SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

30 ta’ April 2025 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – Artikolu 13(2) – Skema ta’ kumpens – Inċident tat-triq li jinvolvi vettura misruqa – Oneru tal-prova li l-persuna leża kienet taf li din il-vettura kienet misruqa – Korp responsabbli għall-għoti ta’ kumpens – Leġiżlazzjoni nazzjonali interpretata b’mod li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-persuna leża – Obbligu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi interpretata b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑370/24 [Nastolo] ( i ),

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale ordinario di Lodi (il-Qorti Distrettwali ta’ Lodi, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Mejju 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Mejju 2024, fil-proċedura

AT

vs

CT,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, M. Condinanzi u R. Frendo (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal AT, minn A. Egidi u A. E. Lunghi, avvocati,

–

għal CT, minn L. Leo, avvocata,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Conte, G. Goddin u A. Manzaneque Valverde, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009, L 263, p. 11).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, AT, persuna fiżika feruta f’inċident tat-traffiku, u, min-naħa l-oħra, CT, l-impriża maħtura mill-Fondo di garanzia per le vittime de la strada (il-Fond ta’ Garanzija għall-Vittmi tat-Triq, iktar ’il quddiem il-“FGVS”) dwar il-kumpens għad-dannu mġarrab minn AT kaġun ta’ dan l-inċident.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 1, 2 u 20 tad-Direttiva 2009/103 jiddikjaraw:

“(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE tal‑24 ta’ April 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà [(ĠU 1972, L 103, p. 1)], it-tieni Direttiva tal-Kunsill 84/5/KEE tat‑30 ta’ Diċembru 1983 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur [(ĠU 1984, L 8, p. 17)], it-tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE tal‑14 ta’ Mejju 1990 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur [(ĠU 1990, L 129, p. 33)] u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Mejju 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur [u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE u 88/357/KEE] (ir-raba’ Direttiva dwar l-assigurazzjoni għall-vetturi) [(ĠU 2000, L 181, p. 65)] ġew emendati kemm‑il darba […] b’mod sostanzjali. Fl-interess taċ-ċarezza u tar-razzjonalità, dawn l-erba’ Direttivi għandhom jiġu kodifikati kif ukoll id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/14/KE tal‑11 ta’ Mejju 2005 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur [(ĠU 2005, L 149, p. 14)].

(2)

Assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur) hi ta’ importanza speċjali għaċ-ċittadini Ewropej, kemm għal dawk li għandhom polza ta’ assigurazzjoni kif ukoll għall-vittmi ta’ inċident. Għandha wkoll importanza ewlenija għal impriżi ta’ assigurazzjoni billi tikkostitwixxi parti importanti tan-negozju tal-assigurazzjoni li ma tirrigwardax il-ħajja, konklużi fil-Komunità [Ewropea]. Assigurazzjoni ta’ vetturi b’mutur għandha wkoll impatt fuq il-moviment ħieles ta’ persuni u vetturi. Għaldaqstant l-iżvilupp u l-konsolidament tas-suq intern fir-rigward tal-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur fil-qasam tas-servizzi finanzjarji tal-Komunità għandu jkun għan ewlieni.

[…]

(20)

Il-vittmi tal-inċidenti bil-vetturi tal-mutur għandhom ikunu ggarantiti trattament komparabbli irrispettivament ta’ fejn fil-Komunità jseħħu l-inċidenti.”

4

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, intitolat “Assigurazzjoni obbligatorja għall-vetturi”, jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 5, jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni.

Il-ħsara koperta u t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu determinati fuq il-bażi tal-miżuri msemmijin fl-ewwel paragrafu.

[…]

L-assigurazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali.”

5

L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Korp responsabbli għall-għoti ta’ kumpens”, jipprevedi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew jawtorizza korp bil-kompitu li jipprovdi kumpens, mill-inqas sal-limiti tal-obbligu ta’ assigurazzjoni għal ħsara lill-proprjetà jew danni persunali kkawżati minn vettura li ma tkunx identifikata jew vettura li għaliha l-obbligu ta’ assigurazzjoni msemmi fl-Artikolu 3 ma jkunx ġie sodisfatt.

[…]

2.   […]

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jeskludu l-ħlas ta’ kumpens minn dak il-korp fir-rigward ta’ persuni li jkunu daħlu volontarjament fil-vettura li tkun ikkawżat it-telf jew il-korriment meta l-korp jkun jista’ jġib provi li kienu jafu li l-vettura ma kinitx assigurata.

[…]”

6

L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Klawsoli ta’ esklużjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura li l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 titqies nulla fir-rigward ta’ pretensjonijiet minn partijiet terzi li kienu vittmi ta’ inċident, fejn dik id-dispożizzjoni statutorja jew klawsola kuntrattwali tkun teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi minn:

(a)

persuni li ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni espressa jew impliċita għal dan,

(b)

persuni li ma jkollhomx liċenza li tippermettilhom isuqu lvettura konċernata,

(c)

persuni li ma jissodisfawx il-ħtiġiet tekniċi statutorji li jikkonċernaw il-kondizzjoni u s-sigurtà tal-vettura konċernata.

Madanakollu d-dispożizzjoni jew il-klawsola msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tista’ tiġi invokata kontra persuni li minn jeddhom ikunu daħlu fil-vettura li kkaġunat il-ħsara jew il-korriment, meta l-assiguratur jkun jista’ juri li dawn kienu jafu li l-vettura kienet misruqa.

L-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla — fil-każ ta’ inċidenti li jseħħu fit-territorju tagħhom — li ma japplikawx id-dispożizzjoni tal-ewwel subparagrafu jekk u sakemm il-vittma tkun tista’ takkwista kumpens għall-ħsara li tkun saritilha mingħand korp ta’ sigurtà soċjali.

2.   Fil-każ ta’ vetturi misruqa jew miksuba bi vjolenza, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li l-korp speċifikat fl-Artikolu 10(1) iħallas kumpens minflok l-assiguratur skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. […]

[…]”

Id-dritt Taljan

7

L-Artikolu 283(1) u (2) tad-decreto legislativo n. 209 – Codice delle assicurazioni private (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 209 dwar il-Kodiċi tal-Assigurazzjoni Privata), tas‑7 ta’ Settembru 2005 (GURI Nru 239 tat‑13 ta’ Ottubru 2005, Suppliment Ordinarju Nru 163), fil-verżjoni tiegħu li tapplika għall-kawża prinċipali, jipprevedi:

“1.   Il-Fond ta’ Garanzija għall-Vittmi tat-Triq, imwaqqaf fi ħdan il-[Concessionaria Servizi Assicurativi Pubblici SpA (Consap)], għandu jikkumpensa d-danni kkawżati mill-użu tal-vetturi u tal-bastimenti li fir-rigward tagħhom ikun jeżisti obbligu ta’ assigurazzjoni, fil-każijiet fejn:

[…]

(d) il-vettura tkun qiegħda tintuża kontra r-rieda tal-proprjetarju tagħha, […]

2.   Fil-każ imsemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 1, il-kumpens ikun dovut, kemm għad-danni fiżiċi kif ukoll għal dawk materjali, unikament lil terzi li ma jkunux qegħdin jiġu ttrasportati u lil persuni li jkunu qegħdin jiġu ttrasportati kontra r-rieda tagħhom jew li ma kinux jafu li l-vettura kienet qiegħda tintuża illegalment.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Fis‑6 ta’ Jannar 2016, AT ġiet mistiedna titla’ bħala passiġġiera f’karozza li s-sewwieq kellu għad-dispożizzjoni tiegħu. Matul it-traġitt, seħħ inċident tat-traffiku f’Lodi (l-Italja). Iż-żewġ persuni f’din il-karozza kellhom jittieħdu l-isptar, billi AT sofriet ġrieħi ta’ natura gravi.

9

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li s-sewwieq instab li f’ġismu kellu l-kokaina, il-loppjaċi u t-tetraidrokannabinol. Barra minn hekk, fir-rapport tagħhom, l-uffiċjali tal-pulizija lokali kkonstataw li l-imsemmija vettura kienet insterqet.

10

Konsegwentement, is-sewwieq u AT kienu s-suġġett ta’ proċeduri kriminali għar-reat ta’ riċettazzjoni. Fi tmiem dawn il-proċeduri, AT ġiet illiberata, peress li hija ma kinitx l-awtur tar-reat. Sadanittant, is-sewwieq miet.

11

Fil‑11 ta’ Frar 2022, AT ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale ordinario di Lodi (il-Qorti Distrettwali ta’ Lodi, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, kontra l-werriet tas-sewwieq u CT, fil-kwalità tagħha ta’ impriża maħtura mill-FGVS, sabiex tikseb kumpens għad-dannu mġarrab kaġun tal-inċident u kkwantifikat għal EUR 233076, flimkien mal-interessi u mal-evalwazzjoni mill-ġdid.

12

Quddiem il-qorti tar-rinviju, CT issostni, minn naħa, li l-kumpens previst fl-Artikolu 283 tal-Kodiċi tal-Assigurazzjoni Privata, fil-verżjoni tiegħu li tapplika għall-kawża prinċipali, huwa dovut biss lil persuni li jkunu qegħdin jiġu ttrasportati u li ma kinux jafu li, fil-mument tal-inċident, huma kienu jinsabu f’vettura li kienet qiegħda tintuża illegalment u, min-naħa l-oħra, li, skont il-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), hija l-persuna leża li għandha tipprova li hija ma kinitx taf bil-fatt li din il-vettura kienet qiegħda tintuża illegalment. F’dan il-kuntest, CT tqajjem in-nuqqas ta’ rilevanza tas-sentenza li lliberat lil AT.

13

AT issostni li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/103 huwa ċar biżżejjed fis-sens li jixħet l-oneru tal-prova fuq il-FGVS. Barra minn hekk, hija titlob li d-dispożizzjoni nazzjonali f’kunflitt mad-dritt tal-Unjoni ma tiġix applikata.

14

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) u l-qrati li jiddeċiedu fuq il-mertu jinterpretaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali fis-sens li l-oneru tal-prova tan-nuqqas ta’ għarfien tal-illegalità tal-provenjenza tal-vettura kkonċernata jaqa’ fuq il-persuna leża, bħala fatt kostituttiv tat-talba tagħha għal kumpens.

15

Hija żżid tgħid li, f’dan ir-rigward, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li l-fatt li l-persuna leża għandha l-oneru tal-prova tal-bona fide tagħha jaqa’ taħt il-marġni ta’ evalwazzjoni li jgawdi l-Istat Membru kkonċernat fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/103. Barra minn hekk, l-għan li jfittex li jilħaq id-dritt nazzjonali jibqa’ identiku għal dak li jfittex li jilħaq id-dritt tal-Unjoni, jiġifieri persuna li kienet taf bil-fatt li l-vettura kkonċernata kienet misruqa ma tkunx tista’ tiġi kkumpensata.

16

Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis li jkun utli li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/103. Fil-fatt, dan l-Artikolu 13 jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu li l-korp previst fl-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva għandu jintervjeni sabiex jikkumpensa lill-vittma ta’ inċident ikkawżat minn vettura misruqa. Madankollu, anki jekk il-leġiżlatur nazzjonali ppreveda l-intervent ta’ dan il-korp, ebda dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva ma tgħid b’mod espliċitu li l-oneru tal-prova li l-persuna leża kienet taf bil-fatt li l-vettura kkonċernata kienet qiegħda tintuża illegalment jaqa’ fuq l-imsemmi korp. Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/103 jirreferi biss għall-każ speċifiku tat-talba mressqa kontra l-kumpannija ta’ assigurazzjoni.

17

Madankollu, fil-fehma ta’ dik il-qorti, qari flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2009/103 u tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva jissuġġerixxi li huwa l-korp previst fl-Artikolu 10(1) tal-imsemmija direttiva li għandu jipprova li l-vettura kkonċernata kienet misruqa.

18

Bl-istess mod, il-prinċipju ġenerali li l-persuna leża għandha dejjem dritt għal kumpens (vulneratus ante omnia reficiendus), li fuqu tissejjes l-leġiżlazzjoni kollha tal-Unjoni dwar l-assigurazzjoni awtomobilistika obbligatorja u li fuqu l-Qorti tal-Ġustizzja spiss ibbażat id-deċiżjonijiet tagħha f’dan il-qasam, jiffavorixxi interpretazzjoni f’dan is-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/103. B’hekk, jekk ir-ratio legis ta’ dan l-Artikolu 13 kien li l-persuna leża li ma tkunx ħatja jkun jista’ jkollha aċċess għal kumpens ġust, din tal-aħħar qajla tista’ tkun obbligata tipprova fatt li jkun kważi impossibbli li jiġi pprovat.

19

Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni jista’ jiġi kompromess jekk il-persuna li titlob il-kumpens għad-dannu tagħha tkun obbligata tipproduċi l-prova ta’ fatt ta’ natura negattiva, jew saħansitra ta’ fatt li jkun kważi impossibbli li jiġi kkonstatat.

20

Fl-aħħar nett, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/103 għadu ma ġiex interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Din tal-aħħar intalbet biss tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni preċedenti f’dan il-qasam, u għalhekk iddeċidiet ripetutament li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew il-klawżoli kuntrattwali li jkollhom l-effett li jeskludu l-applikabbiltà ta’ polza ta’ assigurazzjoni setgħu jiġu invokati kontra l-vittmi ta’ inċident biss “meta l-assiguratur ikun jista’ jipprova li l-persuni li jkunu daħlu minn jeddhom fil-vettura li tkun kkawżat il-ħsara kienu jafu li din kienet misruqa”.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale Ordinario di Lodi (il-Qorti Distrettwali ta’ Lodi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

L-Artikolu 13 tad-Direttiva [2009/103] għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ ta’ inċident tat-traffiku li jkun involva lil persuna ttrasportata fuq vettura provenjenti minn serq, għandu jkun il-korp responsabbli għall-għoti ta’ kumpens taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/103 li għandu juri li l-parti li tkun sofriet ħsara kellha għarfien li l-vettura bil-mutur kienet misruqa?

(2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, tali dispożizzjoni, hekk interpretata, tipprekludi regolamentazzjoni, bħal dik Taljana, interpretata u applikata fis-sens li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-persuna ttrasportata u li tkun sofriet ħsara?”

Fuq id-domandi preliminari

22

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2009/103 għandux jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, huwa l-korp previst fl-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva li għandu jipprova, sabiex jinħeles mill-obbligu tiegħu li jagħti kumpens, li, fil-każ ta’ inċident tat-traffiku, il-persuna leża li tkun daħlet minn jeddha fil-vettura li tkun kkawżat id-dannu kienet taf li din kienet misruqa u, min-naħa l-oħra, jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tkun tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-sens li, f’tali sitwazzjoni, hija din il-persuna li, sabiex tikseb kumpens għad-dannu li tkun ġarrbet, għandha tipprova li hija ma kinitx taf bil-fatt li din il-vettura kienet insterqet.

23

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri xierqa, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, sabiex ir-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tagħhom tkun koperta minn assigurazzjoni.

24

F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2009/103, kull Stat Membru għandu jwaqqaf jew jawtorizza korp li jkollu l-funzjoni li jikkumpensa, tal-inqas sal-limiti tal-obbligu ta’ assigurazzjoni, id-danni materjali jew fiżiċi kkawżati minn vettura li ma tkunx identifikata jew vettura li għaliha l-obbligu ta’ assigurazzjoni msemmi fl-Artikolu 3 ma jkunx ġie ssodisfatt.

25

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2009/103 jipprovdi li fil-każ ta’ vetturi misruqa jew li jkunu nkisbu bi vjolenza, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-korp previst fl-Artikolu 10(1) ta’ din tal-aħħar “iħallas kumpens minflok l-assiguratur skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu [13]”.

26

Għandu jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2009/103 jirriżulta b’mod espliċitu li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li japplika għal dan il-korp il-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet li japplikaw għall-assiguraturi skont l-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva.

27

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-Repubblika Taljana għażlet l-intervent tal-korp previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2009/103 fil-każ ta’ danni kkawżati minn vetturi użati kontra r-rieda tal-proprjetarju tagħhom.

28

Issa, meta Stat Membru jkun għażel l-intervent ta’ dan il-korp fil-każ ta’ danni kkawżati minn vetturi misruqa, dan tal-aħħar ikun obbligat, skont l-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari, josserva l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva.

29

F’dan ir-rigward, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/103, kumpannija tal-assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà ċivili awtomobilistika ma tistax tirrifjuta li tikkumpensa lit-terzi vittmi tal-inċident ikkawżat minn vettura assigurata, billi tinvoka dispożizzjonijiet legali jew klawżoli kuntrattwali f’polza ta’ assigurazzjoni li jeskludu mill-kopertura tal-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili awtomobilistika d-danni kkawżati lit-terzi vittmi minħabba l-użu jew is-sewqan tal-vettura assigurata minn persuni li ma jkunux awtorizzati jsuqu din il-vettura, minn persuni li ma jkollhomx liċenzja tas-sewqan jew minn persuni li ma jkunux ikkonformaw ruħhom mal-obbligi legali ta’ natura teknika li jikkonċernaw l-istat u s-sigurtà tal-imsemmija vettura (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Matmut,C‑236/23, EU:C:2024:761, punt 33).

30

B’deroga minn dan l-ewwel subparagrafu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/103 jipprevedi li ċerti vittmi jistgħu ma jiġux ikkumpensati mill-kumpannija tal-assigurazzjoni, fid-dawl tas-sitwazzjoni li jkunu ħolqu huma stess, jiġifieri fil-każijiet fejn il-vettura li tkun ikkawżat id-dannu kienet użata jew misjuqa minn persuni li la kienu awtorizzati espliċitament u lanqas impliċitament u fejn it-terzi vittmi jkunu daħlu minn jeddhom f’din il-vettura, bl-għarfien li din tal-aħħar kienet misruqa (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Matmut, C‑236/23, EU:C:2024:761, punt 34).

31

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2009/103 jistabbilixxi deroga minn regola ġenerali, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett (digriet tat‑13 ta’ Ottubru 2021, Liberty Seguros, C‑375/20, EU:C:2021:861, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Kull interpretazzjoni oħra tagħmilha possibbli għall-Istati Membri li jillimitaw il-kumpens lit-terzi vittmi ta’ inċident tat-traffiku għal ċerti ċirkustanzi, ħaġa li d-Direttiva 2009/103 hija preċiżament intiża li tevita (digriet tat‑13 ta’ Ottubru 2021, Liberty Seguros, C‑375/20, EU:C:2021:861, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni legali jew klawżola kuntrattwali f’polza ta’ assigurazzjoni li tkun teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi, tista’ tiġi invokata kontra terzi, vittmi ta’ inċident tat-traffiku, biss meta l-assiguratur ikun jista’ jipprova li l-persuni li jkunu daħlu minn jeddhom fil-vettura li tkun ikkawżat id-dannu kienu jafu li din tal-aħħar kienet misruqa (digriet tat‑13 ta’ Ottubru 2021, Liberty Seguros, C‑375/20, EU:C:2021:861, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Dan ifisser li, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2009/103, meta Stat Membru jkun għażel l-intervent tal-korp previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2009/103 fil-każ ta’ danni kkawżati minn vetturi misruqa, huwa dan il-korp li għandu jipproduċi l-prova li l-persuni leżi li jkunu daħlu minn jeddhom fil-vettura li tkun ikkawżat id-dannu kienu jafu li din il-vettura kienet misruqa sabiex ikun jista’ jinvoka kontra dawn il-vittmi dispożizzjoni legali jew klawżola kuntrattwali f’polza ta’ assigurazzjoni, li tkun teskludi mill-assigurazzjoni l-użu jew is-sewqan ta’ vetturi, f’tali ċirkustanzi.

35

Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata kemm mill-kuntest tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2009/103 kif ukoll mill-għanijiet li tfittex li tilħaq din id-direttiva, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2019, IT Development, C‑666/18, EU:C:2019:1099, punt 37).

36

Fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2009/103, il-konklużjoni li l-oneru tal-prova inkwistjoni jaqa’ fuq il-korp imsemmi fl-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva hija wkoll konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva, liema dispożizzjoni tgħid li huwa dan il-korp li, sabiex jeskludi l-intervent tiegħu, għandu jipprova li l-persuni leżi li jkunu daħlu minn jeddhom fil-vettura li tkun ikkawżat il-ħsara kienu jafu li din il-vettura ma kinitx assigurata. B’hekk, f’każ bħal dan, l-oneru tal-prova tal-għarfien tal-fatt li l-imsemmija vettura ma kinitx assigurata jaqa’ wkoll fuq l-imsemmi korp u mhux fuq il-vittma tal-inċident tat-traffiku.

37

Fir-rigward tal-għanijiet li tfittex li tilħaq id-Direttiva 2009/103, għandu jitfakkar li, kif tiddikjara l-premessa 1 tad-Direttiva 2009/103, din tal-aħħar tikkodifika d-Direttiva 72/166, it-Tieni Direttiva 84/5, it-Tielet Direttiva 90/232, id-Direttiva 2000/26 u d-Direttiva 2005/14. Dawn id-direttivi ppreċiżaw bil-mod il-mod l-obbligi tal-Istati Membri fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja. Huma kienu intiżi, minn naħa, li jiżguraw il-moviment liberu kemm tal-vetturi normalment ibbażati fit-territorju tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-persuni li jkunu jinsabu f’dawn il-vetturi u, min-naħa l-oħra, li jiggarantixxu li l-vittmi tal-inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi jgawdu trattament paragunabbli, ikun fejn ikun il-post fit-territorju tal-Unjoni fejn ikun iseħħ l-inċident (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Matmut, C‑236/23, EU:C:2024:761, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Barra minn hekk, mill-premessi 2 u 20 tad-Direttiva 2009/103 jirriżulta li din tal-aħħar għandha, essenzjalment, l-istess għanijiet bħal dawk tal-imsemmija direttivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Matmut, C‑236/23, EU:C:2024:761, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Mill-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni obbligatorja jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kontinwament fittex u saħħaħ l-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2024, Matmut, C‑236/23, EU:C:2024:761, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

B’hekk, fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku kkawżati mill-vetturi bil-mutur, li d-Direttiva 2009/103 tfittex li tilħaq, il-vittma ta’ inċident tat-traffiku ma tistax tiġi obbligata tipprova li hija ma kinitx taf bil-fatt li l-vettura li kienet fiha kienet misruqa inkwantu tali oneru tal-prova jmur kontra dan l-għan.

41

Għaldaqstant, fid-dawl tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, ġurisprudenza nazzjonali li tixħet fuq il-vittma ta’ dan l-inċident l-oneru tal-prova tan-nuqqas ta’ għarfien tal-illegalità tal-provenjenza tal-vettura li tkun ikkawżat l-inċident tat-traffiku, bħala fatt kostituttiv tat-talba tagħha għal kumpens, ma tidhirx, bla ħsara għall-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2009/103.

42

Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandhom jiġu kkjarifikati l-obbligi tal-qorti nazzjonali fil-każ li l-ġurisprudenza nazzjonali ma tkunx konformi mal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2009/103.

43

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati nazzjonali, huma u japplikaw id-dritt intern, huma obbligati jinterpretaw dan id-dritt, sa fejn possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat li din tal-aħħar tfittex li tilħaq u, għaldaqstant, għandhom jikkonformaw ruħhom mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Dan l-obbligu li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni huwa effettivament inerenti għas-sistema tat-Trattat FUE inkwantu jippermetti lill-qrati nazzjonali jiżguraw, fil-limiti tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta huma jiddeċiedu t-tilwim li jitressaq quddiemhom (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR‑Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet bosta drabi li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan tal-aħħar, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-direttiva inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni li tkun konformi mal-għan li din tal-aħħar tfittex li tilħaq (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR‑Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 42).

45

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi jobbliga lill-qrati nazzjonali, inkluż dawk li jiddeċiedu fl-aħħar istanza, jemendaw, jekk ikun il-każ, ġurisprudenza nazzjonali stabbilita jekk din tal-aħħar tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt intern inkompatibbli mal-għanijiet ta’ direttiva. Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax, b’mod partikolari, validament tqis li jkun impossibbli għaliha li tinterpreta dispożizzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni sempliċement għaliex din id-dispożizzjoni tkun ġiet kontinwament interpretata f’sens li ma jkunx kompatibbli ma’ dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR‑Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punti 43 u 44).

46

B’hekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura l-effett sħiħ tad-Direttiva 2009/103 billi, jekk ikun hemm bżonn, ma tapplikax, minn jeddha, l-interpretazzjoni adottata mill-qrati Taljani, inkwantu din l-interpretazzjoni ma tkunx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR‑Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punti 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Madankollu, dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi huwa llimitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari min dak ta’ ċertezza legali, fis-sens li huwa ma jistax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR‑Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 45).

48

F’dan ir-rigward, għalkemm ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Taljan, għandu jiġi rrilevat, madankollu, li jidher li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-regola nazzjonali li abbażi tagħha l-oneru tal-prova inkwistjoni jaqa’ fuq il-persuna leża ma hijiex espressa b’mod ċar fl-Artikolu 283 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 209. Issa, jekk dan ikun effettivament il-każ, interpretazzjoni konformi mad-Direttiva 2009/103 ma tistax titqies li hija contra legem.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2009/103 għandu jiġi interpretat fis-sens li, minn naħa, huwa l-korp previst fl-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva li għandu jipprova, sabiex jinħeles mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens, li, fil-każ ta’ inċident tat-traffiku, il-persuna leża li tkun daħlet minn jeddha fil-vettura li tkun ikkawżat id-dannu kienet taf li kienet misruqa u, min-naħa l-oħra, jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-sens li, f’tali sitwazzjoni, hija din il-persuna li, sabiex tikseb kumpens għad-dannu li hija tkun ġarrbet, għandha tipprova li hija ma kinitx taf bil-fatt li din il-vettura kienet insterqet.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

minn naħa, huwa l-korp previst fl-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva li għandu jipprova, sabiex jinħeles mill-obbligu tiegħu ta’ kumpens, li, fil-każ ta’ inċident tat-traffiku, il-persuna leża li tkun daħlet minn jeddha fil-vettura li tkun ikkawżat id-dannu kienet taf li kienet misruqa u, min-naħa l-oħra, jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-sens li, f’tali sitwazzjoni, hija din il-persuna li, sabiex tikseb kumpens għad-dannu li hija tkun ġarrbet, għandha tipprova li hija ma kinitx taf bil-fatt li din il-vettura kienet insterqet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.