SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)
30 ta’ April 2025 ( *1 )
“Appell – Dumping – Importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja – Dazji antidumping definittivi – Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036– Talba għal reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri antidumping – Terminu previst f’din id-dispożizzjoni sabiex titressaq tali talba – Natura suffiċjenti tal-provi – Informazzjoni preżentata wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu”
Fil-Kawżi magħquda C‑554/23 P u C‑568/23 P,
li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fl‑4 u fl‑14 ta’ Settembru 2023,
Fertilizers Europe, stabbilita fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentata minn J. Beck, avukat, u L. Ruessmann, avukat,
appellanti fil-Kawża C‑554/23 P,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
AO Nevinnomysskiy Azot, stabbilita f’Nevinnomyssk (ir-Russja),
AO Novomoskovskaya Aktsionernaya Kompania NAK “Azot”, stabbilita f’Novomoskovsk (ir-Russja),
irrappreżentati minn A. de Moncuit, E. Gergondet, N. Mizulin, A. Nosowicz, avukati, u P. Vander Schueren, avukat,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Luengo u P. Němečková, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
u
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Luengo u P. Němečková, bħala aġenti,
appellanti fil-kawża C‑568/23 P,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
AO Nevinnomysskiy Azot, stabbilita f’Nevinnomyssk,
AO Novomoskovskaya Aktsionernaya Kompania NAK “Azot”, stabbilita f’Novomoskovsk,
irrappreżentati minn A. de Moncuit, E. Gergondet, N. Mizulin, A. Nosowicz, avukati, u P. Vander Schueren, avukat,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
Fertilizers Europe, stabbilita fi Brussell, irrappreżentata minn J. Beck, avukat, u L. Ruessmann, avukat,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur), N. Piçarra, O. Spineanu-Matei u N. Fenger, Imħallfin,
Avukata Ġenerali: L. Medina,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ Novembru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, Fertilizers Europe u l‑Kummissjoni Ewropea jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑5 ta’ Lulju 2023, Nevinnomysskiy Azot u NAK “Azot” vs Il‑Kummissjoni (T‑126/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata, EU:T:2023:376), li permezz tagħha din annullat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2100 tal‑15 ta’ Diċembru 2020 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill (ĠU 2020, L 425, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”). |
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament ikkontestat
|
2 |
Il-premessa 20 tar-Regolament kontenzjuż tiddikjara li: “Il-Kummissjoni tat bidu għar-reviżjoni ta’ skadenza abbażi ta’ talba għal reviżjoni kif ġiet sottomessa inizjalment fil‑21 ta’ Ġunju 2019 [iktar ’il quddiem it-‘talba għar-reviżjoni inizjali’)] u ssupplimentata b’informazzjoni addizzjonali (kollettivament imsejħa ‘talba għal reviżjoni kkonsolidata’). It-talba għal reviżjoni kkonsolidata, li tikkostitwixxi l-bażi għall-bidu ta’ din ir-reviżjoni ta’ skadenza, tqiegħdet fil-fajl miftuħ u tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati għal konsultazzjoni. Kif iddikjarat fil-punt 4.1 tan-Notifika, fit-talba għal reviżjoni tiegħu r-Rikjedent ipprovda evidenza ta’ valur normali bbażat fuq prezzijiet domestiċi effettivi u ħadem ukoll il-valur normali f’każ li l-prezzijiet domestiċi ma jitqisux affidabbli u li jirriflettu l-kummerċ normali. Il-fatt dwar jekk it-talba oriġinali ġietx issupplimentata b’valuri normali stmati abbażi tal-informazzjoni disponibbli dwar il-prezzijiet domestiċi attwali fil-pajjiż ikkonċernat huwa irrilevanti sa fejn il-Kummissjoni bdiet ir-reviżjoni ta’ skadenza fuq il-bażi tat-talba għal reviżjoni kkonsolidata.” |
Ir‑Regolament 2016/1036
|
3 |
Konformement mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21 u rettifika fil-ĠU L, 2023/90208), kif emendat bir-Regolament (UE) 2018/825 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 (ĠU 2018, L 143, p. 1), (iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”) intitolat “Prinċipji”, jistabbilixxi: “Jista’ jiġi applikat dazju anti-dumping għal kwalunkwe prodott oġġett ta’ dumping li r-rilaxx tiegħu għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fl-Unjoni [Ewropea] jikkawża dannu.” |
|
4 |
L-Artikolu 2(1) u (3) tar-Regolament 2016/1036 jipprevedi: “1. Il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatur. Madanakollu, fejn l-esportatur fil-pajjiż esportatur ma jipproduċix jew ma jbigħx il-prodott simili, il-valur normali jista’ jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ prezzijiet ta’ bejjiegħa jew produtturi oħra. Il-prezzijiet bejn partijiet li jidhru li jkunu assoċjati, jew li jkollhom arranġament kumpensatorju ma’ xulxin ma jistgħux jitqiesu li jkunu fil-kors ordinarju tal-kummerċ u ma jistgħux jintużaw biex jistabbilixxu l-valur normali sakemm ma jkunx stabbilit li huma ma humiex milquta mir-relazzjoni. Biex jiġi stabbilit jekk żewġ partijiet humiex assoċjati, tista’ titqies id-definizzjoni ta’ partijiet relatati stabbilita fl-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 [tal‑24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 558, u rettifiki fil-ĠU 2016, L 87, p. 35 u fil-ĠU 2017, L 101, p. 195)]. […] 3. Meta ma jkun hemm l-ebda bejgħ jew meta ma jkunx hemm biżżejjed bejgħ tal-prodott simili fil-kors ordinarju tal-kummerċ, jew fejn, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq tali bejgħ ma jippermettix paragun xieraq, il-valur normali ta’ prodott simili għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-ispiża tal-produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi u għal profitti, jew fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, lil pajjiż terz xieraq, sakemm dawk il-prezzijiet ikunu rappreżentattivi. Jista’ jitqies li jkun hemm sitwazzjoni partikolari tas-suq għall-prodott ikkonċernat fis-sens tal-ewwel subparagrafu meta, inter alia, il-prezzijiet ikunu baxxi artifiċjalment, meta jkun hemm kummerċ ta’ skambju sinjifikattiv jew fejn ma jkunx hemm arranġamenti ta’ proċessar mhux kummerċjali.” |
|
5 |
L-Artikolu 5(3) u (9) tar-Regolament 2016/1036 jipprovdi: “3. Il-Kummissjoni għandha, sa fejn ikun possibbli, teżamina l-preċiżjoni u l-adegwatezza tal-evidenza mogħtija fl-ilment, biex tiddetermina jekk hemmx biżżejjed evidenza biex tiġġustifika li jingħata bidu lill-investigazzjoni. […] 9. Fejn ikun jidher li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-bidu ta’ proċedimenti, il-Kummissjoni għandha tagħmel dan fi żmien 45 jum mid-data tat-tressiq tal-ilment u għandha tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fejn ma tkunx ġiet ippreżentata biżżejjed evidenza, min jagħmel l-ilment għandu jkun infurmat dwar dan fi żmien 45 jum minn dakinhar li jkun tressaq l-ilment lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tagħti informazzjoni lill-Istati Membri li tikkonċerna l-analiżi tagħha tal-ilment normalment fi żmien 21 jum mid-data li fiha jkun tressaq l-ilment lill-Kummissjoni.” |
|
6 |
Skont l-Artikolu 11(1), (2), (5) u (6) ta’ dan ir-regolament: “1. Miżura kontra d-dumping għandha tibqa’ fis-seħħ biss sa meta, u sa fejn, ikun meħtieġ li jiġi oppost d-dumping li jkun qiegħed jikkawża dannu. 2. Miżura anti-dumping definittiva għandha tiskadi ħames snin mill-impożizzjoni tagħha jew ħames snin mid-data tal-konklużjoni tal-iktar reviżjoni riċenti li tkun kopriet kemm id-dumping kif ukoll id-dannu, sakemm ma jiġix determinat f’reviżjoni li [tali] skadenza probabbilment twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u dannu. Tali reviżjoni ta’ skadenza għandha tinbeda fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, jew fuq talba magħmula minn, jew għan-nom ta’, produtturi tal-Unjoni, u l-miżura għandha tibqa’ fis-seħħ sa meta jibqa’ pendenti r-riżultat ta’ dik ir-reviżjoni. Rieżami ta’ skadenza għandha tinbeda fejn it-talba jkun fiha evidenza suffiċjenti li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx jirriżultaw f’kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u ta’ ħsara. Probabbiltà bħal din tista’, pereżempju, tiġi indikata b’evidenza tat-tkomplija ta’ dumping u ta’ ħsara jew evidenza li t-tneħħija tal-ħsara hija kkawżata parzjalment jew għalkollox mill-eżistenza ta’ miżuri jew evidenza li ċ-ċirkostanzi tal-esportaturi, jew il-kondizzjonijiet tas-suq, huma tali li jindikaw il-probabbiltà ta’ aktar dumping dannuż, jew b’evidenza tat-tkomplija ta’ distorsjonijiet fuq il-materji prima. Fit-twettiq tal-investigazzjonijiet taħt dan il-paragrafu, l-esportaturi, l-importaturi, ir-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni u l-produtturi tal-Unjoni għandhom jiġu mogħtija l-opportunità li jamplifikaw, jikkontestaw jew jikkummentaw dwar il-materji stabbiliti fit-talba tar-reviżjoni, u l-konklużjonijiet li jsiru għandhom jieħdu debitament kont tal-evidenza kollha li tkun rilevanti u debitament dokumentata, ippreżentata fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-iskadenza tal-miżuri probabbilment twassalx, jew le, għall-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza ta’ dumping u tal-dannu. Għandha tiġi ppubblikata notifika tal-iskadenza viċina f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’mument adatt fis-sena finali tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri finali kif definiti f’dan il-paragrafu. Sussegwentement, il-produtturi tal-Unjoni għandhom, mhux iktar tard minn tliet xhur qabel l-aħħar tal-perjodu ta’ ħames snin, ikunu intitolati li jagħmlu talba ta’ reviżjoni skont it-tieni sub-paragrafu. Għandha wkoll tiġi ppublikata notifika li tħabbar l-iskadenza attwali tal-miżuri skont dan il-paragrafu. […] 5. Id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ proċeduri u t-tmexxija ta’ investigazzjonijiet, ħlief għal dawk relatati ma’ limiti ta’ żmien, għandhom japplikaw għal kull reviżjoni li ssir skont il-paragrafi 2, 3 u 4. Ir-reviżjonijiet li jsiru skont il-paragrafi 2 u 3 għandhom isiru malajr u normalment għandhom jintemmu fi żmien 12-il xahar mid-data tal-bidu tar-reviżjoni. F’kull ċirkostanza, ir-reviżjonijiet skont il-paragrafi 2 u 3 għandhom f’kull każ jintemmu fi żmien 15‑il xahar minn meta jinbdew. Ir-reviżjonijiet skont il-paragrafu 4 għandhom f’kull każ jintemmu fi żmien disa’ xhur mid-data meta jinbdew. Jekk tinbeda reviżjoni taħt il-paragrafu 2 waqt li tkun qiegħda ssir reviżjoni skont il-paragrafu 3 fl-istess proċedimenti, ir-reviżjoni skont il-paragrafu 3 għandha tintemm fl-istess mument meta tintemm ir-reviżjoni skont il-paragrafu 2. Jekk l-investigazzjoni ma tintemmx fit-terminu tal-iskadenzi speċifikati fit-tieni, it-tielet u r-raba’ subparagrafi, il-miżuri għandhom:
Sussegwentement għandu jiġi ppubblikat avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jħabbar l-iskadanza fattwali jew iż-żamma tal-miżuri skont dan il-paragrafu. […] 6. Ir-rieżamijiet taħt dan l-Artikolu għandhom jinbdew mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tibdiex jew le r-rieżamijiet taħt il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2). Il-Kummissjoni għandha wkoll tipprovdi informazzjoni lill-Istati Membri ladarba operatur jew Stat Membru jkun ressaq talba li tiġġustifika l-bidu ta’ reviżjoni skont il-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu u l-Kummissjoni tkun lestiet l-analiżi tagħha tagħha, jew ladarba l-Kummissjoni tkun iddeterminat hija stess li tiġi riveduta l-ħtieġa tal-kontinwazzjoni tal-impożizzjoni tal-miżuri. Fejn ikun kunsiljabbli skont ir-reviżjonijiet, il-miżuri għandhom, f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15(3), jitħassru jew jinżammu fis-seħħ skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jew jitħassru, jinżammu jew jiġu emendati skont il-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu. Fejn jitħassru miżuri għal esportaturi individwali, iżda mhux għall-pajjiż kollu, tali esportaturi għandhom jibqgħu soġġetti għall-proċediment u jistgħu, awtomatikament, jiġu investigati mill-ġdid fi kwalunkwe reviżjoni sussegwenti li ssir għal dak il-pajjiż skont dan l-Artikolu.” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
7 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu fil-punti 2 sa 13 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-ħtiġijiet ta’ dawn il-kawżi magħquda, jinġabru fil-qosor kif ġej. |
|
8 |
AO Nevinnomysskiy Azot u AO Novomoskovskaya Aktsionernaya Kompania NAK “Azot” (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kumpanniji ‘Azot’”), huma produtturi u esportaturi ta’ nitrat tal-ammonju, stabbiliti fir-Russja. Dawn huma, bħala tali, suġġetti għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2022/95 tas‑16 ta’ Awwissu 1995 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja (ĠU 1995, L 198, p. 1). |
|
9 |
Wara l-ewwel reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri kkonċernati kif ukoll l-ewwel reviżjoni interim, inżamm dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 658/2002 tal‑15 ta’ April 2002 li jimponi dazju definittiv anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ nitrat ta’ ammonju li joriġina fir-Russja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 67). Wara t-tieni reviżjoni tal-iskadenza ta’ dawn il-miżuri u tat-tieni reviżjoni parzjali interim, dawn inżammu fis-seħħ permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 661/2008 tat‑8 ta’ Lulju 2008 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja wara verifika ta’ skadenza skond l-Artikolu 11(2) u reviżjoni interim parzjali skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 (ĠU 2008, L 185, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2009, L 339, p. 59). Wara t-tielet reviżjoni ta’ skadenza tal-imsemmija miżuri, il-Kummissjoni żammet dawn fis-seħħ permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tagħha (UE) Nru 999/2014 tat‑23 ta’ Settembru 2014 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2014, L 280, p. 19). Wara reviżjoni interim u konformement mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament 2016/1036, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1722 tal‑14 ta’ Novembru 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 999/2014 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2018, L 287, p. 3). |
|
10 |
Matul il-perjodu kollu li matulu seħħew dawn il-proċeduri ta’ reviżjoni, il-kumpanniji “Azot” kienu suġġetti għal dazju antidumping applikabbli għat-territorju Russu kollu. |
|
11 |
Fil‑21 ta’ Ġunju 2019, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036, Fertilizers Europe, assoċjazzjoni Ewropea ta’ manifatturi ta’ fertilizzanti, ressqet quddiem il-Kummissjoni talba għal reviżjoni inizjali tal-iskadenza tal-miżuri antidumping ikkonċernati. Permezz ta’ din it-talba, Fertilizers Europe sostniet li kienu jeżistu provi li juru l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping f’każ li dawn il-miżuri jiskadu. Hija bbażat ruħha, f’dan ir-rigward, fuq paragun bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni u valur normali maħdum. |
|
12 |
Bi tweġiba għall-imsemmija talba, il-Kummissjoni talbet lil Fertilizers Europe tipprovdi informazzjoni addizzjonali sabiex tikkompleta u tiċċara t-talba tagħha għal reviżjoni inizjali (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni addizzjonali”). Fl‑20 ta’ Awwissu 2019, Fertilizers Europe ppreżentat din l-informazzjoni addizzjonali, li ġiet integrata fit-talba għal reviżjoni kkonsolidata u li kienet ibbażata fuq valur normali bbażat fuq il-prezzijiet reali fis-suq intern Russu. |
|
13 |
Fit‑23 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni ppubblikat Notifika ta’ bidu għar-rieżami tal-iskadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għal importazzjonijiet tan-nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja (ĠU 2019, C 318, p. 6), billi qieset li kienu jeżistu provi suffiċjenti sabiex tinbeda reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri u sabiex issir investigazzjoni. |
|
14 |
Wara din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping u ħsara jekk dawn il-miżuri anti-dumping jitħallew jiskadu. Bl-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż, hija, konsegwentement, estendiet l-imsemmija miżuri għal perijodu ta’ ħames snin. |
Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
15 |
Permezz tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, il-kumpanniji “Azot” talbu l-annullament tar-Regolament kontenzjuż. Insostenn tar-rikors tagħhom, dawn il-kumpanniji invokaw motiv uniku bbażat, essenzjalment, fuq ksur tal-Artikolu 11(2) u (5) kif ukoll tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament 2016/1036, sa fejn il-Kummissjoni wettqet b’mod żbaljat reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ nitrat tal-ammonju li joriġinaw mir-Russja, minkejja l-assenza ta’ provi suffiċjenti sabiex tagħmel dan. |
|
16 |
Fir-rigward tal-kriterji legali applikabbli għall-kontenut ta’ talba għal reviżjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod partikolari, fl-ewwel lok, fil-punti 65 sa 67 tas-sentenza appellata, li “minn qari letterali tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament [2016/1036] jirriżulta li t-talba għal reviżjoni li għandha titressaq minn jew f’isem produtturi tal-Unjoni, sa mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin li fi tmiemu l-miżuri antidumping jiskadu [iktar ’il quddiem it-‘terminu legali’], għandha diġà tinkludi biżżejjed provi li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara”, peress li r-raba’ subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, li jistabbilixxi dan it-terminu legali li fih din it-talba għandha titressaq, jirreferi espressament għal dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2), li jispeċifika l-kundizzjonijiet dwar il-kontenut tal-imsemmija talba li tippermetti li ssir reviżjoni. |
|
17 |
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 69 u 70 tas-sentenza appellata, li din l-interpretazzjoni kienet neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi żgurat li l-provi prodotti lill-Kummissjoni fit-terminu legali jkunu suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dumping u tad-dannu fil-każ ta’ skadenza tal-miżuri antidumping ikkonċernati. Hija għalhekk qieset li l-istabbiliment ta’ dan it-terminu jikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali, billi jippermetti lill-operaturi fis-suq ikunu jafu, fi żmien xieraq, jekk dawn il-miżuri jistgħux jinżammu kif ukoll lill-Kummissjoni li jkollha terminu utli sabiex tevalwa l-provi li jinsabu f’talba għal reviżjoni u li tiżgura ruħha min-natura suffiċjenti u rilevanti tagħhom, sabiex jiġi evitat li miżura antidumping ma tinżammx indebitament lil hinn miż-żmien preskritt. |
|
18 |
Fit-tielet lok, fil-punti 71 sa 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-produtturi tal-Unjoni jistgħu, wara t-terminu legali u matul it-tliet xhur qabel l-iskadenza tal-miżuri antidumping ikkonċernati, jippreżentaw informazzjoni addizzjonali abbażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036 u li l-Kummissjoni tista’, matul dawn it-tliet xhur, tirċievi jew titlob kjarifiki addizzjonali li jikkompletaw jew jikkorroboraw provi suffiċjenti trażmessi qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu legali, li jwasslu għal verżjoni kkonsolidata tat-talba għal reviżjoni, mingħajr ma tali informazzjoni addizzjonali tkun tista’ madankollu tikkostitwixxi argumenti ġodda, u lanqas ma tista’ tissostitwixxi t-talba għal reviżjoni mressqa fl-imsemmi terminu legali jew tagħmel tajjeb għan-natura insuffiċjenti tal-provi li jinsabu fiha. |
|
19 |
Fir-raba’ lok, fil-punti 78 sa 101 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament 2016/1036, hija awtorizzata tapplika l-Artikolu 5(3) u (9) ta’ dan ir-regolament, li jirregola l-proċedura ta’ investigazzjoni inizjali. |
|
20 |
Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 104 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta affermat, fil-premessa 20 tar-Regolament kontenzjuż, li ma kienx rilevanti li t-talba għal reviżjoni inizjali kienet ġiet ikkompletata mill-informazzjoni addizzjonali u li l-bidu tar-reviżjoni seta’ jiġi ġġustifikat abbażi tat-talba għal reviżjoni kkonsolidata. |
|
21 |
Fir-rigward tan-natura suffiċjenti tal-provi li jinsabu fit-talba għal reviżjoni inizjali u tan-natura tal-informazzjoni addizzjonali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 105 u 140 tal-imsemmija sentenza, minn naħa, li l-informazzjoni miksuba f’dan il-każ mill-Kummissjoni wara l-iskadenza tat-terminu legali, ma kellhiex titqies li hija sempliċi kjarifika ta’ dawn l-elementi, iżda provi ġodda u, min-naħa l-oħra, li mir-Regolament kontenzjuż kien jirriżulta li l-Kummissjoni kienet qieset li l-provi li jinsabu fit-talba għal reviżjoni inizjali kienu insuffiċjenti sabiex issir reviżjoni tal-miżuri antidumping ikkonċernati. |
|
22 |
Konsegwentement, fil-punt 142 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li r-Regolament kontenzjuż kellu jiġi annullat, mingħajr ma kien hemm bżonn li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra invokati mill-kumpanniji “Azot”. |
It-talbiet tal-partijiet fl-appell u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
23 |
Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑554/23 P, Fertilizers Europe titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
24 |
Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑568/23 P, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
25 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑9 ta’ Ottubru 2023, il-Kawżi C‑554/23 P u C‑568/23 P ingħaqdu għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza. |
|
26 |
Il-kumpanniji “Azot” jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq l-appelli
|
27 |
Insostenn tal-appelli tagħhom, Fertilizers Europe u l-Kummissjoni jqajmu, rispettivament, erba’ u żewġ aggravji. |
|
28 |
L-ewwel u t-tieni aggravju ta’ Fertilizers Europe kif ukoll l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni huma bbażati fuq żbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tar-Regolament 2016/1036, filwaqt li t-tielet u r-raba’ aggravju ta’ Fertilizers Europe kif ukoll it-tieni aggravju tal-Kummissjoni, imqajma sussidjarjament, huma bbażati fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 11 kif ukoll fuq żnaturament tal-fatti u tal-provi. |
Fuq l-ewwel u t-tieni aggravju fil-Kawża C‑554/23 P u fuq l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑568/23 P
L-argumenti tal-partijiet
|
29 |
Fertilizers Europe, permezz tal-ewwel u tat-tieni aggravju tagħha u l-Kummissjoni, permezz tal-ewwel aggravju tagħha, isostnu, essenzjalment, li, fil-punti 65 sa 67 u 71 sa 104 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat l-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036, moqri flimkien mal-Artikolu 5(3) u (9), tiegħu, fis-sens li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha, meta teżamina l-kwistjoni dwar jekk jeżistux provi suffiċjenti sabiex twettaq reviżjoni ta’ miżuri antidumping li waslu sabiex jiskadu, fuq talba għal reviżjoni mressqa minn produtturi tal-Unjoni fit-terminu legali, previst fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036, l-iktar l-iktar ikkompletata b’informazzjoni li sempliċement tikkorrobora l-provi li jinsabu f’din it-talba. |
|
30 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni testwali tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036, Fertilizers Europe tqis li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 65 sa 67 tas-sentenza appellata, mill-formulazzjoni ta’ dan it-tieni u r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(2) ma jirriżultax neċessarjament li talba għal reviżjoni, imressqa fit-terminu legali, għandha diġà tinkludi biżżejjed provi sabiex tiġġustifika li ssir reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri antidumping ikkonċernati. |
|
31 |
Skont il-Kummissjoni, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036 huwa newtrali fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni għandhiex tillimita l-evalwazzjoni tagħha għall-provi prodotti fit-terminu legali. Kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat fis-sentenza appellata, ma jistax jiġi dedott, b’mod partikolari, mill-kliem “skont it-tieni sub-paragrafu” li jinsabu f’din id-dispożizzjoni li l-Kummissjoni hija obbligata teżamina n-natura suffiċjenti tal-provi li jiġġustifikaw jew le l-ftuħ ta’ reviżjoni, biss abbażi ta’ talba mressqa fit-terminu legali. Barra minn hekk, dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) jipprevedi biss il-kriterju legali meħtieġ sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri antidumping ikkonċernati, mingħajr ma tirrestrinġi, b’mod espliċitu jew impliċitu, is-setgħat ġenerali li għandha l-Kummissjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tan-natura ġġustifikata ta’ tali reviżjoni. |
|
32 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036, Fertilizers Europe ssostni li ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament ma taffettwa s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l-Kummissjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni. |
|
33 |
Il-Kummissjoni ssostni li mir-regolamenti antidumping preċedenti għar-Regolament 2016/1036 jirriżulta li l-obbligu impost fuqha li tiddetermina jekk ilment jew talba fihomx provi suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw, rispettivament, il-ftuħ ta’ investigazzjoni inizjali jew ta’ proċedura ta’ reviżjoni ma huwiex suġġett għall-osservanza ta’ terminu u li dan l-aħħar regolament ma introduċa ebda emenda f’dan ir-rigward. |
|
34 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jenfasizzaw li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036, il-Kummissjoni għandha l-possibbiltà li twettaq fuq inizjattiva tagħha stess reviżjoni tal-iskadenza ta’ miżuri antidumping. |
|
35 |
L-appellanti jqisu wkoll li l-Artikolu 5(3) u (9) tar-Regolament 2016/1036, moqri flimkien mal-Artikolu 11(5) tiegħu, jistabbilixxi, għat-talbiet għal reviżjoni mressqa skont l-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament, proċedura ta’ informazzjoni addizzjonali li tippermetti l-produzzjoni ta’ provi addizzjonali u ġodda wara l-iskadenza tat-terminu legali. |
|
36 |
Fit-tielet lok, Fertilizers Europe ssostni li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali ta’ dan l-Artikolu 11(2) tipperikola l-mezzi ta’ għajxien tal-industriji tal-Unjoni u, għaldaqstant, tmur kontra l-għan imfittex mir-Regolament 2016/1036, jiġifieri l-protezzjoni tal-industrija tal-Unjoni kontra l-importazzjonijiet żleali minn pajjiżi terzi. Din l-interpretazzjoni twassal ukoll għal ksur tad-drittijiet proċedurali tal-produtturi tal-Unjoni, jiġifieri l-prinċipju ta’ ċertezza legali u r-rispett tad-drittijiet tad-difiża waqt l-evalwazzjoni ta’ talba għal reviżjoni imressqa minnhom, peress li l-livell ta’ dettall tal-provi neċessarji jvarja minn kawża għal oħra u jiddependi minn ċirkustanzi fattwali. |
|
37 |
Barra minn hekk, il-proċedura ta’ reviżjoni tal-iskadenza ta’ miżuri antidumping definittivi li waslu sabiex jiskadu prevista mir-Regolament 2016/1036 hija intiża sabiex tiżgura li ż-żamma tal-miżuri antidumping ikkonċernati tkun debitament iġġustifikata abbażi tal-informazzjoni miġbura matul ir-reviżjoni tagħhom u mhux biss abbażi tat-talba għal reviżjoni. Għalhekk, l-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament ikun koerenti u konformi mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jekk in-natura suffiċjenti tal-provi tiġi evalwata fil-mument tal-ftuħ ta’ din ir-reviżjoni, mingħajr ma l-produzzjoni ta’ dawn il-provi ma jkollha tintervjeni f’terminu preċiż. |
|
38 |
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li l-għan tat-terminu legali kien li jiggwida lill-produtturi tal-Unjoni fir-rigward tad-data li fiha għandha titressaq talba għal reviżjoni, bl-għan li jiġi organizzat b’mod ordnat jew il-waqfien tal-miżuri antidumping ikkonċernati, jew il-bidu ta’ reviżjoni tal-iskadenza tagħhom, u li l-partijiet ikkonċernati jiġu informati konsegwentement. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-imsemmi regolament jipprevedi termini itwal sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi dwar in-natura suffiċjenti tal-provi li jinsabu f’talba għal reviżjoni minn dawk li huwa jipprevedi sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar ilment intiż għall-ftuħ ta’ investigazzjoni inizjali, il-Qorti Ġenerali kellha tiddeduċi minn dan li, sabiex tevalwa din in-natura suffiċjenti, il-Kummissjoni għandu jkollha tal-inqas l-istess setgħat bħal dawk li hija għandha sabiex tevalwa n-natura suffiċjenti tal-provi li jinsabu f’tali lment. |
|
39 |
Skont il-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak li kkonstatat il-Qorti Ġenerali, dan l-għan ma jistax ikun li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali tal-operaturi ekonomiċi fis-suq tal-Unjoni, peress li ebda parti kkonċernata ma għandha tiġi kkomunikata bit-talba għal reviżjoni mressqa minn produtturi tal-Unjoni u lanqas ma hija informata bil-fatt li tali talba tressqet qabel ma l-Kummissjoni ppubblikat l-opinjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri antidumping ikkonċernati. |
|
40 |
Il-kumpanniji “Azot” iwieġbu li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat ġustament li minn qari litterali u mill-kuntest tat-tieni u tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036 jirriżulta li talba għal reviżjoni tal-iskadenza ta’ miżuri antidumping għandha tinkludi provi suffiċjenti, mhux iktar tard mid-data tal-iskadenza tat-terminu legali, sabiex jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ tali reviżjoni. |
|
41 |
Fl-ewwel lok, dawn il-kumpanniji jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod korrett l-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036, fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu u tal-kuntest li fih din id-dispożizzjoni tinsab. B’mod iktar partikolari, id-dritt, għall-produtturi tal-Unjoni, li jressqu talba għal reviżjoni huwa rregolat mir-raba’ subparagrafu tal-imsemmija dispożizzjoni, li jirreferi għat-tieni subparagrafu ta’ dan l-Artikolu 11(2). L-imsemmija kumpanniji jqisu li talba għal reviżjoni, li għandha titressaq qabel l-iskadenza tat-terminu legali, għandha, minn naħa, ikun fiha biżżejjed provi u, min-naħa l-oħra, tkun tista’ tindika probabbiltà ta’ dumping dannuż. Dan it-terminu huwa suffiċjenti sabiex jippermetti lil dawn il-produtturi jiġbru l-provi rilevanti u lill-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni fil-fond tagħhom, filwaqt li tevita li miżuri antidumping jinżammu indebitament matul perijodu twil wisq. Fil-fehma tagħhom, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jillimita l-obbligi tal-imsemmija produtturi, huwa kien jagħmel dan b’mod espliċitu. |
|
42 |
Fit-tieni lok, il-kumpanniji “Azot” isostnu li, anki jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036 ma jispeċifikax f’liema mument il-produtturi tal-Unjoni għandhom jipproduċu provi suffiċjenti fil-kuntest tat-talba tagħhom għal reviżjoni, din id-dispożizzjoni ma tistax tinqara separatament minn dan ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(2), li jistabbilixxi preċiżament terminu għal dan l-għan. |
|
43 |
Fit-tielet lok, il-kumpanniji “Azot” isostnu li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036 tirrispetta d-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati kollha u ma għandhiex il-konsegwenza li tillimita l-obbligi u l-kompetenzi tal-Kummissjoni, li, bla ħsara għall-osservanza tat-termini proċedurali, għandha s-setgħa li tevalwa n-natura suffiċjenti tal-provi li jinsabu f’talba għal reviżjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma tistax madankollu tinvoka r-regoli li jirregolaw tipi oħra ta’ reviżjonijiet jew ta’ investigazzjonijiet jew setgħat li jippermettulha taġixxi ex officio u din l-istituzzjoni għandha tosserva kemm ir-regoli proċedurali rilevanti kif ukoll il-prinċipji ġenerali tal-Unjoni, b’tali mod li hija ma għandhiex tipprova tirrimedja n-natura insuffiċjenti tal-provi prodotti mill-produtturi tal-Unjoni f’talba għal reviżjoni. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
44 |
L-ewwel u t-tieni aggravji ta’ Fertilizers Europe kif ukoll l-ewwel aggravju tal-Kummissjoni huma diretti kontra l-punti 65 sa 104 tas-sentenza appellata. Għal dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali interpretat l-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036 fis-sens li ma jippermettix lill-Kummissjoni tagħti deċiżjoni dwar talba għal reviżjoni ta’ miżuri ta’ dumping billi tibbaża ruħha fuq provi ġodda prodotti, fuq talba tagħha, minn produtturi tal-Unjoni inqas minn tliet xhur qabel l-iskadenza ta’ dawn il-miżuri, bl-eċċezzjoni tal-informazzjoni addizzjonali ppreżentata minn dawn il-produtturi li sempliċement tikkompleta jew tikkorrobora l-provi li jinsabu f’din it-talba għal reviżjoni. Kif tfakkar fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn din l-interpretazzjoni li l-Kummissjoni kellha tagħti rilevanza għall-fatt li t-talba għal reviżjoni inizjali ġiet ikkompletata b’informazzjoni addizzjonali u li l-ftuħ tar-reviżjoni tal-miżuri antidumping ikkonċernati ma setax jiġi ġġustifikat abbażi tat-talba għal reviżjoni kkonsolidata. |
|
45 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 11(2) adottata mill-Qorti Ġenerali hijiex ivvizzjata, kif isostnu l-appellanti, bi żball ta’ liġi, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet ta’ att tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmlu parti (sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2024, Hengshi Egypt Fiberglass Fabrics u Jushi Egypt for Fiberglass Industry vs Il‑Kummissjoni, C‑269/23 P u C‑272/23 P, EU:C:2024:984, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
46 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li, skont l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036, “[r]ieżami ta’ skadenza għandha tinbeda fejn it-talba jkun fiha evidenza suffiċjenti li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx jirriżultaw f’kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u ta’ ħsara”. |
|
47 |
Barra minn hekk, it-tieni sentenza tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036 tipprevedi li l-produtturi tal-Unjoni huma awtorizzati jressqu talba għal reviżjoni “skont it-tieni sub-paragrafu” ta’ dan l-Artikolu 11(2), mhux iktar tard minn tliet xhur qabel id-data ta’ skadenza tal-miżuri antidumping ikkonċernati. |
|
48 |
Minn qari flimkien tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata twettaq reviżjoni ta’ miżuri antidumping meta talba għal reviżjoni, minn naħa, tinkludi biżżejjed provi li l-iskadenza tal-miżuri antidumping ikkonċernati probabbilment tiffavorixxi l-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza tad-dumping u tal-ħsara, konformement mal-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036 u, min-naħa l-oħra, tiġi introdotta mhux iktar tard minn tliet xhur qabel id-data ta’ skadenza ta’ dawn il-miżuri. |
|
49 |
Min-naħa l-oħra, mill-kombinazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jirriżulta ebda rekwiżit li jillimita s-setgħat tal-Kummissjoni li twettaq tali reviżjoni. |
|
50 |
B’mod partikolari, tali limitazzjoni ma tistax tiġi dedotta direttament mill-preċiżazzjoni, li tinsab fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036, li tgħid li l-produtturi tal-Unjoni huma awtorizzati jressqu talba għal reviżjoni “skont it-tieni subparagrafu”, sa fejn it-test ta’ dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) sempliċement jistabbilixxi obbligu tal-Kummissjoni li twettaq reviżjoni f’ċerti sitwazzjonijiet u tipprovdi eżempji ta’ provi li jistgħu jkollhom rilevanza f’dan ir-rigward. |
|
51 |
Barra minn hekk, kif l-Avukata Ġenerali irrilevat fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tagħha, peress li l-kriterju relatat man-natura suffiċjenti tal-provi stabbilit fl-imsemmi tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) jorbot biss lill-Kummissjoni fil-mument tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar ir-reviżjoni, ir-riferiment għal din id-dispożizzjoni li tinsab fl-istess raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(2) ma jistax jinftiehem bħala li jimplika li l-produtturi tal-Unjoni huma obbligati jipproduċu tali provi fit-terminu legali. |
|
52 |
Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 65 sa 67 tas-sentenza appellata, il-formulazzjoni tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036 ma tistax tinqara bħala li turi b’mod inekwivoku l-fondatezza tal-kunċett restrittiv tas-setgħat tal-Kummissjoni li hija adottat f’din is-sentenza. |
|
53 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li fih jidħlu l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(2) u t-tieni sentenza tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 44 sa 50 tal-konklużjonijiet tagħha, dan l-Artikolu 11(2) kollu u l-Artikolu 11(1) tiegħu. |
|
54 |
Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament 2016/1036, miżura antidumping għandha tibqa’ fis-seħħ biss sakemm u sa fejn ikun meħtieġ sabiex tagħmel tajjeb għal dumping li jikkawża ħsara. Barra minn hekk, minn dan it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(2) jirriżulta li l-konklużjonijiet ta’ investigazzjoni ta’ reviżjoni mwettqa mill-Kummissjoni għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-provi kollha rilevanti u debitament iddokumentati ppreżentati b’rabta mal-kwistjoni dwar jekk it-tneħħija tal-miżuri antidumping ikkonċernati hijiex jew le ta’ natura li tiffavorixxi l-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza tad-dumping u tad-dannu inkwistjoni. |
|
55 |
Minn qari flimkien ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata, matul il-proċedura ta’ reviżjoni, tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha msemmija fil-punt preċedenti, mingħajr ma t-terminu li fih dawn il-provi tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha jkun ta’ natura deċiżiva. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk stabbilixxa regola ta’ portata ġenerali intiża sabiex tiżgura li r-riżultat tal-proċedura ta’ reviżjoni ikun konformi mal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament 2016/1036. Issa, kif enfasizzat l-Avukata Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tagħha, il-portata ta’ din l-għażla magħmula minn dan il-leġiżlatur titnaqqas b’mod sinjifikattiv jekk kellu jitqies li, f’fażi preliminari tal-proċedura ta’ reviżjoni, il-Kummissjoni hija, għall-kuntrarju, obbligata twarrab, abbażi ta’ kriterju purament temporali, provi li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni. |
|
56 |
Skont it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament, “[r]eviżjoni ta’ skadenza għandha tinbeda fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, jew fuq talba magħmula minn, jew għan-nom ta’, produtturi tal-Unjoni, u l-miżura għandha tibqa’ fis-seħħ sa meta jibqa’ pendenti r-riżultat ta’ dik ir-reviżjoni”. Il-Kummissjoni għandha għalhekk is-setgħa li twettaq reviżjoni ta’ miżuri antidumping indipendentement mill-fatt li tkun tressqet talba għal reviżjoni minn produtturi tal-Unjoni, u dan fi kwalunkwe data qabel dik tal-iskadenza ta’ dawn il-miżuri. Konsegwentement, il-fatt li jitqies li l-Kummissjoni hija marbuta, meta hija tagħti deċiżjoni dwar talba għal reviżjoni, bil-provi li jinsabu f’din it-talba prodotti mhux iktar tard minn tliet xhur qabel id-data ta’ skadenza tal-imsemmija miżuri jista’ jġegħelha, meta jkollha provi iktar reċenti, tiċħad l-imsemmija talba, minkejja li hija tista’ dejjem tiddeċiedi li twettaq ex officio reviżjoni. Tali riżultat jista’ jippreġudika l-effettività tal-proċeduri mmexxija mingħajr madankollu ma jbiddel l-eżitu tagħhom. |
|
57 |
F’dak li jirrigwarda, fit-tielet lok, l-għan tar-Regolament 2016/1036, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prinċipji”, “[j]ista’ jiġi applikat dazju anti-dumping għal kwalunkwe prodott oġġett ta’ dumping li r-rilaxx tiegħu għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fl-Unjoni jikkawża dannu”. Il-kapaċità tal-Kummissjoni li tiżgura t-twettiq sħiħ ta’ dan l-għan tinbidel madankollu jekk, kif qieset il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, sabiex tiddeċiedi jekk hemmx lok li ssir reviżjoni ta’ miżuri antidumping, din l-istituzzjoni ma setgħetx, qabel id-data ta’ skadenza ta’ dawn il-miżuri, tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-tneħħija tal-imsemmija miżuri hijiex jew le ta’ natura li tiffavorixxi l-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza tad-dumping u tad-dannu inkwistjoni. |
|
58 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 70 tas-sentenza appellata u kif il-Kummissjoni ssostni, it-tieni sentenza tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036 ma hijiex intiża sabiex tippermetti lill-operaturi fis-suq ikunu jafu, fi żmien xieraq, jekk il-miżuri antidumping jistgħux jinżammu. Minn naħa, kif tenfasizza l-Kummissjoni fl-appell tagħha, talba għal reviżjoni ma tiġi kkomunikata lil ebda parti kkonċernata qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ ftuħ tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, kif ġie kkonstatat fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li twettaq reviżjoni ta’ miżuri antidumping indipendentement mill-fatt li tkun tressqet talba għal reviżjoni minn produtturi tal-Unjoni u fi kwalunkwe data qabel dik tal-iskadenza ta’ dawn il-miżuri. |
|
59 |
Għall-kuntrarju, ma huwiex ikkontestat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat ġustament fil-punt 70 tas-sentenza appellata li t-terminu legali għat-tressiq ta’ talba għal reviżjoni, previst fit-tieni sentenza tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036, għandu l-għan, b’mod partikolari, li jippermetti lill-Kummissjoni jkollha terminu utli sabiex tevalwa l-provi li jinsabu f’din it-talba kif ukoll li tiżgura ruħha min-natura suffiċjenti u rilevanti tagħhom, sabiex jiġi evitat li miżura antidumping tinżamm indebitament lil hinn miż-żmien preskritt. |
|
60 |
Issa, il-possibbiltà tal-Kummissjoni li tiġbor jew li titlob, jekk hija tqis xieraq, provi addizzjonali inqas minn tliet xhur qabel l-iskadenza ta’ miżuri antidumping ma hijiex ta’ natura li tippreġudika t-twettiq tal-għan tat-tieni sentenza tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036 espost fil-punt preċedenti, peress li l-eżistenza ta’ tali possibbiltà ma timplikax li jiġi rrikonoxxut lill-awtur ta’ talba għal reviżjoni d-dritt li jikkompleta b’mod spontanju t-talba tiegħu wara l-iskadenza tat-terminu legali jew li jressaq tali talba wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu. Għalhekk jidher li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fir-regolament kontenzjuż tneħħi s-sens tal-imsemmija dispożizzjoni billi tirrendi mingħajr skop l-obbligu legali previst fiha. |
|
61 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, mingħajr ma hemm bżonn li tittieħed pożizzjoni dwar is-setgħat li l-Kummissjoni tista’ eventwalment tislet mill-Artikolu 5 tar-Regolament 2016/1036, li l-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Kummissjoni hija awtorizzata tieħu inkunsiderazzjoni provi li ġew prodotti, fuq talba tagħha, minn produtturi tal-Unjoni, fil-perijodu ta’ tliet xhur qabel l-iskadenza ta’ miżuri antidumping, sabiex tiddeċiedi jekk hemmx lok li ssir reviżjoni ta’ dawn il-miżuri antidumping. |
|
62 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 104 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta affermat, fil-premessa 20 tar-Regolament kontenzjuż, li ma kienx rilevanti li t-talba għal reviżjoni inizjali kienet ġiet ikkompletata mill-informazzjoni addizzjonali u li l-ftuħ tar-reviżjoni seta’ jiġi ġġustifikat abbażi tat-talba għal reviżjoni kkonsolidata. |
|
63 |
Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, hemm lok li jintlaqgħu l-ewwel u t-tieni aggravju fil-Kawża C‑554/23 P kif ukoll l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑568/23 P. Peress li l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036 huwa suffiċjenti sabiex ineħħi l-bażi tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, hemm lok li din is-sentenza tiġi annullata, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati t-tielet u r-raba’ aggravju fil-Kawża C‑554/23 P kif ukoll it-tieni aggravju fil-Kawża C‑568/23 P. |
Dwar ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali
|
64 |
Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, taqta’ l-kawża b’mod definittiv meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. |
|
65 |
Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. |
|
66 |
Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-ilment, invokat fil-kuntest tal-ewwel motiv tar-rikors, li jgħid li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat, fir-regolament kontenzjuż, li t-talba għal reviżjoni kkonsolidata kien fiha provi suffiċjenti ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping fil-każ ta’ skadenza tal-miżuri antidumping ikkonċernati. |
|
67 |
Peress li l-eżami ta’ dan l-ilment jimplika li jsiru evalwazzjonijiet fattwali kumplessi, li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatt neċessarji, il-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża u, għaldaqstant, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali. |
Fuq l-ispejjeż
|
68 |
Peress li l-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell għandhom jiġu rriżervati. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.