14.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 286/10


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1710

tat-13 ta' Novembru 2018

li jadatta r-rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sena kalendarja 2018 u li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/866

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26(4) tiegħu,

Wara li kkonsultat il-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/866 (2) iffissa r-rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tas-sena kalendarja 2018. Din ir-rata ta' aġġustament kienet ġiet stabbilita abbażi tal-informazzjoni disponibbli fil-kuntest tal-Abbozz ta' Baġit għall-2019, b'mod partikolari billi ġie kkunsidrat ammont ta' dixxiplina finanzjarja ta' EUR 468,7 miljun għar-riżerva tal-kriżijiet fis-settur agrikolu msemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(2)

Madankollu, filwaqt li l-ħtieġa għal dixxiplina finanzjarja tibqa' ta' EUR 468,7 miljun għar-riżerva tal-kriżijiet fis-settur agrikolu, l-informazzjoni disponibbli b'rabta mal-Ittra Emendatorja Nru 1 tal-Kummissjoni tal-Abbozz ta' Baġit għall-2019 li tkopri l-previżjonijiet għall-pagamenti diretti u għan-nefqa relatata mas-suq, turi li jeħtieġ li tiġi adattata r-rata tad-dixxiplina finanzjarja stabbilita fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/866.

(3)

B'hekk, abbażi tal-informazzjoni l-ġdida fil-pussess tal-Kummissjoni, jixraq li r-rata ta' aġġustament tiġi adattata skont l-Artikolu 26(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, qabel l-1 ta' Diċembru tas-sena kalendarja li tapplika għaliha r-rata ta' aġġustament.

(4)

Bħala regola ġenerali, il-bdiewa li jippreżentaw applikazzjoni għall-għajnuna għall-pagamenti diretti għal sena kalendarja waħda (N) jitħallsu fi żmien perjodu fiss tal-pagamenti fis-sena finanzjarja (N+1). Madankollu, l-Istati Membri jistgħu, sa ċerti limiti, iħallsu l-pagamenti lill-bdiewa wara dak il-perjodu tal-pagamenti. Dawn il-pagamenti li jsiru tard jistgħu jsiru f'sena finanzjarja sussegwenti. Meta d-dixxiplina finanzjarja tiġi applikata għal sena kalendarja partikolari, jenħtieġ li r-rata ta' aġġustament ma tiġix applikata għal dawk il-pagamenti li l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għalihom ikunu ġew ippreżentati fi snin kalendarji li ma jkunux is-sena kalendarja li tapplika għaliha d-dixxiplina finanzjarja. Għalhekk, sabiex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-bdiewa, jixraq li jiġi previst li r-rata ta' aġġustament tiġi applikata biss għall-pagamenti li għalihom ikunu ġew ippreżentati l-applikazzjonijiet għall-għajnuna fis-sena kalendarja li tapplika għaliha d-dixxiplina finanzjarja, irrispettivament minn meta jsir il-pagament lill-bdiewa.

(5)

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprevedi li r-rata ta' aġġustament applikata għall-pagamenti diretti stabbilita skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 trid tapplika biss għall-pagamenti diretti li jaqbżu l-EUR 2 000 u li jridu jingħataw lill-bdiewa fis-sena kalendarja korrispondenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jipprevedi li, minħabba l-introduzzjoni gradwali tal-pagamenti diretti, ir-rata ta' aġġustament trid tibda tapplika għall-Kroazja mill-1 ta' Jannar 2022 biss. Għaldaqstant jenħtieġ li r-rata ta' aġġustament li trid tiġi stabbilita permezz ta' dan ir-Regolament ma tapplikax għall-pagamenti lill-bdiewa f'dak l-Istat Membru.

(6)

Għall-kalkolu tal-pagamenti kollha li jridu jingħataw lil bidwi għal applikazzjoni għall-għajnuna ppreżentata għas-sena kalendarja 2018, jenħtieġ li tiġi kkunsidrata r-rata ta' aġġustament adattata. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/866 jitħassar għaċ-ċarezza.

(7)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta' Diċembru 2018 sabiex jiġi żgurat li r-rata ta' aġġustament adattata tkun tapplika mid-data meta jridu jibdew isiru l-pagamenti lill-bdiewa skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Għall-fini li tiġi ffissata r-rata ta' aġġustament prevista fl-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, u skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-ammonti ta' pagamenti diretti li jaqbżu l-EUR 2 000 fil-qafas tal-iskemi ta' sostenn elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 li jridu jingħataw lill-bdiewa għal applikazzjoni għall-għajnuna ppreżentata għas-sena kalendarja 2018, għandhom jitnaqqsu b'rata ta' aġġustament ta' 1,411917 %.

2.   It-tnaqqis previst fil-paragrafu 1 ma għandux japplika fil-Kroazja.

Artikolu 2

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/866 jitħassar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Diċembru 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Novembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/866 tat-13 ta' Ġunju 2018 li jiffissa r-rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sena kalendarja 2018 (ĠU L 149, 14.6.2018, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).