European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/450

1.7.2026

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/450

tas-27 ta’ Frar 2026

li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 fir-rigward tal-istabbiliment ta’ miżuri biex tiġi żgurata l-konformità mal-miżuri biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-popolazzjoni residenti tad-denfil iswed tal-Baltiku Ċentrali (Phocoena phocoena) fil-Baħar Baltiku

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Id-denfil iswed (Phocoena phocoena) huwa speċi strettament protetta skont l-Anness IV tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (2), li telenka ċ-ċetaċji kollha bħala speċi ta’ interess tal-Unjoni li teħtieġ protezzjoni stretta, u hija elenkata fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva bħala speċi ta’ interess Komunitarju li l-konservazzjoni tagħha teħtieġ id-deżinjazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni.

(2)

Skont il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES, International Council for the Exploration of the Sea), id-denfil iswed huwa l-unika speċi ta’ ċetaċji residenti fil-Baħar Baltiku, b’żewġ popolazzjonijiet distinti: il-popolazzjoni tal-Baltiku Ċentrali u l-popolazzjoni tal-Baħar Belt. Il-popolazzjoni tal-Baltiku Ċentrali tibqa’ kkategorizzata bħala “f’periklu kritiku” fil-lista l-ħamra tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN, International Union for Conservation of Nature) u hija stmata li tikkonsisti f’inqas minn 500 individwu (3).

(3)

Fil-15 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/303 (4) li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 fir-rigward tal-miżuri biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-popolazzjoni residenti tad-denfil iswed tal-Baltiku Ċentrali (Phocoena phocoena) fil-Baħar Baltiku.

(4)

Kif ġie rifless fil-premessa 18 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/303, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jaqblu dwar miżuri ta’ kontroll aktar dettaljati marbuta mal-kontroll tal-miżuri ta’ mitigazzjoni adottati bir-Regolament Delegat (UE) 2022/303.

(5)

L-Anness XIII tar-Regolament (UE) 2019/1241 jistabbilixxi r-regoli fil-livell reġjonali fir-rigward tal-miżuri ta’ mitigazzjoni biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali ta’ speċijiet sensittivi inkluż iċ-ċetaċji. Jenħtieġ li l-Istati Membri jimmonitorjaw u jivvalutaw l-effettività tal-miżuri ta’ mitigazzjoni stabbiliti skont l-Anness XIII.

(6)

Fid-29 ta’ April 2022, l-Istati Membri tal-Baħar Baltiku – jiġifieri d-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Finlandja u l-Iżvezja (“BALTFISH”) – talbu lill-Grupp ta’ Esperti dwar il-Kontroll tal-BALTFISH (CEG, Control Expert Group) biex jipproponi tali miżuri ta’ kontroll aktar dettaljati. F’Awwissu 2022, is-CEG qies li l-miżuri ta’ kontroll eżistenti kienu biżżejjed għal dawk iż-żoni fejn l-apparati akustiċi deterrenti kienu obbligatorji. Għaż-żoni fejn japplika l-għeluq spazjali-temporali, is-CEG irrakkomanda miżuri speċifiċi.

(7)

Fis-27 ta’ Ġunju 2023, u abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tas-CEG, il-BALTFISH ippreżenta rakkomandazzjoni konġunta għal tali miżuri ta’ kontroll aktar dettaljati. Il-BALTFISH qies li l-miżuri ta’ kontroll proposti, flimkien mal-miżuri ta’ kontroll eżistenti, ikunu jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat (UE) 2022/303. Il-miżuri proposti jinvolvu ż-żieda tat-trażmissjoni tad-data dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti għal 10 minuti u l-kontroll tal-bastimenti kollha preżenti fiż-żoni elenkati fl-Anness XIII, il-Parti A, il-punti 3.1 sa 3.4 tar-Regolament (UE) 2019/1241, meta japplikaw restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq is-sajd bix-xbieki statiċi.

(8)

Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF, Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries) ivvaluta b’mod pożittiv ir-rakkomandazzjonijiet konġunti preċedenti li kienu jinkludu l-istess miżuri ta’ kontroll għas-siti ta’ Natura 2000 (5) , (6), u kkonkluda li, jekk jiġu implimentati kif maħsub, dawn il-miżuri ta’ kontroll jidhru xierqa għall-monitoraġġ effettiv fuq il-baħar tas-siti ta’ Natura 2000. F’valutazzjonijiet preċedenti, l-STECF kien irrakkomanda l-iżvilupp ta’ miżuri speċifiċi ta’ kontroll għal dawn is-siti speċifiċi, minħabba d-daqs normalment żgħir tagħhom u r-riskju li s-sajd jista’ jsir mingħajr ma jiġi identifikat (7) , (8).

(9)

Barra minn hekk, il-ħtieġa ta’ dawk il-miżuri ġiet riflessa reċentement fil-Parir tal-ICES tal-2025 (9), li fih l-ICES identifika l-għeżula u l-pariti (xbieki statiċi) bħala l-irkapti li għandhom l-ogħla riskju ta’ qabdiet inċidentali tad-denfil iswed u tenna l-ħtieġa li jittejjeb il-monitoraġġ tad-data dwar il-popolazzjoni u l-isforz tas-sajd.

(10)

Il-miżuri ta’ kontroll proposti: (i) japplikaw fil-livell reġjonali; (ii) huma intrinsikament marbuta mal-miżuri ta’ mitigazzjoni adottati skont ir-Regolament Delegat (UE) 2022/303; (iii) huma meħtieġa għall-monitoraġġ tal-effettività tagħhom, f’konformità mal-punt 4 tal-Anness XIII tar-Regolament (UE) 2019/1241; u, għalhekk, (iv) jikkontribwixxu għall-objettiv li jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali tad-denfil iswed tal-Baltiku Ċentrali.

(11)

Għalhekk huwa xieraq li l-miżuri tekniċi stabbiliti fl-Anness XIII, il-Parti A, il-punt 3 tar-Regolament (UE) 2019/1241 jiġu ssupplimentati.

(12)

Sabiex l-operaturi jingħataw biżżejjed ħin biex jgħammru l-bastimenti tagħhom bl-apparati ta’ trażmissjoni xierqa, jenħtieġ li l-applikazzjoni tal-punt 3.5 fl-Anness tiġi differita bi 12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ.

(13)

Il-punt 3.5(a) fl-Anness għandu japplika sal-10 ta’ Jannar 2028, meta jibdew japplikaw ir-regoli l-ġodda dwar is-sistemi ta’ monitoraġġ tal-bastimenti stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (10),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness XIII tar-Regolament (UE) 2019/1241 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-miżuri fil-punt 3.5 tal-Anness għandhom japplikaw minn 21 ta’ Lulju 2027.

Il-miżuri tal-punt 3.5 tal-Anness għandhom jiskadu fl-10 ta’ Jannar 2028.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Frar 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1241/oj.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1992/43/oj).

(3)  ICES, “EU request on support for the implementation of the Action Plan for harbour porpoise in the Baltic Sea (Baltic Proper)”, fir-Rapport tal-Kunsill Konsultattiv tal-ICES, 2024, ICES Advice 2024, sr.2024.20, https://doi.org/10.17895/ices.advice.27967035.

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/303 tal-15 ta’ Diċembru 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2019/1241 fir-rigward tal-miżuri biex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali tal-popolazzjoni residenti tad-denfil iswed tal-Baltiku Ċentrali (Phocoena phocoena) fil-Baħar Baltiku (ĠU L 46, 25.2.2022, p. 67, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/303/oj).

(5)  Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries (STECF), – 71st Plenary report (STECF-PLEN-22-03), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2023, doi:10.2760/016673, JRC132078.

(6)  Il-Kummissjoni Ewropea, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka: Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries, 77th plenary report (STECF-PLEN-24-03), Nord, J. and Doerner, H. editor(s), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea il-Lussemburgu, 2024, https://data.europa.eu/doi/10.2760/2392535, JRC140580.

(7)  Scientific, Technical and Economic Committee for Fisheries (STECF), – 55th Plenary Meeting Report (PLEN-17-02), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu; EUR 28359. EN, doi:10.2760/53335.

(8)   Review of Joint Recommendations for Natura 2000 sites at Dogger Bank, Cleaver, Bank, Frisian Front and Central Oyster grounds (STECF-19-04), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2019, doi:10.2760/422631, JRC117963.

(9)  ICES, “EU request on support for the implementation of the Action Plan for harbour porpoise in the Baltic Sea (Baltic Proper)”, replacing advice provided in December 2024. ICES Advice: Special Requests. Report. https://doi.org/10.17895/ices.advice.28616360.v1.

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal- 20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1224/oj).


ANNESS

Fl-Anness XIII, il-Parti A, tar-Regolament (UE) 2019/1241, il-punt 3.5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.5.

Il-miżuri li ġejjin għandhom japplikaw fiż-żoni msemmija fil-punti 3.1 sa 3.4, meta japplikaw restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq is-sajd bix-xbieki statiċi:

(a)

Il-bastimenti tas-sajd b’tul totali ta’ inqas minn 12-il metru għandhom ikunu mgħammra:

(i)

b’sistema tal-monitoraġġ tal-bastimenti (VMS, vessel monitoring system) kif imsemmi fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009; jew

(ii)

b’sistema ta’ identifikazzjoni awtomatika (AIS, automatic identification system) imsemmija fl-Artikolu 6a tad-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009; jew

(iii)

b’apparat ta’ lokalizzazzjoni approvat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-bandiera, li jista’ jittrażmetti d-data dwar il-pożizzjoni tal-bastiment u, fejn applikabbli, id-data u l-ħin, ir-rotta, il-veloċità u l-marka esterna ta’ identifikazzjoni tal-bastiment tas-sajd, kif ukoll kwalunkwe data rilevanti oħra stipulata fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni.

Jekk l-apparat ma jkunx jista’ jintlaħaq minn network, id-data dwar il-pożizzjoni tal-bastiment għandha tinħażen u tiġi trażmessa f’konformità mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 kif emendat bir-Regolament (UE) 2023/2842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2).

Dawn il-miżuri għandhom japplikaw sal-10 ta’ Jannar 2028.

(b)

Il-frekwenza tat-trażmissjoni tad-data dwar il-pożizzjoni tal-bastiment għandha tkun ta’ mill-inqas darba kull 10 minuti, inkluż f’żona ta’ twissija ta’ 4 mili nawtiċi li għandha tiġi stabbilita għall-bastimenti li jużaw sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti (VMS, vessel monitoring system) li l-apparati tagħhom ma jappoġġawx il-bidla awtomatika fil-frekwenza tar-rapportar.

(c)

L-Istat Membru tal-bandiera għandu jinforma lill-Istat Membru kostali:

(i)

meta bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera tiegħu jidħol fiż-żoni taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru kostali rilevanti, kif elenkati fil-punti 3.1 sa 3.4; u

(ii)

dwar is-sistema jew l-apparat speċifiku użat mill-bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera tiegħu.


(*1)  Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/59/oj).

(*2)  Ir-Regolament (UE) 2023/2842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 u (KE) Nru 1005/2008 u r-Regolamenti (UE) 2016/1139, (UE) 2017/2403 u (UE) 2019/473 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontroll tas-sajd (ĠU L, 2023/2842, 20.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2842/oj).”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/450/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)