European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2392

1.12.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2392

tat-28 ta’ Novembru 2025

dwar id-deskrizzjoni teknika tal-kategoriji ta’ prodotti importanti u kritiċi b’elementi diġitali skont ir-Regolament (UE) 2024/2847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/2847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 dwar ir-rekwiżiti orizzontali taċ-ċibersigurtà għall-prodotti b’elementi diġitali u, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013 u (UE) 2019/1020 u d-Direttiva (UE) 2020/1828 (Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2024/2847 jistabbilixxi regoli dwar iċ-ċibersigurtà tal-prodotti b’elementi diġitali. B’mod partikolari, l-Anness III ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi kategoriji ta’ prodotti importanti b’elementi diġitali li, meta jiġu introdotti fis-suq, ikunu soġġetti għal proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li jkunu aktar stretti minn dawk applikabbli għal prodotti oħra b’elementi diġitali. L-Anness IV tar-Regolament (UE) 2024/2847 jistabbilixxi kategoriji ta’ prodotti kritiċi b’elementi diġitali li għalihom il-manifatturi jistgħu jkunu meħtieġa jiksbu ċertifikat Ewropew taċ-ċibersigurtà skont skema Ewropea ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà skont ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jew li jkunu soġġetti għal valutazzjoni tal-konformità obbligatorja minn parti terza, meta jiġu introdotti fis-suq.

(2)

Skont l-Artikolu 7(1) u l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2024/2847, il-funzjonalità ewlenija ta’ prodott b’elementi diġitali tiddetermina jekk dak il-prodott b’elementi diġitali jissodisfax id-deskrizzjoni teknika ta’ kategorija ta’ prodotti importanti jew kritiċi b’elementi diġitali u, b’hekk, il-proċeduri applikabbli ta’ valutazzjoni tal-konformità.

(3)

Meta jiżviluppaw prodott b’elementi diġitali, u sabiex jiksbu s-sett ta’ funzjonalitajiet mixtieq tagħhom, il-manifatturi tipikament jintegraw fil-prodotti b’elementi diġitali tagħhom stess komponenti oħra li jkunu wkoll prodotti b’elementi diġitali u li jistgħu jissodisfaw id-deskrizzjoni teknika ta’ kategorija ta’ prodotti importanti jew kritiċi. Skont ir-Regolament (UE) 2024/2847, prodott b’elementi diġitali huwa soġġett għall-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità applikabbli għal prodotti importanti jew kritiċi b’elementi diġitali, jekk dak il-prodott kollu kemm hu jkun prodott importanti jew kritiku kif stabbilit fl-Annessi III u IV ta’ dak ir-Regolament. Pereżempju, l-integrazzjoni ta’ brawżer inkorporat bħala komponent ta’ applikazzjoni tal-aħbarijiet għall-użu fl-ismartphones minnha nnifisha ma tagħmilx l-applikazzjoni tal-aħbarijiet soġġetta għall-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità applikabbli għal prodotti b’elementi diġitali li għandhom il-funzjonalità ewlenija ta’ “brawżers indipendenti u inkorporati”. Madankollu, f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/2847, jeħtieġ li l-manifattur jiżgura li l-prodott b’elementi diġitali b’mod ġenerali jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali taċ-ċibersigurtà. Għalhekk, jeħtieġ li l-manifattur jevalwa s-sigurtà tal-prodott kollu, filwaqt li jqis, kif xieraq, is-sigurtà tal-komponenti jew tal-funzjonalitajiet li huma integrati fih. Pereżempju, sabiex il-manifattur ta’ applikazzjoni tal-aħbarijiet juri li l-prodott tiegħu b’elementi diġitali jkun konformi mar-Regolament (UE) 2024/2847, dak il-manifattur għandu juri li l-applikazzjoni tal-aħbarijiet kollha kemm hi tkun tissodisfa r-rekwiżiti applikabbli, filwaqt li jqis, kif xieraq, is-sigurtà tal-brawżer inkorporat li jkun integrat fl-applikazzjoni tiegħu.

(4)

Il-fatt li prodott b’elementi diġitali jwettaq funzjonijiet għajr dawk spjegati f’dettall fid-deskrizzjonijiet tekniċi stabbiliti f’dan ir-Regolament jew flimkien magħhom, minnu nnifsu ma jfissirx li l-prodott b’elementi diġitali ma għandux il-funzjonalità ewlenija ta’ kategorija ta’ prodotti stabbilita fl-Annessi III u IV tar-Regolament (UE) 2024/2847. Pereżempju, prodotti b’elementi diġitali li għandhom il-funzjonalità ewlenija ta’ “sistemi operattivi” spiss jinkludu software li jwettaq funzjonijiet anċillari mhux inklużi fid-deskrizzjoni teknika ta’ dik il-kategorija ta’ prodotti, bħal kalkulaturi jew edituri tal-grafika sempliċi. Il-prodotti b’elementi diġitali spiss jinkorporaw ukoll komponenti li jkollhom il-funzjonalità ta’ prodott importanti jew kritiku ieħor b’elementi diġitali, bħal sistema operattiva li tintegra l-funzjonalità ta’ brawżer, jew router li jintegra l-funzjonalità ta’ firewall. Madankollu, dan fil-prinċipju ma jfissirx li prodotti b’elementi diġitali bħal dawn ma għandhomx il-funzjonalità ewlenija ta’ “sistemi operattivi” jew “routers, modems maħsuba għall-konnessjoni mal-internet, u swiċċijiet”, rispettivament.

(5)

Min-naħa l-oħra, prodott b’elementi diġitali li jkollu l-kapaċità li jwettaq il-funzjonijiet ta’ kategorija ta’ prodotti stabbilita fl-Annessi III u IV tar-Regolament (UE) 2024/2847 iżda li l-funzjonalità ewlenija tiegħu stess tkun differenti minn dik ta’ tali kategorija ta’ prodotti ma għandux jitqies li jissodisfa d-deskrizzjoni teknika ta’ dik il-kategorija ta’ prodotti. Pereżempju, software għall-orkestrazzjoni, għall-awtomatizzazzjoni u għar-rispons tas-sigurtà (SOAR, Security Orchestration, Automation and Response) spiss ikollu l-kapaċità li jwettaq il-funzjonijiet ta’ prodotti b’elementi diġitali fil-kategorija ta’ “sistemi ta’ informazzjoni dwar is-sigurtà u ta’ ġestjoni tal-avvenimenti (SIEM)”, jiġifieri jiġbor id-data, janalizzaha u jippreżentaha bħala informazzjoni azzjonabbli għal finijiet ta’ sigurtà. Madankollu, peress li l-funzjonalità ewlenija tiegħu ma hijiex dik ta’ sistema ta’ ġestjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni u tal-eventi (SIEM, Security Information and Event Management), is-software tal-SOAR ġeneralment ma għandux jitqies li jissodisfa d-deskrizzjoni teknika ta’ “sistemi ta’ informazzjoni dwar is-sigurtà u ta’ ġestjoni tal-avvenimenti (SIEM)”. Bl-istess mod, smartphone tipikament jintegra l-komponenti li jwettqu l-funzjonijiet ta’ diversi kategoriji ta’ prodotti stabbiliti fl-Annessi III u IV tar-Regolament (UE) 2024/2847, bħal sistema operattiva jew maniġer tal-passwords integrat. Madankollu, peress li l-funzjonalità ewlenija ta’ smartphone ma hijiex dik ta’ sistema operattiva jew ta’ maniġer tal-passwords, ġeneralment dan ma għandux jitqies li jissodisfa d-deskrizzjoni teknika ta’ kategoriji ta’ prodotti bħal dawn.

(6)

Skont l-Artikolu 13(2) u (3) tar-Regolament (UE) 2024/2847, il-manifatturi ta’ prodotti b’elementi diġitali għandhom jimplimentaw ir-rekwiżiti essenzjali taċ-ċibersigurtà stabbiliti fil-Parti I tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/2847 b’mod li jkun proporzjonat għar-riskji tal-prodott b’elementi diġitali, fuq il-bażi tal-iskop maħsub u tal-użu raġonevolment prevedibbli kif ukoll tal-kundizzjonijiet tal-użu tal-prodott b’elementi diġitali, filwaqt li jitqies it-tul ta’ żmien li matulu jkun mistenni li se jintuża l-prodott. F’konformità mal-Artikolu 13(2) u (3) ta’ dak ir-Regolament, u irrispettivament minn jekk il-prodott b’elementi diġitali jitqiesx bħala prodott importanti jew kritiku b’elementi diġitali, il-manifatturi għandhom iwettqu valutazzjoni komprensiva tar-riskju għaċ-ċibersigurtà u jindikaw kif ir-rekwiżiti essenzjali taċ-ċibersigurtà jiġu implimentati kif infurmati mill-valutazzjoni tar-riskju, inklużi l-ittestjar u l-assigurazzjoni tagħhom. Meta l-funzjonalità ewlenija tal-prodott tagħhom b’elementi diġitali tissodisfa d-deskrizzjoni teknika ta’ prodott importanti jew kritiku b’elementi diġitali, il-manifatturi għandhom juru l-konformità billi jsegwu l-proċeduri speċifiċi ta’ valutazzjoni tal-konformità stabbiliti mill-Artikolu 32(2), (3), (4) u (5) tar-Regolament (UE) 2024/2847.

(7)

Dan ir-Regolament jinkludi eżempji ta’ prodotti b’elementi diġitali li l-funzjonalità ewlenija tagħhom tissodisfa d-deskrizzjoni teknika ta’ ċerti prodotti importanti jew kritiċi b’elementi diġitali. Dawn l-eżempji huma pprovduti biss għal skopijiet indikattivi u ma humiex lista eżawrjenti.

(8)

Sabiex tiġi pprovduta ċertezza legali lill-manifatturi, jenħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-kategoriji ta’ prodotti b’elementi diġitali li huma mikroproċessuri reżistenti għat-tbagħbis, mikrokontrolluri reżistenti għat-tbagħbis, u smartcards u apparati simili, inklużi elementi siguri, abbażi tal-livell ta’ reżistenza kontra l-isfruttament potenzjali ta’ difetti jew ta’ dgħufijiet li għalihom ikunu ġew iddisinjati. Il-livell AVA_VAN huwa mod użat b’mod estensiv u standardizzat biex jiġi espress livell ta’ reżistenza bħal dan. Il-livelli AVA_VAN huma stabbiliti fl-istandards tal-Kriterji Komuni u tal-Metodoloġija Komuni tal-Evalwazzjoni disponibbli għall-pubbliku, li huma l-bażi ta’ oqfsa ta’ ċertifikazzjoni eżistenti adottati b’mod estensiv fis-suq, bħar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/482 (3). Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/482 jistabbilixxi skema Ewropea ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà li tista’ tintuża għaċ-ċertifikazzjoni ta’ prodott f’livell speċifiku ta’ assigurazzjoni. Abbażi tal-prattiki globali, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/482 jipprevedi l-possibbiltà li jinħarġu ċertifikati bbażati fuq verżjonijiet preċedenti tal-istandards sa tmiem l-2027. Għalhekk, fil-kuntest tar-Regolament (UE) 2024/2847, huwa xieraq li l-livelli AVA_VAN ikunu jistgħu jiġu espressi billi ssir referenza għall-verżjoni l-aktar reċenti jew għall-verżjonijiet aktar antiki ta’ dawk l-istandards.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 62(1) tar-Regolament (UE) 2024/2847,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Kriterji Komuni” tfisser il-Kriterji Komuni għall-Evalwazzjoni tas-Sigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni kif definiti fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/482 jew kif stabbiliti fl-istandards imsemmija fl-Artikolu 3(2), il-punti (a) u (b), ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni;

(2)

“Metodoloġija Komuni tal-Evalwazzjoni” tfisser il-Metodoloġija Komuni għall-Evalwazzjoni tas-Sigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni kif definita fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/482 jew kif stabbilita fl-istandards imsemmija fl-Artikolu 3(2), il-punti (c) u (d), ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

Artikolu 2

1.   Id-deskrizzjoni teknika tal-kategoriji ta’ prodotti b’elementi diġitali taħt il-klassijiet I u II elenkati fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2024/2847 għandha tkun kif stabbilita fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

2.   Id-deskrizzjoni teknika tal-kategoriji ta’ prodotti b’elementi diġitali elenkati fl-Anness IV tar-Regolament (UE) 2024/2847 għandha tkun kif stabbilita fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/2847, 20.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2847/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/881/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/482 tal-31 ta’ Jannar 2024 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni tal-iskema Ewropea taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà bbażata fuq il-Kriterji Komuni (EUCC) (ĠU L, 2024/482, 7.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/482/oj).


ANNESS I

PRODOTTI IMPORTANTI B’ELEMENTI DIĠITALI

Klassi I

Kategorija ta’ prodotti

Deskrizzjoni teknika

1.

Sistemi ta’ ġestjoni tal-identità u software u hardware ta’ ġestjoni tal-aċċess privileġġat, inklużi l-qarrejja tal-awtentikazzjoni u tal-kontroll tal-aċċess, inklużi qarrejja bijometriċi

Is-sistemi ta’ ġestjoni tal-identità huma prodotti b’elementi diġitali li jipprovdu mekkaniżmi għall-awtentikazzjoni jew għall-awtorizzazzjoni u li jistgħu jipprovdu wkoll mekkaniżmi għall-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-kredenzjali tal-identità ta’ persuni fiżiċi, persuni ġuridiċi, apparati jew sistemi, bħar-reġistrazzjoni, il-proviżjonament, il-manutenzjoni u t-tneħħija tar-reġistrazzjoni tal-identità. Dawn is-sistemi jinkludu sistemi ta’ ġestjoni tal-aċċess li jikkontrollaw l-aċċess ta’ persuni fiżiċi, persuni ġuridiċi, apparati jew sistemi għal riżorsi diġitali jew postijiet fiżiċi.

Is-software ta’ ġestjoni tal-aċċess privileġġat huwa sistema ta’ ġestjoni tal-aċċess li tikkontrolla u li timmonitorja d-drittijiet ta’ aċċess għal sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT, Information Technology) jew sistemi tat-teknoloġija operazzjonali (OT, Operational Technology) u informazzjoni sensittiva fi ħdan organizzazzjoni, inklużi sistemi li jinfurzaw politiki differenzjati ta’ kontroll tal-aċċess għal utenti privileġġati.

Din il-kategorija tinkludi iżda ma hijiex limitata għall-qarrejja tal-awtentikazzjoni u tal-kontroll tal-aċċess, qarrejja bijometriċi, software ta’ reġistrazzjoni unika, software ta’ ġestjoni tal-identità federata, software ta’ password ta’ darba, apparat ta’ awtentikazzjoni tal-hardware bħal ġeneraturi tan-numru ta’ awtentikazzjoni tat-tranżazzjoni (TAN, transaction authentication number), software ta’ awtentikazzjoni u software ta’ awtentikazzjoni b’diversi fatturi.

2.

Brawżers indipendenti u inkorporati

Prodotti ta’ software b’elementi diġitali li jippermettu lill-utenti finali jaċċessaw, jagħmlu, u jinteraġixxu ma’ kontenut u ma’ servizzi tal-web ospitati fuq servers li huma konnessi ma’ networks bħall-internet. Dawn tipikament jinkludu magna brawżer għall-interpretazzjoni u għall-wiri ta’ kontenut miktub bil-lingwaġġ tal-immarkar (eż. HTML), għall-appoġġ tal-protokolli tal-web (eż. HTTP, HTTPS), għall-kapaċità ta’ eżekuzzjoni ta’ skripts u għall-ġestjoni ta’ inputs tal-utenti kif ukoll għall-ħżin ta’ data temporanja jew persistenti mis-siti web (cookies).

Din il-kategorija tinkludi iżda ma hijiex limitata għal applikazzjonijiet awtonomi li jissodisfaw il-funzjonijiet tal-brawżers, brawżers inkorporati maħsuba għall-integrazzjoni f’sistema jew f’applikazzjoni oħra kif ukoll brawżers b’integrazzjoni tal-aġent tal-IA.

3.

Maniġers tal-passwords

Prodotti b’elementi diġitali li jaħżnu passwords, lokalment fuq apparat jew fuq server remot, inklużi attivitajiet bħall-ġenerazzjoni ta’ passwords kif ukoll il-kondiviżjoni u l-integrazzjoni ta’ passwords ma’ applikazzjonijiet lokali jew applikazzjonijiet terzi għall-użu ta’ passwords.

Din il-kategorija tinkludi iżda ma hijiex limitata għal maniġers tal-passwords lokali, maniġers tal-passwords ipprovduti bħala estensjonijiet tal-brawżer, maniġers tal-passwords tal-intrapriżi kif ukoll maniġers tal-passwords ibbażati fuq il-hardware.

4.

Software li jfittex għal software malizzjuż, ineħħih, jew jitfgħu fi kwarantina

Prodotti tas-software b’elementi diġitali, tipikament imsejħa antivirus jew antimalware, li jsibu jew li jfittxu software jew kodiċi malizzjuż fuq apparati, jew li jneħħu jew jitfgħu fi kwarantina tali software jew kodiċi, sabiex iżommu l-integrità, il-kunfidenzjalità, jew id-disponibbiltà ta’ tali apparati.

Fil-kuntest ta’ din il-kategorija ta’ prodotti, software malizzjuż ifisser software li fih karatteristiċi jew kapaċitajiet malizzjużi li jistgħu jikkawżaw ħsara direttament jew indirettament lill-utent u/jew lis-sistema tal-kompjuter, bħal viruses, worms, ransomware, spyware u trojans.

Din il-kategorija tinkludi iżda ma hijiex limitata għal software li jidentifika jew li jfittex software malizzjuż f’ħin reali jew manwalment, jidentifika rootkits u jsalva diski bil-funzjonalità ewlenija tat-tiftix, it-tneħħija jew il-kwarantina ta’ software malizzjuż.

5.

Prodotti b’elementi diġitali bil-funzjoni ta’ network privat virtwali (VPN, Virtual Private Network)

Prodotti b’elementi diġitali li jistabbilixxu mina loġika kriptata li hija mibnija mir-riżorsi tas-sistema ta’ network fiżiku jew virtwali.

Din il-kategorija tinkludi iżda ma hijiex limitata għal klijenti ta’ network privat virtwali, servers ta’ network privat virtwali u gateways ta’ network privat virtwali.

6.

Sistemi ta’ ġestjoni tan-network

Prodotti b’elementi diġitali li jimmaniġġaw elementi tan-network konnessi, bħal servers, routers, swiċċijiet, stazzjonijiet tax-xogħol, printers jew apparati mobbli, billi jimmonitorjawhom u jikkontrollaw l-operazzjonijiet u l-konfigurazzjoni tan-network tagħhom.

Din il-kategorija tinkludi iżda ma hijiex limitata għal sistemi ta’ ġestjoni minn tarf sa tarf u sistemi ta’ ġestjoni tal-konfigurazzjoni ddedikati, bħal kontrolluri għal networking definit mis-software.

7.

Sistemi ta’ ġestjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni u tal-eventi (SIEM, Security Information and Event Management)

Prodotti b’elementi diġitali li jiġbru data minn diversi sorsi, janalizzaw u jikkorrelataw dik id-data u jippreżentawha bħala informazzjoni azzjonabbli għal skopijiet relatati mas-sigurtà, bħad-detezzjoni ta’ theddid u inċidenti, l-analiżi forensika jew skopijiet ta’ konformità.

8.

Maniġers tal-ibbutjar

Prodotti tas-software b’elementi diġitali li jimmaniġġaw il-proċess tal-istartjar inizjali tas-sistema wara li tinxtegħel/tirristartja billi jixegħlu l-hardware, jillowdjaw jew jittrasferixxu l-kontroll lill-ambjent tas-sistema operattiva jew lir-riżorsi tas-sistema, u jagħżlu l-għażliet tal-ibbutjar.

Din il-kategorija tinkludi, iżda ma hijiex limitata għal, firmware tal-Interface tal-Firmware Estensibbli Unifikat (UEFI, Unified Extensible Firmware Interface), magni tal-ibbutjar fi stadju wieħed u f’diversi stadji.

9.

Infrastruttura tal-kjavi pubblika u software għall-ħruġ ta’ ċertifikati diġitali

Prodotti b’elementi diġitali użati bħala parti minn infrastruttura tal-kjavi pubblika (PKI, Public Key Infrastructure) li jimmaniġġaw il-validazzjoni, il-ħolqien, il-ħruġ, id-distribuzzjoni, il-pubblikazzjoni tal-istatus, it-tiġdid jew ir-revoka ta’ ċertifikati diġitali, jew il-ġenerazzjoni, il-ħżin, iż-żamma, l-iskambju, il-qerda jew ir-rotazzjoni ta’ kjavi kriptografiċi assoċjati ma’ tali ċertifikati diġitali.

Din il-kategorija tinkludi iżda ma hijiex limitata għal sistemi ta’ ġestjoni tal-kjavi, sistemi ta’ ġestjoni taċ-ċertifikati diġitali, risponsi tal-protokoll tal-istatus taċ-ċertifikat online u soluzzjonijiet PKI kollha f’wieħed.

10.

Interfaċċi fiżiċi u virtwali tan-network

L-interfaċċi fiżiċi tan-network huma prodotti b’elementi diġitali li jikkonnettjaw direttament apparat ma’ network permezz ta’ interfaċċa għall-programmi tal-applikazzjonijiet (API, Application Programming Interface) ipprovduta mid-drivers tal-interfaċċa, li tipikament joperaw fis-saff ta’ kollegament tad-data, u li għandhom adapters tal-hardware mal-media tat-trażmissjoni bil-firmware korrispondenti, li tipikament joperaw fis-saff ta’ kollegament fiżiku u tad-data.

L-interfaċċi virtwali tan-network huma prodotti b’elementi diġitali li jikkonnettjaw direttament jew indirettament apparat ma’ network permezz ta’ API li jimita dak ta’ drivers tal-interfaċċi fiżiċi tan-network, li tipikament joperaw fis-saff ta’ kollegament tad-data.

Din il-kategorija tinkludi iżda ma hijiex limitata għal kards tal-interfaċċi bil-fili u mingħajr fili tan-network, kontrolluri u adapters, bħal dawk għal Wi-Fi, Ethernet, IrDA, USB, Bluetooth, NearLink, Zigbee, jew Fieldbus, kif ukoll prodotti purament virtwali awtonomi, bħal kards tal-interfaċċi virtwali tan-network, interfaċċi ta’ kontenituri tan-network u interfaċċi tal-VPN.

11.

Sistemi operattivi

Prodotti tas-software b’elementi diġitali li jipprovdu interfaċċa astratta tal-hardware sottostanti u li jikkontrollaw l-eżekuzzjoni tas-software, u li jistgħu jipprovdu servizzi bħall-ġestjoni u l-konfigurazzjoni tar-riżorsi tal-computing, l-iskedar, il-kontroll tad-dħul u tal-ħruġ, il-ġestjoni tad-data, u l-forniment ta’ interfaċċa li permezz tagħha l-applikazzjonijiet jinteraġixxu mar-riżorsi tas-sistema u mal-periferali.

Din il-kategorija tinkludi iżda ma hijiex limitata għal sistemi operattivi f’ħin reali, sistemi operattivi għal skopijiet ġenerali u għal skopijiet speċjali.

12.

Routers, modems maħsuba għall-konnessjoni mal-internet, u swiċċijiet

Routers huma prodotti b’elementi diġitali li jistabbilixxu u li jikkontrollaw il-fluss tad-data bejn networks differenti billi jagħżlu mogħdijiet jew rotot li jużaw mekkaniżmi u algoritmi tal-protokoll tar-routing, li tipikament joperaw fis-saff tan-network.

Din il-kategorija tinkludi iżda ma hijiex limitata għal routers bil-fili u mingħajr fili, routers virtwali u routers b’modems jew mingħajrhom.

Modems maħsuba għall-konnessjoni mal-internet huma prodotti tal-hardware b’elementi diġitali li jużaw tekniki ta’ modulazzjoni u demodulazzjoni diġitali biex jikkonvertu sinjali analogi minn u għal sinjali diġitali għal komunikazzjoni bbażata fuq l-IP.

Din il-kategorija tinkludi iżda ma hijiex limitata għal modems tal-fibre, modems tal-Linja Diġitali tal-Abbonat (DSL, Digital Subscriber Line), modems tal-kejbil (DOCSIS), modems tas-satellita u modems ċellulari.

L-iswiċċijiet huma prodotti b’elementi diġitali li jipprovdu konnettività bejn l-apparati f’network permezz ta’ mekkaniżmi ta’ trażmissjoni tal-pakketti u li għandhom pjan ta’ ġestjoni, tipikament implimentati fil-kollegament tad-data jew fis-saff tan-network.

Din il-kategorija tinkludi iżda ma hijiex limitata għal swiċċijiet ġestiti, swiċċijiet intelliġenti, swiċċijiet b’diversi saffi, swiċċijiet tas-sigurtà virtwali, swiċċijiet programmabbli għal networking u pontijiet definiti mis-software bħal punti ta’ aċċess bla fili.

13.

Mikroproċessuri b’funzjonalitajiet relatati mas-sigurtà

Prodotti b’elementi diġitali li huma ċirkwiti integrati li jwettqu funzjonijiet ta’ pproċessar ċentrali li jiddependu fuq memorja esterna u periferali, inkluż mikrokodiċi u firmware ieħor ta’ livell baxx. Huma jipprovdu wkoll funzjonalitajiet relatati mas-sigurtà, bħall-kriptaġġ, l-awtentikazzjoni, il-ħżin sigur tal-kjavi, il-ġenerazzjoni ta’ numri aleatorji, ambjent fdat ta’ eżekuzzjoni, jew mekkaniżmi oħra ta’ protezzjoni bbażati fuq il-hardware, li għandhom l-għan li jiżguraw prodotti, networks jew servizzi oħra lil hinn mill-mikroproċessur innifsu, bħal katina tal-ibbutjar sigura, virtwalizzazzjoni jew interfaċċi ta’ komunikazzjoni siguri.

14.

Mikrokontrolluri b’funzjonalitajiet relatati mas-sigurtà

Prodotti b’elementi diġitali li huma ċirkwiti integrati li jwettqu funzjonijiet ċentrali ta’ pproċessar li jintegraw il-memorja li jippermettu li l-mikrokontrollur ikun programmabbli u tipikament periferali oħra wkoll, inkluż mikrokodiċi u firmware ieħor ta’ livell baxx. Huma jipprovdu wkoll funzjonalitajiet relatati mas-sigurtà, bħall-kriptaġġ, l-awtentikazzjoni, il-ħżin sigur tal-kjavi, il-ġenerazzjoni ta’ numri aleatorji, ambjent fdat ta’ eżekuzzjoni, jew mekkaniżmi oħra ta’ protezzjoni bbażati fuq il-hardware, li għandhom l-għan li jiżguraw prodotti, networks jew servizzi oħra lil hinn mill-mikrokontrollur innifsu, bħal katina tal-ibbutjar sigura, virtwalizzazzjoni jew interfaċċi ta’ komunikazzjoni siguri.

15.

Ċirkwiti integrati speċifiċi għall-applikazzjoni (ASIC, Application Specific Integrated Circuits) u matriċi ta’ gates programmabbli mill-utent (FPGA, Field-Programmable Gate Arrays) b’funzjonalitajiet relatati mas-sigurtà

Ċirkwiti integrati speċifiċi għall-applikazzjoni (ASIC, Application specific integrated circuits) b’funzjonalitajiet relatati mas-sigurtà huma prodotti b’elementi diġitali li huma ċirkwiti integrati, kompletament jew parzjalment iddisinjati apposta biex iwettqu funzjoni speċifika jew jimplimentaw applikazzjoni speċifika, inkluż mikrokodiċi u firmware ieħor ta’ livell baxx. Huma jipprovdu wkoll funzjonalitajiet relatati mas-sigurtà, bħall-kriptaġġ, l-awtentikazzjoni, il-ħżin sigur tal-kjavi, il-ġenerazzjoni ta’ numri aleatorji, ambjent fdat ta’ eżekuzzjoni, jew mekkaniżmi oħra ta’ protezzjoni bbażati fuq il-hardware, li għandhom l-għan li jiżguraw prodotti, networks jew servizzi oħra lil hinn mill-ASIC infushom, bħal katina tal-ibbutjar sigura, virtwalizzazzjoni jew interfaċċi ta’ komunikazzjoni siguri.

Il-matriċi ta’ gates programmabbli mill-utent (FPGA) b’funzjonalitajiet relatati mas-sigurtà huma prodotti b’elementi diġitali li huma ċirkwiti integrati kkaratterizzati minn matriċi ta’ blokok loġiċi konfigurabbli ddisinjati biex ikunu riprogrammabbli wara l-manifattura biex iwettqu funzjoni speċifika jew biex jimplimentaw applikazzjoni speċifika, inkluż mikrokodiċi u firmware ieħor ta’ livell baxx. Huma jipprovdu wkoll funzjonalitajiet relatati mas-sigurtà, bħall-kriptaġġ, l-awtentikazzjoni, il-ħżin sigur tal-kjavi, il-ġenerazzjoni ta’ numri aleatorji, ambjent fdat ta’ eżekuzzjoni, jew mekkaniżmi oħra ta’ protezzjoni bbażati fuq il-hardware, li għandhom l-għan li jiżguraw prodotti, networks jew servizzi oħra lil hinn mill-FPGA nfushom, bħal katina tal-ibbutjar sigura, virtwalizzazzjoni jew interfaċċi ta’ komunikazzjoni siguri.

16.

Assistenti virtwali intelliġenti bi skop ġenerali għad-dar

Prodotti b’elementi diġitali li jikkomunikaw fuq l-internet pubbliku, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ tagħmir ieħor, li jipproċessaw talbiet, kompiti jew mistoqsijiet ibbażati fuq telefonati bil-lingwa naturali, bħal permezz ta’ input bl-awdjo jew bil-miktub, u li, abbażi ta’ dawk it-talbiet, il-kompiti jew il-mistoqsijiet, jipprovdu aċċess għal servizzi oħra jew jikkontrollaw il-funzjonijiet ta’ apparati konnessi f’ambjenti residenzjali.

Din il-kategorija tinkludi iżda ma hijiex limitata għal speakers intelliġenti b’assistent virtwali integrat, u assistenti virtwali awtonomi li jissodisfaw din id-deskrizzjoni.

17.

Prodotti intelliġenti għad-dar b’funzjonalitajiet tas-sigurtà, inklużi serraturi intelliġenti tal-bibien, kameras tas-sigurtà, sistemi ta’ monitoraġġ tat-trabi u sistemi tal-allarm

Prodotti b’elementi diġitali li jipproteġu s-sigurtà fiżika tal-konsumaturi f’ambjent residenzjali u li jistgħu jiġu kkontrollati jew ġestiti mill-bogħod minn sistemi oħra, kif ukoll hardware u software li jikkontrollaw b’mod ċentrali tali prodotti.

Din il-kategorija tinkludi iżda ma hijiex limitata għal apparati ta’ serraturi intelliġenti tal-bibien, sistemi ta’ monitoraġġ tat-trabi, sistemi tal-allarm u kameras tas-sigurtà fid-dar.

18.

Ġugarelli konnessi mal-internet koperti mid-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) li għandhom karatteristiċi interattivi soċjali (eż. taħdit jew iffilmjar) jew li għandhom karatteristiċi ta’ trekkjar tal-pożizzjoni

Ġugarelli konnessi mal-internet li għandhom karatteristiċi interattivi soċjali huma prodotti b’elementi diġitali li huma koperti mid-Direttiva 2009/48/KE, li jikkomunikaw fuq l-Internet pubbliku, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ kwalunkwe tagħmir ieħor, u li għandhom teknoloġiji inkorporati li jippermettu komunikazzjoni ’l ġewwa u ’l barra, bħal tastiera, mikrofonu, speaker jew kamera.

Ġugarelli konnessi mal-internet li għandhom karatteristiċi ta’ trekkjar tal-pożizzjoni huma prodotti b’elementi diġitali li huma koperti mid-Direttiva 2009/48/KE, li jikkomunikaw fuq l-Internet pubbliku, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ kwalunkwe tagħmir ieħor, u li għandhom teknoloġiji li jippermettu t-trekkjar jew l-inferenza tal-pożizzjoni ġeografika tal-ġugarell jew tal-utent tiegħu. Meta l-ġugarell isib biss il-prossimità tal-utent jew ta’ ġugarelli oħra bl-użu ta’ teknoloġiji ta’ detezzjoni, il-ġugarell ma għandux jitqies li għandu karatteristiċi ta’ trekkjar tal-pożizzjoni.

19.

Prodotti personali li jintlibsu maħsuba biex jintlibsu jew jitqiegħdu fuq ġisem uman li għandhom skop ta’ monitoraġġ tas-saħħa (bħat-trekkjar) u li għalihom ma japplikax ir-Regolament (UE) 2017/745 (2) jew (UE) 2017/746 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jew prodotti personali li jintlibsu li huma maħsuba għall-użu mit-tfal u għat-tfal

Prodotti personali li jintlibsu maħsuba biex jintlibsu jew jitqiegħdu fuq ġisem uman li għandhom skop ta’ monitoraġġ tas-saħħa huma prodotti b’elementi diġitali li jintlibsu fuq il-ġisem direttament jew permezz ta’ ħwejjeġ jew aċċessorji u li jistgħu, regolarment jew kontinwament, jaqraw u jipproċessaw informazzjoni ulterjuri, inklużi metriċi tal-ġisem, rilevanti għas-saħħa tal-utent, esklużi prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/745 jew tar-Regolament (UE) 2017/746.

Din il-kategorija tinkludi iżda ma hijiex limitata għal trackers tal-fitness, arloġġi intelliġenti, ġojjellerija intelliġenti, ilbies intelliġenti u lbies sportiv li jissodisfaw din id-deskrizzjoni.

Prodotti personali li jintlibsu li huma maħsuba għall-użu mit-tfal u għat-tfal huma prodotti b’elementi diġitali li jistgħu jintlibsu jew li jistgħu jitqiegħdu fuq il-ġisem, direttament jew permezz ta’ ħwejjeġ jew aċċessorji, ta’ individwi taħt l-età ta’ 14-il sena.

Din il-kategorija tinkludi iżda ma hijiex limitata għal oġġetti li jintlibsu għas-sikurezza tat-tfal.

Klassi II

Kategorija ta’ prodotti

Deskrizzjoni teknika

1.

Iperviżuri u sistemi ta’ runtime tal-kontenituri li jappoġġaw l-eżekuzzjoni virtwalizzata ta’ sistemi operattivi u ambjenti simili

L-iperviżuri huma prodotti tas-software b’elementi diġitali li jisiltu u/jew jallokaw riżorsi tal-computing u jippermettu l-eżekuzzjoni, il-ġestjoni u l-orkestrazzjoni ta’ magni virtwali li huma loġikament separati minn xulxin u/jew mill-hardware fiżiku. L-iperviżuri jistgħu jaħdmu direttament fuq hardware (metall għeri), fuq sistema operattiva, jew f’magna virtwali oħra (virtwalizzazzjoni inkorporata).

Fil-kuntest ta’ din il-kategorija ta’ prodotti, magna virtwali hija separazzjoni loġika definita mis-software ta’ ambjent tal-computing, li tinkludi sett virtwalizzat ta’ riżorsi tal-hardware (eż. CPU, memorja, ħżin, interfaċċi tan-network) u tipikament tospita s-sistema operattiva tagħha stess.

Din il-kategorija tinkludi iżda ma hijiex limitata għal iperviżuri tat-tip 1 (metall għeri), iperviżuri tat-tip 2 (ospitati fuq sistema operattiva) u iperviżuri ibridi.

Is-sistemi ta’ runtime tal-kontenituri huma prodotti tas-software b’elementi diġitali li jimmaniġġaw l-eżekuzzjoni u ċ-ċiklu tal-ħajja tal-kontenituri li jaħdmu fuq sistema operattiva ospitanti unika bħala proċessi iżolati, li jallokaw ir-riżorsi u jippermettu l-ġestjoni u l-orkestrazzjoni ta’ kontenituri individwali.

Fil-kuntest ta’ din il-kategorija ta’ prodotti, kontenitur huwa ambjent ta’ eżekuzzjoni bbażat fuq is-software li jiġbor fih komponent tas-software wieħed jew aktar u d-dipendenzi tagħhom f’pakkett wieħed, li jippermettilu jopera b’mod indipendenti u konsistenti.

2.

Firewalls, sistemi ta’ qbid tal-intrużjonijiet u ta’ prevenzjoni tal-intrużjonijiet

Firewalls huma prodotti b’elementi diġitali li jipproteġu network jew sistema konnessa minn aċċess mhux awtorizzat billi jimmonitorjaw u jirrestrinġu t-traffiku tal-komunikazzjoni tad-data lejn u minn dak in-network.

Din il-kategorija tinkludi iżda ma hijiex limitata għal firewalls tan-networks u firewalls tal-applikazzjonijiet bħal firewalls tal-applikazzjonijiet tal-web jew filtri u gateways kontra l-ispam.

Is-sistemi ta’ qbid tal-intrużjonijiet huma prodotti b’elementi diġitali li jimmonitorjaw it-traffiku ladarba jkun daħal fl-ambjent tan-network għal attività suspettuża u jirrilevaw jew jidentifikaw li jkun sar tentattiv ta’, li tkun qed isseħħ, jew li tkun seħħet intrużjoni fuq network jew sistema konnessa.

Din il-kategorija tinkludi iżda ma hijiex limitata għal sistemi ta’ qbid tal-intrużjonijiet ibbażati fuq in-network u sistemi ta’ qbid tal-intrużjonijiet ibbażati fuq l-ospitanti.

Is-sistemi ta’ prevenzjoni tal-intrużjonijiet huma prodotti b’elementi diġitali magħmula minn sistema ta’ qbid tal-intrużjonijiet li tirrispondi b’mod attiv għal intrużjoni f’network jew f’sistema konnessa.

Din il-kategorija tinkludi iżda ma hijiex limitata għal sistemi ta’ prevenzjoni tal-intrużjonijiet ibbażati fuq in-network u sistemi ta’ prevenzjoni tal-intrużjonijiet ibbażati fuq l-ospitanti.

3.

Mikroproċessuri reżistenti għat-tbagħbis

Prodotti b’elementi diġitali li huma mikroproċessuri b’funzjonalitajiet relatati mas-sigurtà msemmija fit-Tabella “Klassi I”, il-punt 13, ta’ dan l-Anness, inkluż evidenza ta’ tbagħbis, reżistenza jew rispons, u li barra minn hekk huma mfassla biex jipprovdu protezzjoni tal-livell 2 jew 3 tal-AVA_VAN, kif stabbilit fil-Kriterji Komuni u fil-Metodoloġija Komuni tal-Evalwazzjoni.

4.

Mikrokontrolluri reżistenti għat-tbagħbis

Prodotti b’elementi diġitali li huma mikrokontrolluri b’funzjonalitajiet relatati mas-sigurtà msemmija fit-Tabella “Klassi I”, il-punt 14, ta’ dan l-Anness, inkluż evidenza ta’ tbagħbis, reżistenza jew rispons, u li barra minn hekk huma mfassla biex jipprovdu protezzjoni tal-livell 2 jew 3 tal-AVA_VAN, kif stabbilit fil-Kriterji Komuni u fil-Metodoloġija Komuni tal-Evalwazzjoni.


(1)  Id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli (ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/48/oj).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/745/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) 2017/746 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi dijanjostiċi in vitro u li jħassar id-Direttiva 98/79/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/227/UE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 176, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/746/oj).


ANNESS II

PRODOTTI KRITIĊI B’ELEMENTI DIĠITALI

Kategorija ta’ prodotti

Deskrizzjoni teknika

1.

Apparati tal-Hardware b’Kaxxi tas-Sigurtà

Prodotti tal-hardware b’elementi diġitali li jaħżnu, jipproċessaw, jew jimmaniġġaw b’mod sigur data sensittiva jew iwettqu operazzjonijiet kriptografiċi, u li jikkonsistu f’diversi komponenti diskreti, li jinkorporaw pakkett fiżiku tal-hardware li jipprovdi evidenza ta’ tbagħbis, reżistenza jew rispons bħala kontromiżuri kontra attakki fiżiċi.

Din il-kategorija tinkludi iżda ma hijiex limitata għal terminals fiżiċi ta’ pagament, moduli tas-sigurtà fiżiku li jiġġeneraw u jimmaniġġaw elementi kriptografiċi, u takografi li jissodisfaw id-deskrizzjoni ta’ hawn fuq.

2.

Gateways ta’ miters intelliġenti fi ħdan sistemi ta’ kejl intelliġenti kif definiti fl-Artikolu2(23) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u apparati oħra għal finijiet avvanzati ta’ sigurtà, inkluż għal kriptoproċessar sigur

Il-gateways ta’ miters intelliġenti huma prodotti b’elementi diġitali li jikkontrollaw il-komunikazzjoni bejn il-komponenti fis-sistemi ta’ kejl intelliġenti jew konnessi magħhom kif definit fl-Artikolu 2(23) tad-Direttiva (UE) 2019/944, u partijiet terzi awtorizzati, bħall-fornituri tal-utilitajiet. Il-gateways ta’ miters intelliġenti jiġbru, jipproċessaw u jaħżnu kejl jew data personali, jipproteġu l-flussi tad-data u tal-informazzjoni billi jappoġġaw ħtiġijiet kriptografiċi speċifiċi, bħall-kriptaġġ u d-dekriptaġġ tad-data, jinkorporaw funzjonalitajiet tal-firewalling u jipprovdu l-mezzi biex jiġi kkontrollat apparat ieħor.

Din il-kategorija tinkludi iżda ma hijiex limitata għal gateways ta’ miters intelliġenti relatati ma’ sistemi ta’ kejl intelliġenti li jkejlu l-elettriku kif definit fl-Artikolu 2(23) tad-Direttiva (UE) 2019/944. Dan jista’ jinkludi wkoll gateways ta’ miters intelliġenti użati f’sistemi oħra ta’ kejl intelliġenti li jkejlu l-konsum ta’ sorsi oħra ta’ enerġija bħall-gass jew is-sħana, dment li l-gateway tissodisfa din id-deskrizzjoni.

3.

Smartcards jew apparati simili, li jinkludu elementi siguri

Elementi siguri huma mikrokontrolluri jew mikroproċessuri b’funzjonalitajiet relatati mas-sigurtà, inklużi evidenza ta’ tbagħbis, reżistenza jew rispons. Dawn tipikament jaħżnu, jipproċessaw, jew jimmaniġġaw operazzjonijiet kriptografiċi jew data sensittiva, bħal kredenzjali tal-identità jew kredenzjali tal-pagament. Elementi siguri huma mfassla biex jipprovdu protezzjoni ta’ mill-inqas AVA_VAN.4, kif stabbilit fil-Kriterji Komuni jew fil-Metodoloġija Komuni tal-Evalwazzjoni. Jistgħu jkunu elementi ta’ silikon diskret jew jistgħu jiġu integrati f’sistemi fuq iċ-ċippa (SoC, systems on chip). Elementi siguri jistgħu jinkorporaw ambjent ta’ applikazzjoni jew sistema operattiva, u jistgħu jinkludu applikazzjoni waħda jew aktar.

Din il-kategorija tinkludi iżda ma hijiex limitata għal Moduli ta’ Pjattaforma ta’ Fiduċja (TPMs, Trusted Platform Modules) u Kard Universali b’Ċirkwit Integrat (UICC, Universal Integrated Circuit Card) inkorporata.

Smartcards jew apparati simili huma elementi siguri integrati f’materjal portatur, bħall-plastik jew l-injam, fil-forma ta’ kard, jew elementi siguri integrati f’materjali portaturi li jieħdu forom oħra.

Din il-kategorija tinkludi iżda ma hijiex limitata għal dokumenti tal-identità u tal-ivvjaġġar, kards tal-firem kwalifikati, UICCs sostitwibbli, kards tal-ħlas fiżiċi, kards tal-aċċess fiżiċi, kards tat-takografu diġitali jew faxex tal-polz b’elementi siguri tal-ħlas integrati.


(1)  Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/944/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2392/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)