Brussell, 24.11.2022

COM(2022) 649 final

2022/0386(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq, fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-kontinwazzjoni tal-Ftehim


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq iffirmat f’Lyon fid-29 ta’ Ġunju 2022 1 (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”), rigward

·l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt f’konformità mal-Artikolu 6(6) tal-Ftehim;

·il-kontinwazzjoni tal-Ftehim f’konformità mal-Artikolu 6(2) tiegħu.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Sommarju tal-Ftehim

Il-Ftehim għandu l-għan li jiffaċilita temporanjament it-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn u mir-Repubblika tal-Moldova (minn hawn ’il quddiem “il-Moldova”) u tal-Unjoni Ewropea, bl-għoti ta’ drittijiet addizzjonali tat-tranżitu u tat-trasport tal-merkanzija bejn il-Moldova u l-UE wara l-aggressjoni illegali kontra l-Ukrajna mir-Russja u t-tfixkil sinifikanti li ġġib magħha għas-settur tat-trasport bit-triq fil-Moldova. Bħalissa dan japplika sal-31 ta’ Marzu 2023.

Ġie stabbilit Kumitat Konġunt biex jissorvelja u jimmonitorja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Jiddeċiedi b’mod partikolari dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu u dwar il-kontinwazzjoni tal-Ftehim. Fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jiddeċiedi mhux aktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza tal-Ftehim, jiġifieri mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2022. Skont l-Artikolu 6(5) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b’konsensus.

L-awtoritajiet Moldovani u l-Kummissjoni qablu li tentattivament, l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konġunt issir fil-15 ta’ Diċembru 2022.

2.2.Monitoraġġ tal-Ftehim

L-Artikolu 6(1) tal-Ftehim introduċa obbligu għall-monitoraġġ tal-Ftehim permezz, b’mod partikolari, ta’ rieżami perjodiku tal-funzjonament tiegħu fid-dawl tal-objettivi tiegħu. F’dak il-kuntest, l-awtoritajiet Moldovani pprovdew lill-Kummissjoni b’data dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Din id-data tkopri b’mod partikolari t-tielet kwart tal-2022, jiġifieri l-ewwel tliet xhur tal-applikazzjoni tal-Ftehim, u turi dan li ġej:

·Il-Ftehim appoġġa b’suċċess l-ekonomija Moldovana billi żied b’mod sostanzjali l-esportazzjonijiet mill-Moldova lejn l-UE. L-esportazzjonijiet Moldovani lejn l-UE fit-tielet kwart tal-2022 (EUR 282,7 miljun) żdiedu fil-valur bi 17,5 % meta mqabbla mat-tielet kwart tal-2021. Dan jirriżulta minn żieda fl-esportazzjonijiet taċ-ċereali (+97,2 %), taż-żjut veġetali (+1 377,8 %) u tal-frott u tal-inbid (+22 %). L-UE issa tirrappreżenta 60 % tal-esportazzjonijiet totali mill-Moldova, u din il-parti għadha mistennija li tiżdied b’mod konsiderevoli.

·Il-Ftehim kien ukoll ta’ benefiċċju kbir fir-rigward tal-UE. L-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Moldova fit-tielet kwart tal-2022 (EUR 387,5 miljun) żdiedu b’41 % meta mqabbla mat-tielet kwart tal-2021. B’mod partikolari, l-esportazzjonijiet tal-prodotti taż-żejt ġew immultiplikati b’madwar fattur ta’ 4 fil-volum. L-esportazzjonijiet mill-UE lejn il-Moldova kienu ogħla mill-importazzjonijiet lejn l-UE mill-Moldova.

·Id-drittijiet mogħtija mill-Ftehim lit-trasportaturi tal-merkanzija Moldovani ma wasslux għal żieda qawwija fit-trakkijiet Moldovani fit-toroq tal-UE. Fit-tielet kwart tal-2021, fl-UE seħħew 13 255 operazzjoni ta’ trasport bit-triq minn trasportaturi tal-merkanzija Moldovani meta mqabbla mal-14 983 fit-tielet kwart tal-2022, u dan jirrappreżenta żieda ta’ 13 %. Fil-fatt, it-trasportaturi tal-merkanzija tal-UE bbenefikaw ħafna aktar mill-implimentazzjoni tal-Ftehim (żieda fin-numru ta’ operazzjonijiet tat-trasport bit-triq minn trasportaturi tal-merkanzija tal-UE fil-Moldova bi 73 %, meta wieħed iqabbel it-tielet kwart tal-2021 mat-tielet kwart tal-2022) anke jekk in-numru ta’ operazzjonijiet ta’ trasport bit-triq lejn il-Moldova minn trasportaturi tal-merkanzija tal-UE jibqa’ ħafna inqas min-numru ta’ operazzjonijiet tat-trasport bit-triq minn trasportaturi tal-merkanzija Moldovani lejn l-UE (3 327 operazzjoni tal-UE fit-tielet kwart tal-2021, meta mqabbel mal-5 572 fit-tielet kwart tal-2022). Għalhekk, jista’ jiġi konkluż sikurament li l-Ftehim ma ħadimx għad-detriment tat-trasportaturi tal-merkanzija tal-UE. Fl-istess ħin, in-numru ta’ permessi mogħtija mir-Russja lit-trasportaturi tal-merkanzija Moldovani kien aktar minn dak diviż bi tnejn (4 406 fit-tielet kwart tal-2021, kontra 1 943 fit-tielet kwart tal-2022). Dan juri li l-operaturi tat-trasport bit-triq Moldovani rnexxielhom isibu swieq alternattivi fl-UE biex jikkumpensaw għat-telf ta’ perspettivi ekonomiċi fir-Russja.  

·Il-Ftehim, flimkien ma’ ftehim simili dwar it-trasport bit-triq bejn il-Moldova u l-Ukrajna, kellu rwol essenzjali fil-kuntest tal-Korsiji ta’ Solidarjetà. Dan ippermetta fluss bla xkiel ta’ merkanzija mill-Ukrajna, li taffa l-pressjoni fuq l-Istati Membri li jmissu ma’ dan il-pajjiż. Għadd sinifikanti u bla preċedent ta’ oġġetti essenzjali telqu mill-Ukrajna lejn l-UE mill-Moldova. Dan kien il-każ taċ-ċereali (96 602 tunnellati fi tranżitu mill-Moldova mill-Ukrajna lejn l-UE fit-tielet kwart tal-2022, meta mqabbla ma’ 917-il tunnellata fit-tielet kwart tal-2021) u taż-żejt veġetali (22 708 tunnellati fit-tielet kwart tal-2022, meta mqabbla ma’ 503 tunnellati fit-tielet kwart tal-2021). Pereżempju, tista’ tiġi osservata żieda importanti fl-esportazzjonijiet taż-żejt mill-Ukrajna lejn l-UE permezz tal-Moldova, b’503 tunnellati ttrasportati fit-tielet kwart tal-2021 meta mqabbla ma’ aktar minn 22 708 tunnellati fit-tielet kwart tal-2022. Bl-istess mod, fit-tielet kwart tal-2021, 917-il tunnellata ta’ ħbub mill-Ukrajna għaddew mill-Moldova biex waslu fl-UE, filwaqt li fit-tielet kwart tal-2022 aktar minn 96 000 tunnellata ħadu l-istess rotta.

·Il-Ftehim naqqas il-piż b’mod sinifikanti wkoll għall-industrija tat-trasport u għall-awtoritajiet tal-Istat fir-rigward tal-formalitajiet amministrattivi relatati mal-ħruġ tal-permessi.

2.3.Il-Kumitat Konġunt

L-Artikolu 6 tal-Ftehim stabbilixxa Kumitat Konġunt biex jissorvelja u jimmonitorja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim, u jirrieżamina perjodikament il-funzjonament tiegħu fid-dawl tal-objettivi tiegħu. Skont dik id-dispożizzjoni, il-Kumitat Konġunt huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet. Id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu b’konsensus u huma vinkolanti fuq il-Partijiet.

Skont l-Artikolu 6(2), il-Kumitat Konġunt għandu jitlaqqa’, mhux aktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza tal-Ftehim, sabiex jivvaluta u jiddeċiedi l-ħtieġa għall-kontinwazzjoni tal-Ftehim, u d-durata tiegħu.

F’konformità mal-Artikolu 6(6) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu l-obbligu li jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

2.4.L-att previst tal-Kumitat Konġunt fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura tiegħu

Matul l-ewwel laqgħa tiegħu, il-Kumitat Konġunt għandu l-obbligu li jadotta deċiżjoni dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt, f’konformità mal-Artikolu 6(5) u 6(6) tal-Ftehim. L-iskop tagħhom hu li jsostnu l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Kumitat Konġunt, sabiex jippermettu l-implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim.

2.5.L-att previst tal-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-kontinwazzjoni tal-Ftehim

Matul l-ewwel laqgħa tiegħu, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta deċiżjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-Ftehim sal-31 ta’ Diċembru 2025, f’konformità mal-Artikolu 6(2) u 6(5) tal-Ftehim.

Hemm erba’ raġunijiet għal dan. L-ewwel nett, jirriżulta mill-monitoraġġ tal-Ftehim li pprovda benefiċċji għall-kummerċ kemm tal-UE kif ukoll tal-Moldova. Iż-żieda fis-servizzi tat-trasport bit-triq kienet ukoll ta’ benefiċċju għall-operaturi tat-trasport bit-triq taż-żewġ partijiet. Għalhekk, ma hemm l-ebda raġuni għala l-Ftehim ma għandux jiġi estiż, għalkemm tfassal l-ewwel nett biex jgħin lill-ekonomija tal-Moldova fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, ipprovda wkoll benefiċċji reali lill-UE. It-tieni, il-Ftehim ippermetta lill-Moldova tibda tirridirezzjona l-kummerċ tagħha mil-Lvant lejn l-UE, u għalhekk ikkontribwixxa għall-integrazzjoni progressiva tal-ekonomija tal-Moldova fl-ekonomija tal-Punent. Flimkien ma’ ftehim komparabbli dwar it-trasport bit-triq iffirmat mal-Ukrajna, iffaċilita wkoll l-esportazzjoni tal-oġġetti tal-Ukrajna, u kkontribwiet għall-Korsiji ta’ Solidarjetà u żammet żewġ ekonomiji għaddejjin li l-UE hija marbuta li tappoġġa f’terminu qasir sa twil. Dawn l-elementi, li għandhom ukoll tifsira politika ċara fil-kuntest ġeopolitiku attwali, għandhom jiġu mħeġġin u kkonfermati bil-kontinwazzjoni proposta. It-tielet, il-Ftehim għandu jinftiehem ukoll li jiffaċilita r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna fi żmien xieraq, lil hinn mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra dan il-pajjiż. Fl-aħħar nett, l-UE hija involuta mill-qrib fil-Pjattaforma ta’ Appoġġ tal-Moldova internazzjonali – kwalunkwe pass li jista’ jiġi interpretat bħala irtirar tal-appoġġ diġà mogħti lill-Moldova jagħti sinjal negattiv u jqiegħed lill-UE f’pożizzjoni inkonsistenti u possibbilment awtokontradittorja internament u esternament fil-kuntest ta’ din il-Pjattaforma.

Il-kontinwazzjoni tal-Ftehim sal-31 ta’ Diċembru 2025 hija meħtieġa, minħabba li l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw il-konklużjoni tal-Ftehim oriġinali għadhom jgħoddu, u probabbilment se jdumu jgħoddu għal xi żmien. L-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna qiegħda tintensifika, u l-biċċa l-kbira tal-osservaturi jipprevedu li din l-aggressjoni mhux se tintemm fil-futur qrib. Dan ifisser ukoll li t-trasport marittimu permezz tal-Portijiet tal-Baħar l-Iswed, li jistgħu jkunu waħda mir-rotot ta’ tranżitu tal-Moldova għall-esportazzjonijiet tagħha, jibqa’ limitat ħafna. L-Inizjattiva tan-NU tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali ġabet soluzzjoni parzjali. Madankollu, l-estensjoni ta’ din l-inizjattiva hija fiha nnifisha inċerta u għalissa, l-ambitu tagħha għadu limitat għaċ-ċereali. L-operazzjonijiet militari li qed jissoktaw fuq in-naħa tal-Lvant tal-Moldova, u l-qerda assoċjata tal-infrastruttura tat-trasport fiż-żoni relatati, li fil-passat kienu żoni ta’ tranżitu għall-esportazzjonijiet tal-Moldova, se jibqgħu fattur ta’ limitazzjoni fil-futur prevedibbli, u se jimpedixxu l-aċċess tal-Moldova għas-swieq tradizzjonali tagħha.

2.6.Il-Ftehim dwar it-Trasport bit-Triq bejn l-UE u l-Ukrajna

Il-Kummissjoni dalwaqt se tippreżenta proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-estensjoni tad-durata tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq, iffirmat f’Lyon fid-29 ta’ Ġunju 2022 2 . Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, u b’mod partikolari r-rwol li kellha l-Moldova fil-kuntest tal-Korsiji ta’ Solidarjetà u l-eżistenza tal-ftehim dwar it-trasport bit-triq bejn l-Ukrajna u l-Moldova, il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-data tat-tmiem tal-ftehim mal-Ukrajna għandha tkun l-istess bħal dik għall-Moldova, jiġifieri l-31 ta’ Diċembru 2025.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Għalhekk, il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni għandha tkun li tiġi appoġġata l-adozzjoni tal-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuża ma’ din il-proposta.

4.Bażi ġuridika

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede kkonċernata. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni”.

Il-Kumitat Konġunt huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-tal-Moldova dwar it-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq.

Id-deċiżjoni, li l-Kumitat Konġunt huwa mitlub jadotta, tikkostitwixxi att b’effetti legali. L-ewwel nett, l-att previst dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 6(5) u 6(6) tal-Ftehim; it-tieni, l-att previst dwar l-estensjoni tad-durata tal-Ftehim se jkun vinkolanti wkoll skont id-dritt internazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 6(2) u (5) tal-Ftehim.

L-att previst ma jissupplimentax u ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta tal-Kunsill hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma relatati mat-trasport marittimu.

Il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 91 tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Jixraq li d-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tagħha.

2022/0386 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq, fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt u l-kontinwazzjoni tal-Ftehim

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq 3 (“il-Ftehim”) ġie ffirmat mill-Unjoni u japplika b’mod provviżorju mid-29 ta’ Ġunju 2022.

(2)L-Artikolu 6(1) tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt biex jissorvelja u jimmonitorja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim u jirrieżamina perjodikament il-funzjonament tiegħu fid-dawl tal-objettivi tiegħu.

(3)Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

(4)Kif stabbilit fl-Artikolu 5(1) tal-Ftehim, il-Ftehim għandu japplika sal-31 ta’ Marzu 2023. Madankollu, il-Kumitat Konġunt għandu jitlaqqa’ wkoll sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza tal-Ftehim, biex jivvaluta u jiddeċiedi l-ħtieġa għall-kontinwazzjoni ta’ dan il-Ftehim skont l-Artikolu 6(2).

(5)Sabiex kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll ir-Repubblika tal-Moldova jkomplu jibbenefikaw mill-Ftehim, jenħtieġ li dan jiġġedded sal-31 ta’ Diċembru 2025.

(6)Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim, jenħtieġ li r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt jiġu adottati.

(7)Għalhekk, il-Kumitat Konġunt, matul il-laqgħa tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022, għandu jadotta deċiżjoni li tadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu u dwar il-ħtieġa għall-kontinwazzjoni tal-Ftehim, inkluż id-durata tiegħu.

(8)Għalhekk jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura u l-kontinwazzjoni tal-Ftehim, peress li d-deċiżjonijiet tiegħu se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 6 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar it-Trasport tal-Merkanzija bit-Triq (“il-Ftehim”), fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu u l-kontinwazzjoni tal-Ftehim, inkluż id-durata tiegħu, għandhom ikunu bbażati fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt kif mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt jistgħu jaqblu fuq tibdiliet minuri fl-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mingħajr Deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Id-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. 

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 181, 7.7.2022, p. 4.
(2)    ĠU L 179, 6.7.2022, p. 1.
(3)    ĠU L 181, 7.7.2022, p. 4.