22.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 442/19


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.10727 – SANTANDER / STELLANTIS / OPEL BANK ASSETS / FCA BANK ASSETS / JV)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 442/06)

1.   

Fil-15 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

—

Santander Consumer Finance, ikkontrollata minn Banco Santander S.A. (“SCF”, Spanja),

—

Stellantis N.V. (“Stellantis”, in-Netherlands),

—

L-assi ta’ kooperazzjoni finanzjarja, ikkontrollati bi sħab minn Stellantis u BNP Paribas Personal Finance (“OVF”),

—

L-assi ta’ kooperazzjoni finanzjarja, ikkontrollati bi sħab minn Stellantis u Crédit Agricole Consumer Finance (“FCAB”) (OVF u FCAB meħuda flimkien, in-“Negozju fil-Mira”) u

—

Impriża bi sħab (joint venture, JV) bejn SCF u Stellantis (“SCF-Stellantis JV”).

SCF u Stellantis se jakkwistaw, fis-sens tal-Artikoli 3(1)(b) u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll bi sħab ta’ SCF-Stellantis JV, li tikkontrolla n-Negozju fil-Mira.

Il-konċentrazzjoni titwettaq permezz ta’ xiri ta’ ishma u assi.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma dawn li ġejjin:

—

SCF hija sussidjarja kollha kemm hi ta’ Santander. SCF hija liċenzjata fi Spanja bħala istituzzjoni ta’ kreditu u hija rregolata minn u taħt is-superviżjoni diretta tal-Bank Ċentrali Ewropew. Santander hija kumpanija kkwotata fil-Borża u hija grupp bankarju bi klijenti fl-Ewropa u fl-Amerki,

—

Stellantis hija attiva madwar id-dinja fl-iżvilupp, il-manifattura u d-distribuzzjoni ta’ vetturi awtomobilistiċi, taħt il-15-il ditta li ġejjin: Peugeot, Citroën, DS Automobiles, Opel, Vauxhall, Abarth, Alfa Romeo, Chrysler, Dodge, Fiat, Fiat Professional, Jeep, Lancia, Maserati u Ram,

—

OVF u FCAB joffru self u kirjiet relatati ma’ vetturi tal-marka Stellantis kif ukoll self lil negozjanti tal-karozzi,

—

L-SCF-Stellantis JV se tikkonsisti min-Negozju fil-Mira.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.10727 – SANTANDER / STELLANTIS / OPEL BANK ASSETS / FCA BANK ASSETS / JV

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).