Brussell, 27.6.2024

COM(2024) 259 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

rigward l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-programm Pericles IV għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar fl-2023


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

rigward l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-programm Pericles IV għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar fl-2023

1.Informazzjoni Ġenerali

Il-programm “Pericles IV” (minn hawn ’il quddiem “il-Programm”) huwa programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar. Dan jissostitwixxi l-programm Pericles 2020 li opera matul il-perjodu 2013-2020, u l-programm Pericles li opera matul il-perjodu 2002-2013. Il-Programm ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/840 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 1 . L-applikazzjoni tiegħu ġiet estiża għal Stati Membri mhux parteċipanti bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1696 tal-21 ta’ Settembru 2021 2 . Ir-Regolament (UE) Nru 2021/840 jistabbilixxi d-durata tal-Programm sal-31 ta’ Diċembru 2027. L-Artikolu 12(3) tar-Regolament jesiġi li l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni annwali dwar ir-riżultati tal-Programm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan ir-Rapport Annwali jirrispondi għal dan ir-rekwiżit għas-sena 2023. Ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar l-impenji u l-implimentazzjoni tal-programm “Pericles IV” fl-2023, kif ukoll dwar l-implimentazzjoni fl-2023 ta’ azzjonijiet impenjati skont is-snin preċedenti u l-ġenerazzjoni preċedenti tal-programm.

2.L-impenji skont il-Programm ta’ Ħidma Annwali 2023

Il-baġit annwali għall-implimentazzjoni tal-Programm għas-sena 2023 ġie stabbilit għal EUR 667 060 u ġie ffinanzjat mil-linja baġitarja 06.030100 3 tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-2023. Total ta’ EUR 666 252,15 ġie impenjat fl-2023, li huwa 99,88 % tal-baġit totali. Il-Programm huwa implimentat permezz ta’ azzjonijiet kofinanzjati (għotjiet) li joriġinaw mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u permezz ta’ “azzjonijiet tal-Kummissjoni”, organizzati direttament mill-Kummissjoni. L-ammont totali tal-impenn jinkludi wkoll impenn ta’ EUR 26 328 biex ikopri parzjalment l-ispejjeż annwali għall-użu tal-għodda eGrants, sistema ta’ ġestjoni kompletament elettronika (mingħajr karti) għall-għotjiet 4 . Flimkien mal-linja baġitarja operattiva, EUR 200 000 saru disponibbli fuq il-linja baġitarja 06.010200 5 tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Minn dan l-ammont, EUR 175 115,50 ġew impenjati għal miżuri ta’ appoġġ bħall-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm u l-parti li jifdal tat-tariffa annwali tal-eGrants 6 . B’mod partikolari, ġew impenjati EUR 156 502,50 għall-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm Pericles IV. L-Artikolu 13 tar-Regolament Pericles IV jindika li l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm Pericles IV għandha titwettaq mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-bidu tagħha, li kien l-2021. L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu (li tkopri l-2021-2023) se tivvaluta, fost l-oħrajn, il-kisbiet tal-objettivi tal-Programm skont il-kriterji tal-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE.

L-implimentazzjoni tal-Programm tirrifletti l-impenn tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni biex jipproteġu l-euro kontra l-iffalsifikar. Id-diskussjonijiet dwar l-istrateġija annwali fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti dwar l-Iffalsifikar tal-Euro (ECEG, Euro Counterfeiting Experts Group) għamluha possibbli li jiġu indirizzati t-theddidiet ewlenin u li jiġu impenjati 99,88 % tal-baġit globali fl-2023. Il-Programm ħa impenn li jiffinanzja total ta’ 10 proġetti 7 : Ingħataw 9 għotjiet b’suċċess minn applikazzjonijiet li oriġinaw mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u ġiet iffinanzjata azzjoni waħda tal-Kummissjoni.

L-azzjoni tal-Kummissjoni ġiet implimentata fl-2023 u għotja waħda ġiet implimentata parzjalment fl-2023, filwaqt li l-għotjiet li jifdal se jiġu implimentati għal kollox fl-2024 u wara.

Ċart I uĊart II: Tip ta’ azzjoni ffinanzjata u l-Għadd ta’ azzjonijiet għal kull Stat Membru (l-azzjonijiet li għalihom ittieħdu impenji fl-2023, ara l-Anness I) 

 

Ta’ min wieħed jinnota li l-Italja u Spanja, tnejn mill-Istati Membri l-aktar affettwati mill-iffalsifikar tal-euro, din is-sena reġgħu rċevew l-għotjiet minn Pericles.

L-azzjonijiet li għalihom ittieħdu impenji fl-2023 jikkonsistu f’5 skambji tal-persunal, 3 sessjonijiet ta’ taħriġ tekniku u 2 seminars. L-azzjonijiet mistennija li jsiru kemm ġewwa l-UE kif ukoll barra minnha, skont il-ħtiġijiet speċifiċi għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar. Mindu twaqqaf, il-Programm ikkonsolida l-approċċ reġjonali tiegħu billi implimenta azzjonijiet li jinvolvu reġjuni fid-dinja li huma partikolarment importanti għall-ġlieda kontra l-iffalsifikar.

3.Implimentazzjoni ta’ azzjonijiet fl-2023 8

Ħarsa ġenerali

Din it-taqsima tanalizza l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha ffinanzjati minn Pericles fis-sena kalendarja 2023. Għaldaqstant tinkludi l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet impenjati taħt il-baġits ta’ “Pericles IV” tal-2021, tal-2022 u tal-2023 (6 għotjiet u 2 azzjonijiet tal-Kummissjoni), kif ukoll azzjonijiet impenjati taħt il-baġits preċedenti ta’ “Pericles 2020” (3 għotjiet). Dan jenfasizza l-kontinwità tal-programm f’dik li hija l-ideazzjoni tiegħu u jirrifletti l-effettività tal-programm Pericles biex jipproteġi l-euro mill-iffalsifikar permezz ta’ azzjonijiet implimentati fuq bażi annwali.

Fl-2023 ġew implimentati 13-il azzjoni ffinanzjati kumplessivament minn Pericles, inklużi:

·l-implimentazzjoni parzjali mill-Italja ta’ azzjoni ta’ għotja waħda impenjata fl-2023;

·l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ 6 azzjonijiet ta’ għotja impenjati fl-2021-2022: dawn l-azzjonijiet ġew implimentati minn Spanja (3 azzjonijiet), mill-Kroazja (2 azzjonijiet), u mill-Italja (azzjoni waħda) rispettivament;

·l-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ 3 azzjonijiet ta’ għotja impenjati fl-2019-2020: dawn l-azzjonijiet jikkonsistu fi stadji multipli (jiġifieri skambji tal-persunal u seminars) fuq aktar minn sena kalendarja waħda u ġew implimentati parzjalment mill-Italja, mir-Rumanija u minn Franza rispettivament;

·l-implimentazzjoni ta’ 3 azzjonijiet akkwistati tal-Kummissjoni (waħda impenjata fl-2023).

L-azzjonijiet ta’ hawn fuq jikkonsistu f’7 skambji tal-persunal, 2 konferenzi, u 4 taħriġiet tekniċi, (ara wkoll it-taqsima 2 hawn fuq). Għadd stmat ta’ 526 espert ipparteċipaw fl-azzjonijiet imsemmija hawn fuq.



Ċart III u ċ-Ċart IV: Oriġini tal-parteċipanti u sfond professjonali tal-parteċipanti (azzjonijiet implimentati fl-2023, ara l-Anness II) 9  

F’termini ta’ oriġini, il-parteċipanti kienu minn 54 pajjiż. Il-biċċa l-kbira tat-trainees (80 %) kienu parteċipanti Ewropej: 46 % kienu mill-Istati Membri taż-żona tal-euro, filwaqt li dawk minn Stati Membri mhux fiż-żona tal-euro jammontaw għal 14 % u dawk ġejjin minn pajjiżi mhux tal-UE fl-Ewropa jirrappreżentaw 20 %; 11 % tat-trainees kienu mill-Amerka Latina. Finalment, 4 % tal-parteċipanti rrappreżentaw l-Istituzzjonijiet Ewropej, 1 % kien mill-Afrika u mil-Lvant Nofsani u 5 % kienu minn reġjuni oħra.

Rigward l-isfond professjonali tal-parteċipanti, il-membri mill-forzi tal-pulizija rrappreżentaw 50 % tat-total. Din il-preżenza qawwija hija dovuta għall-fatt li l-awtoritajiet tal-pulizija jinsabu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-euro, u l-persunal tal-pulizija jinkludi kemm investigaturi kif ukoll persunal tekniku. Kategoriji oħra ta’ parteċipanti kienu jammontaw għal 50 % tat-total, b’esperti mill-banek ċentrali nazzjonali li rrappreżentaw 28 %, u għaldaqstant kienu jiffurmaw it-tieni l-ikbar grupp ta’ parteċipanti. Bħal fl-2022, diversi azzjonijiet fl-2023 iffukaw fuq il-parteċipazzjoni tal-banek ċentrali. Kien hemm ukoll parteċipazzjoni sinifikanti ta’ membri tal-ġudikatura (6 %), Istituzzjonijiet Ewropej (4 %), zekki (2 %) u dwana (<2 %), li jirriflettu firxa sħiħa ta’ sfondi professjonali tal-parteċipanti. Fl-aħħar nett, l-implimentazzjoni tal-azzjoni tal-Kummissjoni “Il-Ħames Laqgħa tal-Pjattaforma 1210” rriżultat f’parteċipazzjoni għolja ta’ rappreżentanti mill-industrija tal-makkinarju tal-ipproċessar tal-muniti (CPM - coin processing machine) (2 %) għall-ħames sena, li tkompli tafferma lis-settur privat bħala parti kkonċernata sinifikanti fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar. B’hekk, l-implimentazzjoni tal-Programm tissodisfa d-dimensjonijiet tranżnazzjonali u multidixxiplinari tal-Programm meħtieġa skont ir-Regolament (UE) Nru 2021/840 b’livell għoli ta’ diversifikazzjoni.

Punti ewlenin tal-implimentazzjoni fl-2023

Il-Programm irnexxielu jżomm u jsaħħaħ aktar il-kooperazzjoni reġjonali fix-Xlokk tal-Ewropa u fl-Amerka Latina fl-2023:

·fl-2023 rajna l-implimentazzjoni ta’ diversi azzjonijiet ta’ Pericles li ffukaw fuq it-tħeġġiġ u ż-żamma ta’ kooperazzjoni b’saħħitha fost l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fix-Xlokk tal-Ewropa. Dan kien jinkludi żewġ azzjonijiet (skambji ta’ persunal) organizzati mill-Comando Carabinieri Antiffalsificazione Monetaria (CCAFM) Taljan, konferenzi organizzati mill-Guardia di Finanza (GDF) u l-pulizija Rumena (GIRP), kif ukoll il-ħames konferenza tan-Network tal-Balkani għall-Protezzjoni tal-Euro, organizzata mill-Bank Nazzjonali Kroat, bl-għan li tħeġġeġ kooperazzjoni aktar mill-qrib fost il-pajjiżi Ewropej tax-Xlokk. Barra minn hekk, l-azzjoni tal-Kummissjoni “Taħriġ dwar il-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar” f’Chișinău (il-Moldova) laqqgħet flimkien parteċipanti mill-awtoritajiet kompetenti ewlenin involuti fil-protezzjoni tal-muniti (inkluż l-euro) kontra l-iffalsifikar fil-Moldova: Il-pulizija/il-Ministeru tal-Intern, il-Bank Nazzjonali, il-Ġudikatura u d-Dwana.

·Il-Brigada de Investigación del Banco de España Spanjola (BIBE) organizzat kors ta’ taħriġ dwar l-iffalsifikar tal-munita għal esperti minn pajjiżi tal-Amerika Latina, li laqqa’ flimkien lill-awtoritajiet ta’ 15-il pajjiż tal-Amerka Latina f’Bogotá, il-Kolombja. L-azzjoni ppromwoviet miżuri għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar fil-pajjiżi tal-Amerka Latina li huma potenzjalment suxxettibbli għaliha. Din l-azzjoni appoġġat ukoll l-istabbiliment u t-tħaddim tal-Uffiċċji Ċentrali Nazzjonali (NCO - National Central Offices) kontra l-iffalsifikar tal-munita fil-pajjiżi li ħadu sehem. Abbażi ta’ taħriġ bl-istess format li kien sar qabel, l-Arġentina stabbiliet NCO bħal dawn.

L-implimentazzjoni tal-programm fl-2023 kienet ikkaratterizzata wkoll minn diversi azzjonijiet li ffukaw fuq żviluppi topiċi fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-munita:

·Prijorità oħra indirizzata minn diversi azzjonijiet kienet il-ġlieda kontra klassijiet ta’ kwalità għolja ta’ kontrafazzjonijiet, l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1210/2010 u t-trattament ta’ muniti tal-euro li mhumiex tajbin għaċ-ċirkolazzjoni. L-azzjonijiet b’dan l-enfasi kienu jinkludu l-“attività ta’ taħriġ għall-esperti tekniċi dwar l-analiżi tal-muniti ffalsifikati” organizzata mill-Banco de España, kif ukoll il-Ħames laqgħa tal-Pjattaforma 1210 organizzata bħala Azzjoni tal-Kummissjoni, li laqqgħet flimkien il-partijiet ikkonċernati mill-industrija tal-Magni tal-Ipproċessar tal-Muniti u ċ-Ċentri Nazzjonali għall-Analiżi tal-Muniti. L-2023 rat ukoll il-finalizzazzjoni tal-istudju “Nanoguard 3, l-iżvilupp u l-industrijalizzazzjoni ta’ muniti b’livell għoli ta’ sigurtà”. Dan l-istudju, li jinvolvi zekki mill-Awstrija, minn Franza u mill-Ġermanja bil-Monnaie de Paris bħala l-promotur ewlieni tiegħu, huwa pass ieħor lejn it-tisħiħ tal-karatteristiċi tas-sigurtà tal-muniti tal-euro.

·Diversi azzjonijiet indirizzaw it-theddida tal-internet/darknet fil-qasam tal-iffalsifikar tal-euro, inkluża d-disponibbiltà ta’ karti tal-flus b’disinn mibdul. Wieħed mill-punti fokali ewlenin ta’ tħassib li ħareġ mill-iskambji tal-persunal u t-taħriġ tekniku bħall-“iskambju tal-persunal dwar tekniki ta’ investigazzjoni kontra l-iffalsifikar tal-munita (SEITACC-2)” tas-CCAFM Taljana, u l-“kors ta’ taħriġ dwar l-iffalsifikar tal-munita għal esperti mill-pajjiżi tal-Amerka Latina 2023” tal-BIBE Spanjol , kienet id-distribuzzjoni ta’ flus foloz fuq id-darknet/l-internet.

L-istudju akkwistat “dwar il-karti tal-flus użati fil-films, prodotti repliki użati għall-vidjografija u karti tal-flus oħra b’disinn mibdul” kellu objettiv ġenerali li jikkomplementa u jkompli jiżviluppa s-sejbiet tal-analiżijiet imwettqa s’issa mill-Kummissjoni Ewropea, il-BĊE u l-Europol. Dan l-istudju fassal bis-sħiħ il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u d-dħul fiċ-ċirkolazzjoni tal-karti tal-flus użati fil-films, il-prodotti repliki użati għall-vidjografija u karti tal-flus oħra b’disinn mibdul, fil-kuntest tal-UE u f’dak internazzjonali. B’dan il-mod, l-istudju analizza l-approċċi tal-infurzar tal-liġi u l-approċċi ġudizzjarji Ewropej, nazzjonali, tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi terzi għal dan il-fenomenu. U dan, sabiex jitħeġġeġ approċċ komuni fil-livell tal-UE biex tiġi miġġielda din it-theddida.

4.Monitoraġġ tal-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi

L-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) 2021/840 jiddikjara li dan ir-rapport jenħtieġ li jqis l-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi tal-programm “Pericles IV”. Id-data annwali dwar dawn l-indikaturi hija kif ġej:

1.Għadd ta’ euro ffalsifikati individwati (karti tal-flus: 476 000 fl-2023 / muniti: 414 406 fl-2023): Il-mira għal dan l-indikatur hija li l-għadd ta’ euros iffalsifikati individwati (karti u muniti) jinżamm taħt kontroll fil-medda ta’ +/- 5 % meta mqabbel mal-medja tal-2014-2020 (671 000/174 112). L-għadd ta’ karti tal-flus iffalsifikati huwa aktar baxx, waqt li l-għadd ta’ muniti huwa ogħla minn dak mistenni. Madankollu, ta’ min jinnota li r-rabta bejn il-programm u dawn l-indikaturi hija indiretta biss, peress li hemm varjetà ta’ fatturi esterni li għandhom rwol importanti fl-iżvilupp tal-indikaturi. Dawn il-fatturi esterni jinkludu l-progress tal-investigazzjonijiet tal-pulizija u l-ammont ta’ produzzjoni ffalsifikata.

2.Għadd ta’ ħwienet tax-xogħol illegali żarmati (9 fl-2023): Il-mira għall-għadd ta’ ħwienet tax-xogħol illegali żarmati hija li l-għadd jinżamm taħt kontroll f’medja ta’ +/- 10 % meta mqabbel mal-2019 (22). L-għadd ta’ ħwienet tax-xogħol illegali żarmati fl-2023 huwa inqas mill-mira mistennija. Kif spjegat fl-indikatur 1, ir-rabta bejn il-programm u dan l-indikatur hija indiretta biss, peress li hemm varjetà ta’ fatturi esterni li għandhom rwol importanti fl-iżvilupp tal-indikaturi.

3.Għadd ta’ awtoritajiet kompetenti uniċi li applikaw għall-Programm (8 fl-2023): Dan l-indikatur għandu l-għan li jkejjel l-interess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-programm. Il-mira għall-2024 hija ta’ 12 u l-mira għall-2027 hija ta’ 24. Il-fatt li l-għadd ta’ applikanti uniċi laħaq is-70 % tal-objettiv intermedju għall-2024 fit-tielet sena ta’ implimentazzjoni, huwa konformi mal-aspettattivi.

4.Rata ta’ sodisfazzjon tal-parteċipanti fl-azzjonijiet iffinanzjati mill-programm (98,97 % fl-2023): Dan l-indikatur ikejjel il-kwalità tat-taħriġiet kif perċepita mill-parteċipanti. Il-mira hija 75 %. Il-rata ta’ feedback pożittiv hija ferm ogħla mill-mira.

5.Feedback tal-parteċipanti li diġà ħadu sehem f’azzjonijiet preċedenti ta’ Pericles dwar l-impatt tal-Programm fuq l-attivitajiet tagħhom f’dak kollu li jirrigwarda l-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (98,31 % fl-2023): Dan l-indikatur ikejjel is-sostenibbiltà tal-azzjonijiet tal-programm. Il-mira hija 75 %. Il-perċentwal ta’ feedback pożittiv huwa ferm ogħla mill-mira.

5.Konklużjonijiet u t-triq ’il quddiem

Il-programm “Pericles IV”, bħall-predeċessur tiegħu, jibqa’ għodda importanti u effiċjenti fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar. Il-Programm jifforma l-bażi għall-appoġġ ta’ studji, iż-żamma u l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni, u l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-atturi kollha involuti fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-euro. Dan huwa appoġġat ukoll mill-fatt li fl-2023 ġew impenjati 99,88 % tal-baġit kumplessiv, li jirrifletti l-interess tal-Istati Membri fil-programm.

Il-Kummissjoni tqassam b’mod regolari r-riżultati tal-azzjonijiet appoġġati skont il-Programm lill-esperti tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Kontrafazzjoni tal-Euro (Euro Counterfeit Experts Group, ECEG). Fl-2023, kien hemm 3 laqgħat tal-ECEG. Il-Programm juri livell għoli ta’ konsistenza u komplementarjetà ma’ programmi u azzjonijiet rilevanti oħra fil-livell tal-Unjoni minħabba li huwa ddedikat b’mod esklużiv għall-protezzjoni tal-euro billi jipprevjeni u jiġġieled forma speċifika ta’ kriminalità organizzata, b’mod partikolari l-iffalsifikar tal-euro. Din il-komplementarjetà tidher ċara fir-rigward tal-istrument tal-Assistenza Teknika u Skambju tal-Informazzjoni (TAIEX) tad-DĠ NEAR, li jintuża l-iktar biex jiġu appoġġati n-negozjati tal-adeżjonijiet, u l-Fond tas-Sigurtà Interna - il-Pulizija tad-DĠ HOME 10 , li jkopri l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali. Wara l-inklużjoni tal-falsifikazzjoni ta’ flus bħala waħda mill-prijoritajiet fil-Pjan ta’ Azzjoni Operazzjonali tal-EMPACT 11 , il-Kummissjoni qiegħda tikkoordina mill-qrib mal-entità fit-tmun tal-EMPACT sabiex tiġi mmassimizzata l-komplementarjetà bejn iż-żewġ sorsi ta’ finanzjament.

Abbażi tar-riżultati tal-implimentazzjoni tal-Programm u tal-analiżi kontinwa tat-theddidiet emerġenti li ġew diskussi fl-ECEG, il-prijoritajiet għall-2024 huma dawn li ġejjin 12 :

·L-attivitajiet ta’ appoġġ bl-għan li jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri li huma milquta b’mod partikolari mill-produzzjoni u mid-distribuzzjoni ta’ kontrafazzjonijiet;

·It-trawwim ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ dawk il-pajjiżi terzi fejn hemm suspett jew evidenza tal-produzzjoni ta’ euro ffalsifikati;

·Iż-żamma ta' qafas effiċjenti għall-ħarsien tal-euro fix-Xlokk tal-Ewropa;

·Żviluppi topiċi:

oDistribuzzjoni ta’ flus foloz u komponenti ta’ kwalità għolja fuq id-darknet, u “karti tal-flus użati fil-films” u prodotti “repliki użati għall-vidjografija” online (inklużi karti tal-flus b’disinn mibdul);

oAppoġġ għall-istabbiliment/għat-tisħiħ tal-NCOs;

oMuniti tal-euro: Il-ġlieda kontra klassijiet ta’ kwalità għolja ta’ ffalsifikar, l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1210/2010 u t-trattament ta’ muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni.

(1) Ir-Regolament (UE) 2021/840 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar għall-perjodu 2021-2027 (il-programm “Pericles IV”), u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 331/2014.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1696 tal-21 ta’ Settembru 2021 li jestendi għall-Istati Membri mhux parteċipanti l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/840 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar għall-perjodu 2021-2027 (il-programm “Pericles IV”).
(3) Linja baġitarja 06.030100: Protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar.
(4) L-ammont sħiħ għall-użu tal-għodda tal-eGrants kien ta’ EUR 44 941.
(5) Linja baġitarja 06.010200: Nefqa ta’ appoġġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar.
(6) L-EUR 24 884,50 li jifdal ġew trasferiti lil DĠ BUDG.
(7)  Ħarsa ġenerali komprensiva lejn l-azzjonijiet ta’ Pericles, li għalihom saru impenji fl-2023, tinsab fl-Anness I.
(8) Ħarsa ġenerali komprensiva lejn l-azzjonijiet ta’ Pericles implimentati fl-2023, tinsab fl-Anness II.
(9)  Id-data kollha tikkonċerna kemm l-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-programm “Pericles IV” kif ukoll l-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-programm Pericles 2020.
(10)

Ir-Regolament (UE) Nru 513/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tar-riskji u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/125/JHA (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 93).

(11) L-EMPACT (il-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea kontra t-Theddid Kriminali) hija inizjattiva tas-sigurtà mmexxija mill-Istati Membri tal-UE biex tidentifika, tipprijoritizza u tindirizza t-theddidiet mill-kriminalità organizzata u serja fuq livell internazzjonali. Fl-2021, l-EMPACT saret strument permanenti, kif stabbilit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kontinwazzjoni permanenti taċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE għall-kriminalità organizzata u serja fuq livell internazzjonali. Il-Bulgarija hija l-Istat Membru fit-tmun għall-prijorità tal-EMPACT li tkopri l-“Kriminalità tal-Proprjetà Intellettwali, l-Iffalsifikar ta’ Oġġetti u ta’ Muniti”.
(12)

Il-prijoritajiet tal-Programm għall-2024 huma parti essenzjali mill-Programm ta’ Ħidma Annwali, li huwa anness mad-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI tat-30.1.2024 dwar il-finanzjament tal-programm “Pericles IV” u l-adozzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali għall-2024, C(2024) 474 final.