Brussell, 25.4.2025

COM(2025) 169 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment stabbilit mill-Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Angola, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni prevista tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment


DOKUMENT MEHMUŻ

ABBOZZ
DEĊIŻJONI Nru 1/2025 tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment skont il-Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Angola

ta’ xxx 2025

rigward l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment

IL-KUMITAT DWAR IL-FAĊILITAZZJONI TAL-INVESTIMENT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Angola 1 , iffirmat f’Luanda fis-17 ta’ Novembru 2023, u b’mod partikolari l-Artikolu 44(2) tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment, kif jinsabu fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, huma b’dan adottati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.



ANNESS

REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT DWAR IL-FAĊILITAZZJONI TAL-INVESTIMENT

ARTIKOLU 1

Rwol u Isem tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment

1.Il-Kumitat stabbilit bis-saħħa tal-Artikolu 43 tal-Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Angola (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”) huwa responsabbli għall-kwistjonijiet kollha msemmijin fl-Artikolu 44 tal-Ftehim.

2.Il-Kumitat imsemmi hawn fuq għandu jissemma fid-dokumenti tal-Kumitat, inklużi d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet, bħala l-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment.

ARTIKOLU 2

Kompożizzjoni u Presidenza

1.Skont l-Artikolu 43 tal-Ftehim, il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea (minn hawn’ il quddiem “l-Unjoni”) u tar-Repubblika tal-Angola (minn hawn ’il quddiem “l-Angola”).

2.Il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandu jkun kopresedut mill-Membru tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat mill-kummerċ għall-Unjoni, u, għall-Angola, il-Ministru tal-Ippjanar, jew mill-persuni ddeżinjati rispettivi tagħhom.

ARTIKOLU 3

Segretarjat

1.L-uffiċjali mid-dipartimenti skont l-Artikolu 2(2) għandhom jaġixxu flimkien bħala Segretarjat tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment.

2.Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra dwar l-isem, il-pożizzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal li jkun il-membru tas-Segretarjat tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għal dik il-Parti. Dan l-uffiċjal jitqies li jkompli jaġixxi bħala membru tas-Segretarjat għall-Parti sad-data li fiha l-Parti tkun innotifikat membru ġdid lill-Parti l-oħra.

ARTIKOLU 4

Laqgħat

Il-laqgħat tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandhom jissejħu mill-Kopresident tal-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

ARTIKOLU 5

Delegazzjonijiet

F’perjodu ta’ żmien raġonevoli qabel il-laqgħa, l-uffiċjal li jkun qed jaġixxi bħala s-Segretarju tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għal kull Parti għandu jinforma lill-uffiċjal li jaġixxi bħala s-Segretarju tal-Parti l-oħra dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u tal-Angola rispettivament. Il-listi għandhom jispeċifikaw l-isem u l-funzjoni ta’ kull membru tad-delegazzjoni.

ARTIKOLU 6

Aġenda tal-laqgħat

1.Mill-inqas 14-il jum qabel il-laqgħa, is-Segretarju tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandu jfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa fuq il-bażi ta’ proposta magħmula mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa bi skadenza għall-Parti l-oħra biex tipprovdi l-kummenti tagħha.

2.Il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandu jadotta l-aġenda fil-bidu ta’ kull laqgħa. Il-punti li ma jidhrux fl-aġenda proviżorja jistgħu jitqiegħdu fl-aġenda b’kunsens.

ARTIKOLU 7

Stedina tal-esperti

Il-Kopresidenti tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment jistgħu, bi ftehim reċiproku, jistiednu esperti (jiġifieri uffiċjali mhux governattivi) biex jattendu l-laqgħat tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti speċifiċi u għal dawk il-partijiet biss tal-laqgħa fejn jiġu diskussi tali suġġetti speċifiċi.

ARTIKOLU 8

Minuti

1.L-abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa għandu jitfassal mill-uffiċjal bħala membru tas-Segretarjat tal-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa, fi żmien 15-il jum minn tmiem il-laqgħa, sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Kopresidenti. L-abbozz tal-minuti għandu jintbagħat għall-kummenti lill-membru tas-Segretarjat tal-Parti l-oħra.

2.Bħala regola ġenerali, il-minuti għandhom jiddeskrivu fil-qosor kull punt fl-aġenda, u fejn applikabbli jispeċifikaw:

(a)id-dokumenti kollha ppreżentati lill-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment;

(b)kwalunkwe dikjarazzjoni li wieħed mill-Kopresidenti tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment ikun talab li tiddaħħal fil-minuti; kif ukoll

(c)id-deċiżjonijiet meħuda, ir-rakkomandazzjonijiet magħmula, id-dikjarazzjonijiet maqbula u l-konklużjonijiet adottati dwar punti speċifiċi.

3.Il-minuti għandhom jinkludu lista tad-deċiżjonijiet kollha tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment meħuda bi proċedura bil-miktub skont l-Artikolu 9(2) mill-aħħar laqgħa tal-Kumitat.

4.Anness għall-minuti għandu jinkludi wkoll lista tal-ismijiet, it-titli tal-individwi kollha li attendew il-laqgħa tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment u f’liema kapaċità għamlu dan.

5.Is-Segretarju għandu jaġġusta l-abbozz tal-minuti fuq il-bażi tal-kummenti riċevuti u l-abbozz tal-minuti, kif rivedut, għandu jiġi approvat mill-Partijiet fi żmien 30 jum mid-data tal-laqgħa, jew minn xi data oħra miftiehma mill-Kopresidenti. Ladarba approvati, is-Segretarjat għandu jistabbilixxi żewġ kopji oriġinali tal-minuti, u kull Parti għandha tirċievi kopja oriġinali tal-minuti.

ARTIKOLU 9

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.Il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment jista’ jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha meta l-Ftehim jipprovdi hekk. Il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandu jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet b’kunsens reċiproku, kif previst fl-Artikolu 45 tal-Ftehim.

2.Fil-perjodu bejn il-laqgħat, il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment jista’ jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet permezz tal-proċedura bil-miktub.

3.It-test ta’ abbozz ta’ deċiżjoni jew rakkomandazzjoni għandu jiġi ppreżentat bil-miktub minn Kopresident lill-Kopresident l-ieħor fil-lingwa ta’ ħidma tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment. Il-Parti l-oħra għandu jkollha xahar, jew kwalunkwe perjodu itwal ta’ żmien speċifikat mill-Parti proponenti, biex tesprimi l-qbil tagħha mal-abbozz ta’ deċiżjoni jew rakkomandazzjoni. Meta l-Parti l-oħra ma tesprimix il-qbil tagħha, id-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni proposta għandha tiġi diskussa u tista’ tiġi adottata fil-laqgħa li jkun jmiss tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment. L-abbozz tad-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jitqiesu bħala adottati ladarba l-Parti l-oħra tesprimi l-qbil tagħha u dan għandu jkun irreġistrat fil-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat skont l-Artikolu 8(3).

4.Fejn il-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment ikollu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet skont il-Ftehim, dawn l-atti għandu jingħatalhom it-titolu ta’ “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament. Is-Segretarjat tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandu jagħti numru tas-serje progressiv, id-data tal-adozzjoni u deskrizzjoni tas-suġġett għal kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni meħuda. Kull deċiżjoni u rakkomandazzjoni għandha tipprevedi d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

5.Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandhom jiġu stabbiliti f’żewġ kopji, jiġu awtentikati mill-Kopresidenti u trażmessi waħda lil kull Parti.

ARTIKOLU 10

Trasparenza

1.Il-Partijiet jistgħu jaqblu li jiltaqgħu fil-pubbliku.

2.Kull Parti tista’ tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha jew online.

3.Id-dokumenti kollha sottomessi minn Parti għandhom jitqiesu bħala kunfidenzjali, sakemm dik il-Parti ma tiddeċidix mod ieħor.

4.L-aġendi proviżorji tal-laqgħat għandhom isiru pubbliċi qabel issir il-laqgħat tal-Kumitat. Il-minuti tal-laqgħat għandhom isiru pubbliċi wara l-approvazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 8.

5.Il-pubblikazzjoni tad-dokumenti msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 għandha ssir f’konformità mar-regoli applikabbli tal-protezzjoni tad-data ta’ kull Parti.

ARTIKOLU 11

Lingwi

Il-lingwi ta’ ħidma tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għandhom ikunu l-Ingliż u l-Portugiż, sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.

ARTIKOLU 12

Spejjeż

1.Kull Parti għandha tkopri n-nefqa li ġġarrab b’riżultat tas-sehem tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment, b’mod partikolari fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u n-nefqa għas-sussistenza kif ukoll fir-rigward tan-nefqa fuq vidjokonferenzi jew telekonferenzi, u fuq il-posta u t-telekomunikazzjoni.

2.In-nefqa b’rabta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandha titħallas mill-Parti li tkun qiegħda tospita l-laqgħa.

3.In-nefqa marbuta mal-forniment tas-servizzi tal-interpretazzjoni bejn il-lingwi ta’ ħidma matul il-laqgħat tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment titħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa, sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.

ARTIKOLU 13

Emendi għar-Regoli ta’ Proċedura

Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jistgħu jiġu emendati bil-miktub b’deċiżjoni tal-Kumitat dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment f’konformità mal-Artikolu 9.

(1)    ĠU L, 2024/829, 8.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/829/oj .