European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/1115

2.6.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1115

tat-12 ta’ Mejju 2025

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Grupp ta’ Esperti dwar il-Ftehim Ewropew dwar il-Ħidma ta’ Ekwipaġġi ta’ Vetturi Involuti fit-Trasport Internazzjonali bit-Triq (AETR) u fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti fir-rigward ta’ proposta biex l-AETR jiġi allinjat mal-emendi reċenti ewlenin tar-Regolament (KE) Nru 561/2006

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Ewropew dwar il-Ħidma ta’ Ekwipaġġi ta’ Vetturi Involuti fit-Trasport Internazzjonali bit-Triq (AETR) (1) daħal fis-seħħ fil-5 ta’ Jannar 1976. Fis-sentenza tagħha tal-31 ta’ Marzu 1971 fil-Kawża 22/70, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva b’rabta mas-suġġett kopert mill-AETR (2).

(2)

Skont l-Artikolu 2(3), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), id-dispożizzjonijiet tal-AETR jenħtieġ li jiġu allinjati ma’ dawk ta’ dak ir-Regolament. Ir-Regolamenti (UE) 2020/1054 (4) u (UE) 2024/1258 (5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill emendaw ir-Regolament (KE) Nru 561/2006. Barra minn hekk, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1012 (6) issupplimenta l-Artikolu 8a(2) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006, li huwa waħda mid-dispożizzjonijiet li ġew introdotti bir-Regolament (UE) 2020/1054. Għalhekk, l-Unjoni għandha tipproponi li l-AETR jiġi emendat biex jirrifletti l-emendi introdotti bir-Regolamenti (UE) 2020/1054 u (UE) 2024/1258 u ssupplimentati bir-Regolament Delegat (UE) 2022/1012. Dawk l-emendi jkopru dispożizzjonijiet ġodda relatati mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-AETR, il-kundizzjonijiet li skonthom huwa possibbli li jittieħed mistrieħ imnaqqas konsekuttiv ta’ kull ġimgħa, projbizzjoni li l-mistrieħ regolari ta’ kull ġimgħa jittieħed fil-kabina, ir-regoli li skonthom ix-xufier għandu jirritorna lejn l-istabbiliment tal-impjegatur jew lejn il-post ta’ residenza tax-xufiera, il-kundizzjonijiet li skonthom huwa possibbli li jittieħdu perjodi ta’ mistrieħ fuq vapur jew ferrovija, derogi possibbli oħra għax-xufiera involuti fit-trasport okkażjonali tal-passiġġieri, u l-prinċipju u l-ispeċifikazzjonijiet ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri.

(3)

Skont l-Artikolu 21 tal-AETR, il-proposti għal emendi tal-AETR jistgħu jiġu ppreżentati minn kwalunkwe Parti Kontraenti lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Qabel ma jintbagħtu lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-proposti ġeneralment jiġu ppreżentati, eżaminati u approvati għall-ewwel darba fil-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq (SC.1) tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE). Ġie stabbilit Grupp ta’ Esperti dwar l-AETR min-NU/KEE fil-qafas tal-AETR. Il-Grupp ta’ Esperti dwar l-AETR huwa korp li għandu s-setgħa li jiżviluppa u jissottometti proposti għall-emendar tal-AETR lill-Grupp ta’ Ħidma tan-NU/KEE dwar it-Trasport bit-Triq. L-Unjoni, abbażi ta’ din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li tipproponi li l-Grupp ta’ Esperti dwar l-AETR, matul it-38 sessjoni ppjanata tiegħu f’Ġunju 2025, u f’sessjonijiet sussegwenti, u l-Grupp ta’ Ħidma tan-NU/KEE dwar it-Trasport bit-Triq, matul il-120 sessjoni ppjanata tiegħu f’Ottubru 2025, u f’sessjonijiet sussegwenti, jiddiskutu l-emendi tal-AETR relatati mat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għax-xufiera involuti fit-trasport internazzjonali bit-triq li jirriżultaw mill-emendi reċenti tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 introdotti bir-Regolamenti (UE) 2020/1054 u (UE) 2024/1258 u bir-Regolament Delegat (UE) 2022/1012.

(4)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Grupp ta’ Esperti dwar l-AETR u fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq, peress li l-emendi għall-AETR se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 21(6) tal-AETR.

(5)

L-Istati Membri ma għandhomx joġġezzjonaw għal notifika mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti skont l-Artikolu 21(1) tal-AETR, dwar l-emendi proposti li jinsabu fl-Allegat għal din id-Deċiżjoni. Jekk notifika mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ma tkunx limitata għall-emendi proposti li jinsabu fl-Allegat ta’ din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri ma joġġezzjonawx għal dawk l-emendi proposti li jinsabu fl-Allegat għal din id-Deċiżjoni.

(6)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Grupp ta’ Esperti dwar l-AETR għandha tiġi espressa mill-Kummissjoni, u l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq għandha tiġi espressa mill-Istati Membri filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul it-38 sessjoni, u f’sessjonijiet sussegwenti, tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Ftehim Ewropew dwar il-Ħidma ta’ Ekwipaġġi ta’ Vetturi Involuti fit-Trasport Internazzjonali bit-Triq (AETR) u matul il-120 sessjoni. u f’sessjonijiet sussegwenti, tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq (SC.1) tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) fir-rigward ta’ proposta biex l-AETR jiġi allinjat mal-emendi reċenti tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 introdotti bir-Regolamenti (UE) 2020/1054 u (UE) 2024/1258 u mar-Regolament Delegat (UE) 2022/1012, hija stabbilita fl-Allegat għal din id-Deċiżjoni.

Jista’ jintlaħaq qbil fuq bidliet formali u minuri fil-pożizzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Kummissjoni fil-Grupp ta’ Esperti dwar l-AETR u mill-Istati Membri li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, fil-Grupp ta’ Ħidma tan-NU/KEE dwar it-Trasport bit-Triq.

Artikolu 3

Meta kwalunkwe emenda proposta stipulata fl-Allegat għal din id-Deċiżjoni tkun ġiet approvata mill-Grupp ta’ Ħidma tan-NU/KEE dwar it-Trasport bit-Triq, l-Istati Membri filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni għandhom jippreżentawha lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, f’konformità mal-Artikolu 21(1) tal-AETR.

L-Istati Membri ma għandhomx joġġezzjonaw għal notifika mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti skont l-Artikolu 21(1) tal-AETR dwar l-emendi proposti li jinsabu fl-Allegat għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

B. NOWACKA


(1)   ĠU L 95, 8.4.1978, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1977/2829/oj..

(2)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs il-Kunsill (AETR), 22/70, EU:C:1971:32, il-punti 30-31.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġislazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/561/oj).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2020/1054 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward ta’ rekwiżiti minimi dwar il-ħinijiet massimi ta’ sewqan kuljum u kull ġimgħa, il-pawżi minimi u l-perijodi ta’ mistrieħ kuljum u kull ġimgħa u r-Regolament (UE) Nru 165/2014 fir-rigward tal-pożizzjonament permezz ta’ takografi (ĠU L 249, 31.7.2020, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/1054/oj).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2024/1258 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 fir-rigward tar-rekwiżiti minimi dwar il-pawżi minimi u l-perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa fis-settur tat-trasport okkażjonali tal-passiġġieri u fir-rigward tas-setgħa tal-Istati Membri li jimponu penali fuq il-ksur tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 imwettaq fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz (ĠU L, 2024/1258, 2.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1258/oj).

(6)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1012 tas-7 ta’ April 2022 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istabbiliment ta’ standards li jispeċifikaw il-livell ta’ servizz u s-sigurtà ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri u fir-rigward tal-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni tagħhom (ĠU L 170, 28.6.2022, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/1012/oj)


ANNESS

(1)

Tiżdied definizzjoni ġdida (ia) fl-Artikolu 1 tal-AETR, kif ġej:

“(ia)

‘servizzi okkażjonali’ tfisser servizzi għall-ġarr ta' passiġġieri li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta' servizzi regolari, inkluż servizzi regolari speċjali, u l-karatteristika ewlenija tagħhom hija l-ġarr ta' gruppi ta' passiġġieri ffurmati fuq l-inizjattiva tal-klijent jew tat-trasportatur innifsu. Servizz okkażjonali jitwettaq taħt il-kopertura ta' formola tal-vjaġġ, li għandha timtela mit-trasportatur qabel kull vjaġġ u li jkun fiha, mill-inqas, informazzjoni dwar it-tip ta' servizz, l-itinerarju prinċipali u t-trasportatur(i) involut(i).”

(2)

Il-punt (a) tal-Artikolu 2(2) tal-AETR huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(a)

Vetturi użati għall-ġarr ta' merkanzija fejn il-massa massima permissibbli tal-vettura, inkluż kwalunkwe trejler jew semitrejler, ma taqbiżx 2,5 tunnellati.”

(3)

Jiżdied punt ġdid (l) fl-Artikolu 2(2) tal-AETR, kif ġej:

“(l)

Vetturi jew kombinamenti ta' vetturi b'massa massima permissibbli li ma taqbiżx 7,5 tunnellati, li jintużaw għal:

(i)

il-ġarr ta' materjali, tagħmir jew makkinarju għall-użu mix-xufier matul xogħol ix-xufier; jew

(ii)

il-konsenja ta' merkanzija li hija maħduma fuq bażi artiġjanali,

biss f'raġġ ta' 100 km mis-sede tal-impriża u bil-kundizzjoni li s-sewqan tal-vettura ma jikkostitwixxix l-attività ewlenija tax-xufier u li t-trasport ma jsirx f'isem ħaddieħor;”

(4)

Is-subparagrafi li ġejjin jiżdiedu mal-Artikolu 7(2) tal-AETR:

“Għal xufier involut f'servizzi okkażjonali, il-pawża msemmija fl-ewwel paragrafu tista' tiġi sostitwita wkoll b'żewġ pawżi, ta' mill-inqas 15-il minuta kull waħda, imqassma matul il-perjodu ta' sewqan imsemmi fl-ewwel paragrafu, b'tali mod li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu.

Xufier involut f'multi-manning jista' jieħu pawża ta' 45 minuta f'vettura misjuqa minn xufier ieħor bil-kundizzjoni li x-xufier li jkun qiegħed jieħu l-pawża ma jkunx involut f'assistenza lix-xufier li jkun qiegħed isuq il-vettura.”

(5)

Il-paragrafu li ġej jiżdied wara l-Artikolu 8(2) tal-AETR:

“2a.   Sakemm is-sikurezza fit-toroq u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufier ma jiġux kompromessi minħabba f'hekk, xufier involut f'servizz okkażjonali tal-passiġġieri ta' darba b'durata ta' mill-anqas sitt perjodi konsekuttivi ta' 24 siegħa jista' jidderoga mill-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, billi jieħu l-perjodu ta' mistrieħ ta' kuljum darba f'massimu ta' 25 siegħa wara tmiem il-perjodu ta' mistrieħ ta' kuljum jew il-perjodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa preċedenti, dment li t-total tal-ħin ta' sewqan akkumulat għal dik il-jum ma jkunx qabeż is-seba' sigħat. Taħt l-istess kundizzjonijiet, dik id-deroga tista' tintuża darbtejn matul servizz okkażjonali tal-passiġġieri ta' darba b'durata ta' mill-inqas tmien perjodi konsekuttivi ta' 24 siegħa. L-użu ta' dik id-deroga għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-ħin massimu tax-xogħol skont il-liġi applikabbli.”

(6)

Is-subparagrafu li ġej jiżdied fl-aħħar tal-punt (a) tal-Artikolu 8(6) tal-AETR:

“B'deroga mill-ewwel subparagrafu, xufier involut fit-trasport internazzjonali ta' merkanzija jista', barra mill-Parti Kontraenti tal-istabbiliment tal-impjegatur, jieħu żewġ perjodi mnaqqsa konsekuttivi ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa, sakemm ix-xufier fi kwalunkwe erba' ġimgħat konsekuttivi jieħu mill-inqas erba' perjodi ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa, li mill-inqas tnejn minnhom għandhom ikunu perjodi regolari ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa.

Għall-finijiet ta' dan il-paragrafu, xufier għandu jitqies li huwa involut fit-trasport internazzjonali meta x-xufier jibda ż-żewġ perjodi mnaqqsa konsekuttivi ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa barra mill-Parti Kontraenti tal-istabbiliment tal-impjegatur u l-pajjiż tal-post ta' residenza tax-xufiera.”

(7)

Il-punt (b) tal-Artikolu 8(6) tal-AETR huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(b)

B'deroga mill-paragrafu 6(a), xufier involut f'servizz okkażjonali ta' darba jista' jipposponi l-perjodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa sa 12-il perjodu konsekuttiv ta' 24 siegħa wara perjodu ta' mistrieħ regolari preċedenti ta' kull ġimgħa, dment li:

—

Ix-xufier, wara li jagħmel użu tad-deroga, jieħu:

—

Jew żewġ perjodi ta' mistrieħ regolari ta' kull ġimgħa, jew

—

Perjodu wieħed ta' mistrieħ regolari ta' kull ġimgħa u perjodu wieħed imnaqqas ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa ta' mill-inqas 24 siegħa. Madankollu, it-tnaqqis għandu jkun ikkumpensat b'perjodu ta' mistrieħ li jittieħed f'daqqa qabel tmiem it-tielet ġimgħa wara t-tmiem tal-perjodu ta' deroga;

—

Erba' snin wara li l-pajjiż tar-reġistrazzjoni jkun implimenta t-takografu diġitali, il-vettura tkun mgħammra b'apparat ta' reġistrazzjoni f'konformità mar-rekwiżiti tal-Appendiċi 1B tal-Anness, u

—

Fil-każ ta' sewqan li jsir matul il-perjodu mill-22:00 sas-06:00, il-vettura jkollha multi-manning jew il-perjodu ta' sewqan imsemmi fl-Artikolu 7 jitnaqqas għal tliet sigħat.”

(8)

L-Artikolu 8(8) tal-AETR huwa sostitwit b'dan li ġej:

“8.   Il-perjodi regolari ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa u kwalunkwe perjodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa ta' aktar minn 45 siegħa meħuda bħala kumpens għal perjodi mnaqqsa preċedenti ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa ma għandhomx jittieħdu f'vettura. Dawn għandhom jittieħdu f'akkomodazzjoni xierqa u li tirrispetta l-ġeneri, b'faċilitajiet tal-irqad u sanitarji adegwati.

Kwalunkwe kost għall-akkomodazzjoni barra mill-vettura għandu jiġi kopert mill-impjegatur.”

(9)

Jiżdied paragrafu (8a) ġdid wara l-Artikolu 8(8) tal-AETR, kif ġej:

“8a.   L-impriżi tat-trasport għandhom jorganizzaw ix-xogħol tax-xufier b'tali mod li x-xufier ikun jista' jirritorna fiċ-ċentru operazzjonali tal-impjegatur fejn ix-xufier ikun normalment ibbażat u fejn jibda l-perjodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa tax-xufier, fil-Parti Kontraenti tal-istabbiliment tal-impjegatur, jew ikun jista' jirritorna fil-post ta' residenza tax-xufier, sabiex jieħu mill-inqas perjodu regolari wieħed ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa jew perjodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa ta' aktar minn 45 siegħa meħud bħala kumpens għal perjodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa, f'kull perjodu ta' erba' ġimgħat konsekuttivi.

Madankollu, fejn ix-xufier ikun ħa żewġ perjodi mnaqqsa konsekuttivi ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa skont il-paragrafu 6(a), l-impriża tat-trasport għandha torganizza x-xogħol tax-xufier b'tali mod li x-xufier ikun diġà jista' jirritorna qabel il-bidu tal-perjodu regolari ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa ta' aktar minn 45 siegħa meħuda bħala kumpens.

L-impriża għandha tiddokumenta kif tissodisfa dak l-obbligu u għandha żżomm id-dokumentazzjoni fil-bini tagħha sabiex tippreżentaha b'talba tal-awtoritajiet ta' kontroll.”

(10)

L-ewwel żewġ paragrafi tal-Artikolu 8bis tal-AETR huma sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   B'deroga mill-Artikolu 8, meta xufier jakkumpanja vettura li tkun qed tiġi ttrasportata fuq bastiment jew fuq ferrovija, u jieħu perjodu regolari ta' mistrieħ ta' kuljum jew perjodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa, dak il-perjodu jista' jiġi interrott mhux aktar minn darbtejn minn attivitajiet oħra li flimkien ma għandhomx jaqbżu total ta' siegħa. Matul dak il-mistrieħ regolari ta' kuljum jew il-perjodu mnaqqas ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa x-xufier għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu aċċess għal kabina tal-irqad, sodda jew kuċċetta.

Fir-rigward tal-perjodi regolari ta' mistrieħ fil-ġimgħa, dik id-deroga għandha tapplika biss għal vjaġġi bil-vapur jew bil-ferrovija meta:

(a)

il-vjaġġ ikun skedat għal tmien sigħat jew aktar; u

(b)

ix-xufier ikollu aċċess għal kabina tal-irqad fuq il-bastiment jew fuq il-ferrovija.

2.   Kwalunkwe ħin li x-xufier jieħu biex jivvjaġġa lejn post sabiex jieħu pussess ta' vettura li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, jew biex jirritorna minn tali post, meta l-vettura ma tkunx fid-dar tax-xufier jew fiċ-ċentru ta' operazzjonijiet tal-impjegatur fejn ix-xufier ikun normalment ibbażat, m'għandux jitqies bħala perjodu ta' mistrieħ jew pawża sakemm ix-xufier ma jkunx fuq bastiment jew ferrovija u jkollu aċċess għal kabina tal-irqad, sodda jew kuċċetta.”

(11)

Jiżdied Artikolu 8ter ġdid, kif ġej:

“Artikolu 8ter

Żoni ta' parkeġġ sikuri u siguri

1.   Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Partijiet Kontraenti, is-Segretarjat tan-NU/KEE għandu jiżgura li l-informazzjoni dwar żoni ta' parkeġġ sikuri u siguri tkun faċilment aċċessibbli għax-xufiera involuti fit-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri bit-triq. Is-Segretarjat tan-NU/KEE għandu jippubblika lista taż-żoni ta' parkeġġ li jkunu ġew iċċertifikati, sabiex ix-xufiera jkunu pprovduti b'mod adegwat bi:

—

Identifikazzjoni u prevenzjoni ta' intrużjoni,

—

Tidwil u viżibbiltà,

—

Punti ta' kuntatt u proċeduri ta' emerġenza,

—

Faċilitajiet sanitarji li jirrispettaw il-ġeneri,

—

Għażliet ta' xiri ta' ikel u xorb,

—

Konnessjonijiet ma' mezzi ta' komunikazzjoni,

—

Provvista tal-enerġija elettrika.

Il-lista ta' tali żoni ta' parkeġġ għandha tkun disponibbli fuq sit elettroniku uffiċjali uniku u għandha tiġi aġġornata regolarment.

2.   L-istandards li jipprovdu dettalji ulterjuri dwar il-livell ta' servizz u sigurtà fir-rigward taż-żoni elenkati fil-paragrafu 1 u li jikkonċernaw il-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni ta' żoni ta' parkeġġ huma stabbiliti fl-Appendiċi 5.

3.   L-Appendiċi 5 jista' jiġi emendat b'maġġoranza tal-Partijiet Kontraenti preżenti u li jivvutaw fil-Grupp ta' Ħidma dwar it-Trasport bit-Triq tan-NU/KEE.

4.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' żoni ta' parkeġġ għall-utenti kummerċjali tat-toroq.”

(12)

L-Artikolu 9 tal-AETR huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Sakemm is-sikurezza fit-toroq ma tiġix ipperikolata u sabiex il-vettura tkun tista' tilħaq post ta' waqfien xieraq, ix-xufier jista' jiżvija mid-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim sa fejn dan ikun neċessarju biex jiżgura is-sigurtà ta' persuni, tal-vettura jew tat-tagħbija tal-vettura. Ix-xufier għandu jindika n-natura u r-raġuni għall-iżvijar tiegħu minn dawk id-dispożizzjonijiet fuq il-folja ta' reġistrazzjoni jew fuq karta stampata tal-apparat ta' kontroll jew fir-roster tas-servizz tiegħu, mhux aktar tard mill-wasla f'post xieraq ta' waqfien.

2.   Sakemm b'dan ma tiġix ipperikolata s-sikurezza fit-toroq, ix-xufier jista' wkoll, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, jiżvija mid-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 6(1) u (2) u l-Artikolu 8(2) billi jaqbeż il-ħinijiet ta' sewqan ta' kuljum u ta' kull ġimgħa b'mhux aktar minn siegħa sabiex jasal fiċ-ċentru operazzjonali tal-impjegatur jew fil-post ta' r-residenza tax-xufier biex jieħu perjodu ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa.

3.   Taħt l-istess kundizzjonijiet, ix-xufier jista' jaqbeż il-ħinijiet ta' sewqan ta' kuljum u ta' kull ġimgħa b'mhux aktar minn sagħtejn dment li tittieħed pawża mhux interrotta ta' 30 minuta immedjatament qabel il-ħin addizzjonali ta' sewqan meħtieġ sabiex jasal fiċ-ċentru operazzjonali tal-impjegatur jew fil-post ta' residenza tax-xufier biex jieħu perjodu ta' mistrieħ regolari ta' kull ġimgħa.

4.   Ix-xufier għandu jindika manwalment fuq il-folja ta' reġistrazzjoni tat-tagħmir ta' reġistrazzjoni jew fuq karta stampata mit-tagħmir ta' reġistrazzjoni jew fir-roster tax-xogħol, ir-raġuni għal tali żvijar mhux aktar tard minn meta jasal fid-destinazzjoni jew f'post ta' waqfien adattat.

5.   Kwalunkwe perjodu ta' estensjoni għandu jkun ikkumpensat b'perjodu ta' mistrieħ ekwivalenti meħud f'daqqa ma' kwalunkwe perjodu ta' mistrieħ, sa tmiem it-tielet ġimgħa wara l-ġimgħa inkwistjoni.”

(13)

Jiżdied Appendiċi 5 ġdid fl-AETR, kif ġej:

“Appendiċi 5

1.

Sabiex tiġi ċċertifikata bħala żona ta' parkeġġ sikura u sigura, kif imsemmi fl-Artikolu 8ter(1) tal-AETR, żona ta' parkeġġ għandha tissodisfa l-istandards li ġejjin:

a)

L-istandards kollha dwar il-livell minimu ta' servizz stabbiliti fit-Taqsima A ta' dan l-Appendiċi.

b)

L-istandards kollha ta' wieħed mil-livelli ta' sigurtà stabbiliti fit-Taqsima B ta' dan l-Appendiċi.

2.

Iċ-ċertifikazzjoni taż-żoni ta' parkeġġ bħala żona ta' parkeġġ sikura u sigura msemmija fl-Artikolu 8ter(1) tal-AETR għandha tikkonforma mal-istandards u l-proċeduri stabbiliti fit-Taqsima C ta' dan l-Appendiċi.

Taqsima A – Livell minimu ta' servizz

Faċilitajiet sanitarji li jirrispettaw il-ġeneri

—

Għandu jkun hemm disponibbli toilets u showers separati u li jaħdmu sew għall-utenti irġiel u għall-utenti nisa. Ix-showers għandhom jipprovdu ilma sħun.

—

Għandu jkun hemm disponibbli viti tal-ilma, li jaħdmu sew u li jipprovdu ilma sħun. Is-sapun tal-idejn għandu jiġi pprovdut mingħajr ħlas.

—

Fuq il-post għandu jkun hemm laned tal-iskart, li għandhom jiġu mbattla regolarment.

—

It-toilets, ix-showers u s-sinks għandhom jitnaddfu u jiġu ċċekkjati kuljum f'intervalli regolari. L-iskeda tat-tindif għandha tintwera.

Għażliet ta' xiri u konsum ta' ikel u xorb

—

Ikliet ħfief u xorb għandhom ikunu disponibbli għax-xiri 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.

—

Għandha tkun disponibbli żona tal-ikel għax-xufiera.

Konnessjonijiet ta' komunikazzjoni

—

Għandu jkun hemm disponibbli konnessjoni tal-Internet mingħajr ħlas.

Provvista tal-enerġija elettrika

—

Għandu jkun hemm disponibbli plakek tal-elettriku għall-użu personali.

—

Sal-31 ta' Diċembru 2026, għandu jkun hemm disponibbli fuq il-post faċilitajiet tal-enerġija elettrika għall-vetturi tat-trasport bit-triq refriġerati.

Punti ta' kuntatt u proċeduri ta' emerġenza

—

Għandhom jiġu pprovduti sinjali ċari sabiex jiġi żgurat il-moviment sikur tat-traffiku fil-faċilità tal-parkeġġ.

—

Il-kuntatti ta' emerġenza għandhom jintwerew fil-faċilità tal-parkeġġ tal-anqas bil-lingwa uffiċjali nazzjonali u bl-Ingliż. Dawn għandhom ikunu ssupplimentati minn pittogrammi li jinftiehmu faċilment.

Taqsima B – Livelli ta' sigurtà

a.

Żoni ta' parkeġġ sikuri u siguri ċċertifikati skont l-istandards tal-AETR għandhom jissodisfaw il-kriterji stabbiliti skont wieħed mil-livelli ta' sigurtà deskritti fit-Tabelli 2 sa 5.

b.

Żoni ta' parkeġġ sikuri u siguri għandhom jiżguraw li t-tagħmir u l-proċeduri elenkati f'kull livell ta' sigurtà jkunu kompletament operazzjonali.

c.

L-istandards stabbiliti f'dan il-Ftehim huma mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali relatata mal-kompiti li jridu jitwettqu minn persunal tas-sigurtà liċenzjat u mħarreġ, intern jew estern. Il-persunal kollu tas-sigurtà għandu jkun irċieva wkoll taħriġ adegwat meta leġiżlazzjoni nazzjonali tkun teħtieġ dan.

d.

Il-perjodi għaż-żamma tad-data miġbura permezz tas-sorveljanza bil-video (CCTV) huma mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni applikabbli f'dak il-qasam. Għandhom japplikaw għal kwalunkwe rekwiżit obbligatorju u volontarju skont dawn l-istandards.

e.

Il-valuri tad-dawl (lux) indikati fil-livelli differenti ta' sigurtà għandhom ikunu valuri medji.

f.

Mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali li tistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali dwar it-taħriġ, l-operaturi ta' żoni ta' parkeġġ sikuri u siguri għandhom jiżguraw li l-membri tal-persunal tagħhom li jaħdmu fuq il-post u dawk li jaħdmu mill-bogħod li joperaw f'żoni ta' parkeġġ sikuri u siguri, kif ukoll il-maniġer tal-parkeġġ, jattendu taħriġ dwar l-istandards tal-AETR għal żoni ta' parkeġġ sikuri u siguri. Persunal ġdid għandu jagħmel dak it-taħriġ fi żmien sitt xhur wara d-dħul fis-servizz tiegħu. It-taħriġ għandu jkopri s-suġġetti li ġejjin:

—

it-taħriġ u s-superviżjoni tal-persunal;

—

il-ġestjoni tal-inċidenti;

—

is-sorveljanza u l-monitoraġġ;

—

it-teknoloġija.

g.

Żoni ta' parkeġġ sikuri u siguri għandhom juru fuq il-post l-informazzjoni dwar kif l-utenti jippreżentaw ilment lill-korp taċ-ċertifikazzjoni rilevanti.

Livell tal-bronż

LIVELL TAL-BRONŻ

Perimetru

—

Il-perimetru taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandu jkun protett permezz ta' deterrent viżiv. Id-deterrent viżiv għandu jkun fuq l-art sabiex jindika l-perimetru taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura u jindika li fiż-żona ta' parkeġġ huma permessi biss vetturi tal-merkanzija u vetturi awtorizzati.

—

Il-perimetru taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandu jkun imdawwal b'intensità ta' dawl ta' 15-il lux.

—

Kwalunkwe veġetazzjoni madwar il-perimetru taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandha tinżamm baxxa sabiex tiġi żgurata viżibbiltà tajba.

Żona ta' parkeġġ

—

Sinjalar xieraq għandu jindika li l-vetturi tal-merkanzija u l-vetturi awtorizzati biss huma permessi fiż-żona ta' parkeġġ.

—

Għandhom jitwettqu kontrolli ta' sorveljanza fiżiċi jew mill-bogħod mill-anqas darba kull 24 siegħa.

—

Kwalunkwe veġetazzjoni fiż-żona ta' parkeġġ għandha tinżamm baxxa sabiex tiġi żgurata viżibbiltà tajba.

—

Kwalunkwe korsija eżistenti tal-vetturi u ta' persuni mexjin fiż-żona ta' parkeġġ għandha tkun imdawla b'intensità ta' dawl ta' 15-il lux.

Dħul/Ħruġ

—

Il-punti tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandhom ikunu mdawla b'intensità ta' dawl ta' 25 lux.

—

Għandha tiġi installata sistema tas-CCTV li tipprovdi immaġnijiet ta' kwalità tajba, u din għandha tkun funzjonali fil-punti kollha tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura.

—

Is-sistema tas-CCTV għandu jkollha reġistrazzjoni diġitali kontinwa minima (ħames immaġnijiet kull sekonda) jew għandha tkun ibbażata fuq detezzjoni tal-moviment b'reġistrazzjoni ta' qabel u wara u li tuża kameras ta' matul il-jum u ta' billejl reali li jirreġistraw b'riżoluzzjoni HD ta' 720 pixel.

—

L-operatur taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandu jwettaq kontroll ta' rutina tas-CCTV darba fil-ġimgħa, u għandu jinżamm rekord ta' dan għal ġimgħa. L-operatur taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandu jwettaq kontroll tas-sistema tas-CCTV funzjonali mill-anqas darba kull 48 siegħa.

—

Id-data tas-CCTV għandha tinżamm għal perjodu ta' 30 jum sakemm il-leġiżlazzjoni applikabbli ma tkunx teħtieġ perjodu ta' żamma iqsar. F'dak il-każ, għandu japplika l-itwal perjodu ta' żamma permess mil-liġi.

—

Iż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandu jkollha garanzija tas-CCTV, ftehim dwar il-livell ta' servizz fis-seħħ jew għandha turi l-kapaċitajiet ta' manutenzjoni tagħha stess. Is-sistemi tas-CCTV fiż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura dejjem għandhom jitħaddmu minn tekniċi kwalifikati.

Proċeduri tal-persunal

—

Abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju annwali u mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali, għandu jkun hemm fis-seħħ pjan ta' sigurtà, li jinkludi l-aspetti kollha mill-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskju għar-rispons f'kollaborazzjoni mal-infurzar tal-liġi.

—

Iż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandha taħtar persuna responsabbli għall-proċeduri tal-persunal f'każ ta' inċidenti. Il-persunal taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura jrid ikollu aċċess għal lista sħiħa ta' korpi tal-infurzar tal-liġi lokali f'kull ħin.

—

Għandu jkun hemm fis-seħħ proċedura għal każijiet fejn vetturi mhux awtorizzati jkunu pparkjati fiż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura. Din il-proċedura għandha tintwera b'mod ċar fiż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura.

—

Ir-rappurtar ta' inċidenti u reati lill-persunal u lill-pulizija għandu jiġi ffaċilitat bil-wiri ta' proċedura ċara fiż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura.

Livell tal-fidda

LIVELL TAL-FIDDA

Perimetru

—

Il-perimetru taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandu jkun protett permezz ta' mill-anqas deterrent fiżiku li ma jippermettix li wieħed jgħaddi minnu u li jippermetti biss id-dħul u l-ħruġ miż-żoni ta' parkeġġ sikuri u siguri permezz tal-punti tad-dħul u tal-ħruġ definiti. Il-perimetru taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandu jkun protett permezz ta' monitoraġġ u reġistrazzjoni kontinwi tal-video, kif ukoll permezz ta' deterrent viżiv.

—

Is-sistema tas-CCTV għandu jkollha reġistrazzjoni kontinwa diġitali minima ta' ħames immaġnijiet kull sekonda jew għandha tkun ibbażata fuq detezzjoni tal-moviment b'reġistrazzjoni ta' qabel u wara u li tuża kameras ta' matul il-jum u ta' billejl reali li jirreġistraw b'riżoluzzjoni HD ta' 720 pixel.

—

L-operatur taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandu jwettaq kontroll ta' rutina tas-CCTV kull 72 siegħa, li jrid jinżamm rekord tiegħu għal ġimgħa.

—

L-operatur taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandu jwettaq kontroll tas-sistema tas-CCTV funzjonali mill-anqas darba kull 48 siegħa.

—

Id-data tas-CCTV għandha tinżamm għal perjodu ta' 30 jum sakemm il-leġiżlazzjoni applikabbli ma tkunx teħtieġ perjodu ta' żamma iqsar. F'dak il-każ, għandu japplika l-itwal perjodu ta' żamma permess mil-liġi.

—

Iż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandu jkollha garanzija tas-CCTV u ftehim dwar il-livell ta' servizz fis-seħħ jew għandha turi l-kapaċitajiet ta' manutenzjoni tagħha stess. Is-sistemi tas-CCTV fiż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura dejjem għandhom jitħaddmu minn tekniċi kwalifikati.

—

Il-perimetru taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandu jkun imdawwal b'intensità ta' dawl ta' 20-il lux.

—

Kwalunkwe veġetazzjoni madwar il-perimetru taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandha tinżamm baxxa sabiex tiġi żgurata viżibbiltà tajba.

Żona ta' parkeġġ

—

Sinjalar xieraq għandu jindika li l-vetturi tal-merkanzija u l-vetturi awtorizzati biss huma permessi fiż-żona ta' parkeġġ.

—

Il-kontrolli ta' sorveljanza fiżiċi jew mill-bogħod għandhom jitwettqu mill-anqas darbtejn kull 24 siegħa, u mill-anqas darba matul il-jum u darba matul il-lejl.

—

Kwalunkwe korsija eżistenti tal-vetturi u ta' persuni mexjin taż-żona ta' parkeġġ għandha tkun imdawla b'intensità ta' dawl ta' 15-il lux.

—

Kwalunkwe veġetazzjoni fiż-żona ta' parkeġġ għandha tinżamm baxxa sabiex tiġi żgurata viżibbiltà tajba.

Dħul/Ħruġ

—

Il-punti tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandhom ikunu mdawla b'intensità ta' dawl ta' 25 lux u jkunu protetti b'barrikati. Dawn il-barrikati għandhom ikunu mgħammra b'sistema ta' intercom bil-vuċi u b'sistema ta' ħruġ ta' biljetti.

—

Għandha tiġi installata sistema tas-CCTV li tipprovdi immaġnijiet ta' kwalità tajba, u din għandha tkun funzjonali fil-punti kollha tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura. Ir-rekwiżiti għas-CCTV taħt it-Taqsima ‘perimetru’ ta' dan il-livell ta' sigurtà għandhom japplikaw ukoll għall-fini tas-CCTV fil-punti tad-dħul u tal-ħruġ.

Proċeduri tal-persunal

—

Abbażi ta' valutazzjoni annwali tar-riskju u mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali, għandu jkun hemm fis-seħħ pjan ta' sigurtà sabiex jiġu eżaminati r-riskji partikolari fiż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura minħabba fatturi bħal fejn tkun tinsab, it-tipi ta' utenti, il-kundizzjonijiet tas-sikurezza tat-traffiku, ir-rati tal-kriminalità u kunsiderazzjonijiet ta' sigurtà ġenerali.

—

Iż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandha taħtar persuna responsabbli għall-proċeduri tal-persunal f'każ ta' inċidenti. Il-persunal taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura jrid ikollu aċċess għal lista sħiħa tas-servizzi tal-infurzar tal-liġi lokali f'kull ħin.

—

Għandu jkun hemm fis-seħħ proċedura għal każijiet fejn vetturi mhux awtorizzati jkunu pparkjati fiż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura. Din il-proċedura għandha tintwera b'mod ċar fiż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura.

—

Ir-rappurtar ta' inċidenti u reati lill-persunal u lill-pulizija għandu jiġi ffaċilitat bis-saħħa tal-wiri ta' proċedura ċara fiż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura.

—

L-assistenza lill-utenti għandha tkun disponibbli 24 siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa.

Livell tad-deheb

LIVELL TAD-DEHEB

Perimetru

—

Il-perimetru taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandu jkun protett minn barrikata fiżika ta' mill-anqas 1,8 metru għoli. Għandu jkun hemm żona vojta ta' metru bejn il-barrikata u ż-żona ta' parkeġġ.

—

Għandhom jiġu stabbiliti miżuri għall-prevenzjoni ta' ħsara mhux intenzjonata lill-barrikati.

—

Il-perimetru taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandu jkun imdawwal b'intensità ta' dawl ta' 25-il lux.

—

Il-perimetru kollu taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandu jiġi mmonitorjat permezz ta' sorveljanza kontinwa bil-vidjo, mingħajr ma jitħalla ebda post li ma jkunx kopert.

—

Is-sistema tas-CCTV għandu jkollha reġistrazzjoni kontinwa diġitali minima ta' ħames immaġnijiet kull sekonda jew għandha tkun ibbażata fuq detezzjoni tal-moviment b'kameras ta' matul il-jum u ta' billejl reali li jirreġistraw qabel u wara l-moviment b'riżoluzzjoni HD ta' 720 pixel.

—

L-operatur taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandu jwettaq kontroll ta' rutina tas-CCTV kull 48 siegħa, u għandu jinżamm rekord ta' dan għal ġimgħa.

—

L-operatur taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandu jwettaq kontroll tas-sistema tas-CCTV funzjonali mill-anqas darba kull 24 siegħa.

—

Id-data tas-CCTV għandha tinżamm għal perjodu ta' 30 jum sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma tkunx teħtieġ perjodu ta' żamma iqsar. F'dak il-każ, għandu japplika l-itwal perjodu ta' żamma possibbli permess mil-liġi.

—

Iż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandu jkollha fis-seħħ garanzija tas-CCTV jew ftehim dwar il-livell ta' servizz b'mill-anqas żjara ta' servizz waħda minn organizzazzjoni speċjalizzata kwalifikata fis-sena, jew għandha turi l-kapaċitajiet ta' manutenzjoni tagħha stess. Is-sistemi tas-CCTV fiż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura dejjem għandhom jitħaddmu minn tekniċi kwalifikati.

—

Is-CCTV u l-avvenimenti ta' aċċess għandhom jiġu sinkronizzati permezz ta' software komuni li jiġbor l-informazzjoni.

—

Fil-każ ta' qtugħ fin-network, l-avvenimenti kollha tas-CCTV u ta' aċċess għandhom jinħażnu lokalment u jittellgħu fuq it-tagħmir ċentrali ta' reġistrazzjoni ladarba l-konnessjonijiet jerġgħu jiġu stabbiliti mill-ġdid.

—

Kwalunkwe veġetazzjoni madwar il-perimetru taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandha tinżamm baxxa sabiex tiġi żgurata viżibbiltà tajba.

Żona ta' parkeġġ

—

Sinjalar xieraq għandu jindika li l-vetturi tal-merkanzija u l-vetturi awtorizzati biss huma permessi fiż-żona ta' parkeġġ.

—

Il-kontrolli ta' sorveljanza fiżiċi jew mill-bogħod għandhom jitwettqu mill-anqas darbtejn kull 24 siegħa, u mill-anqas darba matul il-jum u darba matul il-lejl.

—

Il-korsiji taż-żona ta' parkeġġ u dawk ta' persuni miexja għandhom jiġu mmarkati u jkunu mdawla b'intensità ta' dawl ta' 15-il lux.

—

Kwalunkwe veġetazzjoni fiż-żona ta' parkeġġ għandha tinżamm baxxa sabiex tiġi żgurata viżibbiltà tajba.

Dħul/Ħruġ

—

Il-punti tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandhom ikunu mdawla b'intensità ta' dawl ta' 25 lux u għandhom jiġu protetti permezz ta' barrikati bi protezzjoni sabiex ma jkunx hemm aċċess minn taħt u minn fuq, kif ukoll bi dwal tat-traffiku.

—

Għandha tiġi installata sistema tas-CCTV li tipprovdi immaġnijiet ta' kwalità tajba, u din għandha tkun funzjonali fil-punti kollha tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura. Il-punti tad-dħul u tal-ħruġ għandhom ikunu mgħammra b'teknoloġija ta' rikonoxximent tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni. Ir-rekords tad-dħul u tal-ħruġ tal-vetturi għandhom jiġu ssejvjati f'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli.

—

Il-punti tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandhom jiġu protetti permezz ta' mekkaniżmi ta' prevenzjoni u ta' detezzjoni tal-intrużjoni bħal turnstiles għal persuni mexjin li jkollhom għoli minimu ta' 1,80 metru. Il-punti ta' aċċess għas-servizzi bħat-tojlits, ir-ristoranti u l-ħwienet għandhom ikunu mgħammra b'turnstiles trepied meta jkun hemm aċċess dirett bejn iż-żona ta' parkeġġ u dawn is-servizzi.

Proċeduri tal-persunal

—

Abbażi ta' valutazzjoni annwali tar-riskju u mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali, għandu jkun hemm fis-seħħ pjan ta' sigurtà sabiex jiġu eżaminati r-riskji partikolari fiż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura minħabba fatturi bħal fejn tkun tinsab, it-tipi ta' klijenti, il-kundizzjonijiet tas-sikurezza tat-traffiku, ir-rati tal-kriminalità u kunsiderazzjonijiet ta' sigurtà ġenerali.

—

Abbażi ta' valutazzjoni annwali tar-riskji u mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali, għandu jkun hemm fis-seħħ pjan għall-kontinwità tal-operat. Għandu jinkludi miżuri dettaljati dwar x'rispons għandu jkun hemm għal inċidenti fixkiela u kif jibqgħu jitwettqu attivitajiet kritiċi matul inċident. Il-ġestjoni taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandha tkun tista' turi l-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri.

—

Għandu jkun hemm fis-seħħ proċedura għal każijiet fejn vetturi mhux awtorizzati jkunu pparkjati fiż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura. Din il-proċedura għandha tintwera b'mod ċar fiż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura.

—

L-assistenza lill-utenti għandha tkun disponibbli 24 siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa.

—

Ir-rappurtar ta' inċidenti u reati lill-persunal u lill-pulizija għandu jiġi ffaċilitat bis-saħħa tal-wiri ta' proċedura ċara fiż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura.

—

Għandha tinħatar persuna responsabbli għall-proċeduri tal-persunal.

—

Is-sistema ta' ġestjoni taż-żona ta' parkeġġ għandha tkun ippreparata għat-trażmissjoni ta' data tad-DATEX II.

Livell tal-platinu

LIVELL TAL-PLATINU

Perimetru

—

Il-perimetru taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandu jkun protett permezz ta' barrikata kontinwa ta' mill-anqas 1,8 metru għoli b'deterrenti sabiex ma jkunx hemm aċċess minn fuq. Għandu jkun hemm żona vojta ta' metru bejn il-barrikata u ż-żona ta' parkeġġ.

—

Għandhom jiġu stabbiliti miżuri għall-prevenzjoni ta' ħsara intenzjonata u mhux intenzjonata lill-barrikati.

—

Il-perimetru taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandu jkun imdawwal b'intensità ta' dawl ta' 25-il lux.

—

Il-perimetru kollu taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandu jiġi mmonitorjat permezz ta' sorveljanza kontinwa bil-vidjo, mingħajr ma jitħalla ebda post li ma jkunx kopert.

—

Is-sistema tas-CCTV għandu jkollha reġistrazzjoni kontinwa diġitali minima ta' ħames immaġnijiet kull sekonda jew għandha tkun ibbażata fuq detezzjoni tal-moviment b'kameras ta' matul il-jum u ta' billejl reali li jirreġistraw qabel u wara l-moviment b'riżoluzzjoni HD ta' 720 pixel.

—

L-operatur taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandu jwettaq kontroll ta' rutina tas-CCTV kull 48 siegħa, u għandu jinżamm rekord ta' dan għal ġimgħa.

—

L-operatur taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandu jwettaq kontroll tas-sistema tas-CCTV funzjonali mill-anqas darba kull 24 siegħa.

—

Id-data tas-CCTV għandha tinżamm għal perjodu ta' 30 jum sakemm il-leġiżlazzjoni applikabbli ma tkunx teħtieġ perjodu ta' żamma iqsar. F'dan il-każ, għandu japplika l-itwal perjodu ta' żamma possibbli permess mil-liġi.

—

Iż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandu jkollha fis-seħħ garanzija tas-CCTV jew ftehim dwar il-livell ta' servizz b'mill-anqas żewġ żjarat ta' servizz minn organizzazzjoni speċjalizzata kwalifikata fis-sena jew għandha turi l-kapaċitajiet ta' manutenzjoni tagħha stess. Is-sistemi tas-CCTV fiż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura dejjem għandhom jitħaddmu minn tekniċi kwalifikati.

—

Is-CCTV u l-avvenimenti ta' aċċess għandhom jiġu sinkronizzati permezz ta' software komuni li jiġbor l-informazzjoni.

—

L-avvenimenti ta' sigurtà tas-CCTV fil-parkeġġ għandhom jiġu analizzati mill-persunal bl-użu ta' web-based clients. Fil-każ ta' qtugħ fin-network, l-avvenimenti kollha tas-CCTV u ta' aċċess għandhom jinħażnu lokalment u jittellgħu fuq it-tagħmir ċentrali ta' reġistrazzjoni ladarba l-konnessjonijiet jerġgħu jiġu stabbiliti mill-ġdid.

—

L-immaġnijiet tas-CCTV għandhom jiġu kkontrollati mill-bogħod (24 siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa) minn ċentru estern ta' monitoraġġ li jirċievi l-allarm, sakemm il-persunal tas-sigurtà ma jkunx fuq il-post.

—

Is-sistema tas-CCTV għandha tipprovdi allarmi kemm f'każ ta' intrużjoni kif ukoll f'każ ta' aċċess minn fuq il-barrikati, u ddoqq allarm permezz ta' sinjalar bil-ħoss jew bid-dawl fiż-żona ta' parkeġġ kif ukoll fiċ-ċentri ta' monitoraġġ u ta' riċeviment tal-allarm.

—

Kwalunkwe veġetazzjoni madwar il-perimetru taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandha tinżamm baxxa sabiex tiġi żgurata viżibbiltà tajba.

Żona ta' parkeġġ

—

Sinjalar xieraq għandu jindika li l-vetturi tal-merkanzija u l-vetturi awtorizzati biss huma permessi fiż-żona ta' parkeġġ.

—

Il-korsiji taż-żona ta' parkeġġ u dawk ta' persuni miexja għandhom jiġu mmarkati u jkunu mdawla b'intensità ta' dawl ta' 15-il lux.

—

Kwalunkwe veġetazzjoni fiż-żona ta' parkeġġ għandha tinżamm baxxa sabiex tiġi żgurata viżibbiltà tajba.

—

Il-post għandu jkun mgħammar bil-persunal jew ikkontrollat bil-vidjo 24 siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa.

—

Ir-rekwiżiti għas-CCTV taħt it-Taqsima ‘perimetru’ ta' dan il-livell ta' sigurtà għandhom japplikaw ukoll għall-fini tas-CCTV fiż-żona ta' parkeġġ.

Dħul/Ħruġ

—

Il-punti tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandhom ikunu mdawla b'intensità ta' dawl ta' 25 lux u għandhom ikunu protetti b'kanċelli bi protezzjoni sabiex ma jkunx hemm aċċess minn taħt u minn fuq, jew b'barrikati bi protezzjoni sabiex ma jkunx hemm aċċess minn taħt u minn fuq, issupplimentati b'bollards.

—

Għandha tiġi installata sistema tas-CCTV li tipprovdi immaġnijiet ta' kwalità tajba, u din għandha tkun funzjonali fil-punti kollha tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura. Il-punti tad-dħul u tal-ħruġ, inkluż il-punti tad-dħul u tal-ħruġ ta' persuni miexja, għandhom jiġu mmonitorjati f'ħin reali.

—

Ir-rekwiżiti għas-CCTV taħt it-Taqsima ‘perimetru’ ta' dan il-livell ta' sigurtà għandhom japplikaw ukoll għall-fini tas-CCTV fil-punti tad-dħul u tal-ħruġ.

—

Il-punti tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandhom jiġu protetti permezz ta' mekkaniżmi ta' prevenzjoni u ta' detezzjoni tal-intrużjoni bħal turnstiles għal persuni mexjin li jkollhom għoli minimu ta' 1,80 metru. Il-punti ta' aċċess għas-servizzi bħat-toilets, ir-ristoranti u l-ħwienet għandhom ikunu mgħammra b'turnstiles trepied meta jkun hemm aċċess dirett bejn iż-żona ta' parkeġġ u dawn is-servizzi.

—

Il-punti tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandhom ikunu mgħammra b'teknoloġija ta' rikonoxximent tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni. Meta jkun hemm ħruġ miż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura, il-persunal tas-sigurtà għandu jivverifika jekk il-pjanċa tar-reġistrazzjoni taqbilx mal-identifikatur tas-sistema ta' verifika tad-dħul u tal-ħruġ, eż. biljetti, qarrejja tal-RFID jew kodiċijiet QR. Ir-rekords tal-vetturi li jidħlu u joħorġu miż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandhom jiġu ssejvjati f'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli.

—

Il-punti tad-dħul u tal-ħruġ taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandhom jiġu protetti permezz ta' sistema ta' verifika f'żewġ stadji li tinkludi l-kontrolli ta' pjanċi tar-reġistrazzjoni u metodu rilevanti addizzjonali magħżul miż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura li jippermetti l-identifikazzjoni u l-verifika tax-xufiera, ta' kwalunkwe persuna li takkumpanja xufier u ta' kwalunkwe persuna oħra awtorizzata li tidħol fiż-żona ta' parkeġġ.

—

Kwalunkwe loġġa potenzjali għandha tkun kapaċi tiflaħ għal attakk estern, u tinkludi mekkaniżmu li jagħlaq il-bibien għall-kamra ta' sigurtà.

Proċeduri tal-persunal

—

Abbażi ta' valutazzjoni annwali tar-riskju u mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali, għandu jkun hemm fis-seħħ pjan ta' sigurtà sabiex jiġu eżaminati r-riskji partikolari fiż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura minħabba fatturi bħal fejn tkun tinsab, it-tipi ta' klijenti, il-kundizzjonijiet tas-sikurezza tat-traffiku, ir-rati tal-kriminalità u kunsiderazzjonijiet ta' sigurtà ġenerali.

—

Abbażi ta' valutazzjoni annwali tar-riskji u mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali, għandu jkun hemm fis-seħħ pjan għall-kontinwità tal-operat. Għandu jinkludi miżuri dettaljati dwar x'rispons għandu jkun hemm għal inċidenti fixkiela u kif jibqgħu jitwettqu attivitajiet kritiċi matul inċident. Il-ġestjoni taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura għandha tkun tista' turi l-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri.

—

Għandu jkun hemm fis-seħħ proċedura għal każijiet fejn vetturi mhux awtorizzati jkunu pparkjati fiż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura. Din il-proċedura għandha tintwera b'mod ċar fiż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura.

—

L-assistenza lill-utenti għandha tkun disponibbli 24 siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa.

—

Ir-rappurtar ta' inċidenti u reati lill-persunal tas-sigurtà u lill-pulizija għandu jiġi ffaċilitat bil-wiri ta' proċedura ċara fiż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura.

—

Għandha tinħatar persuna responsabbli għall-proċeduri tal-persunal.

—

Għandu jintuża manwal tekniku għall-utent.

—

Għandhom jiġu stabbiliti proċeduri ta' reazzjoni għall-allarm.

—

Is-sistema ta' ġestjoni taż-żona ta' parkeġġ għandha tkun ippreparata għat-trasferiment ta' data tad-DATEX II.

—

Il-prenotazzjoni sigura minn qabel għandha tkun disponibbli permezz tat-telefown, ta' formoli ta' kuntatt, tal-posta elettronika, ta' apps jew ta' pjattaformi tal-prenotazzjoni. Jekk il-prenotazzjoni minn qabel tiġi offruta permezz ta' apps jew sistemi simili ta' prenotazzjoni, it-trażmissjoni tad-data trid isseħħ f'ħin reali.

Taqsima C – Standards u proċeduri ta' ċertifikazzjoni

(i)   Korpi ta' ċertifikazzjoni u taħriġ tal-awdituri

1.

Huma biss korpi ta' ċertifikazzjoni u awdituri li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f'din it-Taqsima li għandhom ikunu intitolati jwettqu ċ-ċertifikazzjoni ta' żoni ta' parkeġġ sikuri u siguri msemmija fl-Artikolu 8ter(1) tal-AETR.

2.

Il-korpi ta' ċertifikazzjoni li l-awdituri tagħhom iwettqu awditi sabiex jiċċertifikaw żoni ta' parkeġġ sikuri u siguri f'konformità mal-istandards stabbiliti fit-Taqsimiet A u B għandu jkollhom akkreditazzjoni tal-grupp f'konformità mal-ISO 17021.

3.

L-awdituri li jwettqu awditi ta' ċertifikazzjoni sabiex jiċċertifikaw żoni ta' parkeġġ sikuri u siguri f'konformità mal-istandards stabbiliti fit-Taqsimiet A u B għandu jkollhom relazzjoni kuntrattwali mal-korp ta' ċertifikazzjoni.

4.

F'konformità mal-ISO 17021, il-korpi ta' ċertifikazzjoni għandhom jiżguraw li l-awdituri li jwettqu awditi sabiex jiċċertifikaw żoni ta' parkeġġ sikuri u siguri jkunu mħarrġa kif xieraq.

5.

L-awdituri tal-korpi ta' ċertifikazzjoni għandhom ikunu għaddew b'suċċess minn taħriġ għall-awdituri fl-aktar verżjoni reċenti tal-istandards stabbiliti fit-Taqsimiet A u B li jinkludi parti teoretika u parti prattika.

6.

L-awdituri tal-korpi ta' ċertifikazzjoni għandu jkollhom għarfien operazzjonali tajjeb ta' waħda mil-lingwi ta' ħidma tan-NU/KEE kif ukoll għarfien tal-lingwa lokali rilevanti tal-Parti Kontraenti fejn iwettqu l-awditu.

(ii)   Proċeduri dwar l-awditi ta' ċertifikazzjoni, l-awditi mhux imħabbra u r-revoka taċ-ċertifikat ta' parkeġġ sikur u sigur

1.

L-awditi ta' ċertifikazzjoni ta' żoni ta' parkeġġ sikuri u siguri għandhom isiru fiżikament. L-operaturi tal-parkeġġ li jkunu lesti li jiġu ċċertifikati f'konformità mal-istandards tal-AETR stabbiliti fit-Taqsimiet A u B għandhom jagħmlu talba lil korp ta' ċertifikazzjoni sabiex iwettaq awditu ta' ċertifikazzjoni fuq is-sit tagħhom.

2.

Tliet xhur qabel it-tmiem tal-validità taċ-ċertifikat, l-operaturi li jixtiequ jġeddu ċ-ċertifikazzjoni għandhom jitolbu li l-korp taċ-ċertifikazzjoni tal-għażla tagħhom jagħmel awditi mill-ġdid taż-żoni ta' parkeġġ sikuri u siguri. L-awditu taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid għandu jiġi organizzat u r-riżultati għandhom jintbagħtu lill-operatur tal-parkeġġ qabel id-data ta' skadenza taċ-ċertifikat attwali.

3.

Fejn, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali li ma setgħux jiġu antiċipati mill-korp ta' ċertifikazzjoni jew mill-operatur taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura, il-korp ta' ċertifikazzjoni ma jkunx jista' jwettaq l-awditu taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid mitlub, il-korp ta' ċertifikazzjoni jista' jiddeċiedi li jestendi l-validità taċ-ċertifikat attwali sa sitt xhur. Tali estensjoni tista' tiġġedded darba biss.

4.

Matul il-perjodu ta' validità taċ-ċertifikat taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura, il-korp ta' ċertifikazzjoni rilevanti għandu jwettaq mill-anqas awditu wieħed mhux imħabbar fuq l-istandards stabbiliti fit-Taqsimiet A u B.

5.

Il-korp ta' ċertifikazzjoni għandu jibgħat ir-riżultati tal-awditi taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid u tal-awditi mhux imħabbra lill-operatur taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura mingħajr dewmien żejjed.

6.

Jekk wara awditu ta' ċertifikazzjoni mill-ġdid jew awditu mhux imħabbar, il-korp ta' ċertifikazzjoni jistabbilixxi li ż-żona tal-parkeġġ sikura u sigura ma għadhiex tissodisfa rekwiżit wieħed jew aktar koperti miċ-ċertifikat, huwa għandu jinnotifika lill-operatur bid-dettalji tan-nuqqasijiet osservati u jissuġġerixxi l-miżuri meħtieġa sabiex jiġu rrimedjati. Il-korp ta' ċertifikazzjoni għandu jippermetti lill-operatur jindirizza dawk in-nuqqasijiet f'perjodu stabbilit mill-awditur, filwaqt li jqis is-serjetà tan-nuqqas osservat. L-operatur għandu jinforma lill-korp ta' ċertifikazzjoni bil-miżuri meħuda sabiex jirrimedja dawk in-nuqqasijiet u jipprovdi d-dettalji kollha meħtieġa qabel tmiem il-perjodu.

7.

Il-korp ta' ċertifikazzjoni għandu jwettaq il-valutazzjoni tal-miżuri ta' rimedju applikati mill-operatur fi żmien erba' ġimgħat. Jekk jistabbilixxi li ż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura tissodisfa r-rekwiżiti minimi kollha tas-servizz stabbiliti fit-Taqsimiet A u B u r-rekwiżiti kollha tas-sigurtà koperti miċ-ċertifikat, għandu jinħareġ ċertifikat tal-awditjar ġdid għal-livell mitlub. Fil-każ ta' awditu mhux imħabbar, l-istess ċertifikat tal-awditjar għandu jkompli japplika sal-iskadenza tiegħu.

8.

Jekk il-korp ta' ċertifikazzjoni jistabbilixxi li ż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura tissodisfa r-rekwiżiti minimi kollha tas-servizz stabbiliti fit-Taqsimiet A u B u r-rekwiżiti tas-sigurtà ta' livell ta' sigurtà differenti minn dak kopert miċ-ċertifikat eżistenti, għandu jinħareġ ċertifikat tal-awditjar ġdid li jirrifletti l-livell xieraq ta' sigurtà. Fil-każ ta' awditu mhux imħabbar, għandu jinħareġ ċertifikat tal-awditjar ġdid bil-livell xieraq ta' sigurtà bl-istess data ta' skadenza bħal dik taċ-ċertifikat tal-awditjar li jissostitwixxi.

9.

Jekk, wara awditu ta' ċertifikazzjoni mill-ġdid jew awditu mhux imħabbar u l-valutazzjoni ta' kwalunkwe miżura ta' rimedju sussegwenti, il-korp ta' ċertifikazzjoni jistabbilixxi li ż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura ma tissodisfax ir-rekwiżiti minimi tas-servizz jew ma tissodisfax wieħed jew aktar mir-rekwiżiti ta' sigurtà koperti miċ-ċertifikat eżistenti, il-korp ta' ċertifikazzjoni għandu jirrevoka ċ-ċertifikat. Il-korp ta' ċertifikazzjoni għandu jinnotifika minnufih lill-operatur, li għandu jkun responsabbli għat-tneħħija ta' kwalunkwe referenza għall-istandards tal-AETR dwar iż-żoni ta' parkeġġ sikuri u siguri fis-sit tiegħu.

10.

L-operatur tal-parkeġġ sikur u sigur għandu jkollu l-possibbiltà li jappella quddiem il-korp ta' ċertifikazzjoni li jkun wettaq l-awditu meta ma jaqbilx mal-eżitu tal-awditu, f'konformità mal-istandard ISO 17021. Wara l-eżami tal-appell, il-korp ta' ċertifikazzjoni jista' jiddeċiedi li ma jirrevokax iċ-ċertifikat tal-awditjar, jew li joħroġ ċertifikat tal-awditjar ġdid għal livell differenti ta' sigurtà.

(iii)   Rekwiżiti li jridu jiġu ssodisfati wara l-awditu mill-korpi ta' ċertifikazzjoni u l-provvista ta' informazzjoni

1.

Wara l-awditu b'suċċess ta' ċertifikazzjoni jew taċ-ċertifikazzjoni mill-ġdid, il-korp ta' ċertifikazzjoni għandu joħroġ iċ-ċertifikat tal-awditjar lill-operatur tal-parkeġġ, u għandu jibgħat mingħajr dewmien kopja lill-operatur iċċertifikat taż-żona ta' parkeġġ sikura u sigura u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti Kontraenti fejn jinsab. Huwa għandu jinforma wkoll lill-awtoritajiet kompetenti ta' dik il-Parti Kontraenti meta ċ-ċertifikati tal-awditjar ikunu ġew revokati jew meta l-livell ta' sigurtà taż-żoni ta' parkeġġ sikuri u siguri jkun inbidel wara awditu. Iċ-ċertifikat tal-awditjar għandu jkollu validità ta' tliet snin.

2.

Il-korpi ta' ċertifikazzjoni għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu online għall-ilmenti għall-utenti ta' żoni ta' parkeġġ sikuri u siguri.”


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1115/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)