15.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 69/31


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/450

tat-13 ta' Marzu 2017

li tawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-lattitol bħala ingredjent ġdid tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2017) 1576)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 dwar l-ikel il-ġdid u l-ingredjenti ġodda tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-16 ta' Marzu 2015, il-kumpanija DuPont Nutrition Biosciences ApS għamlet talba lill-awtoritajiet kompetenti tad-Danimarka biex tqiegħed il-lattitol fis-suq tal-Unjoni bħala ingredjent ġdid tal-ikel skont it-tifsira tal-punt (ċ) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 258/97. Fit-talba tagħha, il-kumpanija tipproponi li l-lattitol jintuża fl-istess kategoriji tal-ikel u fl-istess livelli ta' użu li qed jiġu użati bħalissa, meta l-lattitol jiġi miżjud bħala addittiv tal-ikel skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(2)

Fl-1 ta' Lulju 2015, l-entità kompetenti tal-valutazzjoni tal-ikel tad-Danimarka ħarġet l-ewwel rapport ta' valutazzjoni tagħha. F'dak ir-rapport waslet għall-konklużjoni li l-lattitol, skont il-kondizzjonijiet ta' użu proposti mill-applikant, jissodisfa l-kriterji tal-ingredjenti ġodda tal-ikel stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

(3)

Fit-13 ta' Lulju 2015, il-Kummissjoni għaddiet l-ewwel rapport ta' valutazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.

(4)

Xi Stati Membri kkummentaw matul il-perjodu ta' 60 jum stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 258/97. Tqajjem tħassib rigward l-eċċess tat-teħid tal-lattitol u l-possibbiltà li l-konsumatur jiġi żgwidat peress li l-istess użi u l-livelli tal-użu huma diġà awtorizzati għal-lattitol bħala addittiv tal-ikel.

(5)

Fid-dawl tal-kummenti tal-Istati Membri, l-awtoritajiet kompetenti tad-Danimarka rrevedew l-ewwel rapport ta' valutazzjoni u waslu għall-konklużjoni li kien hemm l-obbligu ta' valutazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 258/97.

(6)

Dan ir-rapport iqis it-tħassib dwar l-eċċess fit-teħid tal-lattitol u l-possibbiltà li l-konsumatur jiġi żgwidat u għalhekk jagħti biżżejjed raġunijiet biex jiġi ristrett l-użu tal-lattitol fis-supplimenti tal-ikel biss u biex jiġi stabbilit li l-lattitol li jintuża fis-supplimenti tal-ikel maħsuba għall-adulti huwa sikur skont il-kondizzjonijiet ta' użu proposti.

(7)

Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tistabbilixxi rekwiżiti dwar is-supplimenti tal-ikel. L-użu tal-lattitol għandu jiġi awtorizzat mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' dik id-Direttiva.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2002/46/KE, il-lattitol kif speċifikat fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, jista' jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni bħala ingredjent ġdid tal-ikel biex jintuża fis-supplimenti tal-ikel f'forma ta' kapsuli jew pilloli maħsuba għall-popolazzjoni adulta, b'doża massima ta' 20 g ta' lattitol kuljum kif irrikkmandat mill-manifattur.

Artikolu 2

Id-deżinjazzjoni tal-lattitol awtorizzata b'din id-Deċiżjoni dwar it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom dan l-ingredjent għandha tkun “lattitol”.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil DuPont Nutrition Biosciences ApS, Langebrogade 1, PO Box 17, DK-1001, Copenhagen, id-Danimarka.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 43, 14.2.1997, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16).

(3)  Id-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2002 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-supplimenti tal-ikel (ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51).


ANNESS

SPEĊIFIKAZZJONI TAL-LATTITOL

Identità tal-lattitol

Isem kimiku

4-O-β-D-Galattopiranosil-D-gluċitol

Formula kimika

C12H24O11

Piż molekulari

344,31 g/mol

Nru tal-CAS

585-86-4

Deskrizzjoni: Trab kristallin jew soluzzjoni bla kulur immanifatturata bl-idroġenazzjoni katalitika tal-lattożju. Il-prodotti kristallini jseħħu f'forom ta' anidru, monoidrat u diidrat. In-nikil jintuża bħala katalista.

Parametri

Valur tal-ispeċifikazzjoni

Solubilità (fl-ilma)

Solubbli ħafna fl-ilma

Rotazzjoni speċifika

[α] D20 = + 13° to + 16°

Assaġġ

Mhux inqas minn 95 % d.b (1)

Kontenut ta' ilma

Mhux aktar minn 10,5 %

Polioli oħra

Mhux aktar minn 2,5 % d.b

Zokkor riduċenti

Mhux aktar minn 0,2 % d.b

Kloruri

Mhux aktar minn 100 mg/kg d.b

Sulfati

Mhux aktar minn 200 mg/kg d.b

Irmied issulfat

Mhux aktar minn 0,1 % d.b

Nikil

Mhux aktar minn 2 mg/kg d.b

Arseniku

Mhux aktar minn 3 mg/kg d.b

Ċomb

Mhux aktar minn 1 mg/kg d.b


(1)  

d.b— espress abbażi ta' piż xott