European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/284

24.1.2025

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Kif jista’ jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-politika ta’ koeżjoni biex jiġi indirizzat it-tibdil demografiku

(C/2025/284)

Relatur : Raquel GARCÍA GONZÁLEZ (ES/PSE), Direttur Ġenerali għall-Affarijiet Ewropej, Gvern tal-Prinċipat tal-Asturji

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

1.

jilqa’ l-prijorità mogħtija mill-Presidenza Ungeriża tal-Kunsill lit-tibdil demografiku u l-kontribut speċifiku tal-politika ta’ koeżjoni fil-konfront tal-isfidi li jġib miegħu. Jappoġġja wkoll l-objettiv li l-aġenda demografika u l-politika ta’ koeżjoni jiġu integrati aħjar fil-mandat li jmiss tal-istituzzjonijiet tal-UE;

2.

jinsab sodisfatt bir-rikonoxximent tat-tranżizzjoni demografika fid-Disa’ Rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u jqis li huwa meħtieġ li tiġi inkorporata b’mod prattiku u effettiv fl-objettivi ewlenin tal-qafas li jmiss. Il-kriżi demografika hija emerġenza nazzjonali u reġjonali, u t-tranżizzjoni demografika, ekoloġika u diġitali inevitabbilment trid timxi id f’id;

3.

jieħu nota tal-inklużjoni tat-tibdil demografiku bħala mira f’26 Ftehim ta’ Sħubija għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) attwali, iżda jinnota li dan ġie segwit minn livell aktar baxx ta’ adozzjoni fil-livell tal-programm; jitlob li tintuża l-opportunità tar-rieżami ta’ nofs it-terminu li jmiss biex tiġi aġġustata din is-sitwazzjoni;

4.

jenfasizza li l-isfida demografika ma taffettwax lit-territorji bl-istess mod, u jisħaq li l-indirizzar tagħha jrid ikun objettiv ta’ politika tal-UE; din l-isfida spiss tinħass fil-livell reġjonali, u tiġġenera żbilanċi interni profondi li jridu jitqiesu meta jiġu allokati l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni sabiex ma jikkontribwixxux għall-aggravar tagħhom; josserva li l-ġlieda kontra l-isfida demografika għadha kruċjali biex tinżamm il-kompetittività tal-UE u jitlob implimentazzjoni strateġika tal-politika ta’ koeżjoni;

5.

josserva li l-isfida demografika hija fenomenu multidimensjonali b’kawżi interkonnessi li fihom ħafna fatturi, li jmorru lil hinn minn dawk purament demografiċi, u b’mod partikolari: il-qgħad, l-aċċess għall-akkomodazzjoni, in-nuqqas ta’ servizzi, in-nuqqas ta’ konnettività diġitali, l-iżolament territorjali, id-diffikultajiet ta’ relazzjoni u divertiment, il-piż amministrattiv, l-adozzjoni ta’ miżuri vertikali mingħajr perspettiva sistemika tar-reġjun inkwistjoni, u mentalità pessimista dwar l-ispazju tal-għajxien;

6.

jenfasizza li ż-żewġ varjabbli ewlenin tal-isfida demografika, it-tixjiħ u d-depopolazzjoni, jalimentaw lil xulxin u jiġġeneraw mappa ta’ reġjuni li qed jiċkienu li huma kkaratterizzati minn rati baxxi ta’ twelid, stennija tal-għomor ogħla, migrazzjoni netta negattiva u pressjoni fuq il-finanzi tal-gvern lokali jew reġjonali. Din hija xejra negattiva li, skont il-projezzjonijiet sal-2060, se tkompli tinxtered u taċċellera fid-deċennji li ġejjin u li tikkuntrasta mas-sitwazzjoni ta’ popolazzjoni żejda f’ċerti territorji. Dan ipoġġi pressjoni fuq is-servizzi pubbliċi u jirrikjedi miżuri ġodda ta’ riekwilibriju territorjali;

L-impatt tat-tibdil demografiku fuq diversi politiki pubbliċi

7.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-politiki pubbliċi fil-livell nazzjonali spiss jagħtu prijorità lill-problemi taż-żoni urbani; is-soluzzjoni hija li jiġu kkoreġuti l-iżbilanċi li jinħolqu minħabba l-abbandun taż-żoni rurali. Dan jirrikjedi data li tirrifletti l-isfidi differenti li għandhom jiġu indirizzati u li jikkostitwixxu l-isfida demografika fil-fororm differenti tagħha. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, u wara l-kategorizzazzjoni adatta tal-problema, jistgħu jittieħdu miżuri aktar effiċjenti; il-miżuri proposti għandhom dejjem ikunu mmirati lejn ir-riekwilibriju territorjali, adattati għall-ħtiġijiet u l-problemi ta’ kull territorju, kemm dawk li jbatu minn depopolazzjoni kif ukoll dawk li jinsabu f’diffikultà minħabba l-fenomenu oppost (aċċess għall-akkomodazzjoni, pressjoni fuq is-servizzi pubbliċi, immigrazzjoni illegali, eċċ.);

8.

ifakkar li l-indirizzar tal-isfidi demografiċi – b’mod partikolari t-tnaqqis fir-rati tat-twelid u fil-popolazzjoni attiva – jirrikjedi approċċ integrat u sistemiku, u f’dar-rigward jinnota wkoll l-Opinjonijiet reċenti tal-KtR dwar is-Sett ta’ Għodod tad-Demografija (1) u dwar il-migrazzjoni legali u l-attrazzjoni tat-talent lejn l-UE (2);

9.

jenfasizza li l-isfida demografika għandha impatt fuq il-kompetittività u r-reżiljenza tal-ekonomiji lokali. It-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-eżodu ta’ mħuħ (b’mod partikolari ż-żgħażagħ) ixekklu t-tiġdid ġenerazzjonali fis-sistemi ta’ produzzjoni minħabba “nases għall-iżvilupp tat-talenti”, li huma riflessi fi tnaqqis aċċellerat fil-popolazzjoni attiva u l-proporzjon baxx ta’ persuni b’ħiliet speċjalizzati. Din hija kwistjoni ta’ tħassib fis-settur primarju, li huwa wkoll anqas soċjalment attraenti;

10.

jirrakkomanda li, fi ħdan il-politika ta’ koeżjoni, il-politiki ambjentali għandhom jiġu integrati b’mod effettiv mal-politiki għall-ġlieda kontra d-depopolazzjoni, billi jitqies l-effett tagħhom fuq dawn tal-ewwel. Jirrimarka li d-depopolazzjoni u l-abbandun tal-attivitajiet ekonomiċi fiż-żoni rurali jwasslu għat-telf fil-bijodiversità agrikola u bidliet fil-pajsaġġ. Dan jista’ joħloq riskji f’kuntest ta’ tibdil fil-klima, meta wieħed iqis li hemm probabbiltà akbar li jseħħu diżastri naturali, bħan-nirien forestali. Jenfasizza għalhekk li l-istrateġiji biex iqajmu mill-ġdid iż-żoni rurali u jipprevjenu d-depopolazzjoni għandhom jiffukaw fuq li jagħmlu l-attivitajiet agrikoli u tal-forestrija sostenibbli attraenti għall-bdiewa żgħażagħ u għall-forestiera. Dan jinkludi l-promozzjoni ta’ prattiki diversi u favur in-natura bħall-agroforestrija u l-forestrija qrib in-natura;

11.

jirrimarka li, kif iddikjarat fir-rapport ta’ Letta, id-“dritt li wieħed jibqa’” għandu jkun fis-seħħ kullimkien fl-UE. Għalhekk, fid-dawl tad-diffikultajiet demografiċi ta’ ċerti territorji, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom għodod biex jagħmluha aktar faċli għal dawk li jiddeċiedu li jwettqu pjani fit-tul f’dawn iż-żoni, u speċjalment l-SMEs, biex ikunu jistgħu jiżviluppaw u jikkompetu fis-suq uniku Ewropew. Barra minn hekk, kif enfasizzat fir-rapport ta’ Draghi, il-kompetittività u s-suċċess tal-mudell ekonomiku Ewropew jirrikjedu forza tax-xogħol suffiċjenti adattata għat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Dan jista’ jinkiseb biss jekk isir investiment b’mod bilanċjat u ġust f’miżuri li jindirizzaw l-isfida demografika fl-Ewropa;

12.

jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal politiki ta’ żvilupp komprensivi li jrawmu komunitajiet rurali vibranti, inklużivi u reżiljenti, u li jissodisfaw il-ħtiġijiet attwali tar-residenti tagħhom, inklużi dawk li jittamaw li jibdew familja, kif ukoll tal-abitanti futuri potenzjali tagħhom. Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol kruċjali tan-nisa fit-tranżizzjoni demografika u fil-politika ta’ koeżjoni. Approċċ komprensiv tal-ġeneru jagħmilha possibbli li nevitaw il-“paradoss tal-ġeneru fil-koeżjoni soċjali”, li jiffavorixxi xenarju li jpoġġi lin-nisa f’livell ugwali f’termini ta’ opportunitajiet, ċittadinanza u parteċipazzjoni; bl-istess mod, josserva li l-migrazzjoni legali u l-integrazzjoni effettiva tal-migranti jikkontribwixxu biex jittaffew il-pressjonijiet tas-suq tax-xogħol billi jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet, jimlew il-lakuni fil-forza tax-xogħol, u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku taż-żoni f’reċessjoni demografika;

13.

jirrimarka li ħafna reġjuni tal-fruntiera jbatu b’mod sproporzjonat minn sfidi demografiċi meta mqabbla mar-reġjuni ċentrali u kapitali, u jenfasizza li l-kooperazzjoni transfruntiera, u b’mod partikolari s-servizzi pubbliċi transfruntiera, jistgħu jgħinu lir-reġjuni tal-fruntiera jipprovdu servizzi aħjar liċ-ċittadini u jtejbu b’mod sinifikanti l-kwalità tal-ħajja f’dawn ir-reġjuni, u b’hekk itaffu l-isfidi demografiċi tagħhom; jappella għalhekk għal aktar investiment fil-fergħa tal-kooperazzjoni transfruntiera tal-Interreg bħala parti mill-istrateġija biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi fir-reġjuni tal-UE; jenfasizza wkoll f’dan il-kuntest l-importanza li tiġi avvanzata l-interoperabbiltà;

14.

jirrimarka li t-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT) jiftħu għadd kbir ta’ opportunitajiet għaż-żoni f’reċessjoni demografika, b’mod partikolari ż-żoni rurali. It-telexogħol, it-telemediċina, id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni tal-proċessi jistgħu jgħinu biex dawn iż-żoni jsiru aktar attraenti u tiżdied il-kompetittività tagħhom. L-approċċ tal-Irħula Intelliġenti jagħmilha aktar faċli biex jingħelbu l-ostakli u jiġi sfruttat il-potenzjal, flimkien mal-promozzjoni ta’ għodda għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data biex tgħin fil-ġestjoni u l-ippjanar ta’ dawn iż-żoni. Il-politika ta’ koeżjoni għandha tagħti spinta lill-opportunitajiet li jipprovdu l-ICT bħala għodda trasformattiva;

15.

jenfasizza li l-indirizzar tal-isfida demografika jirrikjedi l-promozzjoni ta’ smigħ attiv u parteċipazzjoni effettiva tal-partijiet ikkonċernati kollha, li jwasslu għal oqfsa ġodda ta’ governanza f’diversi livelli li kapaċi jippreservaw, jawtonomizzaw u jħarrġu lill-komunitajiet lokali bħala garanzija tal-futur. Il-Gruppi ta’ Azzjoni Lokali, permezz ta’ approċċi ta’ Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità, huma kruċjali għall-proċess, u l-programmi LEADER huma eżempju ta’ suċċess ta’ dan it-tip ta’ inizjattivi f’ambjent rurali biex tiġi indirizzata l-isfida demografika;

Il-kunċett ta’ reġjun fi tranżizzjoni demografika u l-valur strateġiku tiegħu

16.

jenfasizza li d-definizzjoni tar-reġjuni fi tranżizzjoni demografika hija essenzjali sabiex il-perspettiva demografika tiġi inkorporata fil-politika ta’ koeżjoni u fl-istrumenti tagħha. Il-Kumitat ifakkar li l-Artikolu 174 tat-TFUE jenfasizza li l-UE għandha ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha f’“reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti”. L-għan ta’ din id-definizzjoni huwa li tiffaċilita l-fehim u l-iskambju fl-UE kollha dwar miżuri adatti li jindirizzaw b’mod effettiv it-tibdil demografiku. M’għandhiex tissostitwixxi l-kategoriji ta’ reġjuni użati s’issa;

17.

jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni, fil-kuntest attwali tal-evalwazzjoni, ta’ proċess ta’ riflessjoni u dimensjonar li jippermetti li tinkiseb definizzjoni adatta ta’ “reġjun fi tranżizzjoni demografika” u tiġi inkorporata fil-perjodu li jmiss;

18.

josserva li, għad-definizzjoni tar-reġjuni fi tranżizzjoni demografika, għandhom jitqiesu bħala utli indikaturi għajr dawk tas-soltu, li fosthom huma utli l-evoluzzjoni, id-densità u d-dispersjoni tal-popolazzjoni, il-perċentwal ta’ anzjani (akbar minn 65 sena) u tfal (iżgħar minn 5 snin), l-għoli u l-inklinazzjoni medja, jew l-aċċessibbiltà għal servizzi essenzjali – bħall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-kura tat-tfal u l-kura tal-anzjani, l-assistenza għall-persuni b’diżabilità, l-akkomodazzjoni soċjali, il-pulizija u l-ġustizzja. Kwalunkwe definizzjoni trid tkun akkumpanjata mill-kategorizzazzjoni abbażi tal-livell tal-kura tas-saħħa u s-severità tas-sitwazzjoni demografika tar-reġjuni;

19.

jenfasizza li r-reġjuni fi tranżizzjoni demografika jikkontribwixxu għall-awtonomija strateġika tal-UE. Dawn huma żoni importanti biex tiġi indirizzata t-tranżizzjoni enerġetika u industrijali, kif ukoll għas-salvagwardja tal-ekosistemi li huma fundamentali għall-bijodiversità u għas-sovranità u s-sigurtà tal-ikel tagħna;

20.

jieħu nota tal-impatt tal-kuntest ġeopolitiku attwali fuq is-sitwazzjoni demografika diġà negattiva ta’ ċerti reġjuni tal-UE, bħar-reġjuni tal-fruntieri esterni, u l-aggravar konsegwenti tal-iżbilanċi strutturali; f’dan ir-rigward, it-tixrid ibbilanċjat tal-popolazzjoni fl-UE jikkostitwixxi tarka importanti għas-sigurtà u d-difiża tal-fruntieri tagħna;

21.

ifakkar li l-isfida ewlenija tal-politika ta’ koeżjoni hija li jiġi żgurat li l-ebda territorju jew abitant ma jitħalla jibqa’ lura fit-tranżizzjonijiet li qed tesperjenza l-UE. UE b’reġjuni li qed jiżviluppaw b’żewġ veloċitajiet hija ż-żerriegħa tal-“ġeografija ta’ skuntentizza” li jdgħajfu l-pilastri tal-UE. L-implimentazzjoni effettiva tal-politika ta’ koeżjoni sservi biex tittrasformahom f’“ġeografija ta’ opportunità” (3);

22.

jisħaq li l-interventi tal-politika ta’ koeżjoni għandhom il-potenzjal li jiġġeneraw trasformazzjonijiet industrijali, ambjentali u soċjali profondi li jappoġġjaw l-estensjoni ta’ servizzi essenzjali, tas-servizzi itineranti, u l-infrastruttura ewlenija biex jiġi żgurat li t-territorji jkunu attraenti – is-sanità, l-edukazzjoni bażika, il-konnettività u l-kura tas-saħħa – u jħeġġġu lin-nies, speċjalment liż-żgħażagħ u n-nisa, jibqgħu f’dawn it-territorji jew jiġu jgħixu fihom;

It-tibdil demografiku u l-livell territorjali

23.

jisħaq fuq l-importanza ta’ approċċ minn isfel għal fuq u bbażat fuq il-post fl-indirizzar tal-isfidi demografiċi, u jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tiġi żgurata kapaċità amministrattiva suffiċjenti għal muniċipalitajiet u unitajiet territorjali iżgħar;

24.

ifakkar li l-progress lejn it-tranżizzjoni ekoloġika u n-newtralità klimatika jfisser riflessjoni dwar it-tranżizzjoni ewlenija, it-tranżizzjoni territorjali, li tinkludi t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali u t-tranżizzjoni demografika. Dan għandu jkun immirat lejn l-istabbiliment ta’ mudelli territorjali ġodda barra li jsegwu loġika differenti minn dik tal-ekonomiji tal-agglomerazzjonijiet urbani. It-tkabbir deċentralizzat u bbilanċjat, permezz tal-ġestjoni tat-territorju u l-ippjanar territorjali strateġiku (f’diversi livelli), jiżgura implimentazzjoni aħjar tal-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jelimina l-“ġeografija ta’ skuntentizza” u n-“nases għall-iżvilupp territorjali”;

25.

jenfasizza l-ħtieġa li tiġi inkorporata skala territorjali adatta biex tiġi indirizzata l-isfida demografika, taħt il-livell NUTS 3, peress li r-reġjuni jaħbu l-iżbilanċi territorjali interni li jirriżultaw mill-impatt mhux uniformi tal-varjabbli demografiċi. Jirrakkomanda, għalhekk, li ma tintilifx l-opportunità li joffri l-perjodu attwali biex jiġi inkorporat dan l-approċċ li jippermetti definizzjoni adatta tat-territorji li jeħtieġu appoġġ biex tiġi indirizzata l-isfida demografika, kif ukoll biex jitfasslu programmi ta’ appoġġ b’tali mod li jkunu effettivi fuq skala żgħira fil-livell lokali;

26.

jinnota li d-delimitazzjoni taż-żoni funzjonali hija opportunità; kemm biex isir magħruf b’mod preċiż kif l-isfida demografika qed taffettwa lir-reġjuni, billi tikkontribwixxi biex jiġu identifikati u kkaratterizzati r-reġjuni fi tranżizzjoni demografika, kif ukoll biex jiġi stabbilit qafas territorjali adattat għal applikazzjoni effiċjenti tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni;

27.

ifakkar li d-delimitazzjoni taż-żoni funzjonali, b’mod partikolari fiż-żoni rurali, trid tkun akkumpanjata minn standards minimi applikabbli għall-UE kollha kemm hi, f’termini ta’ popolazzjoni u servizzi essenzjali li għandhom jiġu żgurati billi jiġu kkunsidrati ħinijiet raġonevoli tal-ivvjaġġar biex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tagħhom, f’kuntest ta’ tnaqqis tal-inugwaljanzi urbani-rurali. F’dan ir-rigward, l-għażla ta’ ġestjoni strateġika tat-territorju li tqis il-projezzjonijiet tal-popolazzjoni u li tkun razzjonali f’termini ta’ użu tal-art, kif ukoll għal miżuri ta’ rkupru u restawr, se tgħin biex tinkiseb il-konverġenza territorjali segwita mill-politika ta’ koeżjoni;

Strumenti biex tiġi indirizzata t-tranżizzjoni demografika f’żoni partikolarment milquta

28.

jinnota li, filwaqt li għadd sinifikanti ta’ oqsma ta’ intervent tal-politika ta’ koeżjoni jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi, in-nuqqas ta’ sistema speċifika biex jiġu traċċati l-investimenti b’impatt demografiku jagħmel il-kontribut tagħhom aktar diffiċli biex jiġi vvalutat. F’dan ir-rigward, jipproponi li t-tranżizzjoni demografika tiġi inkorporata bħala objettiv trasversali tal-politika ta’ koeżjoni, flimkien mal-objettivi politiċi u, għar-reġjuni li jindirizzaw b’mod espliċitu t-tibdil demografiku bħala objettiv ġenerali fil-programmi tagħhom, jipproponi wkoll li jkun hemm monitoraġġ sabiex jiġi kkomplementat l-approċċ territorjali eżistenti, b’valutazzjoni speċifika tal-impatt tal-miżuri ppjanati fuq it-tranżizzjoni demografika. Indikaturi bħad-densità tal-popolazzjoni, l-indiċi tax-xjuħija, ir-rata tat-twelid, ir-rata ta’ migrazzjoni grossa, il-perċentwal tal-popolazzjoni tat-tfal u l-aċċessibbiltà għal servizzi essenzjali huma utli f’dan ir-rigward, kif ukoll indikaturi ekonomiċi u soċjali speċifiċi (eż. ir-rata ta’ impjieg taż-żgħażagħ u l-aċċess għas-servizzi diġitali) biex jiġi mmonitorjat l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni fuq ir-reġjuni fi tranżizzjoni demografika;

29.

jirrimarka li ta’ spiss ikun diffiċli għar-reġjuni biex jidentifikaw ix-xenarji ta’ finanzjament u l-istrumenti disponibbli, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ssemplifikat l-aċċess għalihom u li ssir enfasi fuq oqfsa integrati u semplifikati li jagħmluha possibbli li jintużaw ir-riżorsi eżistenti kollha biex tiġi indirizzata t-tranżizzjoni demografika u jsir adattament għaliha;

30.

iqis li l-Investimenti Territorjali Integrati (ITI), mifhuma bħala strumenti mfassla biex jappoġġjaw sett ta’ azzjonijiet li huma sistematikament integrati f’żona ġeografika partikolari, huma għodda effiċjenti biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-politika ta’ koeżjoni fl-indirizzar tal-isfida demografika. L-implimentazzjoni tal-ITI fil-livell taż-żona funzjonali, permezz tal-abbozzar ta’ strateġiji territorjali integrati, hija opportunità straordinarja biex jiġu promossi politiki bbażati fuq il-post li jkunu kapaċi jnaqqsu l-iżbilanċi spazjali, filwaqt li jiġu promossi mudelli territorjali bbilanċjati bbażati fuq is-sostenibbiltà soċjali, ekonomika, diġitali u ambjentali. Jenfasizza li l-ITI tabilħaqq urew li kienu strumenti ta’ suċċess f’ħafna reġjuni, filwaqt li f’oħrajn rarament jintużaw;

31.

jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ finanzjament speċifiku biex tiġi indirizzata t-tranżizzjoni demografika, u jsir adattament għaliha; tali finanzjament jikkomplementa s-sorsi ta’ finanzjament pubbliku b’fondi privati, sabiex jinkiseb l-effett multiplikatur meħtieġ fid-dawl tas-severità tal-isfida demografika, kif ukoll il-ħtieġa għal sħubijiet pubbliċi-privati biex tiġi żviluppata infrastruttura lokali, u tiġi promossa s-sostenibbiltà fit-tul ta’ tali inizjattivi; jinħtieġ ukoll li l-finanzjament disponibbli jiġi allinjat mal-ħtiġijiet ta’ investiment f’servizzi pubbliċi essenzjali bħall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-kura, kif ukoll id-diġitalizzazzjoni meħtieġa biex jittejbu l-kompetittività u l-attraenza tat-territorji fi tranżizzjoni demografika;

32.

ifakkar li l-linji gwida attwali dwar l-għajnuna mill-Istat fil-livell reġjonali diġà jipprevedu l-possibbiltà li jogħlew il-limiti tal-għajnuna kif ukoll l-għoti ta’ għajnuna operattiva. L-isfida enormi li ġġib magħha l-isfida demografika titlob li dawn id-derogi jiġu allinjati mal-Artikolu 174 tat-TFUE, u jindirizzaw id-diversi aspetti li jinfluwenzaw l-isfida demografika, jiġifieri mhux biss id-densità baxxa tal-popolazzjoni, iżda wkoll, pereżempju, l-“ultratixjiħ”;

33.

jirrimarka li wieħed mill-modi biex jiġu megħjuna l-iżjed reġjuni vulnerabbli jista’ jkun li dawk li jinsabu f’reċessjoni demografika serja jitqiegħdu fuq l-istess livell tar-reġjuni ultraperiferiċi fir-rigward tal-previżjonijiet tal-għajnuna mill-Istat previsti għal dawn tal-aħħar. Bl-istess mod, fil-mapep tal-għajnuna reġjonali, l-isfidi demografiċi jeħtieġ li jiġu identifikati b’mod xieraq f’livell inqas minn NUTS 3. It-territorji bi problemi demografiċi severi u permanenti għandhom tal-anqas jiġu rikonoxxuti bħala żoni (c) predefiniti, abbażi tal-Artikolu 107(3) tat-TFUE. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll li żżid l-intensità tal-għajnuna b’ 5 % bħala miżura komplementari biex tgħin lill-intrapriżi li jinvestu f’dawn l-oqsma;

34.

ifakkar fir-rilevanza li jiġu determinati, fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni, il-prijoritajiet li jindirizzaw bl-aktar mod effettiv it-tranżizzjoni demografika. Ikun rakkomandabbli li jintwera impenn favur l-isfida demografika billi jiżdiedu r-rati ta’ kofinanzjament f’ċerti żoni. F’dan ir-rigward, u f’konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, l-interventi pprogrammati taħt il-Garanzija Ewropea għat-Tfal huma eżempju ovvju;

35.

ifakkar li t-tassazzjoni, l-iżjed permezz ta’ ħelsien u/jew eżenzjonijiet mit-taxxa f’sitwazzjonijiet speċifiċi, tista’ tkun għodda importanti ħafna fil-ġlieda kontra d-depopolazzjoni, bħala mod kif jiġu kkumpensati d-diffikultajiet li tiffaċċja din il-popolazzjoni fl-aċċess għall-prodotti u s-servizzi;

36.

jirrimarka li r-reġjuni fi tranżizzjoni demografika jeħtieġ li jippermettu inizjattivi biex tiġi indirizzata l-isfida. Għalhekk, it-tfassil u l-ħolqien ta’ spazji ta’ data miftuħa huma essenzjali għat-taħriġ ta’ mudelli ta’ tbassir ibbażati fuq l-intelliġenza artifiċjali. Dawn il-mudelli se jippermettu l-iżvilupp ta’ sistema ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażata fuq data u projezzjonijiet affidabbli, għas-servizz tal-ġestjoni tat-territorju u l-ippjanar strateġiku li kapaċi jagħmlu l-politika ta’ koeżjoni aktar effettiva fl-indirizzar tal-isfida demografika, u l-adattament għaliha;

37.

jenfasizza li hemm bżonn li jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar il-problema u li hemm modi ppruvati għall-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ kooperazzjoni u kollaborazzjoni bejn ir-reġjuni li jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki. Jipproponi, għalhekk, il-ħolqien ta’ pjattaforma/osservatorju għar-reġjuni fit-tranżizzjoni demografika li jirċievu appoġġ mill-Kummissjoni Ewropea u jservu bħala forum għal diskussjoni bejn il-pari u bħala promotur ta’ miżuri bħal dawk imsemmija fil-punti preċedenti;

38.

jirrikonoxxi li, filwaqt li l-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni diġà qed jiżviluppaw azzjonijiet li jgħinu biex tiġi indirizzata t-tranżizzjoni demografika, jeħtieġ li jiġu applikati miżuri ambizzjużi, integrati, flessibbli u semplifikati, li ma jagħmlux pressjoni fuq il-kapaċità amministrattiva jew jillimitaw il-ġestjoni tal-finanzjament, fid-dawl tal-gravità tal-isfida kkonċernata.

Brussell, l-20 ta’ Novembru 2024.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Vasco ALVES CORDEIRO


(1)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-tibdil demografiku fl-Ewropa: sett ta’ għodod għall-azzjoni (ĠU C, C/2024/7062, 4.12.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/7062/oj).

(2)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Migrazzjoni legali. Nattiraw il-ħiliet u t-talent lejn l-UE” (ĠU C 79, 2.3.2023, p. 59).

(3)   Rural Well-being : Geography of Opportunities | OECD iLibrary.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/284/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)