Brussell, 24.11.2022

COM(2022) 649 final

ANNESS

tal-proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq, fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-kontinwazzjoni tal-Ftehim


Deċiżjoni Nru 1/2022 tal-Kumitat Konġunt  
stabbilit bil-Ftehem bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq, fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-kontinwazzjoni tal-Ftehim

ta’ …

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq 1 iffirmat fid-29 ta’ Ġunju 2022, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(2), (5) u (6) tiegħu,

Billi:

(1)Kif stabbilit fl-Artikolu 5(1) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”), il-Ftehim għandu japplika sal-31 ta’ Marzu 2023.  

(2)Kif stabbilit fl-Artikolu 6(2) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jitlaqqa’ mhux iktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza tal-Ftehim sabiex jivvaluta u jiddeċiedi l-ħtieġa għall-kontinwazzjoni tal-Ftehim, inkluż id-durata tiegħu.

(3)Il-monitoraġġ tal-Ftehim wera li pprovda benefiċċji f’termini ta’ kummerċ kemm għall-Unjoni Ewropea kif ukoll għar-Repubblika tal-Moldova, u li ż-żieda fis-servizzi tat-trasport bit-triq kienet ta’ benefiċċju wkoll għall-operaturi tat-trasport bit-triq taż-żewġ partijiet.

(4)Il-Ftehim ippermetta lir-Repubblika tal-Moldova tibda tidderieġi mill-ġdid il-kummerċ tagħha lejn l-Unjoni Ewropea u għalhekk ikkontribwixxa għall-integrazzjoni progressiva tal-ekonomija tal-Moldova fl-ekonomija tal-Punent. Flimkien ma’ ftehim komparabbli dwar it-trasport bit-triq iffirmat mal-Ukrajna, dan iffaċilita wkoll l-esportazzjoni ta’ merkanzija Ukrena, u kkontribwixxa għall-Korsiji ta’ Solidarjetà.

(5)L-estensjoni tal-Ftehim jenħtieġ li tinftiehem bħala kontribut ukoll għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

(6)Għalhekk jidher xieraq li l-Ftehim jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2025.

(7)Kif stabbilit fl-Artikolu 6(6) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

(8)Għalhekk, ir-regoli ta’ proċedura kif stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jiġu adottati,

 

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Kontinwazzjoni tal-Ftehim

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq hu b’dan estiż sal-31 ta’ Diċembru 2025.

Artikolu 2

Regoli ta’ proċedura

Ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt, kif stabbiliti fl-Anness, huma b’dan adottati.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …,

Għall-Kumitat Konġunt

   Il-Kopresidenti

ANNESS

Regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt f’konformità mal-Artikolu 6(6) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq

Artikolu 1
Kapijiet tad-delegazzjoni

1.Il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet. Kull parti għandha taħtar il-Kap u, fejn hu meħtieġ, Viċi Kap tad-delegazzjoni tagħha. Il-Kap tad-Delegazzjoni jista’ jiġi sostitwit mill-Viċi Kap jew minn persuna ddeżinjata għal laqgħa partikolari.

2.Il-Kumitat Konġunt għandu jkun presedut b’rotazzjoni minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u rappreżentant tar-Repubblika tal-Moldova. Il-Kap tad-delegazzjoni rilevanti, jew fin-nuqqas tiegħu, il-Viċi Kap jew il-persuna ddeżinjata biex tissostitwixxuhom għandhom jaġixxu bħala president.

Artikolu 2
Laqgħat

1.Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ kif u meta jkun meħtieġ. Kwalunkwe Parti tista’ titlob li tissejjaħ laqgħa. Il-Kumitat Konġunt għandu jitlaqqa’ wkoll sa mhux iktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza tal-Ftehim, sabiex jivvaluta l-ħtieġa u jiddeċiedi dwarha għall-kontinwazzjoni ta’ dan il-Ftehim f’konformità mal-Artikolu 5(2).

2.Il-Kumitat Konġunt għandu jorganizza laqgħat wiċċ imb wiċċ jew permezz ta’ mezzi oħra (eż. telekonferenzi jew vidjokonferenzi).

3.Il-laqgħat għandhom isiru, kemm jista’ jkun, b’mod alternat bejn post fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet.

4.Il-lingwa ta’ ħidma għandha tkun l-Ingliż.

5.Ladarba l-Partijiet ikunu qablu dwar id-data u l-post tal-laqgħat, il-laqgħat għandhom jissejħu mill-Kummissjoni Ewropea għall-Unjoni Ewropea u mill-Ministeru inkarigat mit-trasport bit-triq għar-Repubblika tal-Moldova.

6.Għajr jekk ma jiġix miftiehem mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tiġi abbozzata stqarrija għall-istampa bi qbil reċiproku fi tmiem il-laqgħa.

Artikolu 3
Delegazzjonijiet

1.Qabel kull laqgħa, il-Kapijiet tad-Delegazzjoni għandhom jinformaw lil xulxin dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet tagħhom għall-laqgħa.

2.Ir-rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati tal-industrija tat-trasport bit-triq jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat jew partijiet mil-laqgħat bħala osservaturi, jekk il-Kumitat Konġunt ikun jaqbel b’konsensus li jsir hekk.

3.Jekk ikun hemm qbil dwar dan b’konsensus, il-Kumitat Konġunt jista’ jistieden lil partijiet interessati jew lil esperti oħra biex jattendu l-laqgħat jew partijiet minnhom sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti partikolari.

4. L-osservaturi ma għandhomx jieħdu sehem fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt.

Artikolu 4 
Segretarjat

Uffiċjal tas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-Ministeru inkarigat mit-trasport bit-triq tar-Repubblika tal-Moldova għandhom jaġixxu b’mod konġunt bħala segretarji tal-Kumitat Konġunt.

Artikolu 5
Aġenda tal-laqgħat

1.Il-Kapijiet tad-Delegazzjoni għandhom jistabbilixxu l-aġenda proviżorja ta’ kull laqgħa bi ftehim reċiproku. L-aġenda proviżorja għandha tintbagħat mis-segretarji lill-membri tad-delegazzjonijiet mhux iktar tard minn ħmistax-il jum qabel id-data tal-laqgħa.

2.Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta l-aġenda fil-bidu ta’ kull laqgħa. Punti oħra minbarra dawk li jkunu jidhru fl-aġenda proviżorja jistgħu jiġu inklużi fl-aġenda jekk il-Kumitat Konġunt jaqbel li jsir hekk.

3.Il-Kapijiet tad-Delegazzjoni jistgħu jqassru l-limitu ta’ żmien speċifikat fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu r-rekwiżiti jew l-urġenza ta’ kwistjoni partikolari.

Artikolu 6
Minuti

1.Wara kull laqgħa tal-Kumitat Konġunt għandhom jitfasslu abbozzi tal-Minuti ta’ kull laqgħa. Dawn għandhom jindikaw il-punti diskussi u d-deċiżjonijiet adottati.

2.Fi żmien xahar wara l-laqgħa, l-abbozz tal-Minuti għandu jintbagħat mill-Kap tad-Delegazzjoni ospitanti lill-Kap tad-Delegazzjoni l-ieħor, permezz tas-segretarji tal-Kumitat Konġunt, għall-approvazzjoni permezz ta’ proċedura bil-miktub.

3.Meta jiġu approvati, il-Minuti għandhom jiġu ffirmati f’duplikati mill-Kapijiet tad-Delegazzjoni u għandha tiġi ppreżentata kopja oriġinali waħda minn kull waħda mill-Partijiet. Il-Kapijiet tad-Delegazzjoni jistgħu jiddeċiedu li l-iffirmar u l-iskambju ta’ kopji elettroniċi jissodisfaw dan ir-rekwiżit.

4.Il-Minuti tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu pubbliċi sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor minn waħda mill-Partijiet.

Il-Kapijiet tad-Delegazzjoni jistgħu jqassru l-limitu ta’ żmien speċifikat fil-paragrafu 2 u jaqblu dwar data fir-rigward tal-approvazzjoni speċifikata fil-paragrafu 3 sabiex jitqiesu r-rekwiżiti jew l-urġenza ta’ kwistjoni partikolari.

Artikolu 7
Proċedura bil-miktub

Fejn meħtieġ u debitament motivat, id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt jistgħu jiġu adottati permezz ta’ proċedura bil-miktub, f’konformità mal-Artikolu 6(5) tal-Ftehim. Għal dak l-għan, il-Kapijiet tad-Delegazzjoni għandhom jiskambjaw l-abbozzi tal-miżuri li dwarhom tintalab l-opinjoni tal-Kumitat Konġunt, li mbagħad jistgħu jiġu kkonfermati permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza. Madankollu, il-Partijiet jistgħu jitolbu li l-Kumitat Konġunt jitlaqqa’ biex tiġi diskussa l-kwistjoni.

Artikolu 8
Deliberazzjonijiet

1.Il-Kumitat Konġunt għandu jieħu deċiżjonijiet abbażi ta’ konsensus tal-Partijiet.

2.Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandu jkollhom it-titolu “Deċiżjoni” segwit b’numru tas-serje, bid-data tal-adozzjoni tagħhom u b’deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom.

3.Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jiġu ffirmati mill-Kapijiet tad-Delegazzjoni u għandhom jiġu mehmuża mal-Minuti.

4.Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt għandhom jiġu implimentati mill-Partijiet f’konformità mal-proċeduri interni tagħhom stess.

5.Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt jistgħu jiġu ppubblikati mill-Partijiet fil-pubblikazzjonijiet uffiċjali rispettivi tagħhom. Kopja oriġinali waħda tad-deċiżjonijiet għandha tintbagħat minn kull waħda mill-Partijiet.

Artikolu 9
Gruppi ta’ Ħidma

1.Il-Kumitat Konġunt jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma biex jassistu lill-Kumitat Konġunt fit-twettiq ta’ dmirijietu. It-termini ta’ referenza għal grupp ta’ ħidma għandhom jiġu approvati mill-Kumitat Konġunt f’konformità mal-Artikolu 6(5) tal-Ftehim u għandhom jiġu inklużi f’Anness tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-grupp ta’ ħidma.

2.Il-gruppi ta’ ħidma għandhom ikunu magħmula minn rappreżentanti tal-Partijiet.

3.Il-gruppi ta’ ħidma għandhom jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat Konġunt u għandhom jipprovdulu rapport wara kull laqgħa li jkollhom. Dawn ma għandhomx jieħdu deċiżjonijiet iżda jistgħu jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Konġunt.

4.Fi kwalunkwe ħin, il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jabolixxi gruppi ta’ ħidma eżistenti, li jimmodifika t-termini ta’ referenza tagħhom jew li jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma ġodda biex jgħinuh fit-twettiq ta’ dmirijietu.

Artikolu 10
Spejjeż

1.Il-Partijiet għandhom iħallsu l-ispejjeż relatati mal-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt u tal-gruppi ta’ ħidma, kemm fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u n-nefqa ta’ sussistenza kif ukoll fir-rigward tal-kostijiet tal-posta u tat-telekomunikazzjoni.

2.Kwalunkwe nefqa oħra relatata mal-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat għandha titħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

Artikolu 11
Emendi għar-Regoli ta’ Proċedura

Fi kwalunkwe ħin, il-Kumitat Konġunt jista’ jemenda dawn ir-Regoli ta’ Proċedura permezz ta’ deċiżjoni meħuda f’konformità mal-Artikolu 6(5) ta’ dan il-Ftehim.

(1)    ĠU L 181, 7.7.2022, p. 4.