|
7.6.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 147/156 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (Euratom) 2023/1112
tas-17 ta’ Lulju 2020
dwar in-notifika tal-bidliet fil-programm nukleari paċifiku delineat tal-Euratom, fl-Anness A tal-Ftehim għall-kooperazzjoni fl-użu paċifiku tal-enerġija nukleari bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Uniti tal-Amerka
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(b) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim għall-kooperazzjoni fl-użu paċifiku tal-enerġija nukleari bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Uniti tal-Amerka (1), u b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 8(2) tiegħu, kif ukoll il-paragrafu 6 u l-paragrafu 7(A) u (C) tal-Minuta Miftiehma tiegħu (2),
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim għall-kooperazzjoni fl-użu paċifiku tal-enerġija nukleari bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Uniti tal-Amerika ġie ffirmat fi Brussell fis-7 ta’ Novembru 1995 u daħal fis-seħħ fit-12 ta’ April 1996 (il-Ftehim). |
|
(2) |
L-iStudiecentrum voor Kernenergie — Centre d’Étude de l’Énergie Nucléaire (SCK.CEN) u l-Institut National des Radioéléments (IRE) qed jippjanaw b’mod konġunt li jwaqqfu installazzjoni għar-riċiklaġġ tar-residwi radjuattivi ħafna li jirriżultaw mill-produzzjoni tal-isotopi radjuattivi għal skopijiet mediċi biex tiġi żgurata l-ġestjoni sostenibbli u fit-tul ta’ dawn ir-residwi u biex tiġi appoġġata l-provvista sigura kontinwa ta’ isotopi radjuattivi għal skopijiet mediċi. L-output tal-installazzjoni se jkun sustanza ta’ purità għolja adattata għall-użu mill-ġdid. Il-bini ta’ din l-installazzjoni li se tissejjaħ RECUMO, huwa skedat li jibda fl-2020, u l-operat tagħha għandu jibda fl-2023. Din se tkun operata minn SCK.CEN, fis-sit tiegħu f’Mol, il-Belġju. |
|
(3) |
Bid-Deċiżjoni tagħha tal-21 ta’ Frar 2020 (3), il-Kummissjoni tat l-approvazzjoni tagħha għat-tekniki li għandhom jintużaw fil-faċilità RECUMO għall-ipproċessar kimiku deskritt fil-karatteristiċi tekniċi bażiċi sottomessi minn SCK.CEN, fil-fażi kunċettwali tad-disinn tal-proġett. |
|
(4) |
Il-materjali irradjati li se jiġu pproċessati fil-faċilità RECUMO joriġinaw mill-Istati Uniti, u għalhekk huma soġġetti għall-Ftehim. B’mod partikolari, l-Artikolu 8(2) tal-Ftehim jirrikjedi li dawk il-materjali irradjati jistgħu jiġu pproċessati biss fil-faċilitajiet li huma parti mill-programm nukleari paċifiku delineat tal-Euratom, deskritt fl-Anness A tiegħu. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li l-faċilità RECUMO tiżdied mal-lista ta’ faċilitajiet fl-Anness A. |
|
(5) |
Il-proċedura biex isiru bidliet fl-Anness A hija stabbilita fil-paragrafu 6 u fil-paragrafu 7(A) tal-Minuta Miftiehma tal-Ftehim. B’mod partikolari, huma meħtieġa notifika bil-miktub u rikonoxximent bil-miktub mill-awtoritajiet xierqa biex isiru bidliet fil-programmi nukleari paċifiċi definiti fl-Anness A. |
|
(6) |
Għalhekk, jenħtieġ li tiġi approvata notifika biex tiżdied faċilità ġdida f’konformità mal-paragrafu 7(A) tal-Minuta Miftiehma tal-Ftehim u li din tiġi trażmessa lid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti. |
|
(7) |
Barra minn hekk, jenħtieġ li żewġ faċilitajiet nukleari dekummissjonati jitħassru mill-programm nukleari paċifiku delineat tal-Euratom u jiġu nnotifikati f’konformità mal-paragrafu 7(C) tal-Minuta Miftiehma tal-Ftehim. |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
Artikolu 1
In-notifika tal-bidliet fil-programm nukleari paċifiku delineat tal-Euratom, fl-Anness A tal-Ftehim għall-Kooperazzjoni fl-Użu Paċifiku tal-Enerġija Nukleari bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Uniti tal-Amerika, hija b’dan approvata. It-test tan-notifika huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-Kummissarju responsabbli għall-Enerġija jew id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija, jew ir-rappreżentant maħtur tagħhom, huma b’dan awtorizzati li jibagħtu n-notifika lid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Lulju 2020
Għall-Kummissjoni
Kadri SIMSON
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 120, 20.5.1996, p. 1.
(2) ĠU L 120, 20.5.1996, p. 12.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020)940 final tal-21 ta’ Frar 2020 dwar l-approvazzjoni tat-tekniki li għandhom jintużaw għall-ipproċessar kimiku ta’ materjali irradjati fl-installazzjoni SCK.CEN RECUMO, li tinsab f’Mol, il-Belġju.