8.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 324/1


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2243

tat-30 ta' Novembru 2017

li jħassar ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1212/2014 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1212/2014 (2), il-Kummissjoni kklassifikat prodott solidu, ċilindriku, bil-kamin magħmul minn liga tat-titanju u ppreżentat għall-użu fil-qasam tal-kirurġija tat-trawmi taħt il-kodiċi NM 8108 90 90.

(2)

Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-51/16 (3), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-intestatura 9021 tan-Nomenklatura Magħquda (NM) stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (4), kif emendat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1101/2014 (5), għandha tiġi interpretata li tfisser li viti għall-impjanti medikali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt dik l-intestatura billi dawn il-prodotti għandhom karatteristiċi li jiddistingwuhom minn prodotti ordinarji, b'mod partikolari meta jitqies il-livell għoli tal-manifattura tagħhom, il-grad għoli ta' preċiżjoni tagħhom, il-metodu tal-manifattura tagħhom u l-ispeċifiċità tal-funzjoni tagħhom. B'mod partikolari, il-fatt li viti għall-impjanti medikali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jiġu installati fil-ġisem biss permezz ta' strumenti medikali speċifiċi, u mhux permezz ta' strumenti ordinarji, hija waħda mill-karatteristiċi li jridu jiġu kkunsidrati sabiex issir distinzjoni bejn dawk il-viti għall-impjanti medikali minn prodotti ordinarji.

(3)

Il-prodott kopert bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1212/2014 jikkorrispondi mal-istandards ISO/TC 150 għall-viti għall-impjanti, huwa ppreżentat għall-użu fil-qasam tal-kirurġija tat-trawmi għall-iffissar tal-ksur, huwa ppreżentat f'pakkett sterilizzat, jiġi mmarkat b'numru u għalhekk huwa traċċabbli tul il-produzzjoni u d-distribuzzjoni, u għandu jiġi installat fil-ġisem bl-użu ta' għodda speċifiċi.

(4)

Għaldaqstant, il-klassifikazzjoni tal-prodott kopert bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1212/2014 taħt il-kodiċi tan-NM 8108 90 90 mhijiex f'konformità mas-sejbiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-51/16.

(5)

Għalhekk ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1212/2014 jenħtieġ li jitħassar.

(6)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1212/2014 huwa mħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Stephen QUEST

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1212/2014 tal-11 ta' Novembru 2014 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU L 329, 14.11.2014, p. 3).

(3)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' April 2017, Stryker EMEA Supply Chain Services, C-51/16, ECLI:EU:C:2017:298.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1101/2014 tas-16 ta' Ottubru 2014 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (ĠU L 312, 31.10.2014, p. 1).