|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/82 |
31.3.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/82
tas-17 ta’ Jannar 2025
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239 fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar marbuta man-notifiki dwar il-qanneb
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 223(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-rekwiżiti ta’ rapportar għandhom rwol ewlieni biex jiġi żgurat il-monitoraġġ xieraq u l-infurzar korrett tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, huwa importanti li dawk ir-rekwiżiti jiġu ssimplifikati, sabiex jiġi żgurat li dawn jissodisfaw l-iskop tagħhom u biex jiġi llimitat il-piż amministrattiv. |
|
(2) |
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1239 (2) jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tas-sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni. |
|
(3) |
L-Artikolu 17(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239 jipprevedi r-regoli dwar l-informazzjoni li għandha tiġi nnotifikata, kif ukoll dwar il-kontenut, iż-żmien, il-frekwenza u l-iskadenzi tan-notifiki dwar il-qanneb. B’mod partikolari, dan jipprevedi l-obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet adottati fir-rigward tal-liċenzji tal-importazzjoni tal-prodotti tal-qanneb u li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-penali imposti jew il-passi meħuda minħabba l-irregolaritajiet skoperti. Sabiex jittaffa l-piż amministrattiv tal-Istati Membri, u peress li ma jeħtieġx li jiġi impost obbligu ta’ notifika sistematika annwali ta’ din l-informazzjoni li l-Istati Membri jistgħu jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni fuq talba, jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti ta’ rapportar ma jibqgħux meħtieġa. Madankollu, f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” (3). |
|
(4) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239 jiġi emendat kif xieraq. |
|
(5) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 17 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet responsabbli mill-kontrolli msemmija fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1237. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dawk l-ismijiet u l-indirizzi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra.”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Jannar 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1239 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 44, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/1239/oj).
(3) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” (COM(2023) 168 final, 16.3.2023).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/82/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)