6.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 92/48


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/648

tal-5 ta' April 2017

li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-okoumé plywood li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

A.   IL-PROĊEDURA

1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

Wara investigazzjoni tal-antidumping (“l-investigazzjoni oriġinali”), il-Kunsill impona, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1942/2004 (2), dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-okoumé plywood li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “iċ-Ċina” jew “il-pajjiż ikkonċernat”). Il-miżuri ħadu l-għamla ta' dazju ad valorem u l-livelli tad-dazju imposti kienu jvarjaw bejn 6,5 % sa 23,5 % għal erba' produtturi u 66,7 % għall-produtturi l-oħrajn kollha. Wara rieżami tal-iskadenza, dawn il-miżuri nżammu mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 82/2011 (3) (ir-“rieżami preċedenti”).

2.   Talba għal rieżami tal-iskadenza

(2)

Wara l-pubblikazzjoni ta' avviż dwar l-iskadenza imminenti (4) tal-miżuri antidumping fis-seħħ, il-Kummissjoni rċeviet talba għall-bidu ta' rieżami tal-iskadenza tal-miżuri kontra r-RPĊ skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (5) (“it-talba għal rieżami tal-iskadenza” jew “it-talba”).

(3)

It-talba tressqet fit-22 ta' Ottubru 2015 mill-European Panel Federation (“EPF”) (“l-applikant”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-okoumé plywood. It-talba hija bbażata fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri x'aktarx twassal għal rikorrenza ta' dumping u għal rikorrenza ta' dannu għall-industrija tal-Unjoni.

3.   Bidu ta' rieżami tal-iskadenza

(4)

Ladarba stabbiliet, wara li kkonsultat lill-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li kienet hemm biżżejjed evidenza għall-bidu ta' rieżami tal-iskadenza, fid-29 ta' Jannar 2016 il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta' avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (6) (“in-Notifika ta' Bidu”), il-bidu ta' rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

4.   L-investigazzjoni

4.1.   Il-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu kkunsidrat

(5)

L-investigazzjoni tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew ta' rikorrenza ta' dumping u dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2015 (il-“perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami” jew “PIR”). L-eżami tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew ta' rikorrenza ta' ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2012 sat-tmiem tal-perjodu ta' investigazzjoni tar-rieżami (il-“perjodu kkunsidrat”).

4.2.   Il-partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni

(6)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-applikanti, lill-produtturi l-oħrajn magħrufa tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi fir-RPĊ, lill-importaturi/utenti magħrufa li huma kkonċernati, kif ukoll lill-awtoritajiet tar-RPĊ dwar il-bidu tar-rieżami tal-iskadenza.

(7)

Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u biex jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-notifika ta' bidu.

4.3.   Teħid ta' kampjuni

(8)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni indikat li tista' tieħu kampjuni minn partijiet interessati, f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

4.3.1.   Il-kampjunar ta' produtturi esportaturi fir-RPĊ

(9)

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta' produtturi esportaturi fir-RPĊ, il-kampjunar kien previst fin-Notifika ta' Bidu.

(10)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi fir-RPĊ sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tar-Repubblika taċ-Ċina għall-Unjoni Ewropea sabiex tidentifika u/jew tikkuntattja lil produtturi esportaturi oħrajn, jekk hemm minnhom, li jistgħu jkunu interessati li jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(11)

Billi żewġ kumpaniji biss fir-RPĊ ippreżentaw ruħhom, il-kampjunar ma kienx neċessarju.

4.3.2.   Il-kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(12)

Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni ħabbret li kienet għażlet b'mod provviżorju kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. F'konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' produzzjoni, filwaqt li qieset ukoll il-volum tal-bejgħ u l-firxa ġeografika. Dan il-kampjun kien jikkonsisti minn ħames produtturi tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni magħżulin fil-kampjun kienu jammontaw għal madwar 74 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni waqt il-PIR. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Ma ġie riċevut l-ebda kumment sal-iskadenza u għaldaqstant il-kampjun provviżorju kien ikkonfermat. Il-kampjun jitqies bħala rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni.

4.3.3.   Kampjunar ta' importaturi mhux relatati, kwestjonarji u kooperazzjoni

(13)

Biex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni staqsiet lill-importaturi mhux relatati kollha sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta' Bidu.

(14)

Ġew ikkuntattjati madwar 35 importatur/utent potenzjali magħrufin fl-istadju tal-bidu u ġew mistiedna jispjegaw l-attività tagħhom u biex jimlew formola ta' kampjunar mehmuża mal-Avviż ta' Bidu, jekk applikabbli.

(15)

Tlettax-il importatur issottomettaw il-formola ta' kampjunar. Kollha indikaw li ma importawx okoumé plywood miċ-Ċina. Fuq bażi ta' dan, il-kampjunar ma kienx meqjus iġġustifikat.

4.4.   Kwestjonarji u żjarat ta' verifika

(16)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa neċessarja għall-fini tal-iddeterminar tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew ta' rikorrenza ta' dumping, tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew ta' rikorrenza ta' ħsara, u tal-interess tal-Unjoni.

(17)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji maħsubin għall-produtturi esportaturi lil żewġ kumpaniji fir-RPĊ imsemmijin fil-premessa (11), tnax-il produttur magħruf f'pajjiżi analogi potenzjali (il-Gabon, il-Marokk, l-Isvizzera u t-Turkija) u l-ħames produtturi tal-Unjoni magħżulin għall-kampjun.

(18)

Kumpanija waħda biss fir-RPĊ wieġbet il-kwestjonarju b'mod parzjali, filwaqt li tweġibiet sħaħ għall-kwestjonarju waslu mingħad żewġ produtturi fil-Gabon, produttur fil-Marokk u l-ħames produtturi tal-Unjoni li ntgħażlu għall-kampjun.

(19)

Il-Kummissjoni wettqet verifiki fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

(a)

Il-produtturi tal-Unjoni:

—

F.A. MOURIKIS S.A. (il-Greċja),

—

GARNICA PLYWOOD S.A. (Spanja);

—

JEAN THÉBAULT SAS (Franza);

—

JOUBERT LES ELIOTS SAS (Franza),

—

JOUBERT ST JEAN D'ANGÉLY SAS (Franza).

(b)

Produttur fil-pajjiż b'ekonomija tas-suq

—

CEMA BOIS DE L'ATLAS (il-Marokk)

4.5.   Komunikazzjoni

(20)

Fit-13 ta' Frar, il-Kummissjoni żvelat lill-partijiet interessati kollha l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom beħsiebha tipproponi li tħalli fis-seħħ il-miżuri antidumping u stiednet lill-partijiet interessati kollha sabiex jikkummentaw. Ma daħal l-ebda kumment.

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

1.   Il-prodott ikkonċernat

(21)

Il-prodott ikkonċernat huwa l-istess bħal fl-investigazzjoni oriġinali u huwa ddefinit skont kif ġej: plywood li jikkonsisti biss minn folji ta' injam, b'kull saff ma jaqbiżx ħxuna ta' 6 mm, b'tal-anqas saff wieħed fuq barra tal-okoumé mhux mgħotti b'film permanenti ta' materjali oħrajn, li joriġinaw mir-RPĊ, u li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 4412 31 10 (kodiċi TARIC 4412311010). Il-prodott ikkonċernat jintuża għal firxa wiesgħa ta' użi finali. Jintuża fl-industrija tal-bini f'applikazzjonijiet tal-mastrudaxxa u tal-karpentrija fuq barra għal xogħol bil-bords, bords tax-xaters, kantini fuq barra u balavostri u panewijiet mal-ġenb tax-xmajjar. Jintuża wkoll għal skopijiet aktar dekorattivi, inter alia, fit-trasport bit-triq (pereżempju l-karozzi, il-kowċis, il-karavans, il-karozzi tal-kamping), it-trasport bil-baħar (fil-jots), l-industrija tal-għamara u l-bibien.

(22)

Jeżistu żewġ tipi prinċipali ta' okoumé plywood, plywood magħmul kompletament bl-okoumé (“okoumé sħiħ”) u plywood b'tal-anqas wieħed mill-uċuħ ta' barra magħmul mill-okoumé u l-bqija magħmul minn injam ieħor (plywood b'wiċċ tal-okoumé) (dan tal-aħħar huwa magħruf ukoll bħala “combi” jew “twin”). Iż-żewġ tipi ewlenin tal-okoumé plywood għandhom l-istess dehra esterna. Minkejja differenzi fil-karatteristiċi mekkaniċi, huma kollha għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi, u jintużaw għall-istess skopijiet bażiċi.

2.   Il-prodott simili

(23)

L-investigazzjoni wriet li l-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi, kif ukoll l-istess użi bażiċi:

—

il-prodott ikkonċernat;

—

il-prodott immanifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(24)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn il-prodotti huma prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   IL-PROBABBILTÀ TA' TKOMPLIJA JEW TA' RIKORRENZA TAD-DUMPING

1.   Kummenti preliminari

(25)

Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk huwiex probabbli li l-iskadenza tal-miżuri eżistenti twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dumping.

(26)

Kif intqal fil-premessa (18) aktar 'il fuq, kumpanija waħda biss fir-RPĊ wieġbet il-kwestjonarju b'mod parzjali. Din il-kumpanija rrappurtat li la kienet qed tipproduċi u lanqas tbigħ il-okoumé plywood tul il-perjodu kkunsidrat.

(27)

Minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa ta' produtturi oħrajn fir-RPĊ, il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet Ċiniżi li skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment jew talba għal intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta mingħand l-awtoritajiet Ċiniżi.

(28)

Fuq il-bażi ta' dan, f'konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet fir-rigward tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza ta' dumping stabbiliti hawn taħt kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli, b'mod partikolari:

(i)

informazzjoni fit-talba għal-rieżami tal-iskadenza

(ii)

statistika tal-Eurostat u d-dejta miġbura mill-Istati Membri skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku (“bażi ta' dejta 14(6)”).

(iii)

statistika disponibbli għall-pubbliku tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (“FAO”).

Il-Bażi ta' Dejta tal-Istatistika dwar l-Esportazzjoni taċ-Ċina ma setgħetx tintuża minħabba li l-istruttura tal-kodifikazzjoni tagħha ma kinitx preċiża biżżejjed biex tipprovdi informazzjoni utli.

(29)

L-Eurostat u l-bażi ta' dejta 14(6) ma indikaw l-ebda importazzjoni tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ waqt il-PIR; għaldaqstant ma setax jiġi stabbilit dumping tul dan il-perjodu fis-suq tal-Unjoni.

(30)

Il-kalkolazzjonijiet ta' dumping saru fil-kuntest tal-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping.

2.   Żvilupp tal-importazzjonijiet f'każ li jitħassru l-miżuri

(31)

Sabiex tkun stabbilita l-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping jekk il-miżuri jiġu revokati, ġew analizzati l-elementi segwenti: (i) il-livelli possibbli ta' dumping fis-suq tal-Unjoni u f'pajjiżi terzi oħrajn, (ii) il-produzzjoni u l-kapaċità tal-produzzjoni fiċ-Ċina u (iii) l-attraenza tas-suq tal-Unjoni.

(32)

F'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultati fir-rigward tal-probabbiltà ta' rikorrenza ta' dumping stabbiliti hawn taħt kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli, jiġifieri s-sorsi elenkati fil-premessa (28).

(i)    Livelli ta' dumping possibbli fis-suq tal-Unjoni u pajjiżi terzi oħrajn

Il-pajjiż analogu

(33)

Erba' produtturi esportaturi ngħataw trattament ta' ekonomija tas-suq (TES) fl-investigazzjoni oriġinali. Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għall-produtturi esportaturi li jifdal għandu jkun determinat abbażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f'pajjiż terz b'ekonomija tas-suq. Għal dan il-għan, kellu jintgħażel pajjiż terz b'ekonomija tas-suq (“il-pajjiż analogu”).

(34)

It-Turkija ntgħażlet bħala l-pajjiż analogu fl-investigazzjoni oriġinali u fir-rieżami preċedenti. Fl-Avviż ta' Bidu tar-rieżami preżenti, il-Kummissjoni pproponiet li tuża lit-Turkija bħala pajjiż analogu.

(35)

Il-Kummissjoni fittxet informazzjoni rigward il-produtturi tal-okoumé plywood f'pajjiżi analogi potenzjali oħrajn u kkuntattjat lil produtturi magħrufin tal-okoumé plywood fil-Gabon, il-Marokk u l-Isvizzera u stednithom jipprovdu l-informazzjoni neċessarja.

(36)

Żewġ produtturi mill-Gabon u produttur mill-Marokk wieġbu għal din l-istedina u pprovdew l-informazzjoni mitluba. L-ebda wieħed mill-produtturi Torok ma kkoopera.

(37)

Il-Gabon ma kienx meqjus bħala pajjiż analogu xieraq minħabba li l-produtturi tal-okoumé plywood lokali kellhom vantaġġ kumparattiv ċar minħabba li kienu jibbenefikaw minn kostijiet tal-input tal-materja prima ferm aktar baxxi (7), il-prodott immanifatturat fil-Gabon għall-bejgħ fis-suq domestiku kien jidher ta' kwalità baxxa, is-suq domestiku kien limitat bl-ebda importazzjoni tal-okoumé plywood u dazju tal-importazzjoni ta' 30 %.

(38)

Il-Marokk kien ikkunsidrat bħala pajjiż analogu xieraq minħabba li, minkejja d-dazji tal-importazzjoni għoljin tiegħu, kellu importazzjonijiet sostanzjali tal-prodott simili li kienu qed jikkompetu mal-prodott immanifatturat fuq livell domestiku.

(39)

Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkumentaw dwar din l-għażla. Ma waslu l-ebda kummenti.

Il-valur normali

—   għall-produtturi esportaturi li ngħataw TES fl-investigazzjoni oriġinali

(40)

Kif issemma fil-premessa (33) aktar 'il fuq, erba' produtturi esportaturi ngħataw TES fl-investigazzjoni oriġinali. Minħabba nuqqas ta' kooperazzjoni, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-valur normali għal dawn il-produtturi esportaturi kien ibbażat fuq il-fatti disponibbli, jiġifieri l-istima magħmula fit-talba għal rieżami tal-iskadenza.

—   għall-produtturi esportaturi li ma ngħatawx TES fl-investigazzjoni oriġinali

(41)

Produttur wieħed Marokkin ikkopera u ssottometta tweġiba għall-kwestjonarju. Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kien ikkalkulat fuq il-bażi tad-dejta vverifikata fl-istabbiliment ta' dan il-produttur kif spjegat hawn taħt.

(42)

Il-valur normali kien stabbilit għaż-żewġ tipi ewlenin tal-prodott deskritti fil-premessa (22).

(43)

Sussegwentement, ġie eżaminat jekk il-bejgħ domestiku tal-prodott simili setax jitqies bħala bejgħ li sar fl-andament normali tal-kummerċ skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Dan sar billi, għall-prodott simili mibjugħ fis-suq tal-Marokk, ġie stabbilit il-proporzjon tal-bejgħ domestiku bi profitt lil klijenti indipendenti waqt il-PIR.

(44)

Billi l-volum ta' bejgħ bi profitt tal-prodott simili rrappreżenta inqas minn 80 % tal-volum ta' bejgħ totali tal-prodott simili, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku reali kkalkulat bħala medja ponderata tal-bejgħ bi profitt biss.

Prezz tal-esportazzjoni

(45)

Kif ġie nnutat aktar 'il fuq fil-premessa (28), minħabba n-nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa tal-produtturi Ċiniżi, il-prezz tal-esportazzjoni kien ibbażat fuq il-fatti disponibbli, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq informazzjoni fit-talba għal rieżami tal-iskadenza. B'mod speċifiku, il-prezz tal-esportazzjoni għaż-żewġ tipi prinċipali tal-prodott deskritti fil-premessa (22) kien ibbażat fuq aktar minn għaxar offerti kummerċjali lis-suq tal-Unjoni u lil pajjiżi terzi oħrajn (jiġifieri il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Isvizzera, it-Turkija, l-Istati tal-Golf u n-Norveġja), ikkomunikati bl-email jew disponibbli bħala offerti kummerċjali għal pubbliku fuq siti web Ċiniżi differenti waqt il-PIR, kif indikat fit-talba għal rieżami tal-iskadenza. Il-prezzijiet fl-offerti kummerċjali kienu jvarjaw minn 313 EUR/m3 sa 540 EUR/m3 (CIF). Għandu jiġi nnutat li dawn il-livelli ta' prezzijiet kienu fl-istess medda tal-livell tal-prezz tal-importazzjonijiet tal-okoumé plywood miċ-Ċina, kif irrappurtat mill-Eurostat u l-bażi ta' dejta 14(6) wara l-PIR (it-tielet kwart tal-2016). Għalkemm il-kwantitajiet ikkonċernati kienu marġinali, dan il-livell tal-prezz jikkonferma r-rappreżentattività tal-offerti kummerċjali bħala indikazzjoni tal-prezzijiet ta' esportazzjoni possibbli tal-okoumé plywood miċ-Ċina.

Paragun

(46)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni b'hekk stabbilit fuq il-bażi ta' kif joħroġ mill-fabbrika skont it-tip ta' prodott deskritt fil-premessa (22). Fejn dan kien iġġustifikat għall-iskop ta' paragun ġust, il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali ġew aġġustati għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-paragunabilità tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti għall-kostijiet tat-trasport (domestiċi u bl-oċean) abbażi tal-fatti disponibbli, f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq informazzjoni fit-talba għal rieżami tal-iskadenza.

Marġni tad-dumping

(47)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat skont it-tip ta' prodott kif stabbilit hawn fuq skont l-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.

—   għall-produtturi esportaturi li ngħataw TES fl-investigazzjoni oriġinali

(48)

Fuq il-bażi ta' dan, il-marġni tad-dumping medju ponderat espress bħala perċentwali tal-prezz fil-fruntiera tal-Unjoni fuq bażi tal-kost, l-assigurazzjoni u t-trasport (cost, insurance, freight — CIF), bid-dazju mhux imħallas, kien ta' aktar minn 45 % kemm fis-suq tal-Unjoni kif ukoll f'pajjiżi terzi oħrajn.

—   għall-produtturi esportaturi li ma ngħatawx TES fl-investigazzjoni oriġinali

(49)

Il-marġni tad-dumping medju ponderat espress bħala perċentwali tal-prezz fil-fruntiera tal-Unjoni fuq bażi tal-kost, l-assigurazzjoni u t-trasport (cost, insurance, freight — CIF), bid-dazju mhux imħallas, kien ta' aktar minn 100 % kemm fis-suq tal-Unjoni kif ukoll f'pajjiżi terzi oħrajn.

(ii)    Il-produzzjoni u l-kapaċità ta' produzzjoni fiċ-Ċina

Il-Produzzjoni fiċ-Ċina

(50)

Fin-nuqqas ta' kooperazzjoni mill-produtturi Ċiniżi u informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, il-produzzjoni fir-RPĊ ġiet stabbilita fuq bażi ta' stimi mogħtija mill-applikant fit-talba tiegħu għal rieżami tal-iskadenza attwali, ibbażati fuq l-aħjar għarfien tiegħu tas-suq.

(51)

L-applikant stima l-produzzjoni tal-okoumé plywood fiċ-Ċina fuq il-bażi tan-numru ta' zkuk tal-okoumé importati fiċ-Ċina fl-2014 li ntużaw għall-produzzjoni tal-plywood. Fuq il-bażi ta' dan, ġie stmat li l-produzzjoni tal-okoumé plywood kienet bejn tal-anqas 290 000 m3 u massimu ta' 2,9 miljun m3, skont it-tip ta' prodott manifatturat, kif deskritt fil-premessa (22), jiġifieri okoumé sħiħ jew plywood b'wiċċ tal-okoumé, rispettivament. Dan kien jikkorrispondi għal minimu ta' darba u nofs (1.5) sa massimu ta' 15-il darba tal-konsum totali tal-Unjoni.

Il-kapaċità ta' produzzjoni fiċ-Ċina

(52)

Fin-nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa tal-produtturi Ċiniżi tal-okoumé plywood jew informazzjoni oħra disponibbli dwar l-industrija Ċiniża tal-okoumé plywood, is-sitwazzjoni tal-industrija taċ-Ċina tal-plywood b'mod ġenerali (irrispettivament mit-tip tal-ispeċi tal-injam użat) ġiet eżaminata, kif sar fir-rieżami preċedenti. F'konformità mal-investigazzjonijiet preċedenti, ġie kkonfermat li l-plywood huwa prodott mill-istess kumpaniji, bl-istess tagħmir, irrilevanti mill-ispeċi użata. Ir-rieżami preċedenti stabbilixxa wkoll li l-okoumé plywood jħalli aktar qligħ minn tipi oħra ta' plywood. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta' miżuri, huwa probabbli li l-produtturi Ċiniżi jibdew ixaqilbu l-produzzjoni tagħhom minn tipi oħrajn ta' plywood għall-plywood tal-okoumé li jħalli aktar qligħ.

(53)

Fuq il-bażi ta' dan, il-kapaċità ta' produzzjoni sinifikanti potenzjalment disponibbli fiċ-Ċina hija indikata mill-volumi ta' produzzjoni tat-tipi kollha ta' plywood, li skont statistika tal-FAO kienet tlaħħaq il-113-il miljun m3 waqt il-PIR. Konsegwentement, bidla żgħira biss minn tipi oħrajn ta' injam għall-okoumé hija meħtieġa biex il-volumi tal-produzzjoni tal-okoumé plywood jiżdiedu sostanzjalment, u li mbagħad ikunu jistgħu jintużaw għall-esportazzjonijiet.

(iii)    L-attrazzjoni tas-suq tal-Unjoni

(54)

L-element prinċipali użat biex tiġi stabbilita l-attraenza tas-suq tal-Unjoni jekk il-miżuri jiġu revokati kien il-livell tal-prezz tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn pajjiżi terzi oħrajn meta mqabbel mal-livell tal-prezz tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni. L-offerti kummerċjali msemmijin aktar 'il fuq fil-premessa (45) għas-suq tal-Unjoni u pajjiżi terzi oħrajn indikaw li waqt il-PIR, is-suq tal-Unjoni kien tabiħaqq attraenti minħabba li l-prezzijiet tal-esportazzjoni taċ-Ċina tal-okoumé plywood lejn is-suq tal-Unjoni kienu ogħla mill-prezzijiet tal-esportazzjoni taċ-Ċina lejn is-swieq terzi l-oħrajn kollha li għalihom kienu disponibbli l-offerti kummerċjali, bl-eċċezzjoni tan-Norveġja. Prinċipalment, l-offerti tal-pezzijiet tal-esportazzjoni lejn is-suq tal-Unjoni kienu madwar 30 % ogħla minn dawk lejn il-Bożnja-Ħerzegovina u madwar 40 % ogħla milli lejn it-Turkija u l-Istati tal-Golf. Billi ma kienx hemm statistika disponibbli fuq il-volum ta' esportazzjoni taċ-Ċina ta' okoumé plywood lejn dawn il-pajjiżi, ir-rappreżentattività f'termini ta' volum ma setgħetx tiġi stabbilita. Madankollu, prezzijiet ta' esportazzjoni potenzjalment ogħla lejn l-Unjoni jagħmlu lis-suq tal-Unjoni attraenti, minħabba li kieku l-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni jħallu profitti akbar.

(55)

Barra minn hekk, dazji antidumping fuq importazzjonijiet tal-plywood miċ-Ċina (8) jeżistu fir-Repubblika tal-Korea, fil-Marokk u t-Turkija, filwaqt li l-Istati Uniti tal-Amerika ħarġu determinazzjoni preliminari tal-miżuri kompensatorji kontra l-plywood miċ-Ċina f'Jannar 2017. Għaldaqstant, il-produtturi esportaturi Ċiniżi ser ikollhom aċċess limitat għal dawn is-swieq u ser ikunu limitati fl-esportazzjoni tal-produzzjoni tagħhom jew fir-ridirezzjoni tal-esportazzjonijiet tagħhom lejn dawn is-swieq. Dan jirrendi s-suq tal-Unjoni aktar attraenti għall-importazzjonijiet tal-plywood miċ-Ċina.

(56)

Huwa għalhekk probabbli li jekk il-miżuri jiġu revokati, fid-dawl tal-kapaċità ta' produzzjoni konsiderevoli fiċ-Ċina li tista' tiżdied faċilment, l-esportazzjonijiet miċ-Ċina jkomplu f'volumi konsiderevoli lejn is-suq tal-Unjoni. Ta' min ifakkar li qabel ma ġew imposti l-miżuri oriġinali, fl-2004, il-volumi tal-bejgħ Ċiniżi fis-suq tal-Unjoni kienu jammontaw għal 83 606 m3, li jikkorrespondu għal 44 % tal-konsum tal-Unjoni waqt il-PIR.

3.   Konklużjoni dwar il-probabbiltà tar-rikorrenza tad-dumping

(57)

Bħala konklużjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni sinifikanti disponibbli fiċ-Ċina, il-possibbiltà li l-produtturi Ċiniżi faċilment iżidu l-volumi tal-produzzjoni disonibbli għall-esportazzjoni, il-prezzijiet għoljin oġġett ta' dumping possibbli fi swieq terzi oħrajn, kif ukoll fis-suq tal-Unjoni, u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni, jindikaw li revoka tal-miżuri x'aktarx twassal lil produtturi esportaturi Ċiniżi biex jerġgħu jidħlu fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet oġġett ta' dumping u fi kwantitajiet sinifikanti. Huwa għalhekk ikkunsidrat li jkun hemm probabblità ta' rikorrenza ta' dumping jekk il-miżuri antidumping attwali jitħallew jiskadu.

D.   DEFINIZZJONI TAL-INDUSTRIJA TAL-UNJONI

(58)

Fl-Unjoni, huwa magħruf li l-prodott simili jiġi mmanifatturat minn tlettax-il produttur fi Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja u Spanja. Il-produzzjoni totali tal-Unjoni hija stmata li hija ta' 162 000 m3. Il-produtturi tal-Unjoni li huma responsabbli għall-produzzjoni totali tal-Unjoni jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(59)

Kif issemma fil-premessa (12), intgħażel kampjun ta' ħames produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw 74 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni waqt il-PIR.

E.   IS-SITWAZZJONI TAS-SUQ TAL-UNJONI

1.   Il-konsum tal-Unjoni

(60)

Il-konsum fl-Unjoni tal-okoumé plywood kien stabbilit fuq il-bażi tal-volumi tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni li għamlu lment u produtturi oħrajn tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni u l-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni fuq il-bażi ta' dejta tal-Eurostat.

(61)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 1

Il-konsum tal-Unjoni

 

2012

2013

2014

PIR

Il-konsum totali (m3)

181 749

176 005

175 652

188 727

Indiċi (2012 = 100)

100

97

97

104

Sors: It-talba għal rieżami, l-Eurostat, it-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarji.

(62)

Mill-2012 għall-2013, il-kosum tal-Unjoni naqas. Bejn l-2012 u l-2014, ix-xejra ta' tnaqqis gradwalment stabbilizzat u bdiet turi sinjali ta' rkupru waqt il-PIR, biex b'hekk irriflettiet it-titjib marġinali f'ċerti attivitajiet industrijali. Konsegwentement, il-konsum tal-Unjoni naqas bi ftit, b'4 % matul il-perjodu kkunsidrat.

(63)

Madankollu, dan għandu jiġi kkunsidrat fid-dawl tal-iżviluppi wara r-rieżami preċedenti. Bejn il-PIR tar-rieżami preċedenti (l-1 ta' Ottubru 2008 — it-30 ta' Settembru 2009) u l-PIR tar-rieżami attwali, il-konsum tal-Unjoni b'mod ġenerali naqas b'35 % (minn 291 421 m3 waqt il-PIR tar-rieżami preċedenti għal 188 727 m3 waqt il-PIR tar-rieżami attwali), minkejja xejra ta' żieda marġinali tul il-perjodu attwali kkunsidrat. Ix-xejra ġenerali ta' tnaqqis, li kienet fil-fatt diġà bdiet timmanifesta ruħha anki minn qabel ir-rieżami preċedenti, ġiet spjegata mill-fatt li l-okoumé plywood, sa ċertu punt, ġie sostitwit minn speċijiet oħrajn ta' injam tropikali. Barra minn hekk, il-kriżi ekonomika u t-tnaqqis konsegwenti ta' ċerti attivitajiet industrijali, inklużi l-kostruzzjoni, in-nawtiżmu u l-vetturi kummerċjali/turistiċi ħfief, kienu kkontribwew għax-xejra ta' tnaqqis fid-domanda għall-okoumé plywood fl-Unjoni.

2.   Volum, prezzijiet u kwota tas-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

2.1.   Volum u kwota tas-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

Tabella 2

Il-volum u l-kwoti tas-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

 

2012

2013

2014

PIR

Volum ta' importazzjonijiet (m3)

1 043

0

62

0

Indiċi (2012 = 100)

100

0

6

0

Kwota tas-suq %

0,57

0,00

0,04

0,00

Sors: L-Eurostat.

(64)

Waqt il-perjodu kkunsidrat tal-investigazzjoni oriġinali, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet miċ-Ċina kien żdied b'pass mgħaġġel minn prattikament żero għal 18,7 % (9). Sussegwentement, dan naqas għal 4,3 % (12 620 m3) (10) waqt il-PIR tar-rieżami preċedenti. Waqt il-perjodu kkunsidrat tar-rieżami attwali, l-importazzjonijiet miċ-Ċina prattikament waqfu, bl-eċċezzjoni tal-2012, meta l-volumi ta' importazzjonijiet miċ-Ċina ammontaw għal madwar 1 000 m3.

2.2.   Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet u twaqqigħ tal-prezzijiet

Tabella 3

Il-prezz medju tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u t-twaqqigħ tal-prezzijiet

 

2012

2013

2014

PIR

Prezz medju (EUR/m3)

549

0,00

168

0,00

Indiċi (2012 = 100)

100

0

31

0

Sors: L-Eurostat

(65)

L-unika sena fejn kien hemm kwantitajiet sostanzjali ta' importazzjonijiet miċ-Ċina kienet l-2012. Tul dik is-sena, il-prezz medju tal-importazzjonijiet miċ-Ċina kien ta' 549 EUR/m3, li kien ferm aktar baxx mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni tul dik l-istess sena (756 EUR/m3).

3.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra

Tabella 4

Il-volumi tal-importazzjonijiet, is-sehem mis-suq u l-prezzijiet minn pajiżi terzi oħrajn

 

2012

2013

2014

PIR

Il-Gabon

40 467

43 964

41 029

42 711

Indiċi (2012 = 100)

100

109

101

106

Kwota tas-suq (%)

22,3

25,0

23,4

22,6

Prezz medju (EUR/mt3)

628,64

625,76

636,40

645,32

Indiċi (2012 = 100)

100

100

101

103

Il-Marokk

15 431

7 298

5 182

4 492

Indiċi (2012 = 100)

100

47

34

29

Kwota tas-suq %

8,5

4,1

3,0

2,4

Prezz medju (EUR/mt3)

662,27

678,51

696,75

700,81

Indiċi (2012 = 100)

100

102

105

106

Pajjiżi terzi oħrajn  (*1)

774

549

1 550

78

Indiċi (2012 = 100)

100

71

200

10

Kwota tas-suq %

0,4

0,3

0,9

0,0

Prezz medju (EUR/mt3)

545,80

572,55

576,47

842,50

Indiċi (2012 = 100)

100

105

106

154

Total ta' pajjiżi terzi oħra

56 672

51 812

47 761

47 281

Indiċi (2012 = 100)

100

91

84

83

Kwota tas-suq %

31,2

29,4

27,2

25,1

Prezz medju (EUR/mt3)

636,66

632,63

641,01

650,92

Indiċi (2012 = 100)

100

99

101

102

Sors: L-Eurostat.

(66)

Waqt il-perjodu kkunsidrat, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn kienu kważi esklussivament mill-Gabon u l-Marokk, filwaqt li s-sehem ta' pajjiżi terzi oħrajn kien negliġibbli. L-importazzjonijiet mill-Gabon u l-Marokk fl-Unjoni naqsu kontinwament minn 55 899 m3 fl-2012 għal madwar 47 203 m3 waqt il-PIR, jiġifieri b'16 %. Billi l-konsum tal-Unjoni żdied biss b'4 % (ara l-premessa (62) t-Tabella 1), is-sehem mis-suq korrispondenti tal-Gabon u l-Marokk kompla naqas, jiġifieri minn 30,8 % fl-2012 għal 25,0 % waqt l-PIR jew b'5,7 punti perċentwali.

(67)

Waqt il-perjodu kkunsidrat tal-investigazzjoni attwali, il-prezzijiet tal-importazzjoni mill-Gabon u l-Marokk bħala medja kienu bejn 16 % sa 17 % aktar baxxi mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni (ara t-tabella 8). Meta mqabblin mal-prezzijiet tal-importazzjoni miċ-Ċina fl-2012 (l-unika sena tul il-perjodu kkunsidrat fejn iċ-Ċina esportat kwantitajiet sostanzjali lejn l-Unjoni), il-prezzijiet tal-importazzjoni minn dawn il-pajjiżi kienu bħala medja 16 % ogħla mill-prezzijiet ta' importazzjoni taċ-Ċina.

(68)

B'mod aktar speċifiku, il-Gabon huwa l-akbar pajjiż terz esportatur lejn l-Unjoni. Il-volumi tal-importazzjonijiet mill-Gabon żdiedu minn 40 467 m3 l-2012 għal 42 711 m3 waqt il-PIR, jiġifieri b'6 %. Din iż-żieda ssarrfet f'żieda marġinali fis-sehem mis-suq tiegħu, minn 22,3 % fl-2012 għal 22,6 % waqt il-PIR, jiġifieri żieda ta' 0,3 punti perċentwali. Il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet mill-Gabon kienu bejn 17 % u 18 % aktar baxxi mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni (ara t-tabella 8), filwaqt li kienu ogħla mill-prezzijiet medji ta' importazzjoni miċ-Ċina fl-2012, jiġifieri l-unika sena b'volumi ta' importazzjonijiet sostanzjali minn dan il-pajjiż fis-suq tal-Unjoni. Dawn kienu ogħla wkoll mill-prezzijiet tal-importazzjoni potenzjali miċ-Ċina abbażi tal-offerti kummerċjali waqt il-PIR, kif imsemmi aktar 'il fuq fil-premessa (45). Dawn żdiedu marġinalment minn 628,64 EUR/m3 fl-2012 għal 645,32 EUR/m3 waqt il-PIR, li kienet tikkorrispondi għal żieda ta' 3 %.

(69)

Fir-rigward tal-Marokk, il-volumi ta' importazzjoni tiegħu naqsu konsiderevolment waqt il-perjodu kkunsidrat (minn 15 431 m3 fl-2012 għal 4 492 m3 waqt il-PIR). Konsegwentement, is-sehem mis-suq naqas minn 8,5 % fl-2012 għal 2,4 % waqt il-PIR. Il-prezzijiet tal-importazzjoni mill-Marokk kienu ogħla mill-prezzijiet tal-importazzjoni miċ-Ċina fl-2012 u ogħla mill-prezzijiet tal-importazzjoni potenzjali bbażati fuq l-offerti kummerċjali tul il-PIR kif imsemmi aktar 'il fuq fil-premessa (45).

4.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

4.1.   Rimarki ġenerali

(70)

F'konformità mal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi u l-indiċijiet ekonomiċi kollha li kellhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni.

(71)

Kif imsemmi fil-premessa (12), il-kampjunar intuża sabiex jiġi ddeterminat id-dannu.

(72)

Għad-determinazzjoni tad-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi tad-dannu. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi relatati mal-industrija tal-Unjoni kollha fuq bażi ta' informazzjoni provduta mill-applikant fit-talba għal rieżami tal-iskadenza u fuq il-bażi ta' dejta pprovduta fit-tweġibiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi mikroekonomiċi li jirrigwardaw biss il-kumpaniji inklużi fil-kampjun fuq il-bażi tad-dejta inkluża fit-tweġibiet għall-kwestjonarji mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Iż-żewġ settijiet ta' dejta nstabu li jirrappreżentaw is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(73)

L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum ta' bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, il-kobor tal-marġni tad-dumping u l-irkupru minn dumping tal-passat.

(74)

L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet medji għal kull unità, il-kost ta' kull unità, il-kost lavorattiv, l-inventarji, il-profittabilità, il-flussi tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità ta' ġbir tal-kapital.

4.2.   Indikaturi makroekonomiċi

4.2.1.   Produzzjoni, kapaċità ta' produzzjoni u użu tal-kapaċità

(75)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità ta' produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 5

Il-produzzjoni, il-kapaċità ta' produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

 

2012

2013

2014

PIR

Volum ta' produzzjoni (m3)

143 729

145 002

146 287

147 767

Indiċi (2012 = 100)

100

101

102

103

Volum ta' produzzjoni (m3)

179 561

182 583

184 388

184 738

Indiċi (2012 = 100)

100

102

103

103

Użu tal-kapaċità (%)

80

79

79

80

Indiċi (2012 = 100)

100

99

99

100

Sors: Talba għal rieżami, it-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarji

(76)

Il-produzzjoni żdiedet marġinalment waqt il-perjodu kkunsidrat minn 143 729 m3 fl-2012 għal 147 767 m3 waqt il-PIR, jiġifieri bi 3 %. Din iż-żieda rriflettiet it-titjib marġinali fis-suq tal-okoumé fl-Unjoni, kif issemma fil-premessa (62). Minkejja din iż-żieda marġinali, il-volum tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni baqa' aktar baxx mill-volumi misjubin fil-perjodu ta' investigazzjoni tal-investigazzoni oriġinali u waqt il-PIR tar-rieżami preċedenti, jiġifieri anqas minn 267 591 m3. Dan irrifletta t-tnaqqis fil-konsum fis-suq u l-fatt li l-produzzjoni ssir prinċpalment abbażi tal-ordnijiet.

(77)

Il-kapaċità tal-produzzoni żdiedet marġinalment, b'mod parallel mal-volum tal-produzzjoni, minn madwar 179 561 m3 fl-2012 għal 184 738 m3 waqt il-PIR, jiġifieri bi 3 %. Din il-kapaċità, madankollu, hija f'livell ferm aktar baxx milli fir-rieżami preċedenti, jiġifieri 68 % aktar baxxa mill-577 205 m3 stabbiliti waqt il-PIR tar-rieżami preċedenti. Dan kien minħabba l-għeluq ta' numru ta' produtturi tal-Unjoni: tal-okoumé plywood, inkluż l-akbar produttur fl-Unjoni, Plysorol, u anki minħabba t-tnaqqis fil-produzzjoni ta' dawk il-produtturi tal-Unjoni li baqgħu fin-negozju.

(78)

Billi l-adattament tal-kapaċità tal-produzzjoni biex din taqbel mal-livelli aktar baxxi tal-konsum saret qabel il-perjodu kkunsidrat, ir-rata tal-użu tal-kapaċità kienet stabbli u f'livell ogħla meta mqabbla mar-rati stabbiliti waqt il-PIR fir-rieżami preċedenti (41 %) (11).

4.2.2.   Il-volum tal-bejgħ u l-kwota tas-suq

(79)

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 6

Il-volum tal-bejgħ u l-kwota tas-suq

 

2012

2013

2014

PIR

Volum ta' produzzjoni (m3)

124 033

124 193

127 829

141 446

Indiċi (2012 = 100)

100

100

103

114

Kwota tas-suq (%)

68,2

70,6

72,8

74,9

Sors: Talba għal rieżami, it-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarji

(80)

Il-volum tal-bejgħ żdied matul il-perjodu kkunsidrat minn 124 033 m3 fl-2012 għal madwar 141 446 m3 waqt il-PIR, jiġifieri b'14 %, li kienet aktar minn żieda ta' 4 % tal-konsum deskritt fil-premessa (62). Għaldaqstant, iż-żieda fil-volumi ta' bejgħ, meta wieħed iqis ukoll it-tnaqqis parallel fl-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra deskritti fil-premessa (66), ikkontribwixxiet għal żieda fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni minn 68,2 % fl-2012 għal 74,9 % waqt il-PIR. Madankollu, dan il-livell ta' sehem mis-suq xorta huwa inqas mis-sehem mis-suq ta' 80,2 % tal-industrija tal-Unjoni waqt il-PIR tar-rieżami preċedenti.

4.2.3.   It-tkabbir

(81)

Filwaqt li l-konsum tal-Unjoni żdied b'4 % matul il-perjodu kkunsidrat, il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni żdied aktar, jiġifieri b'14 %, li sarraf f'żieda fis-sehem mis-suq ta' 6,7 punti perċentwali.

4.2.4.   L-impjiegi u l-produttività

(82)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kif ġej:

Tabella 7

L-impjiegi u l-produttività

 

2012

2013

2014

PIR

Għadd ta' impjegati

543

480

470

492

Indiċi (2012 = 100)

100

88

87

91

Produttività (m3/impjegat)

265

302

311

300

Indiċi (2012 = 100)

100

114

118

113

Sors: Talba għal rieżami, it-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarji.

(83)

L-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni b'mod ġenerali naqsu mill-2012 għall-2014 bi 13 % u sussegwentement żdiedu bi ftit (b'4 %) mill-2014 għall-PIR. Kumplessivament, tul il-perjodu kkunsidrat dawn żdiedu b'9 %. Minħabba għeluq u ristrutturar ta' kumpaniji, il-livell tal-impjieg waqt il-perjodu kkunsidrat kien biss madwar nofs il-livell stabbilit waqt il-PIR tar-rieżami preċedenti (983 persuna).

(84)

Kif spjegat fil-premessa (76), il-volum ta' produzzjoni żdied bi 3 % waqt il-perjodu kkunsidrat. Konsegwentement, il-produttività mkejla bħala output annwali (metri kubi) għal kull persuna impjegata naqset bi 13 % waqt il-perjodu kkunsidrat. Dan jirrifletti l-fatt li l-produzzjoni żdiedet marġinalment, filwaqt li l-livelli ta' impjieg naqsu. Din hija indikazzjoni tal-effiċjenza mtejba u r-riżultati tar-ristrutturar mill-produtturi tal-Unjoni.

4.2.5.   Id-daqs tal-marġni tad-dumping u l-irkupru minn dumping preċedenti

(85)

Kif imsemmi fil-premessa (29), ma kienx hemm importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ waqt il-PIR. Għaldaqstant, ma setax jiġi stabbilit dumping waqt dan il-perjodu fis-suq tal-Unjoni u d-daqs tal-marġni tad-dumping ma setax jiġi vvalutat. Konsegwentement, lanqas kien hemm pressjoni diretta fuq il-prezz fis-suq tal-Unjoni waqt il-perjodu kkunsidrat. Fuq din il-bażi, il-miżuri antidumping fis-seħħ kienu effettivi b'mod ġenerali.

4.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

4.3.1.   Il-prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(86)

Il-prezzijiet tal-bejgħ medji tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 8

Prezzijiet medji tal-bejgħ u l-kostijiet tal-unitajiet

 

2012

2013

2014

PIR

Prezz tal-bejgħ medju ta' unità fl-Unjoni (EUR/m3)

756

760

771

780

Indiċi (2012 = 100)

100

101

102

103

Kost unitarju tal-produzzjoni (EUR/m3)

783

762

759

778

Indiċi (2012 = 100)

100

97

97

99

Sors: It-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarji

(87)

Il-prezz medju tal-bejgħ tal-unitajiet tal-industrija tal-Unjoni lill-klijenti mhux relatati fl-Unjoni żdied bi 3 % matul il-perjodu kkunsidrat. Dawn il-livelli ta' prezzijiet kienu madankollu aktar baxxi minn dawk osservati waqt l-investigazzjoni ta' rieżami preċedenti, meta kienu żdiedu minn 786 EUR/m3 fl-2006 għal 887 EUR/m3 waqt il-PIR, fejn imbagħad laħqu massimu ta' 930 EUR/m3 fl-2008 (12).

(88)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-kost unitarju tal-produzzjoni naqas b'1 %.

(89)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-industrija tal-Unjoni qed taddatta għas-sitwazzjoni tas-suq iddeterjorata permezz ta' tnaqqis tal-kapaċità tal-produzzjoni tagħha u l-kost tal-produzzjoni tagħha meta mqabblin mal-PIR tar-rieżami preċedenti. Kif spjegat fil-premessa (77), dan involva l-għeluq ta' produtturi tal-Unjoni kbar u tnaqqis fil-produzzjoni qabel il-perjodu kkonċernat u titjib fil-produttività waqt il-perjodu kkunsidrat, kif inhu deskritt fil-premessa (84).

4.3.2.   Kostijiet lavorattivi

(90)

Il-kostijiet medji lavorattivi tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat:

Tabella 9

Kostijiet lavorattivi

 

2012

2013

2014

PIR

Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)

32 266

33 259

33 516

32 638

Indiċi (2012 = 100)

100

103

104

101

Sors: It-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarji

(91)

Bejn l-2012 u l-PIR, il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kienu stabbli. Dawn żdiedu biss marġinalment b'1 %.

4.3.3.   Inventarji

(92)

Il-livelli tal-ħażniet tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw matul il-perjodu kkunsidrat kif ġej:

Tabella 10

L-inventarji

 

2012

2013

2014

PIR

Ħażniet ta' għeluq (f'm3)

10 172

10 780

12 060

7 661

Indiċi (2012 = 100)

100

106

119

75

Il-ħażna tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni

9

9

10

7

Indiċi (2012 = 100)

100

106

117

73

Sors: It-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarji

(93)

Normalment, kif osservat ukoll fl-investigazzjoni oriġinali, il-okoumé plywood jiġi prodott skont l-ordnijiet li jidħlu u l-livelli tal-ħażna jkunu tipikament baxxi. Madankollu, il-livelli tal-ħażna żdiedu tul il-perjodu kkunsidrat tar-rieżami preċedenti u laħqu s-6 589 m3 waqt il-PIR tar-rieżami preċedenti bħala konsegwenza ta' tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ. Waqt il-perjodu kkunsidrat tar-rieżami attwali, dawn baqgħu f'livell relattivament għoli u naqsu biss waqt il-PIR attwali. Fi kwalunkwe każ, dawn xorta baqgħu ogħla mil-livell li, b'mod raġonevoli, jista' jitqies li jirrifletti l-ammonti ta' prodotti mibjugħin iżda mhux ikkonsenjati.

(94)

Kumplessivament, il-ħażniet tal-għeluq żdiedu b'25 % matul il-perjodu kkunsidrat. Il-ħażniet tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni naqsu minn 9 % fl-2012 għal 7 % matul il-PIR, jiġifieri b'2 punti perċentwali.

4.3.4.   Il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiżdied il-kapital

Tabella 11

Il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti, il-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital

 

2012

2013

2014

PIR

Profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil konsumaturi mhux relatati (% tal-fatturat mill-bejgħ)

– 3,5

– 0,2

1,6

0,3

Indiċi (2012 = 100)

100

195

247

208

Fluss tal-flus (EUR)

2 212 306

3 019 172

3 020 670

1 614 559

Indiċi (2012 = 100)

100

136

137

73

Investimenti (EUR)

665 967

3 052 041

9 226 166

1 991 786

Indiċi (2012 = 100)

100

458

1 385

299

Redditu fuq l-investimenti (%)

– 8,2

– 0,4

3,9

0,7

Indiċi (2012 = 100)

100

195

247

208

Sors: It-tweġibiet ivverifikati għall-kwestjonarji.

(95)

Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-prodott simili għall-konsumaturi mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta' dak il-bejgħ. Waqt il-perjodu kollu kkunsidrat, il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni kienet baxxa ferm. Il-profittabbiltà kienet negattiva fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat u saret biss marġinalment pożittiva fl-2014 u waqt il-PIR. B'mod ġenerali, din irkuprat minn -3,5 % fl-2012 għal 0,3 % waqt il-PIR. Dan il-livell huwa ferm aktar baxx minn dak osservat fir-rieżami preċedenti, fejn kien ivarja bejn 4,3 % u 9,8 %. Kif spjegat fil-premessi (86) sa (89) aktar 'il fuq, it-titjib fil-profittabbiltà rriżulta minn żieda marġinali fil-prezzijiet tal-bejgħ u fil-volumi tal-bejgħ u anki minħabba tnaqqis marġinali fil-kost tal-produzzjoni, li rriżulta wkoll parzjament minħabba titjib fil-produttività.

(96)

Il-fluss tal-flus nett huwa l-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tiffinanzja hija stess l-attività tagħha. Il-fluss tal-flus żdied mill-2012 għall-2014 u naqas waqt il-PIR, fejn laħaq livelli aktar baxxi minn dawk tal-2012. Kumplessivament, f'termini assoluti, il-fluss tal-flus kien f'livell baxx tul il-perjodu kkunsidrat kollu u kien ferm aktar baxx milli waqt il-perjodu kkunsidrat tar-rieżami preċedenti, fejn kien ivarja bejn EUR 10,5 miljun u EUR 15,9 miljun. Il-livell baxx ta' fluss tal-flus huwa konformi mal-profittabbiltà baxxa osservata tul il-perjodu kkunsidrat tar-rieżami attwali.

(97)

Marbutin mat-tnaqqis fl-industrija tal-Unjoni, l-investimenti fil-bidu tal-perjodu kkunsidrat (2012) kienu f'livell baxx ħafna u materjalment aktar baxxi mil-livelli osservati waqt ir-rieżami preċedenti u anki aktar baxxi mil-livell neċessarju sabiex jinħoloq kumpens għad-deprezzament tal-assi fissi. Dawn laħqu livelli paragunabbli mar-rieżami preċedenti (bejn EUR 3,6 miljun u EUR 8,1 miljun) fis-snin 2013 u 2014, iżda naqsu għal darba oħra waqt il-PIR tal-investigazzjoni attwali.

(98)

Ir-redditu fuq l-investiment huwa l-profitt f'perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-assi fiss. Bħal fil-każ tal-indikaturi finanzjarji l-oħrajn, ir-redditu fuq l-investiment mill-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili kien negattiv fl-2012 u l-2013 u kemxejn pożittiv fl-2014 u waqt il-PIR, fejn irrifletta x-xejra ta' profittabbiltà. Kumplessivament, ir-redditu fuq l-investimenti żdied minn -8,2 % għal 0,7 % matul il-perjodu kkunsidrat.

(99)

Fejn tidħol il-kapaċità li jiġi ġġenerat il-kapital, il-profitt baxx tal-industrija tal-Unjoni u l-abbiltà dgħajfa tagħha li tiġġenera l-flus kontanti għamlu ż-żieda tal-fondi ġġenerati internament baxxa ħafna. Konsegwentement, l-abbiltà li jiġi ġġenerat il-kapital kienet iddeterjorat minn meta sar ir-rieżami preċedenti. F'ċerti każijiet, dan ħalla impatt fuq l-abbiltà li twettaq l-investimenti.

5.   Konklużjoni dwar il-ħsara

(100)

L-analiżi wriet li l-industrija tal-Unjoni kienet f'sitwazzjoni fraġli. Wara t-tnaqqis fil-konsum tas-suq tal-Unjoni wara r-rieżami preċedenti, kif inhu deskritt fil-premessa (62), l-industrija tal-Unjoni kellha tadatta għall-kundizzjonijiet tas-suq deterjorati, li tjiebu biss waqt il-PIR. L-Unjoni rreaġixxiet permezz ta' ristrutturar u tnaqqis fin-numru ta' impjegati, u dan irriżulta fl-għeluq ta' numru ta' produtturi tal-Unjoni, telf sinifikanti ta' impjiegi, kif ukoll tnaqqis sostanzjali fil-kapaċità ta' produzzjoni u fil-volum ta' produzzjoni meta mqabbel mar-rieżami preċedenti. Dawn l-isforzi kien qed jibda jkollhom impatt pożittiv lejn l-aħħar tal-perjodu kkunsidrat tar-rieżami attwali, fejn il-produttività tal-industrija tal-Unjoni, il-bejgħ, is-sehem mis-suq u l-profittabbiltà reġgħu żdiedu. Madankollu, il-proċess ta' rkupru tal-industrija tal-Unjoni huwa wieħed kajman u għadu fi stadju bikri, minħabba li l-profitt milħuq waqt il-PIR kien baxx ħafna meta mqabbel ma' dak milħuq waqt il-perjodu kkunsidrat tar-rieżami preċedenti.

F.   IL-PROBABBILTÀ TA' RIKORRENZA JEW TA' KONTINWAZZJONI TAL-ĦSARA

(101)

Ir-rieżami preċedenti kkonkluda li l-iskadenza tal-miżuri x'aktarx tirriżulta f'rikorrenza tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni kkawżat minn importazzjonijiet tal-prodott kkonċernat li huwa l-oġġett ta' dumping mir-RPĊ (13).

(102)

Wara r-rieżami preċedenti, is-suq tal-Unjoni tal-okoumé plywood kien iddeterjora b'konsum imnaqqas, kif inhu deskritt fil-premessa (63) aktar 'il fuq. Konsegwentement, l-irkupru osservat fir-rieżami preċedenti kien treġġa' lura wara u l-industrija tal-Unjoni kienet għaddiet minn serje ta' għeluq. Kien biss waqt l-aħħar sentejn tal-perjodu kkunsidrat tar-rieżami attwali li l-industrija tal-Unjoni reġgħet bdiet tirreġstra l-profitti, li madankollu xorta baqgħu baxxi ħafna u biss marġinalment ogħla minn punt ta' ekwilibriju anki waqt il-PIR.

(103)

Ir-rieżami attwali wera li l-industrija tal-Unjoni qiegħda f'sitwazzjoni fraġli. Għaldaqtant, l-industrija tal-Unjoni tkun partikolarment vulnerabbli jekk importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping u bi prezzijiet baxxi miċ-Ċina jerġgħu jibdew jidħlu fis-suq tal-Unjoni. Huwa għalhekk tassew probabbli li d-dannu materjali jerġa' jseħħ jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Għadd ta' elementi jappoġġjaw din il-valutazzjoni.

(104)

L-ewwel nett, kif ġie deskritt fil-premessi (52) u (53) aktar 'il fuq, fid-dawl ta' kapaċitajiet ta' produzzjoni konsiderevoli tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-kapaċità żejda stmata sinifikanti taċ-Ċina u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni, huwa probabbli li fin-nuqqas ta' miżuri l-importazzjonijiet miċ-Ċina jissoktaw fi kwantitajiet sinifikanti. Bħala indikazzjoni tal-potenzjal tal-produtturi esportaturi Ċiniżi li jżidu l-produzzjoni u l-esportazzjoni tagħhom tal-okoumé plywood malajr, għandu jiġi mfakkar li fl-investigazzjoni oriġinali, il-produtturi esportaturi Ċiniżi kienu kapaċi jżidu l-esportazzjonijiet tagħhom lejn is-suq tal-Unjoni minn madwar 9 500 m3 għal aktar minn 83 500 m3 f'inqas minn tliet snin (mill-2001 sa nofs l-2003).

(105)

L-ebda element ma nstab li jindika li l-użu tal-okoumé fil-produzzjoni tal-plywood ġie sostitwit b'mod stabbli minn speċijiet oħrajn ta' injam. L-investigazzjoni żvelat li l-produtturi Ċiniżi għadhom jużaw l-okoumé biex jimmaifatturaw il-plywood, kif muri fil-premessa (51) aktar 'il fuq, permezz tal-volum ta' produzzjoni sinifikanti tal-okoumé plywood disponibbli fiċ-Ċina. Minħabba dazji antidumping fis-seħħ, l-importazzjonijiet miċ-Ċina kważi waqfu waqt il-perjodu kkunsidrat. Madankollu, kif ikkonfermat mill-investigazzoni, kien għad hemm domanda għall-okoumé plywood fis-suq tal-Unjoni waqt l-istess perjodu.

(106)

It-tieni nett, fir-rigward tal-livell tal-prezz probabbli, li fih il-produtturi esportaturi Ċiniżi kieku jesportaw lejn is-suq tal-Unjoni, billi ma kienx hemm importazjonijiet miċ-Ċina waqt il-PIR, dan kien ibbażat fuq l-offerti kummerċjali lis-suq tal-Unjoni u pajjiżi terzi oħrajn ipprovduti fit-talba għal rieżami tal-iskadenza, kif deskritt fil-pemessa (45). Fuq il-bażi ta' dan, il-prezzijiet kieku jvarjaw bejn 313 EUR/m3 u 540 EUR/m3. Ir-rappreżentattività ta' dawn l-indikazzjonijiet tal-prezzijiet ġiet ikkonfermata mil-livell tal-prezz irrappurtat fil-bażi ta' dejta 14(6) wara l-PIR tar-rieżami attwali, kif inhu msemmi fil-premessa (45).

(107)

Fuq din il-bażi, il-prezzjiet tal-importazzjoni miċ-Ċina jwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b'medja ta' aktar minn 100 %.

(108)

Fil-każ probabbli li l-importazzjonijiet miċ-Ċina tal-prodott ikkonċernat jerġgħu jidħlu fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet oġġett ta' dumping li jkunu ferm aktar baxxi mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u fi kwantitajiet sinifikanti, l-industrija tal-Unjoni ma tkunx f'pożizzjoni li żżomm il-livelli tal-prezzijiet attwali tagħha. Din il-probabblità ta' dipressjoni fil-prezzijiet tabilħaqq ixxekkel l-irkupru attwali u fraġli tal-industrija tal-Unjoni u l-industrija tal-Unjoni tispiċċa ġġarrab telf malajr ħafna.

(109)

Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni kieku titlef il-bejgħ u s-sehem mis-suq fis-suq tal-Unjoni b'mod rapidu u, konsegwentement, tonqos il-produzzjoni. B'riżultat ta' dan, ir-rata ta' utilizzazzjoni tal-kapaċità, li kienet laħqet livelli aċċettabbli biss wara proċess ta' ristrutturar sinifikanti, terġa' tonqos. Dan l-iżvilupp x'aktarx li jwassal għal aktar għeluq ta' produtturi tal-Unjoni. Fil-fatt, b'kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni li għadha fraġli tal-industrija tal-Unjoni, mhuwiex eskluż li anki l-eżistenza nnifisha ta' din l-industrija fl-Unjoni titqiegħed f'periklu.

(110)

Fuq il-bażi ta' dak li ntqal hawn fuq, huwa konkluż li f'każ li l-miżuri jitħallew jiskadu, x'aktarx ikun hemm rikorrenza tad-dannu malajr minn importazzjonijiet mill-ġdid oġġett ta' dumping tal-prodott ikkonċernat miċ-Ċina.

G.   L-INTERESS TAL-UNJONI

1.   Kummenti preliminari

(111)

F'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk iż-żamma tal-miżuri antidumping eżistenti kontra ċ-Ċina tmurx kontra l-interessi tal-Unjoni b'mod ġenerali. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tal-interessi varji kollha involuti, inklużi dawk tal-industrija tal-Unjoni, tal-importaturi u tal-utenti.

2.   L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(112)

Iż-żamma ta' miżuri antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat miċ-Ċina ttejjeb il-possibbiltà għall-industrija tal-Unjoni li tilħaq livell raġonevoli ta' profittabbiltà, minħabba li dan jgħin lill-industrija tal-Unjoni żżomm il-prezzijiet tagħha f'livelli raġonevoli li jkopru l-kost tal-produzzjoni. Il-miżuri jipprevjenu lill-produtturi esportaturi Ċiniżi milli jżidu l-volumi ta' esportazzjoni tagħhom b'mod sostanzjali f'livelli ta' prezzijiet baxxi u oġġett ta' dumping u għalhekk jimbuttaw 'il barra mis-suq lill-industrija tal-Unjoni. Tabilħaqq, teżisti probabbiltà ċara ta' rikorennza ta' dumping ta' dannu f'volumi sostanzjali li l-industrija tal-Unjoni ma tiflaħx għalihom, speċjalment meta wieħed jikkunsidra s-sitwazzjoni vulnerabbli tagħha wara d-deterjorazzjoni tas-suq. Il-miżuri jippermettu lill-industrija tal-Unjoni tikkonsolida l-irkupru tagħha u ttejjeb l-indikaturi ekonomiċi u finanzjarji tagħha biex tilħaq profittabbiltà stabbli u sana. Min-naħa l-oħra, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, anki l-eżistenza tal-industrija tal-Unjoni titqiegħed f'periklu, u dan iwassal għall-għeluq u telf ta' impjiegi fis-suq tal-Unjoni.

(113)

Għalhekk ġie konkluż li huwa ċar li ż-żamma tal-miżuri antidumping kontra ċ-Ċina tkun fl-interess ċar tal-industrija tal-Unjoni.

3.   L-interessi tal-importaturi

(114)

Ġew ikkuntattjati madwar 36 importatur/utent magħrufa potenzjali fl-istadju tal-bidu u ġew mistiedna jispjegaw l-attività tagħhom u biex jimlew formola ta' kampjunar għal importaturi mhux relatati mehmuża mal-Avviż ta' Bidu, jekk applikabbli.

(115)

Tlettax-il importatur issottomettaw il-formola ta' kampjunar. Kollha indikaw li ma importawx okoumé plywood miċ-Ċina.

(116)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe evidenza li tissuġġerixxi li l-miżuri antidumping attwali affettwaw lill-importaturi b'mod konsiderevoli, ġie konkluż li ż-żamma tal-miżuri mhijiex ser taffettwa lill-importaturi tal-Unjoni b'mod sinifikanti.

(117)

Fir-rigward tal-utenti, dawk prinċipali qegħdin fl-industrija tal-bini, applikazzjonijiet industrijali bħat-trasport u l-utenti finali marittimi, u stabbilimenti oħrajn bħal tal-għamara. Dawn l-industriji jammontaw għal madwar 80 % tal-konsum tal-okoumé plywood skont it-talba għal rieżami ta-iskadenza. Utenti prinċipali oħrajn huma l-manifatturi industrijali ta' prodotti mobbli, bħal mezzi tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija u marittimi, u trasportazzoni vertikali (liftijiet).

(118)

L-ebda wieħed mill-utenti li ġew ikkuntattjati fl-istadju ta' bidu ma ppreżentaw kummenti. Barra minn hekk, l-ebda operatur ma ppreżenta ruħu wara l-pubblikazzjoni tal-Avviż ta' Bidu.

(119)

Filwaqt li l-ebda assoċjazzjoni ta' utenti tal-okoumé plywood mhi magħrufa, il-Kummissjoni kkuntattjat lill-“Organizzazzjoni Ewropea tal-Konsumatur” u stednitha tagħti l-opinjonijiet tagħha. Ma waslu l-ebda kummenti.

(120)

Barra minn hekk, l-ebda utent jew assoċjazzjoni oħra ma ressqu kummenti.

(121)

Fuq il-bażi ta' dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li ż-żamma tal-miżuri, ma jkollhiex impatt negattiv sinifikanti fuql-utenti fl-Unjoni.

4.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(122)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm raġunijiet konvinċenti li jwasslu għall-konklużjoni li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li jinżammu l-miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-okoumé plywood mir-RPĊ.

H.   MIŻURI ANTIDUMPING

(123)

Mill-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq jirriżulta li, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' okoumé plywood li joriġina mir-RPĊ, imposti bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 82/2011, għandhom jinżammu.

(124)

Ir-rati tad-dazju antidumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f'dan ir-Regolament japplikaw biss għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn dawn il-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament bl-isem u l-indirizz tagħha, inklużi l-entitajiet relatati ma' dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

(125)

Kwalunkwe pretensjoni li titlob l-applikazzjoni ta' dawn ir-rati ta' dazju antidumping individwali (pereżempju wara bidla fl-isem tal-entità jew wara l-istabbiliment ta' entitajiet ġodda tal-produzzjoni jew ta' bejgħ) għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni flimkien mal-informazzjoni rilevanti kollha, b'mod partikolari kwalunkwe bidla fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni, il-bejgħ domestiku u għall-esportazzjoni assoċjat ma', pereżempju, dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni jew bejgħ. Jekk ikun xieraq, dan ir-Regolament imbagħad jiġi emendat skont kif ikun meħtieġ billi tiġi aġġornata l-lista tal-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati tad-dazju individwali.

(126)

Sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta' evażjoni minħabba d-differenza kbira fir-rati tad-dazju, huwa kkunsidrat li f'dan il-każ huma meħtieġa miżuri speċjali biex jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tad-dazji antidumping. Dawn il-miżuri speċjali jinkludu l-preżentazzjoni lill-awtoritajiet Doganali tal-Istati Membri ta' fattura kummerċjali valida, li tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(3) ta' dan ir-Regolament. L-importazzjoni li ma tkunx akkumpanjata minn tali fattura għandha tkun soġġetta għad-dazju anti-dumping applikabbli għal“il-kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(127)

Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw mir-rati individwali inqas tad-dazju jiżdiedu b'mod sinifikanti fil-volum wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, it-tali żieda fil-volum tista' titqies li tikkostitwixxi fiha nfisha bidla fil-mudell tan-negozju minħabba l-impożizzjoni ta' miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. Fit-tali ċirkustanzi u diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet, tista' tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkumvenzjoni. Din l-investigazzjoni, fost l-oħrajn, tista' teżamina l-bżonn tat-tneħħija tar-rati individwali tad-dazju u l-impożizzjoni konsegwenti ta' dazju applikabbli għall-pajjiż kollu.

(128)

Il-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 ma esprimiex opinjoni.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju antidumping definittiv huwa bil-preżenti impost fuq l-importazzjoni ta' okoumé plywood, iddefinit bħala plywood li jikkonsisti biss minn folji ta' injam, b'kull saff ma jaqbiżx ħxuna ta' 6 mm, b'tal-anqas saff wieħed fuq barra tal-okoumé mhux mgħotti b'film permanenti ta' materjal ieħor, u li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 4412 31 10 (kodiċi TARIC 4412311010) u joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping applikabbli għall-prezz nett, ħieles fuq il-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, għall-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u mmanifatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandha tkun kif ġej:

Kumpanija

Rata tad-dazju

Kodiċi TARIC addizzjonali

Nantong Zongyi Plywood Co. Ltd Xingdong Town, Tongzhou City, Jiangsu Province, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

9,6 %

A526

Zhejiang Deren Bamboo-Wood Technologies Co. Ltd Linhai Economic Development Zone, Zhejiang, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

23,5 %

A527

Zhonglin Enterprise (Dangshan) Co. Ltd Xue Lou Miao Pu, Dangshan County, Anhui Province 235323, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

6,5 %

A528

Jiaxing Jinlin Lumber Co. Ltd North of Ganyao Town, Jiashan, Zhejiang Province, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

17 %

A529

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

66,7 %

A999

3.   L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmijin fil-paragrafu 2 għandha tkun bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha tidher dikjarazzjoni ddatata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b'ismu/isimha u l-kariga, abbozzata kif ġej: “Jien, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-(volum) ta' okoumé plywood mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert b'din il-fattura, ġie manifatturat minn (l-isem u l-indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f'din il-fattura hija kompluta u korretta.” Jekk ebda fattura bħal din ma tiġi ppreżentata, għandu japplika d-dazju applikabbli fuq “Il-kumpaniji l-oħrajn kollha”.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' April 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1942/2004 tat-2 ta' Novembru 2004 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-okoumé plywood li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 336, 12.11.2004, p. 4).

(3)  Ir-Regolament ta' implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 82/2011 tal-31 ta' Jannar 2011 li jistabbilixxi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjoni ta' okoumé plywood li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina b'segwitu għal reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 u li jtemm reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 28, 2.2.2011, p. 1).

(4)  Avviż dwar l-iskadenza imminenti ta' ċerti miżuri ta' antidumping (ĠU C 161, 14.5.2015, p. 8).

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51). Dan ir-Regolament tħassar mir-Regolament (UE) 2016/1036.

(6)  Notifika ta' bidu ta' rieżami ta' skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-okoumé plywood li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 34, 29.1.2016, p. 5).

(7)  Okoumé huwa injam tropikali li jikber prinċipalment fil-Gabon u f'livell inqas fil-Ginea Ekwatorjali u fil-Kamerun.

(8)  Il-kodiċi HS 4412 31.

(9)  Ara l-premessa (77) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 988/2004 tas-17 ta' Mejju 2004 li jimponi dazju provviżorju ta' antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-okoumé plywood li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 181, 18.5.2004, p. 5).

(10)  Ara l-premessi (42) u (43) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 82/2011.

(*1)  Minbarra l-Gabon u l-Marokk.

(11)  Ara l-premessa (50) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 82/2011.

(12)  Ara l-premessa (53) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 82/2011.

(13)  Ara l-premessi 64 sa 72 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 82/2011.