|
29.1.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 30/9 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(2020/C 30/07)
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.
DOKUMENT UNIKU
“Aceite de Jaén”
Nru tal-UE PGI-ES-02322 — 22.9.2017
DOP () IĠP (X)
1. Isem/ismijiet
“Aceite de Jaén”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Spanja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.5. Żjut u xaħmijiet (butir, marġerina, żejt, eċċ.)
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
“Aceite de Jaén” huwa żejt extra verġni taż-żebbuġa miksub direttament mill-frott tas-siġra taż-żebbuġ (Olea europaea L.) u esklussivament b’mezzi mekkaniċi mill-pjantaġġuni tas-siġar taż-żebbuġ li jinsabu fiż-żona ġeografika definita fil-punt 4; li fil-ħin tal-ippakkjar, jippreżenta l-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi li ġejjin:
|
Aċidità |
Massima ta’ 0,5 % |
|
Valur ta’ perossidu |
Massimu ta’ 15 mEq O2/kg |
|
K 270 |
Massimu ta’ 0,18 |
|
K 232 |
Massimu ta’ 2 |
|
Xama’ |
Massimu ta’ 120 mg/kg |
|
Polifenoli totali |
Minimu ta’ 300 mg/kg |
|
Tokoferoli totali |
Minimu ta’ 150 mg/kg |
|
Kompożizzjoni ta’ aċidi xaħmin |
|
|
Aċidu palmitiku |
9-13 % |
|
Aċidu olejku |
> 75 % |
|
Aċidu linolejku |
≤ 6 % |
|
Karatterisiċi organolettiċi |
|
|
Valur medju tat-togħma tal-frott |
Aktar minn 3 |
|
Valur medju tat-togħma morra |
3 – 6,5 |
|
Valur medju tat-togħma punġenti |
3 – 6,5 |
|
Valur medju ta’ difetti |
Ugwali għal 0 |
|
— |
Riħa: riħa perċettibbli ta’ żebbuġ frisk u b’saħħtu bi ħjiel ta’ ħxejjex jew prodotti oħra bbażati fuq il-pjanti bħal weraq jew ħaxix aħdar, flimkien ma’ noti ta’ frott b’mod distint li jidhru b’mod moderat għal qawwi (il-medjan għat-togħma tal-frott fuq skala lineari kontinwa akbar minn 3,0); |
|
— |
Togħma: togħma nadifa u fragranti ta’ żebbuġ frisk u b’saħħtu b’noti morri, punġenti tal-intensità li ġejja:
|
Fil-qosor, il-karatteristiċi organolettiċi taż-żjut koperti mid-denominazzjoni “Aceite de Jaén” huma definiti minn aromi ta’ żebbuġ frisk, nadif u b’saħħtu li jkun intagħżel qabel il-31 ta’ Diċembru, meta l-attributi ta’ mrar u punġenza jkunu qawwija ħafna.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
“Aceite de Jaén” irid isir mill-varjetajiet li ġejjin ta’ żebbuġ imkabbra fuq bażi individwali jew kombinata fi pjantaġġuni ta’ siġar taż-żebbuġ li jinsabu fiż-żona ġeografika definita fil-punt 4:
Varjetà prinċipali: Picual, varjetà indiġena li tammonta għal aktar minn 90 % tas-siġar taż-żebbuġ imkabbra fiż-żona ġeografika.
Varjetajiet sekondarji. Varjetajiet indiġeni: Manzanilla de Jaén, Royal de Cazorla u Carrasqueño de Alcabordete. Varjetajiet mhux indiġeni: Hojiblanca, Arbequina u Picudo.
“Aceite de Jaén” huwa ż-żejt extra verġni taż-żebbuġa miksub minn żebbuġ tal-varjetajiet imsemmija hawn fuq maħsuda qabel il-31 ta’ Diċembru, dment li mill-inqas 85 % taż-żejt ikun minn varjetajiet indiġeni.
Fiż-żewġ każijiet, dawn iż-żjut għandu jkollhom il-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi msemmija fil-punt 3.2.
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Iż-żebbuġ jitkabbar u ż-żejt jiġi prodott fiż-żona ġeografika deskritta fil-punt 4.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar eċċ.
—
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
It-tikketti jrid ikollhom il-kliem “Indicación Geográfica Protegida ‘Aceite de Jaén’” stampat b’mod prominenti f’karattri ċari u li ma jitħassrux, kif ukoll il-logo speċifiku tal-IĠP u l-logo tal-Unjoni Ewropea, flimkien mad-dettalji u l-informazzjoni meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni applikabbli.
Il-kontenituri li fihom jinbiegħ iż-żejt “Aceite de Jaén” irid ikollhom tikketta sekondarja li ma tistax terġa’ tintuża u nnumerata, bħala garanzija ta’ konformità u oriġini. Dawn it-tikketti sekondarji għandhom ikunu verifikati u maħruġa mill-Bord Regolatorju, il-korp ta’ ġestjoni għall-Indikazzjoni Ġeografika Protetta. Ma għandu jieħu l-ebda miżura dwar l-użu ta’ dawn it-tikketti sekondarji li jistgħu b’xi mod jiddiskriminaw kontra kwalunkwe operatur li jikkonforma mal-Ispeċifikazzjoni.
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika ddefinita tkopri l-provinċja kollha ta’ Jaén, li tinsab fix-Xlokk tal-peniżola tal-Iberja.
5. Rabta maż-żona ġeografika
Ir-rabta bejn il-prodott u ż-żona ġeografika hija bbażata fuq ir-reputazzjoni tal-isem “Aceite de Jaén”, li min-naħa waħda huwa konsegwenza tal-valur materjali tal-prodott (il-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi deskritti fil-punt 3.2), li jittieħed min-naħa tiegħu minn taħlita tal-varjetajiet taż-żebbuġ, il-post ġeografiku, il-ħamrija u l-kundizzjonijiet klimatiċi. Ir-reputazzjoni hija wkoll dovuta għall-perċezzjoni tal-valur intanġibbli tiegħu, li tissejjes fuq l-istorja tal-pjantaġġuni taż-żebbuġ u taż-żejt f’Jaén fuq ħafna sekli.
Bis-saħħa tal-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi deskritti fil-punt 3.2, “Aceite de Jaén” għandu reputazzjoni għolja ħafna kemm fis-swieq nazzjonali kif ukoll f’dawk internazzjonali u sar element indispensabbli fil-gastronomija ta’ ħafna postijiet. Skont stħarriġ mill-kumpanija Global Investigación & Marketing fl-2002 għall-Konferenza Andalusija dwar id-Denominazzjonijiet tal-Oriġini, imwettaq fuq kampjun ta’ 539 persuna f’ħames bliet provinċjali ta’ Spanja (Madrid, Barċellona, Valencia, Sevilja u Zaragoza) b’livell ta’ fiduċja ta’ 95 %, meta xi persuni intervistati ntalbu jagħtu isem tad-denominazzjonijiet tal-oriġini li kienu familjari magħhom, deher li “Aceite de Jaén” kienet tidher bħala l-ħames l-aħjar denominazzjoni tal-oriġini Spanjola magħrufa fost il-konsumaturi u l-ewwel waħda mid-denominazzjonijiet ta’ oriġini Andalusjani kollha, minkejja li ma kinitx marka ta’ kwalità rikonoxxuta uffiċjalment. L-Osservatorju Permanenti dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa mmexxi mill-Assoċjazzjoni Spanjola tal-Muniċipalitajiet taż-Żebbuġ wettaq ukoll stħarriġ bit-telefown madwar kull provinċja ta’ Spanja fl-2009. Meta staqsewhom il-mistoqsija “F’liema provinċja Spanjola jiġi prodott iż-żejt taż-żebbuġa tal-aħjar kwalità ?”, aktar minn 63 % tal-persuni intervistati wieġbu “Jaén”.
Il-pjantaġġuni taż-żebbuġ ikopru żona ta’ wiċċ ta’ 582 427 ettaru fil-provinċja ta’ Jaén (89,75 % ta’ art ikkultivata) maqsuma f’aktar minn 100 000 azjenda, li 76 % minnhom huma iżgħar minn 5 ettari. Il-kultivazzjoni taż-żebbuġ mhix biss sors ta’ dħul għall-biċċa l-kbira tal-familji f’Jaén iżda wkoll parti mill-wirt soċjokulturali tagħhom. It-tkabbir taż-żebbuġ u l-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa huma preżenti fis-97 muniċipalità fil-provinċja. Is-siġar taż-żebbuġ jitkabbru f’kull waħda minnhom u lkoll għajr tlieta minnhom għandhom mill-anqas mitħna waħda taż-żebbuġ. Dan juri li l-provinċja kollha ta’ Jaén hija direttament marbuta u involuta fil-produzzjoni tal-prodott.
Ix-xenarju ta’ Jaén, bi preżenza kbira ta’ siġar taż-żebbuġ, huwa r-riżultat tal-azzjoni reċiproka antika bejn il-ġeomorfoloġija tal-provinċja u t-tentattivi li saru mill-abitanti tagħha biex jikkontrollaw it-territorju, megħjuna mill-ambjent fiżiku. Ir-riżalt partikolari li jinsab fil-provinċja jfisser li ż-żona kkultivata tinsab bejn Marmolejo (altitudni 250 m) u Noalejo (1 000 m)
Il-ħamrija li fuqha jikber iż-żebbuġ fil-provinċja ta’ Jaén hija b’mod ċar simili għat-tipi ta’ ħamrija bħall-inkuptisol (USDA) jew cambisol u regosol (FAO), li lkoll għandhom kontenut ta’ karbonat ta’ kalċju għoli b’mod distint u għalhekk pH għoli li jvarja bejn 6 u 8.
Barra minn hekk, minħabba li l-provinċja tinsab fil-qalba taż-żona tal-Mediterran, toffri kundizzjonijiet klimatiċi u ta’ temperatura ideali u xejriet ta’ xita li huma l-aktar ottimali għat-tkabbir taż-żebbuġ (CSA fil-klassifikazzjoni tal-klima ta’ Köppen). Il-medda medja tat-temperaturi medji tvarja bejn 14,5 °C u 17,0 °C. It- temperaturi medji massimi fis-sajf huma ta’ madwar 30 °C (madwar 35 °C f’Lulju u Awwissu) u t-temperaturi medji minimi fix-xhur tax-xitwa huma ta’ madwar 2 °C jew 3 °C. Il- medda medja termika rreġistrata hi ta’ 13 °C. Il-medja annwali tax-xita hija ta’ madwar 410 mm - 620 mm, għalkemm b’ varjazzjonijiet sinifikanti minn sena għal sena li huma tipiċi tal-klima Mediterranja. Fl-aħħar 20 sena, ix-xita kienet baxxa (madwar 475 mm fis-sena), aktar abbundanti fil-ħarifa milli fix-xitwa u fir-rebbiegħa, u skarsa ħafna fix-xhur tas-sajf (inqas minn 10 % tal-preċipitazzjoni totali annwali). Fil-qosor, is-sjuf huma xotti ħafna u bi ftit xita, b’temperaturi massimi għoljin ħafna, livell għoli ta’ umdità fid-dawl tax-xemx u umdità relattiva minima taħt l-20 %.
L-ambjent tipiku fiż-żona tal-produzzjoni ta’ “Aceite de Jaén” u b’mod aktar speċifiku, l-altitudni, il-ħamrija tal-ġir b’livelli għolja ta’ komposti tal-karbonat u l-klima (temperaturi għoljin u kważi l-ebda xita fis-sajf u x-xejra annwali ta’ xita) jagħmluha possibbli li l-karatteristiċi deskritti fil-punt 3.2 ikunu marbuta mal-ambjent ġeografiku. Dawn il-kundizzjonijiet ifissru li ż-żebbuġ imkabbar mingħajr irrigazzjoni jsofri minn stress bl-ilma, li jwassal għal żjut b’konċentrazzjoni ogħla ta’ polifenoli, tokoferoli u aċidu oleiku, b’valuri li jispikkaw għall-attributi sensorjali tat-togħma morra, punġenti u ta’ frott. Anki fil-pjantaġġuni taż-żebbuġ li jkunu irrigati, fejn il-livelli ta’ stress jinżammu minħabba li l-irrigazzjoni ma tkunx suffiċjenti, iż-żjut jippreżentaw ukoll livelli medji u għoljin ta’ polifenoli, kif ukoll aktar stabbiltà u intensità fl-attributi tat-togħma ta’ frott, togħma morra u punġenti minn dawk miksuba mill-FAO jew minn irrigazzjoni b’livelli għoljin ta’ ilma (Salas et al, ‘Influencia del riego sobre la composición y características organolépticas del aceite de oliva [L-influwenza tal-irrigazzjoni fuq il-kompożizzjoni u l-karatteristiċi organolettiċi taż-żejt taż-żebbuġa]’Grasas y Aceites, vol. 48, fasc. 2, 1997, paġni 74 u 82).
Il-maturazzjoni tal-frott tiddependi ħafna mill-kundizzjonijiet klimatiċi u mir-riżalti u mill-mod kif jaffettwaw il-varjetajiet deskritti fil-punt 3.3. Il-perjodu ta’ ħsad - kemm għall-varjetà ewlenija kif ukoll għall-oħrajn — jibda f’Ottubru fil-każ ta’ żjut li jinħasdu “ħodor” jew bħala “żjut bikrija” u jintemm fl-aħħar ta’ Diċembru meta jinħasad iż-żebbuġ l-iktar misjur sew. Dan il-perjodu għall-ħsad jiggarantixxi l-eżistenza ta’ żebbuġ ta’ kwalità b’saħħtu, kif ukoll il-kompożizzjoni u l-karatteristiċi sensorjali uniċi ta’ “Aceite de Jaén” kif definiti fil-punt 3.2.
Matul l-istorja, il-kelma “Jaén” tqieset kemm mis-suq kif ukoll mill-konsumaturi bħala sinonimu ma’ żejt taż-żebbuġa tajjeb. Hemm referenzi estensivi fil-letteratura storika u arkeoloġika għall-preżenza u l-importanza tas-siġar taż-żebbuġ u ż-żejt tagħhom fil-provinċja ta’ Jaén fi żminijiet Rumani, kif ukoll għad-domanda f’Ruma għaż-żejt minn Jaén. Pereżempju, ara l-Artikolu ta’ P. Berni Millet (2015): “Viaje en el tiempo por la producción y el comercio del aceite bético con la iconografía romana” [Vjaġġ tul iż-żmien tal-produzzjoni u l-kummerċ taż-żejt ta’ Andalusija b’ikonografija Rumana], fil-ġurnal ta’ Sociedad de Estudios de la Cerámica Antigua en Hispania (SECAH) pp. 49-62, li jsemmi b’mod espliċitu ż-żejt mir-reġjun ta’ Cástulo (Linares, Jaén) u l-kumpless industrijali enormi li jipproduċi ż-żejt ta’ Marroquíes Bajos fil-belt ta’ Jaén, li nfetaħ fl-era ta’ Augustus u kien jikkonsisti f’kumpless “monuumentali” għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa b’sitt imtieħen kbar miksija maġenb xulxin. Din id-dokument isemmi wkoll l-iskoperta ta’ anfori f’Monte Testaccio li juru skrizzjonijiet kursivi mid-distrett fiskali ta’ Cástulo (CIL XV 4137). F’din il-belt antika nstabet ukoll epigafija li kienet inċiża bil-kliem “RESCRIPTUM SACRUM DE RE OLEARIA”, li kienet tifforma l-intestatura ta’ kitba imperjali dwar is-suġġett taż-żejt li kien attribwit lill-Hadrian.
Fl-1849 ir-Reġina Isabella II ordnat il-pubblikazzjoni ta’ ċirkolari mill-Ministeru tal-Kummerċ, l-Istruzzjoni u x-Xogħlijiet Pubbliċi li telenka l-piżijiet u l-miżuri l-aktar komuni użati fil-kummerċ fi Spanja, inklużi żewġ kontenituri magħmula mill-landa, il-”MEDIA ARROBA DE ACEITE DE JAÉN’ u l-‘MEDIA LIBRA DE ACEITE DE JAÉN” (Il-Mużew taċ-Ċentru Spanjol għall-Metroloġija fi Tres Cantos-Madrid).
Ir-reputazzjoni ta’ Jaén fis-settur taż-żejt hija appoġġjata mill-ħafna rikonoxximenti mogħtija għaż-żejt extra verġni taż-żebbuġa prodott fil-provinċja.
Aktar evidenza tar-reputazzjoni tiegħu tinsab fil-fatt li r-restrizzjoni fuq il-marki ġeografiċi li hemm fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kummerċjalizzazzjoni taż-żjut taż-żebbuġa ma waqqfitx lil ċerti produtturi milli jidħlu f’riskju li jużaw u jirreġistraw l-isem tal-post “Jaén” fil-marki kummerċjali tagħhom. Reviżjoni tal-arkivji fl-Uffiċċju Spanjol tal-Privattivi u tat-Trade Marks (OEPM), fl-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) u fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) tiżvela li dan l-isem tal-post ġie inkluż f’total ta’ 68 marka distintiva. Ara wkoll il-proċeduri ta’ sanzjoni mnedija mill-Gvern Reġjonali ta’ Andalusija kontra d-ditti tal-ippakkjar taż-żejt taż-żebbuġa għan-nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni Ewropea minħabba l-inklużjoni illegali tal-isem tal-post “Jaén” fuq it-tikketti tagħhom.
Ir-referenzi li ġejjin jipprovdu evidenza li l-isem jintuża fil-lingwa mitkellma u għal skopijiet kummerċjali, u huwa dejjem marbut ma’ prodott prestiġjuż u ta’ kwalità għolja:
|
1. |
Artikolu mill-gazzetta “La Vanguardia” minn Barċellona fid-9 ta’ Awwissu 1938 li jiddeskrivi kif ir-rikkezzi Spanjoli intużaw biex ikopru l-ispejjeż tal-Gwerra Ċivili Spanjola: “...Il-munita preponderanti hija l-materjal tal-gwerra Ġermaniż. Kwalunkwe ġid Spanjol li għadu ma ġiex distribwit u mogħti ġie mwiegħed: Żejt taż-żebbuġa minn Jaén, larinġ minn Valencia... ” |
|
2. |
Rapport mill-paġna 6 tal-gazzetta “La Vanguardia” ta’ Barċellona fl-14 ta’ Ġunju 1970 dwar żjara mill-President Franċiż de Gaulle fi Spanja, inkluż waqfa f’Jaén: “... Momenti qabel it-tluq tiegħu, il-President Franċiż ħa interess f’“Aceite de Jaén” u l-entourage tiegħu kkuntattjaw lill-Unjoni Territorjali tal-Kooperattivi tal-Kampanja biex jipprovduhom b’żewġ laned taż-żejt taż-żebbuġa pur...” |
|
3. |
Intervista fil-gazzetta “El País”, fil-5 ta’ Novembru 2014, lil Lucio Blázquez, il-fundatur u s-sid ta’ “Casa Lucio”, wieħed mir-ristoranti l-aktar tradizzjonali u l-aktar prestiġjużi f’Madrid, fejn jiżvela s-sigriet wara l-platt emblematiku “huevas rotos” (bajd miksur) tal-istabbiliment: “Nar fil-faħam, qali tajjeb u l-materja prima: patata minn Galicia, bajd minn razzett f’Ávila u żejt minn Jaén”. |
|
4. |
Artiklu ppubblikat fil-gazzetta diġitali “Prnoticias” fl-14 ta’ Settembru 2016 dwar pjattaforma internazzjonali tal-bejgħ li fiha l-Viċi President għall-Ewropa jispjega li tinkludi “aktar minn 500 referenza tal-prodott, mill-perżut Iberjan għaż-żejt minn Jaén”. |
|
5. |
Reviżjoni mill-edizzjoni ta’ Sevilja tal-gazzetta “ABC” fit-30 ta’ Novembru 2007, li tiddikjara kif ġej: “Ilbieraħ filgħaxija, “Casa de Jaén” f’Sevilja saret il-mexxej għaż-żejt taż-żebbuġa verġni u famuż mad-dinja minn Jaén, li dawk li kienu preżenti fl-attendenza setgħu jduqu u jassaporaw(…) M’hemmx bżonn ta’ stħarriġ biex dan jiġi kkonfermat. Quddiemna għandna “likwidu tad-deheb”. Ħadd ma jiddubita kemm ż-żejt minn Jaén huwa fost l-aqwa fil-klassifikazzjoni tal-aħjar żjut fid-dinja..Ħadd ma jiddubita kemm ż-żejt minn Jaén huwa fost l-aqwa fil-klassifikazzjoni tal-aħjar żjut fid-dinja...” |
|
6. |
Camilo José Cela, Premju Nobel għal-Letteratura, jsemmi żejt minn Jaén fil-ktieb tiegħu “La cruz de San Andrés” [is-Salib ta’ Sant Andrija. “... ġabu żejt minn Jaén u qamħ minn Palencia u Valladolid u kienet taqla’ l-għajxien tagħha billi tqassamhom fost ix-xerrejja ...” |
|
7. |
Almudena Grandes, il-Premju Nazzjonali Spanjol għall-Finzjoni, issemmi żejt minn Jaén fil-ktieb tagħha “Inés y la alegría” [Inés u l-ferħ]: “... il-pantry f’Casa Inés kien fiha disgħin litru ta’ żejt taż-żebbuġa straordinarju prodott fil-muntanji fin-nofsinhar ta’ Jaén.” |
|
8. |
L-Artikolu intitolat “Iż-żejt taż-żebbuġa f’Jaen huwa wieħed mill-aktar prodotti magħrufin ta’ Andalusija u Spanja kollha.”[sic] fuq l-entrata tal-blogg li ġiet ippubblikata fit-12 ta’ Diċembru 2016 fuq il-portal tal-Internet tal-kiri tal-vaganzi rurali Ruralidays.com. |
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni
(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)
http://www.juntadeandalucia.es/export/drupaljda/Pliego_Aceite_Jaen.pdf
jew permezz tal-homepage tal-websajt tal-Ministeru Reġjonali għall-Agrikoltura, il-Bhejjem, is-Sajd u l-Iżvilupp Sostenibbli (https://www.juntadeandalucia.es/organismos/agriculturaganaderiapescaydesarrollosostenible.html ), billi ssegwi din id-direzzjoni:
Zoni de Actividad [“Zoni ta’ attività”] imbagħad Industrias y Cadena Agloalimentaria [“Industriji Agroalimentari”], imbagħad Calidad [“Kwalità”], imbagħad Denominanciones de Calidad [“Denominazzjonijiet ta’ Kwalità ”] u finalment Aceite de Oliva virgen Extra [“Żejt taz-Zebbuġa Extra Verġni”].