European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1487

22.7.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1487

tal-14 ta’ Lulju 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, rigward l-għoti reċiproku tat-trattament tas-suq intern mill-Unjoni Ewropea u mill-Ukrajna fir-rigward tas-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017.

(2)

Skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII tal-Ftehim, il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ (il-“Kumitat għall-Kummerċ”) jista’ jiddeċiedi li l-Partijiet jagħtu lil xulxin trattament tas-suq intern fir-rigward tas-setturi tas-servizzi milqutin b’approssimazzjoni regolatorja.

(3)

Matul l-2025, il-Kumitat għall-Kummerċ jenħtieġ li jadotta abbozz ta’ Deċiżjoni dwar l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna li tagħti lil xulxin trattament tas-suq intern fir-rigward tas-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli.

(4)

Kif iddikjarat fil-preambolu tal-Ftehim u f’konformità mal-Artikolu 124(1) tal-Ftehim, il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Ukrajna ma’ dik tal-Unjoni u li l-Ukrajna għandha tiżgura li l-liġijiet eżistenti u l-leġiżlazzjoni futura gradwalment isiru kompatibbli mal-acquis tal-Unjoni.

(5)

L-Ukrajna talbet aktar integrazzjoni fir-rigward tas-settur tar-roaming fl-Unjoni, b’mod partikolari billi tibbenefika mit-trattament tas-suq intern għall-fini tas-servizzi tar-roaming.

(6)

Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ (2) ikkomplementat l-Anness XVII Appendiċi XVII-3 tal-Ftehim (Regoli applikabbli għas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni) bl-atti rilevanti tal-Unjoni relatati mar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli.

(7)

Skont l-Artikolu 4(2) tal-Anness XVII tal-Ftehim, fis-7 ta’ Novembru 2024, l-Ukrajna nnotifikat lill-Unjoni li qieset li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għall-promulgazzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis tal-Unjoni fis-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli, u talbet lill-Unjoni biex twettaq valutazzjoni komprensiva.

(8)

Fis-6 ta’ Ġunju 2025, l-Ukrajna ssupplimentat in-notifika inizjali tagħha wara li adottat l-aħħar miżura ta’ traspożizzjoni tagħha li kien fadal.

(9)

Id-Deċiżjoni Nru 1/2025 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ (3) introduċiet ċerti adattamenti speċifiċi addizzjonali għall-Parti A tal-Appendiċi XVII-3 tal-Anness XVII tal-Ftehim.

(10)

Skont l-Artikolu 4(2) tal-Anness XVII tal-Ftehim, twettqet valutazzjoni komprensiva u abbażi tagħha, ġie determinat li l-Ukrajna tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-promulgazzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis tal-Unjoni fis-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli.

(11)

Skont l-Anness XVII l-Artikolu 4(3) tal-Ftehim, l-Unjoni se tinforma lill-Kumitat għall-Kummerċ dwar ir-riżultat pożittiv tal-valutazzjoni komprensiva tagħha.

(12)

F’dak l-isfond, f’konformità mal-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII tal-Ftehim, l-Unjoni u l-Ukrajna jenħtieġ li jagħtu lil xulxin trattament tas-suq intern fir-rigward tas-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli.

(13)

Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat għall-Kummerċ, peress li d-Deċiżjoni dwar l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna u l-għoti reċiproku ta’ trattament tas-suq intern fir-rigward tas-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul is-sena 2025 fil-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ (il-“Kumitat għall-Kummerċ”) stabbilit bil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, rigward l-għoti reċiproku tat-trattament tas-suq intern fir-rigward tas-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Lulju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

L. LØKKE RASMUSSEN


(1)   ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2014/295/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ tal-24 ta’ April 2023 li timmodifika l-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra [2023/930] (ĠU L 123, 8.5.2023, p. 38, ELI: https://data.eur-lex.europa.eu/eli/dec/2023/930/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2025 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ tat-13 ta’ Marzu 2025 li timmodifika l-Appendiċi XVII-3 Parti A (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (Għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru …/2025 TAL-KUMITAT TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-UKRAJNA FIL-KONFIGURAZZJONI TAL-KUMMERĊ

ta’ …

dwar l-għoti reċiproku ta’ trattament tas-suq intern mill-Unjoni Ewropea u mill-Ukrajna fir-rigward tas-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli

IL-KUMITAT TA’ ASSOĊJAZZJONI FIL-KONĠURAZZJONI TAL-KUMMERĊ (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat għall-Kummerċ”),

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 465(3) tiegħu u l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (1) (il-“Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2017.

(2)

Il-preambolu għall-Ftehim jirrikonoxxi l-impenn tal-Ukrajna li gradwalment tapprossima l-leġiżlazzjoni tagħha ma’ dik tal-Unjoni skont il-linji stabbiliti fil-Ftehim u timplimentaha b’mod effettiv, biex b’hekk tikkontribwixxi għall-integrazzjoni ekonomika gradwali u l-approfondiment tal-assoċjazzjoni politika tal-Ukrajna mal-Unjoni.

(3)

L-Artikolu 1(2)(d) tal-Ftehim jipprevedi li l-għanijiet tal-Ftehim jinkludu għajnuna għall-isforzi tal-Ukrajna biex titlesta t-tranżizzjoni lejn ekonomija tas-suq li tiffunzjona permezz ta’, fost oħrajn, l-approssimazzjoni progressiva tal-leġiżlazzjoni tagħha ma’ dik tal-Unjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 124 tal-Ftehim, il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Ukrajna ma’ dik tal-Unjoni fis-settur tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni. L-Ukrajna impenjat ruħha li tiżgura li l-liġijiet eżistenti u l-leġiżlazzjoni futura tagħha jkunu kompatibbli mal-acquis tal-Unjoni. L-Ukrajna hija mistennija testendi gradwalment l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħha għall-elementi kollha tal-acquis tal-Unjoni msemmija fl-Anness XVII l-Appendiċijiet minn XVII-2 sa XVII-5 tal-Ftehim. Ladarba jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet għal dan, dan jenħtieġ li jwassal għall-integrazzjoni gradwali tal-Ukrajna fis-suq intern tal-Unjoni, b’mod partikolari permezz tal-għoti reċiproku ta’ trattament tas-suq intern f’konformità mal-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII tal-Ftehim.

(5)

L-Ukrajna talbet aktar integrazzjoni fir-rigward tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli fl-Unjoni. B’mod partikolari, l-Ukrajna talbet trattament tas-suq intern għall-fini ta’ roaming f’networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli.

(6)

Sabiex tkun tista’ ssir it-tranżizzjoni gradwali tal-Ukrajna lejn il-promulgazzjoni sħiħa u l-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet applikabbli għas-settur tat-telekomunikazzjoni, b’mod partikolari dawk dwar ir-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli, id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ (2) ikkomplementat l-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim bl-atti rilevanti tal-Unjoni relatati mar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli.

(7)

Skont l-Artikolu 4(2) tal-Anness XVII tal-Ftehim, fis-7 ta’ Novembru 2024, l-Ukrajna nnotifikat lill-Unjoni li qieset li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet għall-promulgazzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis tal-Unjoni fis-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli, u talbet lill-Unjoni biex twettaq valutazzjoni komprensiva. Fis-6 ta’ Ġunju 2025, l-Ukrajna ssupplimentat in-notifika inizjali tagħha wara li adottat l-aħħar miżura ta’ traspożizzjoni li kien fadal.

(8)

Abbażi tal-valutazzjonijiet u l-monitoraġġ regolari skont l-Appendiċi XVII-6 tal-Anness XVII tal-Ftehim u l-Artikolu 4(2) tal-Anness XVII tal-Ftehim u filwaqt li jitqies l-impatt tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja li għaddejja kontra l-Ukrajna, id-Deċiżjoni 1/2025 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ (3) introduċiet ċerti adattamenti speċifiċi addizzjonali għall-Parti A tal-Appendiċi XVII-3 tal-Anness XVII tal-Ftehim. B’mod partikolari, dik id-Deċiżjoni tat lill-Ukrajna żmien addizzjonali biex timplimenta bis-sħiħ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), parti mill-acquis tal-Unjoni fis-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli, mingħajr ma tipposponi deċiżjoni possibbli mill-Kumitat għall-Kummerċ dwar l-għoti ta’ trattament tas-suq intern għar-roaming skont l-Artikolu 4(3) tal-Anness XVII tal-Ftehim.

(9)

Skont l-Artikolu 4(2) tal-Anness XVII tal-Ftehim, l-Unjoni wettqet valutazzjoni komprensiva, iddeterminat abbażi tagħha li l-kundizzjonijiet huma ssodisfati, infurmat lill-Kumitat għall-Kummerċ kif xieraq, u pproponiet li l-Kumitat għall-Kummerċ jiddeċiedi li l-Partijiet jagħtu lil xulxin trattament tas-suq intern fir-rigward tas-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli.

(10)

Ladarba din id-deċiżjoni ssir applikabbli, l-acquis tar-roaming, kif speċifikat fl-Anness XVII Appendiċi XVII-3 tal-Ftehim irid jiġi applikat f’konformità mal-Anness XVII Appendiċi XVII-1 il-punti 1 sa 6 tal-Ftehim, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Anness XVII Appendiċi XVII-3 tal-Ftehim. Dan jimplika li l-acquis tal-Unjoni dwar ir-roaming kif sepċifikat fl-Appendiċi XVII-3 tal-Anness XVII tal-Ftehim jenħtieġ li jinqara f’konformità mal-adattamenti li jinsabu fl-Appendiċi XVII-1 tal-Anness XVII tal-Ftehim. Għalhekk id-drittijiet u l-obbligi kollha, li japplikaw għall-fornituri u għall-operaturi tas-servizzi tar-roaming fl-Unjoni bejniethom, se jkollhom jiġu estiżi fir-rigward tal-fornituri u tal-operaturi tas-servizzi tar-roaming fl-Ukrajna. Bl-istess mod, il-fornituri u l-operaturi tas-servizzi tar-roaming fl-Ukrajna se jkunu marbuta li japplikaw l-istess drittijiet u obbligi fir-rigward tal-fornituri u tal-operaturi tas-servizzi tar-roaming fl-Unjoni. L-utenti finali tal-Ukrajna u tal-Unjoni minn issa ’l quddiem se jibbenefikaw ukoll, bla riżerva għal ċerti limitazzjonijiet eċċezzjonali, minn servizzi tar-roaming irregolati bil-prezzijiet bl-imnut domestiċi tagħhom.

(11)

Biex l-impriżi li jipprovdu roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni fl-Unjoni u fl-Ukrajna jkollhom iż-żmien meħtieġ biex jimplimentaw ir-rekwiżiti tekniċi u legali kollha li jirriżultaw mid-deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ, qed tiġi stabbilita data tal-applikazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna jagħtu lil xulxin trattament tas-suq intern fir-rigward tas-settur tar-roaming f’networks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tfasslet bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Irlandiża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Żvediża, Taljana, Ungeriża u Ukrena, b’kull test ikun ugwalment awtentiku.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2026.

Magħmul fi …, …

Għall-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ

Il-President

Is-segretarji


(1)   ĠU UE L 161, 29.5.2014, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2014/295/oj

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ tal-24 ta’ April 2023 li timmodifika l-Appendiċi XVII-3 (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (ĠU L 123, 8.5.2023, p. 38, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/dec/2023/930/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2025 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ukrajna fil-Konfigurazzjoni tal-Kummerċ tat-13 ta’ Marzu 2025 li timmodifika l-Appendiċi XVII-3 Parti A (ir-Regoli applikabbli għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni) tal-Anness XVII tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU UE L 321, 17.12.2018, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2018/1972/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1487/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)