZA TAS-SUQ TAL-MMFs
4
KONKLUŻJONI
5
ANNESS I: LIVELLI TA’ RIŻERVA TAL-LIKWIDITÀ
5.1
Statistika dwar il-livelli ta’ riżerva ta’ likwidità
5.2
Eżempji ta’ MMFs li jesperjenzaw xokkijiet ta’ tifdija għoljin
6
ANNESS II: IMĠIBA TA’ TIFDIJIET F’KUNDIZZJONIJIET TA’ STRESS FIS-SUQ
6.1
L-istress tas-suq fil-bidu tal-pandemija tal-COVID-19
6.1.1
Impatt ġenerali fuq is-suq
6.1.2
Effetti u reazzjonijiet mhux uniformi fl-MMFs
6.2
L-avveniment tas-suq relatat mal-LDI
7
ANNESS III: LIVELLI TA’ REŻILJENZA TAS-SUQ
7.1
Kalibrar ta’ xokkijiet ta’ tifdija
7.2
Kalibrar tal-“livelli limitu tar-reżiljenza tas-suq”
ABBREVJAZZJONIJIET
AIFMD
Direttiva dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi
CNAV MMF
MMF tal-Valur Nett tal-Assi Kostanti tad-Dejn pubbliku, kif definit fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament MMF
DLA
Assi likwidi ta’ kuljum, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 24(1)(c), (d) u fl-Artikolu 25(1)(c) tar-Regolament MMF
BĊE
Bank Ċentrali Ewropew
L-ESMA
Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq
BERS
Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku
EUR
Euro
FSB
Bord għall-Istabilità Finanzjarja
GBP
Sterlina tar-Renju Unit
LMT
Għodda tal-ġestjoni tal-likwidità
LVNAV MMF
MMF b’volatilità baxxa tal-valur nett tal-assi, kif definit fl-Artikolu 2(12) tar-Regolament MMF
LRM
Ġestjoni tar-riskju tal-likwidità
MMF
Fond tas-suq monetarju. L-MMFs jirreferu għal fondi domiċiljati fl-UE sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor (eż. MMFs tal-Istati Uniti).
Maniġer tal-MMF
Maniġer tal-MMF, kif definit fl-Artikolu 2(23) tar-Regolament MMF
Regolament MMF
Ir-Regolament (UE) 2017/1131 dwar il-fondi tas-suq monetarju
NAV
Valur Nett tal-Assi
NCAs
Awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li huma l-awtoritajiet kompetenti tal-MMF, kif definiti fl-Artikolu 2(17) tar-Regolament MMF
SIU
L-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li għandha l-għan li toħloq opportunitajiet finanzjarji aħjar għan-nies fl-UE, filwaqt li ssaħħaħ il-kapaċità tas-sistema finanzjarja tagħna li tgħaqqad it-tfaddil ma’ investimenti produttivi
USD
dollaru Amerikan
UCITS
Impriżi ta’ Investiment Kollettiv f’Titoli Trasferibbli
VNAV MMF
MMF b’valur nett varjabbli tal-assi, kif definit fl-Artikolu 2(13) tar-Regolament MMF
WAL
Ħajja medja ponderata, kif definita fl-Artikolu 2(20) tar-Regolament MMF
WAM
Maturità medja ponderata, kif definita fl-Artikolu 2(19) tar-Regolament MMF
WLA
Assi likwidi ta’ kull ġimgħa, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 24(1)(e), (f) u fl-Artikolu 25(1)(d) tar-Regolament MMF
Rapport tal-MMF 2023
Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-adegwatezza tar-Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-fondi tas-suq monetarju mil-lat prudenzjali u ekonomiku (COM(2023) 452)
1INTRODUZZJONI
L-MMFs għandhom rwol ewlieni fis-sistema finanzjarja bħala għodod ta’ ġestjoni tal-flus għall-korporattivi u opportunità għall-investituri li jfittxu investiment b’volatilità baxxa b’redditi ogħla mid-depożiti bankarji. Iż-żieda fl-assi tal-MMF tal-UE fl-aħħar 5 snin (+45 % mill-2019 sal-2024) turi s-suċċess tal-qafas. Fl-UE, 455 MMFs kellhom madwar EUR 1,95 triljun f’assi totali fi tmiem l-2024. L-MMFs tal-UE huma stabbiliti b’mod prinċipali fl-Irlanda, fil-Lussemburgu u fi Franza. B’riżultat ta’ dan, l-MMFs tal-UE joffru għodda ta’ investiment regolata li tikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tal-opportunitajiet ta’ investiment u tal-ġestjoni tar-riskju, f’konformità mal-objettivi tal-Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti (SIU). Dawn jipprovdu wkoll għażliet ta’ finanzjament addizzjonali għan-negozji tal-UE, li jippermettulhom jikbru, jinnovaw u joħolqu l-impjiegi.
Sors: ESMA, Suq tal-MMFs tal-UE tal-2023, u data tar-raba’ trimestru tal-2024
Fl-2018, daħal fis-seħħ ir-Regolament MMF u stabbilixxa qafas regolatorju u superviżorju għall-MMFs tal-UE li “jipprovdu finanzjament għal terminu qasir ta’ żmien lill-istituzzjonijiet finanzjarji, lill-korporazzjonijiet u lill-gvernijiet [u] jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-ekonomija tal-Unjoni” (il-premessa 1 tar-Regolament MMF).
Id-Direttivi AIFMD u UCITS ġew riveduti biex jintroduċu qafas imsaħħaħ u aktar armonizzat għall-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità, b’mod partikolari bir-rekwiżit għall-maniġers li jagħżlu u jimplimentaw mill-inqas għodda waħda għall-ġestjoni tal-likwidità minn lista preskritta. Applikabbli mis-16 ta’ April 2026, dan il-qafas itejjeb il-konsistenza fil-fondi kollha u jsaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja ġenerali.
Ir-Regolament MMF jipprovdi qafas armonizzat biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur u jittaffa r-riskju sistemiku, b’dispożizzjonijiet li jkopru, fost affarijiet oħra, l-assi eliġibbli, il-kompożizzjoni tal-portafoll, il-valwazzjoni, il-ġestjoni tar-riskju, il-projbizzjoni tal-ingranaġġ, it-trasparenza u r-rapportar. Ir-rekwiżiti tal-kompożizzjoni tal-portafoll huma pilastru ċentrali tar-Regolament MMF. Dawn jinkludu dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jiżguraw il-likwidità tal-MMFs, bħal dispożizzjonijiet dwar ir-riżervi ta’ likwidità u dispożizzjonijiet li jiddeskrivu r-rwol u d-dmirijiet tal-maniġer tal-MMF (bħal limiti ta’ maturità u kwalità tal-kreditu, ara hawn taħt). It-tipi differenti ta’ MMFs tal-UE u l-karatteristiċi ewlenin u r-rekwiżiti regolatorji tagħhom huma stabbiliti fit-Tabella 1. Din turi l-limiti minimi regolatorji għall-assi likwidi ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa (DLA u WLA) li l-MMFs irid ikollhom. Il-limiti minimi fir-Regolament MMF huma maħsuba biex jiżguraw, flimkien ma’ salvagwardji oħra, li l-MMFs ikunu jistgħu jissodisfaw it-tifdijiet tal-investituri maż-żmien.
Tabella 1: Rekwiżiti u karatteristiċi ewlenin tal-MMFs tal-UE
|
|
MMF għal Terminu Qasir
|
MMF standard
|
|
|
NAV Stabbli
|
NAV varjabbli (VNAV)
|
|
Rekwiżiti
|
CNAV
|
LVNAV
|
VNAV għal terminu qasir
|
VNAV standard
|
|
WAM
|
Mass. 60 jum
|
Mass. 6 xhur
|
|
WAL
|
Mass. 120 jum
|
Mass. 12-il xahar
|
|
Maturità tal-assi
|
Mass. 397 jum
|
Mass. ta’ sentejn b’perjodu ta’ aġġornament ta’ 397 jum
|
|
DLA
|
Min. 10 %
|
Min. 7,5 %
|
|
WLA
|
Min. 30 %
(inkluż sa 17,5 % f’dejn pubbliku li jimmatura fi żmien 190 jum)
|
Min. 15 %
|
|
Oħrajn
|
L-ebda ingranaġġ, diversifikazzjoni, rekwiżiti tal-kwalità tal-kreditu, trasparenza u rapportar
|
Fl-2023, il-Kummissjoni ppubblikat rapport (ir-Rapport tal-MMF tal-2023) li juri li “r-Regolament MMF għadda b’suċċess mit-test tal-istress ta’ likwidità esperjenzat mill-MMFs matul it-taqlib tas-suq relatat mal-COVID-19 f’Marzu 2020, iż-żidiet reċenti fir-rati tal-imgħax, u l-ipprezzar mill-ġdid relatat mal-assi finanzjarji”. Għalkemm ir-rapport ikkonkluda li l-qafas kien ġeneralment kapaċi jiżgura r-reżiljenza tas-settur, huwa enfasizza ċerti aspetti tal-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità li kienu jeħtieġu valutazzjoni ulterjuri biex jiġi żgurat li l-MMFs ikunu reżiljenti.
Bħala segwitu għar-Rapport tal-MMF tal-2023, dan ir-rapport jivvaluta l-funzjonament tal-MMFs abbażi ta’ ħidma analitika estensiva u jibbaża fuq diversi sorsi ta’ data u fuq konsultazzjonijiet biex jeżamina kif jiġu ġestiti r-riskji ta’ likwidità. Huwa jivvaluta kif l-MMFs jirrispondu għal xokkijiet ta’ likwidità u kif il-maniġers jimmitigaw ir-riskju ta’ likwidità, b’mod partikolari permezz ta’ riżervi ta’ likwidità.
Dan ir-rapport jippreżenta s-sejbiet ewlenin dwar il-valutazzjoni tal-ġestjoni tal-likwidità tal-MMF (it-Taqsima 2) u analiżi tal-livelli xierqa ta’ reżiljenza tas-suq (it-Taqsima 3). L-annessi jipprovdu analiżi teknika aktar fil-fond ta’ dawn is-suġġetti.
2VALUTAZZJONI TAL-ĠESTJONI TAL-LIKWIDITÀ TAL-MMFs
2.1Livelli tar-riżerva ta’ likwidità
Il-Kummissjoni wettqet analiżi tar-riżervi ta’ likwidità fil-livell tas-settur kollu (analiżi makro) u fil-livell ta’ MMFs individwali (livelli mikro) biex tifhem kif jiġu ddeterminati l-livelli, u jekk is-suq jurix imġiba konsistenti.
Sejba ewlenija 1: Il-maġġoranza tal-MMFs għandhom riżervi ta’ likwidità ferm ogħla mir-rekwiżiti minimi stabbiliti fir-Regolament MMF
L-MMFs jadottaw firxa wiesgħa ta’ livelli ta’ riżerva ta’ likwidità marbuta mas-sitwazzjonijiet speċifiċi tagħhom, b’mod partikolari l-propensità tagħhom li jġarrbu talbiet għall-fidi ta’ daqs varjabbli skont il-bażi tal-investituri tagħhom. Bejn l-ewwel trimestru tal-2020 u r-raba’ trimestru tal-2025, il-VNAV MMFs għandhom medja ta’ mill-inqas 19 % fid-DLA u 29 % fid-WLA, meta mqabbla ma’ livelli minimi regolatorji ta’ 7,5 % u 15 % rispettivament, filwaqt li s-CNAV MMFs u l-LVNAV MMFs iżommu riżervi saħansitra ogħla, b’medja ta’ 36 % fid-DLA u 54 % fid-WLA, meta mqabbla ma’ limiti regolatorji minimi ta’ 10 % u 30 % rispettivament.
It-Tabella 2 tistabbilixxi d-distribuzzjoni tad-DLA u tad-WLA skont it-tip ta’ MMF matul perjodu ta’ 6 snin. Pereżempju, fir-rigward tad-distribuzzjoni tad-WLA għal-LVNAVs, ir-riżerva medja kienet ta’ 50 %, filwaqt li l-LVNAVs kellhom riżerva medja ta’ inqas minn 43 % għall-25 perċentil u kellhom riżerva medja ta’ 54 % għall-75 perċentil. Din id-data turi li l-maġġoranza l-kbira tal-LVNAV MMFs (75 %) kellhom medja ta’ WLA ogħla minn 43 %. Sejbiet simili jistgħu jiġu osservati għall-kategoriji l-oħra tal-MMFs u għad-DLA rispettivi tagħhom.
Tabella 2: Distribuzzjoni tad-DLA u tad-WLA skont it-tip ta’ MMF matul perjodu ta’ 6 snin (f’% ta’ MMF NAV)
|
|
Tip ta’ MMF
|
|
|
CNAV
|
LVNAV
|
VNAV għal terminu qasir
|
VNAV standard
|
|
DLA
|
25 perċentil
|
24 %
|
25 %
|
11 %
|
8 %
|
|
|
Medja
|
40 %
|
33 %
|
22 %
|
15 %
|
|
|
75 perċentil
|
53 %
|
38 %
|
28 %
|
18 %
|
|
WLA
|
25 perċentil
|
41 %
|
43 %
|
22 %
|
16 %
|
|
|
Medja
|
59 %
|
50 %
|
35 %
|
24 %
|
|
|
75 perċentil
|
76 %
|
54 %
|
43 %
|
28 %
|
Sorsi: Il-Kummissjoni Ewropea abbażi ta’ data tal-ESMA mill-ewwel trimestru 2020 sar-raba’ trimestru 2025
Ir-raġuni l-għaliex il-biċċa l-kbira tal-MMFs tal-UE għandhom riżervi ta’ likwidità ferm ogħla mir-rekwiżiti minimi stabbiliti fir-Regolament MMF hija minħabba l-approċċ ġeneralment prudenti adottat mill-MMFs tal-UE, xprunat minn superviżjoni b’saħħitha, minn skrutinju tal-investituri (iffaċilitat mir-rekwiżiti ta’ trasparenza tar-Regolament MMF) u minn sensittività akbar għar-riskji għar-reputazzjoni. Din l-imġiba tibqa’ relattivament stabbli maż-żmien, b’xi varjazzjonijiet (ara ċ-Ċart 1 dwar LVNAV u l-Anness I). Iċ-Ċart 1 turi li l-aktar livell baxx osservat bejn l-2020 u l-2025 kien riżerva ta’ likwidità medja ta’ 45 % bil-25 perċentil li qatt ma jaqa’ inqas minn medja ta’ 40 % (it-tieni trimestru tal-2025).
Ċart 1: Xejriet fid-distribuzzjoni tad-WLA għal-LVNAV MMFs
Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, abbażi ta’ data tal-ESMA mill-ewwel trimestru 2020 sar-raba’ trimestru 2025
Nota: Xejriet fid-WLA medja u fil-25 u l-75 perċentil tad-WLA (bħala perċentwal tan-NAV) fl-LVNAVs kollha.
Xejriet simili huma osservati għal rekwiżiti kwantitattivi skont ir-Regolament MMF, li jindika approċċ prudenti fis-settur kollu tal-MMFs. Pereżempju, il-livelli tad-WAL baqgħu ferm taħt il-livelli massimi regolatorji applikabbli. F’każ ta’ CNAV, LVNAV u VNAV MMFs għal terminu qasir, il-livelli medji u medjani tad-WAL ġeneralment varjaw bejn 40 u 65 jum, meta mqabbla ma’ massimu regolatorju ta’ 120 jum. Dan jindika li l-maturitajiet tal-assi huma, bħala medja, iqsar mil-limitu regolatorju b’fattur wieħed jew b’żewġ fatturi sa tlieta, li jippermetti rimborż aktar mgħaġġel u jikkontribwixxi għar-rikostituzzjoni tar-riżervi ta’ likwidità. Il-VNAV MMFs standard urew livelli ogħla ta’ WAL, b’livelli medji u medjani ta’ madwar 110–125 jum, ferm inqas mil-limitu massimu regolatorju ta’ 360 jum.
Sejba ewlenija 2: L-MMFs għandhom livelli differenti ta’ riżervi ta’ likwidità minħabba l-karatteristiċi differenti tagħhom dovuti għal gradi differenti ta’ xokkijiet potenzjali ta’ likwidità
L-MMFs ġeneralment joperaw b’riżervi ogħla mil-livelli minimi regolatorji għalkemm dawn jistgħu jvarjaw. Dan għaliex l-MMFs għandhom karatteristiċi differenti, inklużi l-kategorija (VNAV, LVNAV jew CNAV), id-denominazzjoni tal-munita, il-kompożizzjoni tal-bażi tal-investituri u l-każijiet ta’ użu (ara l-Anness II). Għalhekk huma soġġetti għal gradi differenti ta’ xokkijiet potenzjali tal-likwidità. Anki MMFs ta’ tip u ta’ munita simili ma għandhomx l-istess vulnerabbiltà għal xokkijiet tal-likwidità.
F’dan ir-rigward, bħala medja, l-MMFs esperjenzaw xokkijiet ta’ tifdija matul l-avveniment tas-suq tal-COVID-19 (ara ċ-Ċart 2) maniġġabbli mir-riżervi ta’ likwidità tagħhom. Iċ-Ċart 2 turi li, fuq perjodu ta’ xahar, il-VNAV MMFs esperjenzaw irtirar ta’ madwar 13 %, meta mqabbla ma’ riżerva minima ta’ likwidità ta’ 15 %. L-LVNAV MMFs rreġistraw flussi ta’ ħruġ ta’ madwar 12 %, li jiżdiedu għal 27 % għal fondi denominati f’USD, meta mqabbla ma’ riżerva ta’ likwidità ta’ 30 % fil-ġimgħa. B’kuntrast ma’ dan, is-CNAV MMFs raw influssi sinifikanti matul il-fażi inizjali tal-pandemija tal-COVID-19.
Ċart 2: Flussi kumulattivi netti f’MMFs fil-bidu tal-avveniment tas-suq tal-COVID-19
Sorsi: Rapport tal-BERS, Lulju 2021,
Isues note on systemic vulnerabilities of and preliminary policy considerations to reform money market funds
Nota: Flussi kumulattivi netti ta’ kuljum imqassma skont it-tip ta’ MMF u espressi f’biljuni ta’ euro (assi-y). Il-valuri pożittivi jindikaw sottoskrizzjonijiet netti, filwaqt li l-valuri negattivi jindikaw tifdijiet netti. Il-perċentwali juru l-flussi tal-fondi relattivi għall-valur nett tal-assi ta’ kull tip ta’ fond.
Fir-rigward tal-LVNAV MMFs f’USD, dawn esperjenzaw xokk sinifikanti ta’ tifdija matul l-avveniment tas-suq tal-COVID-19. Madankollu, l-impatt kien estremament irregolari f’dak il-koorti tal-MMF, b’6 % jesperjenzaw flussi ta’ ħruġ netti kumulattivi li jaqbżu t-30 %, filwaqt li 10 % ma esperjenzaw l-ebda tifdija. Bejn dawn iż-żewġ estremi, ġew osservati diversi livelli intermedji ta’ influssi jew ta’ flussi ta’ ħruġ, kif muri fiċ-Ċart 3. Il-linji jirrappreżentaw il-flussi netti kumulattivi ta’ LVNAV MMFs individwali f’USD matul madwar 5 ġimgħat tal-avveniment tas-suq tal-COVID-19.
Ċart 3: Flussi kumulattivi ta’ LVNAV MMFs f’USD individwali waqt l-avveniment tas-suq tal-COVID-19
Sorsi: Crane Data u NCAs.
Nota: Kull linja tirrappreżenta l-flussi kumulattivi netti bħala perċentwal tan-NAV (assi-y) ta’ LVNAV MMFs f’USD b’NAV ogħla minn EUR 1 biljun. Il-valuri pożittivi jindikaw sottoskrizzjonijiet netti, filwaqt li l-valuri negattivi jindikaw tifdijiet netti. Dawn l-eżempji juru li filwaqt li l-LVNAV MMFs f’USD esperjenzaw tifdijiet sinifikanti matul l-avveniment tas-suq tal-COVID-19, l-impatt fuqhom ma kienx uniformi f’dak it-tip ta’ MMF.
2.2Kif l-MMFs jissodisfaw it-talbiet għall-fidi
Il-kundizzjonijiet ta’ stress fis-suq, pereżempju waqt il-COVID-19 u l-avvenimenti tas-suq tal-fondi (LDI) ibbażati fuq l-obbligazzjonijiet, jipprovdu għarfien siewi dwar id-dinamika tal-ġestjoni tal-likwidità f’kundizzjonijiet bħal dawn. Il-Kummissjoni analizzat il-kapaċità tal-MMFs li jirrikostitwixxu riżervi ta’ likwidità, inkluż f’kundizzjonijiet ta’ stress fis-suq. Filwaqt li tibni fuq settijiet ta’ data estensivi, din l-analiżi tiffoka fuq żewġ livelli: (1) is-suq globali; u (2) rieżami aktar mill-qrib tal-MMFs li ffaċċjaw l-aktar xokkijiet tal-likwidità gravi.
Sejba ewlenija 3: L-MMFs jistgħu jimlew ir-riżervi ta’ likwidità tagħhom taħt pressjoni qawwija ta’ tifdija, inkluż f’kundizzjonijiet ta’ stress fis-suq
Fil-kundizzjonijiet tas-suq normali, l-MMFs tipikament iżommu u jimlew mill-ġdid ir-riżervi ta’ likwidità tagħhom permezz ta’ “operazzjonijiet mekkaniċi”. Dan jinkiseb mhux biss permezz ta’ ċikli rotanti ta’ riportament ta’ assi ta’ kwalità għolja li jimmatura fuq terminu qasir (CP/CD/T-bills), investiment mill-ġdid tal-flus f’assi ġodda li jimmaturaw fuq terminu qasir, iżda wkoll permezz ta’ tranżazzjonijiet fis-suq sekondarju u l-użu ta’ finanzjament garantit mil-lum għall-għada (eż., retroriakkwist) li jista’ jiġi aġġustat ’il fuq jew ’l isfel kuljum. Dan il-proċess huwa rregolat u ssorveljat fuq il-bażi ta’ rekwiżiti stretti ta’ maturità fir-Regolament MMF, b’mod partikolari d-WAL li jillimta l-maturità medja tal-assi tal-MMFs b’mod ġenerali, u jillimita l-maturità għal kull assi individwalment (ara t-Tabella 1).
F’kundizzjonijiet ta’ stress fis-suq, il-“mili mill-ġdid” tal-MMFs jimxi minn operazzjonijiet mekkaniċi għal “operazzjonijiet difensivi”. Hekk kif it-tifdijiet jaċċelleraw u l-likwidità tas-suq sekondarju tiddeterjora, il-maniġers tal-MMF jaċċelleraw b’mod attiv il-ġenerazzjoni tal-flus billi jillikwidaw il-parteċipazzjonijiet u jnaqqsu l-esponiment għall-prezzijiet tas-suq (ara ċ-Ċart 4). Biex jiksbu dan, huma jaġġustaw il-kompożizzjoni tal-portafoll biex inaqqsu d-WAM (sensittività għall-prezz tas-suq) u d-WAL (maturità medja) billi jikkonċentraw l-investimenti mill-ġdid fl-aktar bonds likwidi bl-iqsar durata. Dan jippermetti lill-MMFs iżidu l-pass li bih jiġu restawrati r-riżervi ta’ likwidità. Iċ-Ċart 3 turi l-iżvilupp tal-portafolli tal-bonds tal-MMFs qabel u fil-bidu tal-pandemija tal-COVID-19. Hija turi li, fis-settur kollu, il-proporzjon ta’ bonds bl-iqsar maturità (3-6 xhur) fil-portafoll kważi rdoppja bejn Diċembru 2019 u Ġunju 2020.
|
Ċart 4: Żvilupp tal-kompożizzjoni tad-dejn tal-MMFs
Sors: EFAMA,
European MMFs in the Covid-19 market turmoilovid-19
, Novembru 2020
Nota: Tqassim tal-maturità tad-djun fil-portafoll tal-MMFs, espress bħala perċentwal tal-assi totali tal-MMF
|
|
Ċart 5: Kompromess bejn id-devjazzjoni tad-WLA u l-NAV
Sors: Ir-Rapport tal-ESMA,
Vulnerabilities in money market funds
, 2021
Nota: Flussi netti fuq 7 ijiem, WLA bħala perċentwal tal-NAV u tad-devjazzjoni tal-NAV (f’punti bażi), fil-25 ta’ Marzu 2020
|
Fil-livell tal-MMFs individwali, l-analiżi tal-fondi li esperjenzaw talbiet għall-fidi kbar uriet xejra simili: dawn il-fondi prijoritizzaw iż-żamma tal-likwidità, u wara li naqqsu r-riżervi ta’ likwidità tagħhom, setgħu jerġgħu jibnihum malajr (ara ċ-Ċart 6 għall-illustrazzjoni u l-Anness I). B’mod ġenerali, ix-xokkijiet ta’ tifdija esperjenzati minn MMFs individwali kienu iżgħar mill-ammont ta’ riżervi ta’ likwidità miżmuma, li jippermetti lill-fondi jissodisfaw it-talbiet ta’ tifdija malajr. Iċ-Ċart 6 turi l-eżempju ta’ LVNAV MMF wieħed li esperjenza xenarju ta’ tifdija estrema u kif żamm riżervi ta’ likwidità ta’ kull ġimgħa ogħla mil-livelli minimi regolatorji matul il-perjodu ta’ referenza. Minkejja fluss ta’ ħruġ ta’ 45% matul il-perjodu, id-WLA ma niżilx taħt it-30%.
Ta’ min jinnota li LVNAV MMFs żammew ir-riżervi tad-WLA tagħhom permezz ta’ amortizzament tal-portafoll jew permezz ta’ bejgħ tal-assi, f’kuntest ta’ firxiet usa’ bejn it-talba u l-offerta. Dan seta’ wassal għal devjazzjonijiet tan-NAV, b’mod partikolari fejn inbiegħu assi inqas likwidi bħal CP u CDs. Dawn id-devjazzjonijiet tan-NAV huma murija fiċ-Ċart 5. Għalhekk, iż-żamma tar-riżervi tad-WLA setgħet teħtieġ il-bejgħ ta’ assi inqas likwidi, li jikkontribwixxi għal devjazzjonijiet tan-NAV.
Ċart 6: Eżampju tal-agħar xenarju possibbli ta’ LVNAV MMF taħt xokk tal-likwidità qawwi
Sorsi: Crane Data u NCAs.
Nota: Eżempju ta’ LVNAV MMF li jesperjenza flussi ta’ ħruġ sinifikanti ħafna, li juri l-impatt fuq id-WLA u l-bini mill-ġdid sussegwenti tal-likwidità. Ara eżempji oħra fl-Anness I.
3VALUTAZZJONI TAL-LIVELLI XIERQA TA’ REŻILJENZA TAS-SUQ TAL-MMFs
Din it-taqsima teżamina r-reżiljenza tas-settur tal-MMFs tal-UE għal żidiet sinifikanti fit-talbiet għall-fidi. Kif diskuss fit-taqsimiet preċedenti, ir-riżervi ta’ likwidità għandhom rwol kruċjali biex jissodisfaw it-talbiet għall-fidi, b’mod partikolari f’perjodi meta s-swieq fuq terminu qasir jistgħu jkunu illikwidi. Biex twettaq din l-analiżi, il-Kummissjoni kkalkulat il-livell minimu tad-WLA (“il-livell ta’ reżiljenza tad-WLA”) li, jekk jinżamm mill-MMFs, jippermettilhom jaqdu talbiet qawwija għall-fidi, filwaqt li jżommu d-DLA ogħla mill-minimu regolatorju.
Il-metodoloġija hija miġbura fil-qosor hawn taħt u d-data korrispondenti hija ppreżentata fl-Anness III.
Passi ewlenin tal-metodoloġija użata biex jiġi kkalibrat il-livell ta’ reżiljenza tad-WLA
Sejba ewlenija 4: Biex jifilħu għal kundizzjonijiet ta’ stress fis-suq, livelli ta’ reżiljenza tad-WLA ta’ 40 % għal NAV MMFs stabbli u ta’ 20 % għal VNAV MMFs huma ġeneralment suffiċjenti.
Din l-analiżi turi li l-livelli ta’ reżiljenza tad-WLA ta’ 40 % għal NAV MMFs stabbli u ta’ 20 % għal VNAV MMFs huma ġeneralment biżżejjed biex jifilħu għal kundizzjonijiet ta’ stress fis-suq (ara wkoll l-Anness III). B’mod aktar speċifiku, il-fatt li d-WLAs jinżammu f’dawn il-livelli ta’ reżiljenza jew ogħla minnhom jippermetti lill-MMFs tal-UE jifilħu għal xokkijiet gravi ta’ tifdija mingħajr bejgħ ta’ assi f’sitwazzjoni diffiċli, filwaqt li jżommu lid-DLAs ogħla mil-livelli minimi regolatorji. Iż-żamma ta’ DLAs ogħla mill-minimu tgħin biex tiġi żgurata likwidità immedjata għat-tifdijiet, speċjalment f’perjodi ta’ stress meta l-MMFs jistgħu jesperjenzaw tifdijiet fuq diversi jiem konsekuttivi.
Dan ifisser li, mill-perspettiva tas-suq kollu kemm hu, l-applikazzjoni uniformi ta’ dawn il-livelli ta’ reżiljenza se ssaħħaħ il-kapaċità tal-MMFs tal-UE biex jifilħu għal kundizzjonijiet ta’ stress fis-suq u biex itaffu l-propagazzjoni tax-xokkijiet għall-bqija tas-sistema finanzjarja u l-ekonomija.
Għalhekk, il-Kummissjoni temmen li dawn il-livelli ta’ reżiljenza tad-WLA jistgħu jservu bħala punti ta’ referenza prattiċi għall-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità. Minn perspettiva superviżorja, dawn jistgħu jiffunzjonaw ukoll bħala indikaturi ta’ twissija bikrija, li jwasslu għal monitoraġġ aktar mill-qrib jew involviment superviżorju msaħħaħ mill-NCAs, meta l-MMFs joperaw b’mod persistenti taħt il-livelli ta’ reżiljenza identifikati. Għalhekk, dawn il-livelli ta’ reżiljenza tad-WLA jistgħu jintużaw biex jiġu identifikati sitwazzjonijiet li jeħtieġu aktar attenzjoni mill-maniġers tal-MMF, b’mod partikolari mit-timijiet tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom, u involviment superviżorju msaħħaħ mill-NCAs rilevanti mal-maniġers tal-MMF.
Ta’ min wieħed jenfasizza li bosta MMFs x’aktarx li ma jesperjenzawx xokkijiet ta’ tifdija tad-daqs użat biex jiġu kkalibrati l-livelli ta’ reżiljenza tad-WLA. Kif muri minn dan ir-rapport, l-MMFs mhumiex omoġenji; il-propensità tagħhom biex jiffaċċjaw xokkijiet tal-likwidità tiddependi fuq il-karatteristiċi speċifiċi u l-bażi tal-investituri tagħhom. Barra minn hekk, il-kalibrazzjoni tal-livelli ta’ reżiljenza tad-WLA tiddependi fuq suppożizzjonijiet konservattivi, b’mod partikolari s-suppożizzjoni li d-DLA ma jintużax ladarba jilħaq il-minimu regolatorju.
Għalhekk, l-istabbiliment tal-livelli ta’ reżiljenza identifikati tad-WLA bħala l-livelli minimi regolatorji vinkolanti ġodda mhuwiex proporzjonat, minħabba l-eteroġenità fis-settur tal-MMF u t-tipi ta’ fondi (is-Sejba ewlenija 2). Minflok, il-Kummissjoni tqis li dawn il-livelli ta’ reżiljenza tad-WLA jistgħu jservu bħala parametri referenzjarji superviżorji u ta’ ġestjoni tar-riskju, li jappoġġaw lill-maniġers tal-MMF u lill-NCAs biex jidentifikaw sitwazzjonijiet li jistgħu jirrikjedu monitoraġġ aktar mill-qrib u involviment superviżorju msaħħaħ.
4KONKLUŻJONI
Is-sejbiet ta’ dan ir-rapport huma maħsuba biex iservu bħala bażi għat-titjib tal-ġestjoni tal-likwidità mill-maniġers tal-MMFs u s-superviżjoni tal-MMFs mill-NCAs. Is-sejbiet fit-taqsima 2 juru li l-livelli ta’ likwidità fis-settur kollu huma differenti, għalkemm ġeneralment ferm ogħla mil-limiti regolatorji minimi fir-Regolament MMF. Barra minn hekk, is-settur tal-MMF b’mod ġenerali mmaniġġja r-riskji tal-likwidità b’mod responsabbli, kemm fuq bażi kontinwa kif ukoll fi żminijiet ta’ kundizzjoni ta’ stress fis-suq.
Is-sejbiet fit-Taqsima 3 jindikaw li l-livelli ta’ reżiljenza tad-WLA identifikati kapaċi jservu bħala parametri referenzjarji superviżorji u tal-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità, filwaqt li taħt dawn il-parametri l-intensità tal-iskrutinju fil-funzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju tal-MMFs u tal-maniġers tagħhom għandha tiżdied b’mod utli u l-iskrutinju superviżorju u l-impenji mill-NCAs jissaħħu, sabiex tiġi żgurata reżiljenza fis-suq kollu.
5ANNESS I: LIVELLI TA’ RIŻERVA TAL-LIKWIDITÀ
5.1Statistika dwar il-livelli ta’ riżerva ta’ likwidità
Iċ-Ċart I.1 tippreżenta statistika dwar il-livelli ta’ riżerva ta’ likwidità, li turi li l-MMFs iżommu l-likwidità ogħla mil-livelli minimi regolatorji u kif dawn il-livelli jinbidlu maż-żmien.
Ċart I.1: Livelli tad-WLA u tad-DLA
Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, abbażi ta’ data tal-ESMA mill-ewwel trimestru tal-2020 sar-raba’ trimestru tal-2025
Nota: Xejriet fil-livell medju ta’ WLA u fil-25 u s-75 perċentil tad-WLA (bħala perċentwal tal-NAV) fl-LVNAV kollha.
5.2Eżempji ta’ MMFs li jesperjenzaw xokkijiet ta’ tifdija għoljin
Ir-rikostituzzjoni tar-riżerva ta’ likwidità ġiet analizzata billi saret enfasi fuq l-10 % tal-fondi l-aktar baxxi li esperjenzaw l-akbar flussi ta’ ħruġ. L-analiżi kienet ibbażata fuq data superviżorja mill-NCAs, sorsi oħra ta’ data, komunikazzjonijiet ta’ fondi dwar il-ġestjoni tal-likwidità taħt kundizzjonijiet ta’ stress fis-suq, u bidliet fil-kompożizzjoni tal-portafoll. Irriżultat xejra konsistenti: anki fost l-aktar fondi affettwati, l-MMFs setgħu jerġgħu jibnu r-riżervi ta’ likwidità tagħhom f’perjodu ta’ żmien relattivament qasir wara l-episodju ta’ stress.
Ċart I.2: Eżempji ta’ rikostituzzjoni ta’ riżervi ta’ likwidità ta’ żewġ VNAVs fl-ambitu ta’ talbiet għall-fidi kbar
Sorsi: Crane Data u NCAs.
Nota: Eżempju ta’ żewġ VNAVs MMF li jesperjenzaw flussi ta’ ħruġ sinifikanti, li juru l-impatt fuq id-WLA u l-bini mill-ġdid sussegwenti tar-riżervi ta’ likwidità. Il-livell minimu ta’ 15 % jidher bħala linja miksura. .
Ċart I.3: Rikostituzzjoni ta’ riżervi tal-likwidità fl-ambitu ta’ talbiet għall-fidi kbar
Sorsi: Crane Data u NCAs.
Nota: Eżempju ta’ żewġ LVNAV MMF li jesperjenzaw flussi ta’ ħruġ sinifikanti, li juru l-impatt fuq id-WLA u l-bini mill-ġdid sussegwenti tar-riżervi ta’ likwidità. Il-livell minimu ta’ 30 % jidher bħala linja miksura.
6ANNESS II: IMĠIBA TA’ TIFDIJIET F’KUNDIZZJONIJIET TA’ STRESS FIS-SUQ
6.1L-istress tas-suq fil-bidu tal-pandemija tal-COVID-19
6.1.1Impatt ġenerali fuq is-suq
L-avvenimenti tas-suq li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19 bdew iseħħu fi Frar 2020 hekk kif it-tħassib dwar it-tixrid globali tal-virus intensifika u s-swieq finanzjarji bdew jipprezzaw mill-ġdid ir-riskju. Madankollu, l-impatt tagħha fuq l-MMFs immaterjalizza prinċipalment f’nofs Marzu 2020 u kompla sa Ġunju 2020, meta ġew osservati kundizzjonijiet ta’ stress fis-suq.
Matul perjodu ta’ 15 jum li beda f’nofs Marzu, l-investituri f’xi MMFs żiedu d-domanda tagħhom għal-likwidità, b’mod partikolari minn LVNAV MMFs denominati f’USD, li esperjenzaw pressjonijiet sostanzjali ta’ tifdija (madwar 18 % u 30 % ta’ dawk is-segmenti tas-suq).
L-LVNAV MMFs denominati f’USD raw l-akbar u l-aktar flussi ta’ ħruġ fit-tul tal-MMFs Ewropej kollha għal terminu qasir ta’ żmien fl-ewwel ġimgħat ta’ Marzu 2020. Dan kien minħabba li, minbarra t-tifdijiet marbuta mal-ħtiġijiet ta’ flus kontanti, l-investituri qalbu għal CNAV ta’ dejn pubbliku fl-UE.
Ċart II.1: Flussi ta’ MMFs kumulattivi fl-2020
Sors: FSB,
Policy proposals to enhance MMF resilience
, Ottubru 2021
6.1.2Effetti u reazzjonijiet mhux uniformi fl-MMFs
Id-daqs tat-talbiet għall-fidi u l-imġiba tal-investituri f’kundizzjonijiet normali u ta’ stress ivarjaw ħafna bejn l-MMFs. Ir-reazzjonijiet u l-imġiba huma xprunati minn fatturi differenti, prinċipalment mill-bażi tal-investituri u fi ħdan il-bażi tal-investituri u mill-każ tal-użu tal-investimenti tagħhom (ara hawn taħt), id-daqs tal-investituri ewlenin u t-taħlita tal-investituri. Fatturi determinanti oħra huma t-tip ta’ MMF (VNAV, LVNAV, CNAV).
Filwaqt li huwa ċar li l-klassifikazzjoni tal-fondi u l-munita huma d-determinanti ewlenin, kategoriji simili ħafna ukoll esperjenzaw xokkijiet differenti ħafna matul u lil hinn mill-perjodu ta’ kriżi tal-COVID-19. Dawn id-differenzi jidhru fiċ-Ċart 3.
Iċ-ċarts 2 u 3 juru li, b’mod ġenerali, l-MMFs tal-LVNAV f’USD esperjenzaw xokk sinifikanti ta’ tifdija fil-bidu tal-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, l-impatt kien irregolari ħafna fil-fondi kollha. Inqas minn 6 % tal-LVNAV MMFs esperjenzaw flussi ta’ ħruġ kumulattivi li jaqbżu t-30 % tan-NAV tagħhom.
Raġuni waħda għal din l-eteroġeneità hija l-każijiet ta’ użu tal-investituri. Tliet eżempji “estremi” stilizzati juru kif l-istess MMF jista’ jesperjenza xejriet ta’ tifdija differenti ħafna skont il-bażi tal-investituri u l-imġiba tagħhom f’diversi sitwazzjonijiet tas-suq.
1)L-użu tal-MMFs bħala vettur ta’ ġestjoni tal-likwidità / ta’ “pagamenti” (ċiklu prevedibbli): Xi investituri istituzzjonali jużaw il-VNAV MMFs bħala buckets ta’ flus tranżazzjonali, eż. il-flus jiġu investititi bħala kontribuzzjonijiet/il-premiums jinġabru u mbagħad jinfdew f’kadenza prevedibbli (pereżempju, ċikli ta’ pagament ta’ pensjoni). F’din is-sitwazzjoni, il-flussi ta’ ħruġ spiss ikunu skedati u jistgħu jiġu mbassra, u għalhekk kwalunkwe tnaqqis fil-likwidità huwa pjuttost fluttwazzjoni ppjanata aktar milli tifdijiet massivi. Eżempji simili huma s-sistemi tal-pensjonijiet li għandhom influssi regolari (kontribuzzjonijiet) u flussi ta’ ħruġ perjodiċi (pagamenti ta’ benefiċċji), li joħolqu xejriet prevedibbli ta’ flussi ta’ flus.
2)L-użu tal-MMFs bħala vettura ta’ likwidità għall-kollateral / għall-marġnijiet (potenzjalment xejra forma ta’ preċipizzju): Meta l-MMFs jintużaw bħala riżervi ta’ likwidità għall-kollateral (direttament jew indirettament) għal derivattivi, tranżazzjonijiet ta’ riakkwist, jew ħtiġijiet ta’ marġni relatati mal-LDI, il-mutur tat-tifdija jista’ jkun movimenti tas-suq u sejħiet għall-marġni relatati. F’fondi LDI ingranati, il-ħtiġijiet ta’ kollateral jistgħu jiżdiedu malajr meta r-rendimenti jiżdiedu (li jirrifletti telf minn valwazzjoni skont is-suq), u dan iwassal għal taqbida għall-flus kontanti minn ħafna atturi tas-suq f’daqqa. F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-investituri jistgħu jifdu l-ishma/unitajiet tal-MMF biex jissodisfaw sejħiet għall-kollateral, jew jistgħu jużaw parteċipazzjonijiet tal-MMF fi flussi tax-xogħol tal-immaniġġjar tal-kollateral—u b’hekk joħolqu domanda għal-likwidità aktar proċiklika u korrelatata mill-użu “pur” tal-immaniġġjar tal-flus.
3)L-użu ta’ MMFs biex jinġabru flimkien il-flus ta’ fondi oħra ġestiti mill-istess maniġer tal-assi tal-MMF. Hawnhekk il-maniġer għandu viżibbiltà tal-flussi ta’ tifdija.
6.2L-avveniment tas-suq relatat mal-LDI
Lejn l-aħħar ta’ Settembru 2022, ġew osservati żieda qawwija fir-rendimenti tal-bonds tal-gvern tar-Renju Unit u stress qawwi fl-istrateġiji ta’ investiment xprunati mir-responsabbiltà (LDI) użati mill-fondi tal-pensjonijiet. Dan iġġenera telf kbir ta’ valwazzjoni skont is-suq għall-fondi LDI li, min-naħa tiegħu, wassal għal sejħiet għall-marġni ta’ varjazzjoni. Dawn is-sejħiet għall-marġni ħolqu domanda f’daqqa u importanti għall-flus kontanti, li kellha riperkussjonijiet fuq l-MMFs denominati f’GBP, minkejja li l-MMFs ma kinux is-sors tad-domanda estrema f’daqqa għal-likwidità. Xi MMFs esperjenzaw flussi ta’ ħruġ rapidi, b’mod partikolari minn investituri istituzzjonali, u wieġbu billi żiedu r-riżervi ta’ likwidità u qassru l-maturitajiet tal-portafoll.
Ċart II.2: Impatt tal-kriżi tal-LDI fuq il-flussi tal-MMFs
Sorsi: Crane Data u NCAs, MMFs b’NAV superjuri għal EUR 100 miljun
Nota: Flussi kumulattivi netti skont it-tip ta’ MMFs, espressi bħala perċentwal tal-NAV
It-tweġibiet tal-MMFs għad-domanda f’daqqa ta’ likwidità tal-investituri fl-avveniment tas-suq tal-LDI kienu saħansitra aktar evidenti mir-rispons matul il-pandemija tal-COVID-19. Filwaqt li xi MMFs esperjenzaw influssi, xi drabi oħrajn iffaċċjaw pressjonijiet qawwija ta’ tifdija. L-avveniment tas-suq relatat mal-LDI kellu impatt varjat ħafna fuq l-LVNAV MMFs denominati f’GBP, li affettwa biss ftit fondi aktar milli s-settur kollu.
Dan l-impatt differenti huwa rifless fid-distribuzzjoni tal-flussi ta’ ħruġ: għalkemm il-fond medjan esperjenza fluss ta’ ħruġ ta’ –9 % fil-ġimgħa (–10 % b’mod kumulattiv), it-tarf t’isfel iffaċċja stress aktar gravi, fejn l-għaxar perċentil ra flussi ta’ ħruġ ta’ –21 % fil-ġimgħa u 1 % tal-fondi tilfu kważi –37 % f’ġimgħa waħda (–42 % b’mod kumulattiv). Din l-assimetrija qawwija tindika li l-istress kien ikkonċentrat f’fondi użati ħafna mill-istrateġiji tal-LDI bħala riżervi ta’ likwidità biex jissodisfaw is-sejħiet għall-marġni u għall-kollateral. B’kuntrast ma’ dan, il-LVNAVs denominati f’GBP li servew skopijiet usa’ ta’ ġestjoni tal-flus, b’bażijiet tal-investituri aktar diversifikati u b’rabta inqas diretta mat-trasformazzjoni tal-kollateral jew mal-attività ta’ riakkwist ta’ bonds tal-gvern, irreġistraw influssi matul l-istess perjodu.
Ċart II.3: Xejriet f’NAV, LVNAVs f’GBP matul l-avveniment tas-suq relatat mal-LDI
Sorsi: Crane Data u NCAs.
Nota: Kull linja tirrappreżenta l-flussi kumulattivi netti bħala perċentwal tan-NAV (assi-y) ta’ LVNAV f’GBP b’NAV ogħla minn EUR 1 biljun. Il-valuri pożittivi jindikaw sottoskrizzjonijiet netti, filwaqt li l-valuri negattivi jindikaw tifdijiet netti. Dawk l-eżempji juru li filwaqt li l-LVNAV MMFs ta’ GBP esperjenzaw tifdijiet sinifikanti matul il-perjodu ta’ avveniment ta’ kriżi tas-suq tal-LDI, l-impatt ma kienx uniformi f’dak it-tip ta’ MMF.
7ANNESS III: LIVELLI TA’ REŻILJENZA TAS-SUQ
7.1Kalibrar ta’ xokkijiet ta’ tifdija
Fil-valutazzjoni tax-xokkijiet ta’ tifdija, ġew ittestjati diversi mudelli bl-użu ta’ sorsi ta’ data (Crane Data, NCAs, Morningstar) u approċċi metodoloġiċi differenti, b’enfasi partikolari fuq l-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ kwalità tad-data u l-iżgurar tar-robustezza.
L-ewwel perċentil tat-tifdijiet (f’% tal-NAV) fl-aħħar mill-aħħar intgħażel peress li jkopri kundizzjonijiet ta’ stress gravi iżda plawżibbli, filwaqt li jillimita l-influwenza ta’ żbalji jew anomaliji potenzjali fid-data.
Dan il-perċentil huwa kkalibrat abbażi tal-avveniment tas-suq relatat mal-pandemija tal-COVID-19 u għalhekk jirrifletti xenarju avvers ħafna. Ta’ min jinnota li xenarji bħal dawn jistgħu ma jkunux realistiċi għal ħafna MMFs li jibbenefikaw minn bażi ta’ investituri prevedibbli. Madankollu, dan l-approċċ sever jitqies xieraq fil-kuntest ta’ riskji potenzjali ta’ kontaġju, b’mod partikolari kontaġju reputazzjonali.
Ir-rilevanza tal-kontaġju tista’ tiġi vvalutata wkoll fil-kuntest ta’ prattiki “kun af il-klijent tiegħek” u l-fatt li l-MMFs huma soġġetti għal divulgazzjonijiet regolatorji regolari lill-investituri tagħhom. Barra minn hekk, ħafna investituri jeħtieġu informazzjoni aktar frekwenti u dettaljata, li tista’ tkompli ttaffi r-riskji ta’ kontaġju.
Tabella III.1: Firxa tad-distribuzzjoni tax-xenarju ta’ tifdija tal-ewwel perċentil, fis-sorsi kollha tad-data [l-ewwel perċentil minimu, l-ewwel perċentil massimu]
|
|
Kuljum
|
Kull ġimgħa
|
Kull xahar
|
|
VNAV
|
[-4 % ;-8 %]
|
[-6 % ;-19 %]
|
[-16 % ;-45 %]
|
|
-VNAV standard
|
[-4 % ;-8 %]
|
[-4 % ;-21 %]
|
[-9 % ;-45 %]
|
|
-VNAV għal terminu qasir
|
[-3 % ;-10 %]
|
[-6 % ;-15 %]
|
[-17 % ;-26 %]
|
|
LVNAV
|
[-6 % ;-11 %]
|
[-7 % ;-28 %]
|
[-28 % ;-45 %]
|
|
-LVNAV f’USD
|
[-9 % ;-12 %]
|
[-16 % ;-26 %]
|
[-30 % ;-44 %]
|
|
-LVNAV f’GBP
|
[-8 % ;-11 %]
|
[-16 % ;-30 %]
|
[-26 % ;-47 %]
|
|
CNAV
|
[-5 % ;-14 %]
|
[-4 % ;-22 %]
|
[--1 % ;-34 %]
|
|
Globali
|
[-6 % ;-11 %]
|
[-7 % ;-26 %]
|
[-21 % ;-45 %]
|
Sorsi: Crane Data, Morningstar, data tal-NCAs
7.2Kalibrar tal-“livelli limitu tar-reżiljenza tas-suq”
L-MMFs tal-UE ġeneralment ikunu kapaċi jifilħu għax-xokkijiet ta’ tifdija identifikati fit-Taqsima 7.1, li jirriflettu d-dispersjoni tal-livelli tad-WLA fis-settur kollu. Madankollu, għadu kruċjali li jkun hemm fis-seħħ superviżjoni robusta u sistemi effettivi ta’ ġestjoni tar-riskju biex jiġi żgurat li l-livelli ta’ likwidità jitfasslu skont is-sitwazzjoni speċifika ta’ kull fond.
F’dan il-kuntest, din it-taqsima tikkalibra l-livelli ta’ reżiljenza tad-WLA li, jekk jiġu applikati b’mod uniformi bħala parametri referenzjarji minimi, jippermettu lill-MMFs jifilħu għax-xenarji ta’ tifdija kkalibrati fit-Taqsima 7.1.
Intużat il-metodoloġija stabbilita hawn taħt:
1.L-analiżi tistma l-volum ta’ tifdijiet li l-MMFs jistgħu jassorbu qabel ma l-assi likwidi ta’ kuljum tagħhom jaqgħu taħt il-livell minimu regolatorju. Biex isir dan, jitqiesu livelli differenti ta’ WLA minimi, bl-użu ta’ data reali dwar il-kompożizzjoni u l-amortizzament tal-portafoll.
2.Sabiex jiġu kkalibrati l-limiti ta’ reżiljenza tad-WLA, ir-riżultati jitqabblu max-xenarji ta’ tifdija applikati għall-MMFs identifikati fit-Taqsima 7.1 (ara t-Tabella III.1). L-analiżi tqis l-amortizzament tal-portafoll. Jiġi applikat is-sett konservattiv ta’ suppożizzjonijiet li ġej:
-it-tifdijiet jiġu ssodisfati esklussivament permezz ta’ DLA u WLA eżistenti, bl-ebda bejgħ ta’ assi minbarra dawk li jikkwalifikaw għad-DLA u l-WLA;
-id-DLA jinżamm ogħla mir-rekwiżiti regolatorji minimi.
Tabella III.2: Xenarju miżmum għall-eżerċizzju ta’ kalibrazzjoni:
|
Tip ta’ MMF
|
Kuljum
|
Kull ġimgħa
|
Kull xahar
|
|
VNAV standard
|
-8 %
|
-17 %
|
-34 %
|
|
NAV Stabbli
|
-15 %
|
-30 %
|
-47 %
|
Sorsi: Crane Data, Morningstar, data tal-NCAs
Din l-analiżi turi li l-livelli ta’ reżiljenza tad-WLA ta’ bejn 35 % u 40 % għall-NAV MMFs stabbli u ta’ 20 % għall-VNAV MMFs huma suffiċjenti biex jifilħu għall-kundizzjonijiet ta’ stress fis-suq. B’mod partikolari, iż-żamma tad-WLAs f’dan il-livell ta’ reżiljenza jew ’il fuq minnu tippermetti lill-MMFs tal-UE jifilħu (jiġifieri jżommu d-DLAs ogħla mil-livelli minimi regolatorji) għal xokkijiet severi ta’ tifdija kif kalibrati fit-taqsima 7.1.