21.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 48/41


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/257

tad-19 ta' Frar 2018

dwar l-għoti ta' derogi lil ċerti Stati Membri fir-rigward tat-trażmissjoni tal-istatistika skont ir-Regolament (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istatistika msejsa fuq l-Istħarriġ b'Intervista dwar is-Saħħa Ewropea (EHIS)

(notifikata bid-dokument C(2018) 832)

(It-testi bl-Olandiż, bl-Ingliż, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Malti, bir-Rumen u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-istatistika Komunitarja dwar is-saħħa pubblika u s-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat it-talbiet li saru mir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Rumanija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2008, il-Kummissjoni tista' tagħti derogi u perjodi ta' tranżizzjoni lill-Istati Membri, li t-tnejn iridu jkunu msejsa fuq raġunijiet oġġettivi.

(2)

L-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni tindika li t-talbiet tal-Istati Membri għad-derogi huma minħabba l-ħtieġa għal adattamenti kbar fis-sistemi amministrattivi u statistiċi nazzjonali sabiex jikkonformaw b'mod sħiħ mar-Regolament (KE) Nru 1338/2008.

(3)

Dawn id-derogi jenħtieġ li jingħataw, wara li saret talba għalihom, lir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Rumanija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq,

(4)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-derogi kif stabbiliti fl-Anness jingħataw lill-Istati Membri elenkati hemmhekk.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Renju tan-Netherlands, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Rumanija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Frar 2018.

Għall-Kummissjoni

Marianne THYSSEN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 354, 31.12.2008, p. 70.


ANNESS

Id-derogi mir-Regolament (KE) Nru 1338/2008, kif implimentati mill-Kummissjoni, dwar l-istatistika msejsa fuq l-Istħarriġ Ewropew dwar is-Saħħa permezz ta' Intervisti (EHIS)

Għall-fini tal-ġbir tad-dejta tal-EHIS tal-2019 għandhom jingħataw id-derogi li ġejjin:

 

Il-Belġju, il-Finlandja u n-Netherlands ma għandhomx ikunu meħtieġa jippreżentaw il-varjabbli speċifikati fit-tabella li ġejja:

Il-Belġju

—

UN2 A, UN2B, UN2C, UN2D dwar il-ħtiġijiet mhux issodisfati

Il-Finlandja

—

PL2 u PL8 dwar il-limitazzjonijiet funzjonali

—

PE6 dwar l-attivitajiet fiżiċi

—

ALI1 sa AL6 dwar il-konsum tal-alkoħol

In-Netherlands

—

CD1P u CD2 dwar il-mard u l-kundizzjonijiet kroniċi

—

PL8 u PL9 dwar il-limitazzjonijiet funzjonali

—

PE9 dwar l-attivitajiet fiżiċi

—

DH5 u DH6 dwar id-drawwiet ta' dieta

—

SK3, SK4 u SK6 dwar it-tipjip

 

Il-Belġju, il-Ġermanja, Malta u l-Awstrija għandhom jingħataw deroga dwar il-perjodu tal-ġbir tad-dejta. Il-perjodu tal-ġbir tad-dejta għandu jkun 2018 għall-Belġju, l-2018–2020 għall-Awstrija u l-Ġermanja, u l-2019 sal-2020 għal Malta.

 

Ir-Rumanija għandha tingħata deroga rigward id-dispożizzjoni tal-mikrodejta. Ir-Rumanija għandha tibgħat il-mikrodejta ċċekkjata minn qabel fi żmien 12-il xahar wara tmiem il-perjodu nazzjonali tal-ġbir tad-dejta.

 

Ir-Renju Unit għandu jingħata deroga fir-rigward tal-popolazzjoni ta' referenza. Il-popolazzjoni ta' referenza fir-Renju Unit għandha tkun individwi ta' 16-il sena u aktar li jgħixu fi djar privati residenti fit-territorju nazzjonali matul iż-żmien tal-ġbir tad-dejta.