DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
20 ta’ Novembru 2009 ( *1 )
Fil-Kawża C-278/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikoli 68 u 234 KE, imressqa mit-Tribunal de grande instance de Paris (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Lulju 2009, fil-proċedura
Olivier Martinez,
Robert Martinez
vs
MGN Ltd,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn C. Toader (Relatur), President tal-Awla, P. Kūris u L. Bay Larsen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: R. Grass,
wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,
tagħti l-preżenti
Digriet
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn O. Martinez u R. Martinez, residenti fi Franza, kontra l-kumpannija MGN Ltd (iktar ’il quddiem “MGN”) stabbilita fir-Renju Unit, dwar l-għażla tal-qorti kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni tal-proċeduri għad-danni li bdew kontra din tal-aħħar. |
Il-kuntest ġuridiku
|
3 |
L-Artikolu 61 KE jipprovdi: “Sabiex jistabbilixxi progressivament spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, il-Kunsill għandu jadotta: […]
[…]” |
|
4 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi: “1. Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru. 2. Persuni li mhumiex ċittadini ta’ l-Istat Membru li fih ikunu domiċiljati għandhom jaqgħu taħt ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni applikabbli għal ċittadini ta’ dak l-Istat.” |
|
5 |
L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprovdi: “Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja: […]
[…]” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
6 |
Fit-28 ta’ Awwissu 2008, O. Martinez u R. Martinez ressqu lil MGN quddiem it-Tribunal de grande instance de Paris sabiex jiksbu l-kundanna ta’ din tal-aħħar għall-ħlas tad-danni. Fit-talba tagħhom huma jsostnu li sofrew ksur tad-drittijiet relatati mal-personalità wara li testi u ritratti tqiegħdu online fuq sit tal-Internet ippubblikat mill-imesmmija kumpannija. |
|
7 |
MGN qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti billi invokat l-Artikoli 2 u 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001. Skont din il-kumpannija, meta l-fatt li jikkawża ħsara jkun ġej minn pubblikazzjoni tal-istampa, dan għandu jinftiehem li qed jiġi kkawżat f’kull post fejn din il-pubblikazzjoni tiġi ddistribwita. Konsegwentement, meta dan iseħħ fuq in-network tal-Internet, li minħabba l-karatteristiċi tekniċi tiegħu huwa aċċessibbli b’mod universali, u jista’ jiġi kkonsultat minn kull Stat Membru, fatt li jikkawża ħsara bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jitqies li huwa kkawżat fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, ħlief jekk ikun hemm rabta suffiċjenti, sostanzjali u sinjifikattiva mal-imsemmi territorju. F’dan il-każ, ma teżisti ebda rabta suffiċjenti bejn it-tqegħid online inkwistjoni u d-dannu allegata fit-territorju Franċiż. |
|
8 |
Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-rabta mat-territorju Franċiż tirriżulta mill-fatt li Olivier Martinez huwa Franċiż, li l-fatti kontenzjużi seħħew ġewwa Franza, li dawn jinteressaw neċessarjament lill-pubbliku Franċiż u jistgħu jkollhom riperkussjonijiet f’dan it-territorju. Huma jsostnu wkoll li għalkemm l-artiklu inkwistjoni, li d-distribuzzjoni tiegħu saret permezz tal-Internet, kien miktub bl-Ingliż, xorta jinftiehem faċilment mill-pubbliku Franċiż. |
|
9 |
Peress li r-risposta għall-kwistjoni ta’ jekk il-qorti nazzjonali għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża li hija adita biha ma toħroġx ċara mill-kliem tal-Artikoli 2 u 5(3) tar-Regolament Nru 44/2001, it-Tribunal de grande instance de Paris iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-Artikoli 2 u 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħtu ġurisdizzjoni lil qorti ta’ Stat Membru sabiex tiddeċiedi dwar rikors li jirrigwarda ksur tad-drittijiet relatati mal-personalità li jista’ jitwettaq minħabba li informazzjoni u/jew ritratti jitqiegħdu online fuq sit Internet ippubblikat fi Stat Membru ieħor minn kumpannija rreġistrata f’dan it-tieni Stat — jew inkella fi Stat Membru ieħor, li fi kwalunwke każ huwa differenti mill-ewwel wieħed:
|
Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
10 |
Skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta din tal-aħħar hija manifestament inkompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors jew fil-każ li tali rikors huwa manifestament inammissibbli, il-Qorti tista’, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura. |
|
11 |
Għandu jiġi rrilevat li t-Tribunal de grande instance de Paris jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea sabiex jagħmel it-talba għal deċiżjoni preliminari tiegħu. Sa fejn dan it-Trattat għadu ma huwiex fis-seħħ, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, it-talba għandha titqies bħala ppreżentata abbażi tal-Artikoli 68 KE u 234 KE. |
|
12 |
Madankollu, mill-Artikolu 68(1) KE jirriżulta li l-Artikolu 234 KE għandu japplika għat-Titolu IV tat-Trattat KE meta kwistjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ atti tal-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea bbażati fuq dan it-Titolu jitqajmu fil-każ li jkun pendenti quddiem qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru li kontra d-deċiżjoni tagħha ma jkunx hemm rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali. |
|
13 |
F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda r-Regolament Nru 44/2001, li ġie adottat abbażi tal-Artikolu 61(ċ) KE, li jinsab fit-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija biss qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra d-deċiżjoni tagħha ma jkunx hemm rimedju ġudizzjarju skont il-liġi nazzjonali li hija ġġustifikata titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar dan. |
|
14 |
F’dan il-każ, huwa stabbilit li d-deċiżjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni, li għandhom jittieħdu mit-Tibunal de grande instance de Paris fil-kuntest tal-kawża prinċipali, jistgħu jkunu suġġetti għal rimedju ġudizzjarju kontra tagħhom skont il-liġi nazzjonali. |
|
15 |
Għaldaqstant, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex adita minn qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 68(1) KE, hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001. |
|
16 |
Konsegwentement, hemm lok li jiġi applikat l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura u li jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni dwar id-domanda magħmula mit-Tribunal de grande instance de Paris. |
Fuq l-ispejjeż
|
17 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tordna: |
|
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi d-domanda magħmula mit-Tribunal de grande instance de Paris fil-kawża C-278/09. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.