KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fl‑10 ta’ Lulju 2025 ( 1 )

Kawża C‑48/24

VšĮ “Vilniaus tarptautinė mokykla”

vs

Valstybinė kalbos inspekcija

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 49 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Restrizzjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi għarfien tal-lingwa uffiċjali tal-Istat mill-persunal ta’ stabbiliment privat ta’ tagħlim — Ġustifikazzjoni — Identità nazzjonali — Proporzjonalità — Direttiva 2005/36/KE — Artikolu 53 — Għarfien ta’ lingwa neċessarju għall-ipprattikkar ta’ professjoni rregolata”

I. Daħla

1.

Il-lingwa ma hijiex biss mezz ta’ komunikazzjoni, iżda wkoll mezz ta’ kif nesprimu l-kultura u l-identità tagħna ( 2 ). It-Trattati tal-Unjoni Ewropea jirrikonoxxu r-rwol ċentrali tal-lingwa. Ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tat-TUE u l-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea t-tnejn jipprevedu li l-Unjoni għandha tirrispetta d-diversità lingwistika tagħha. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni għandha tirrispetta wkoll l-identità nazzjonali tal-Istati Membri tagħha, li skont il-Qorti tal-Ġustizzja tinkludi l-protezzjoni tal-lingwi uffiċjali tagħhom ( 3 ).

2.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet, diversi drabi, teżamina l-interazzjoni bejn il-protezzjoni tal-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri u l-osservanza tal-libertajiet fundamentali tal-Unjoni ( 4 ). Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) tqajjem kwistjoni simili u toffri opportunità li tiġi żviluppata iktar il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

3.

Id-domandi tal-qorti tar-rinviju tqajmu fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Valstybinė kalbos inspekcija (l-Ispettorat Nazzjonali tal-Lingwa Uffiċjali, il-Litwanja; iktar ’il quddiem “l-Ispettorat”) u l-Vilniaus tarptautinė mokykla (l-Iskola Internazzjonali ta’ Vilnjus; iktar ’il quddiem l-“Iskola”), stabbiliment privat ta’ tagħlim li joffri korsijiet ta’ studju bil-lingwa Ingliża biss. It-tilwima tirrigwarda l-impożizzjoni fuq l-għalliema u l-persunal amministrattiv tal-Iskola ta’ rekwiżit nazzjonali ta’ għarfien intermedjarju tal-lingwa Litwana, rekwiżit li japplika għall-impjegati ta’ ċerti pożizzjonijiet li jinvolvu komunikazzjoni mal-pubbliku (iktar ’il quddiem ir-“rekwiżit lingwistiku”). Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ dan ir-rekwiżit lingwistiku mal-libertà ta’ stabbiliment, fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE, kif ukoll mal-Artikolu 53 tad-Direttiva 2005/36/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar ir-Rikonoxximent”) ( 5 ), li jirrigwarda r-rekwiżiti lingwistiċi applikabbli għall-professjonijiet irregolati.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

4.

L-Artikolu 53 tad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent, intitolat “Għarfien tal-lingwi”, jipprovdi:

“1.   Il-professjonisti li jibbenefikaw mir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali għandu jkollhom għarfien ta’ lingwi neċessarju għall-ipprattikar tal-professjoni fl-Istat Membru ospitanti.

[…]

3.   Il-verifiki [ta’ konformità mal-obbligu skont il-paragrafu 1] jistgħu jiġu imposti jekk il-professjoni li se tiġi eżerċitata għandha implikazzjonijiet ta’ sikurezza għall-pazjent. Il-verifiki jistgħu jiġu imposti fir-rigward ta’ professjonijiet oħra f’każijiet fejn ikun hemm dubju serju u konkret dwar is-suffiċjenza tal-għarfien tal-lingwa professjonali fir-rigward tal-attivitajiet professjonali li dak il-professjonist għandu l-ħsieb iwettaq. […]

4.   Kull verifika tal-għarfien lingwistiku għandha tkun proporzjonata mal-attività li għandha titwettaq. […]”.

B. Id-Dritt Litwan

5.

L-Artikolu 14 tal-Lietuvos Respublikos Konstitucija (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja) jipprovdi li l-Litwan huwa l-lingwa uffiċjali (iktar ’il quddiem il-“lingwa uffiċjali”).

6.

L-Artikolu 6 tal-Lietuvos Respublikos valstybinės kalbos įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-Lingwa Uffiċjali; iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Lingwa Uffiċjali”) jipprevedi, inter alia, li “[il]-kapijiet, l-impjegati u l-uffiċjali ta’ […] stabbilimenti li jipprovdu servizzi lill-popolazzjoni għandu jkollhom għarfien tal-lingwa uffiċjali skont il-kategoriji ta’ għarfien lingwistiku, stabbiliti mill-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja”.

7.

F’konformità mal-Artikolu 6, il-Gvern Litwan adotta n-nutarimas Nru 1688 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 1688”) tal‑24 ta’ Diċembru 2003, li permezz tiegħu approva l-Valstybinės kalbos mokėjimo kategorijų nustatymo ir jų taikymo tvarkos aprašas (Deskrizzjoni tal-Proċedura għad-Determinazzjoni u għall-Applikazzjoni tal-Kategoriji ta’ Għarfien tal-Lingwa Uffiċjali; iktar ’il quddiem id-“Deskrizzjoni”), annessa miegħu.

8.

Il-punt 6 tad-Deskrizzjoni jistabbilixxi tliet kategoriji ta’ għarfien tal-lingwa uffiċjali (l-ewwel kategorija hija l-iktar baxxa u t-tielet waħda l-iktar għolja). F’konformità mal-punt 6.2 tad-Deskrizzjoni, it-tieni kategorija ta’ għarfien tikkorrispondi għal livell intermedjarju B1 ta’ għarfien tal-Litwan ( 6 ). Skont il-punt 8 tad-Deskrizzjoni, din it-tieni kategorija tapplika, inter alia, għall-impjegati fil-qasam tal-kultura, tal-edukazzjoni, tal-kura tas-saħħa u tas-sigurtà soċjali (bl-eċċezzjoni tal-għalliema li jgħallmu bil-lingwa uffiċjali) jekk, għall-finijiet tax-xogħol tagħhom, huma jkollhom jikkomunikaw b’mod regolari mal-persuni u/jew jimlew formoli standard tad-dokumenti.

III. Il-fatti, il-proċedura nazzjonali u d-domandi preliminari

9.

L-appellant fil-kawża prinċipali, l-Iskola, huwa stabbiliment privat ta’ tagħlim irreġistrat u li ilu jopera fil-Litwanja mis-sena 2004. L-Iskola twaqqfet minn ċittadin Litwan u attwalment għandhom interess fiha tliet persuni kkonċernati: ċittadin Finlandiż (holding ta’ 49.96 %), ċittadin Daniż (holding ta’ 25.02 %) u ċittadin Amerikan (li għandu l-kumplament ta’ 25.02 %).

10.

L-Iskola kisbet mingħand l-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa sabiex tipprovdi korsijiet ta’ studju b’lingwa li ma hijiex il-Litwan, possibbiltà li hija offruta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 7 ). B’mod iktar speċifiku, l-Iskola tipprovdi l-programm ta’ livell ta’ Cambridge International AS/A u l-programmi ta’ edukazzjoni primarja u intermedjarja tal-baċellerat internazzjonali, kollha mgħallma bl-Ingliż (iktar ’il quddiem il-“programmi bil-lingwa Ingliża”).

11.

Fid‑19 u fil‑25 ta’ Mejju 2022, l-Ispettorat wettaq spezzjoni sabiex jivverifika l-konformità tal-Iskola mal-Liġi dwar il-Lingwa Uffiċjali u mad-Digriet Nru 1688. Huwa kkonkluda li 18‑il impjegat tal-Iskola, fosthom 5 ċittadini tal-Unjoni u l-oħrajn ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ma kinux għaddew mill-eżami dwar l-għarfien tal-lingwa uffiċjali tat-tieni kategorija (jew ma kinux ippreżentaw iċ-ċertifikat korrispondenti), kif meħtieġ mid-Digriet Nru 1688 għall-impjegati fil-qasam tal-edukazzjoni li għandhom jikkomunikaw b’mod regolari mal-persuni jew jimlew formoli standard tad-dokumenti. ( 8 )

12.

Fuq il-bażi ta’ din l-ispezzjoni, l-Ispettorat ħareġ digriet bid-data tas‑26 ta’ Mejju 2022, li jeżiġi li t-18‑il impjegat inkwistjoni, li jinkludu kemm għalliema kif ukoll persunal amministrattiv (b’mod partikolari l-kap u l-viċi kap tal-Iskola), jgħaddu mill-eżami tal-għarfien tal-lingwa uffiċjali rilevanti qabel it‑2 ta’ Frar 2023 (iktar ’il quddiem id-“digriet ikkontestat”). Peress li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 9 ), entitajiet bħall-Iskola għandhom jiżguraw l-osservanza tal-atti legali rilevanti, inklużi d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu r-rekwiżit lingwistiku, id-digriet ikkontestat ġie indirizzat lill-Iskola u jipprevedi sanzjonijiet kontriha f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza.

13.

L-Iskola ppreżentat rikors quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja) intiż għall-annullament tad-digriet ikkontestat. Peress li dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2022, l-Iskola sussegwentement appellat quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

14.

F’dan il-kuntest, din il-qorti, peress li kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tar-rekwiżit lingwistiku mal-Artikolu 49 TFUE u mal-Artikolu 53 tad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 49 [TFUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu rekwiżit ta’ għarfien tal-lingwa uffiċjali impost mid-dritt nazzjonali u applikabbli għall-persunal amministrattiv u għall-għalliema ta’ stabbiliment ta’ tagħlim stabbilit minn persuna fiżika privata u li jsegwi programm internazzjonali ta’ edukazzjoni sekondarja kif ukoll programmi ta’ edukazzjoni primarja u intermedjarja tal-baċellerat internazzjonali?

(2)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 49 [TFUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik applikabbli fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li r-rekwiżit ta’ għarfien tal-lingwa uffiċjali huwa applikabbli, mingħajr l-ebda eċċezzjoni, minn naħa, għall-għalliema li jaħdmu fi stabbiliment ta’ tagħlim stabbilit minn persuna fiżika privata u li jsegwi programm internazzjonali ta’ edukazzjoni sekondarja kif ukoll programmi ta’ edukazzjoni primarja u intermedjarja tal-baċellerat internazzjonali u, min-naħa l-oħra, għall-persunal amministrattiv ta’ dan l-istabbiliment ta’ tagħlim, mingħajr l-ebda teħid inkunsiderazzjoni tal-ispeċifiċità tal-istabbiliment ta’ tagħlim ikkonċernat?

(3)

L-Artikolu 53 tad-[Direttiva dwar ir-Rikonoxximent] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik applikabbli fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li r-rekwiżit ta’ għarfien tal-lingwa uffiċjali huwa applikabbli, mingħajr l-ebda eċċezzjoni għall-għalliema li jaħdmu fi stabbiliment ta’ tagħlim stabbilit minn persuna fiżika privata u li jsegwi programm internazzjonali ta’ edukazzjoni sekondarja kif ukoll programmi ta’ edukazzjoni primarja u intermedjarja tal-baċċellerat internazzjonali, mingħajr l-ebda teħid inkunsiderazzjoni tal-ispeċifiċità tal-istabbiliment ta’ tagħlim ikkonċernat?”

15.

Il-Gvern Litwan, Latvjan u Olandiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Ma saret l-ebda seduta.

IV. Analiżi

16.

Permezz tat-tliet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-rekwiżit lingwistiku huwiex kompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment (l-ewwel u t-tieni domanda) u mal-Artikolu 53 tad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent (it-tielet domanda). Fl-analiżi li ġejja, ser neżamina l-ewwel żewġ domandi flimkien (B), imbagħad ser neżamina t-tielet waħda (C). Madankollu, qabel ma nindirizza l-mertu tad-domandi preliminari, għandi nindirizza oġġezzjoni għall-ammissibbiltà ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, imqajma mill-Gvern Litwan (A).

A. L-ammissibbiltà

17.

Il-Gvern Litwan sostna li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, billi sostna li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

18.

B’mod partikolari, il-Gvern Litwan isostni li r-rekwiżit lingwistiku ma huwiex applikabbli għall-għalliema ( 10 ) li jaħdmu fi skejjel, bħal dik inkwistjoni, li jipprovdu programmi edukattivi ta’ Stati barranin jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali. Konsegwentement, skont dan il-gvern, id-digriet ikkontestat għandu jiġi annullat mill-qorti tar-rinviju bħala li jmur kontra d-dritt nazzjonali; għaldaqstant, id-domandi magħmula ma humiex neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

19.

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni u dawk nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula, kif iddefinit mill-qorti nazzjonali fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tagħha. Konsegwentement, indipendentement mill-interpretazzjoni diverġenti tad-dritt nazzjonali minn gvern, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt mill-qorti tar-rinviju ( 11 ).

20.

Fil-kawża ineżami, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat, wara talba għal kjarifiki rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija ma kinitx taqbel mal-interpretazzjoni tal-Gvern Litwan. Hija pjuttost affermat li, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-fatti inkwistjoni, ir-rekwiżit lingwistiku għandu jitqies li japplika kemm għall-għalliema kif ukoll għall-persunal amministrattiv tal-Iskola, u għalhekk ir-risposta għad-domandi magħmula hija ta’ importanza fundamentali sabiex tingħata deċiżjoni fil-kawża mressqa quddiemha.

21.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies bħala ammissibbli.

B. Fuq il-kompatibbiltà tar-rekwiżit lingwistiku mal-libertà ta’ stabbiliment (l-ewwel u t-tieni domanda)

22.

Permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE, li jistabbilixxi l-libertà ta’ stabbiliment, u, konsegwentement, jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, mingħajr eċċezzjoni, timponi r-rekwiżit lingwistiku kemm fuq l-għalliema kif ukoll fuq il-persunal amministrattiv ta’ stabbiliment privat ta’ tagħlim li jipprovdi programmi bil-lingwa Ingliża.

23.

Madankollu, ċerti osservazzjonijiet preliminari huma neċessarji fir-rigward tar-rilevanza ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment fil-kawża ineżami, fid-dawl ta’ argument imressaq f’dan is-sens mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi. Imbagħad ser neżamina, suċċessivament, l-applikabbiltà u l-applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE għaċ-ċirkustanzi inkwistjoni.

1.   Osservazzjonijiet preliminari

24.

Skont ġurisprudenza stabbilita, meta miżura nazzjonali tkun tirrigwarda fl-istess ħin diversi libertajiet fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja teżaminaha, bħala prinċipju, fid-dawl ta’ waħda biss minn dawn il-libertajiet jekk jirriżulta li, skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża, l-oħrajn ikunu biss sekondarji fir-rigward tal-ewwel waħda u jistgħu jiġu kkunsidrati magħha. Għal dak il-għan, sabiex tiġi ddeterminata l-libertà fundamentali l-iktar rilevanti, irid jittieħed inkunsiderazzjoni l-iskop tal-leġiżlazzjoni kkonċernata ( 12 ).

25.

F’dan ir-rigward, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi sostna li r-rekwiżit lingwistiku inkwistjoni ma għandux jiġi evalwat fid-dawl tal-libertà ta’ stabbiliment, iżda pjuttost fid-dawl tal-moviment liberu tal-ħaddiema, peress li r-rekwiżit ta’ għarfien tal-lingwa uffiċjali huwa impost fuq l-impjegati tal-Iskola.

26.

Jiena m’iniex tal-istess fehma. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, tal-inqas kif applikata fil-kawża ineżami, hija indirizzata prinċipalment lill-Iskola bħala stabbiliment ta’ tagħlim. Id-digriet ikkontestat ġie indirizzat lill-Iskola minħabba n-nuqqas tagħha li tiżgura l-osservanza tar-rekwiżit lingwistiku, u l-Iskola hija, għalhekk, ir-rikorrenti u l-appellanti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, din hija l-ispeċifiċità tal-kawża ineżami meta mqabbla mal-ġurisprudenza preċedenti f’dan il-qasam, li fiha rekwiżit ta’ għarfien ta’ lingwa ġie impost direttament fuq il-ħaddiema jew fuq dawk li jaħdmu għal rashom ( 13 ). B’kuntrast ma’ dan, fil-kawża ineżami, l-obbligu huwa impost fuq il-persuna li timpjega (l-istabbiliment), minkejja li dan jikkonċerna l-ħiliet lingwistiċi tal-impjegati tiegħu (il-ħaddiema).

27.

Barra minn hekk, wieħed għandu jżomm f’moħħu li evalwazzjoni tar-rekwiżit lingwistiku tal-moviment liberu tal-ħaddiema hija strettament rilevanti biss fir-rigward ta’ xi impjegati tal-Iskola li huma ċittadini tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, il-libertà ta’ stabbiliment tista’ tidħol fis-seħħ indipendentement min-nazzjonalità tal-persunal ikkonċernat.

28.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-libertà fundamentali l-iktar rilevanti li fid-dawl tagħha għandu jiġi evalwat ir-rekwiżit lingwistiku hija l-libertà ta’ stabbiliment. Ma hijiex kwistjoni li tiġi miċħuda r-rilevanza tal-moviment liberu tal-ħaddiema fil-każ tal-Iskola; għall-kuntrarju, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, persuna li timpjega għandha tkun tista’ tinvoka d-drittijiet ta’ moviment liberu tal-persunal tagħha, sabiex dawn id-drittijiet ikunu verament effettivi ( 14 ). Madankollu, f’dan il-każ, din il-libertà għandha titqies li hija ta’ rilevanza sekondarja fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment ( 15 ). Fi kwalunkwe każ, evalwazzjoni mill-perspettiva tal-moviment liberu tal-ħaddiema twassal, fil-fehma tiegħi, essenzjalment għall-istess konklużjoni bħal dik li ser tiġi eżaminata fil-kuntest tat-tielet domanda li tirrigwarda d-drittijiet ta’ moviment liberu tal-għalliema tal-Iskola.

29.

Wara li ġiet iċċarata din il-kwistjoni, issa ser ngħaddi għall-mertu tad-domandi preliminari.

2.   Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 49 TFUE

30.

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-libertà ta’ stabbiliment tippreżupponi, minn naħa, li l-persuna (fiżika jew ġuridika) ikkonċernata teżerċita effettivament attività ekonomika u, min-naħa l-oħra, li jeżisti element transkonfinali, fis-sens li s-sitwazzjoni inkwistjoni ma hijiex limitata għal Stat Membru wieħed ( 16 ). Ser neżamina dawn iż-żewġ punti suċċessivament fid-dawl ta’ din il-kawża.

a)   Fuq it-twettiq ta’ attività ekonomika

31.

Fir-rigward tal-ewwel punt, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-provvista ta’ korsijiet ta’ tagħlim bi ħlas tikkostitwixxi attività ekonomika li taqa’ taħt il-Kapitolu 2 tat-Titolu IV fit-Tielet Parti tat-Trattat FUE dwar id-dritt ta’ stabbiliment, meta din l-attività hija eżerċitata minn ċittadin ta’ Stat Membru fi Stat Membru ieħor, b’mod stabbli u kontinwu ( 17 ), minn stabbiliment prinċipali jew sekondarju fl-Istat Membru ospitanti ( 18 ).

32.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju esprimiet dubji dwar jekk l-attività tal-iskola tistax titqies li tikkostitwixxi attività ekonomika, peress li rrilevat li l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċerna l-provvista ta’ korsijiet ta’ edukazzjoni ogħla, filwaqt li l-Iskola toffri programmi ta’ tagħlim primarju u sekondarju.

33.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-livell ta’ tagħlim tal-korsijiet mogħtija ma huwiex rilevanti sabiex tiġi ddeterminata n-natura ekonomika tal-attività mwettqa. Għall-kuntrarju, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fattur determinanti huwa jekk il-korsijiet ikunux jingħataw bħala servizz bi ħlas minn stabbiliment iffinanzjat prinċipalment minn fondi privati (pereżempju, permezz ta’ miżati tal-iskola mħallsa mill-istudenti u mill-ġenituri tagħhom). Għall-kuntrarju, il-korsijiet offruti minn stabbiliment li jagħmel parti minn sistema ta’ edukazzjoni pubblika, iffinanzjati kompletament jew prinċipalment mill-Istat, fit-twettiq tad-dmirijiet soċjali, kulturali u edukattivi tiegħu lejn il-popolazzjoni, ma jikkostitwixxux attività ekonomika ( 19 ).

34.

Skont l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, li madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, l-Iskola tinftiehem bħala stabbiliment privat ta’ tagħlim, mhux affiljata mal-Istat, li toffri korsijiet lill-individwi bi ħlas. Bħala tali, hija għandha titqies li teżerċita attività ekonomika.

b)   Fuq l-element transkonfinali

35.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 49 TFUE ma huwiex applikabbli għal attivitajiet limitati għal Stat Membru wieħed (sitwazzjonijiet purament interni) u li ma għandhom ebda rabta ma’ xi waħda mis-sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni ( 20 ).

36.

Qabelxejn, għandu jitfakkar li l-Artikolu 49 TFUE huwa applikabbli għall-persuni ġuridiċi, bis-saħħa tal-Artikolu 54 TFUE, dment li huma: (i) kienu stabbiliti konformement mal-liġijiet ta’ Stat Membru; (ii) isegwu skop ta’ qliegħ u (iii) ikollhom l-uffiċċju rreġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali jew is-sede prinċipali tan-negozju tagħhom fl-Unjoni ( 21 ). Skont ġurisprudenza stabbilita, il-post tal-uffiċċju rreġistrat, tal-amministrazzjoni ċentrali jew tas-sede prinċipali tan-negozju tal-persuna ġuridika jservi sabiex tiġi ddeterminata r-rabta tiegħu mas-sistema legali ta’ Stat, l-istess bħan-nazzjonalità fil-każ ta’ persuna fiżika ( 22 ).

37.

Mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-Iskola, irreġistrata fil-Litwanja, konformement mad-dritt Litwan, għandha titqies bħala persuna ġuridika Litwana fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE. Konsegwentement, prima facie, jidher li din tikkostitwixxi sitwazzjoni purament interna (persuna ġuridika Litwana stabbilita fil-Litwanja) li, bħala prinċipju, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 ( 23 ).

38.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, l-element tal-interess tal-persuni kkonċernati u ta’ kontroll tal-Iskola ma jistax jiġi injorat. Għall-kuntrarju, jiena tal-fehma li l-kwistjoni dwar jekk hijiex applikabbli l-libertà ta’ stabbiliment fil-kawża ineżami għandha tiġi eżaminata wkoll mill-perspettiva taċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom holdings fl-Iskola.

39.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sitwazzjoni li fiha ċittadin ta’ Stat Membru jakkwista holding fil-kapital ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, li jagħtih influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija u jippermettilu jiddetermina l-attivitajiet tagħha, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li, anki meta l-parti fil-kawża prinċipali tkun kumpannija nazzjonali, in-nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-azzjonist prinċipali tagħha tista’ tkun rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment ( 24 ).

40.

Fil-kawża ineżami, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, jidher li ċ-ċittadini tal-Unjoni (Finlandiżi u Daniżi), li flimkien għandhom holding ta’ 74.98 % fl-Iskola, għandhom tali influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet, il-ġestjoni u l-operat tagħha. Għaldaqstant, huma għandhom jinftiehmu bħala li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li “[j]ikkostitwixx[u] u [j]mexx[u] [impriża]” (jiġifieri l-Iskola), fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE, bħala stabbiliment primarju. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jista’ manifestament jiġi affettwat minn miżura nazzjonali dwar l-operat tal-Iskola, bħar-rekwiżit lingwistiku. Fil-fehma tiegħi, dan l-effett fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom holdings fl-Iskola jikkostitwixxi element transkonfinali rilevanti, b’tali mod li s-sitwazzjoni inkwistjoni ma tistax titqies li hija purament interna.

3.   Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE

41.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għad irid jiġi ddeterminat jekk ir-rekwiżit lingwistiku jikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u, jekk iva, jekk tali restrizzjoni tistax tkun iġġustifikata.

a)   Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni

42.

Skont ġurisprudenza stabbilita, kull miżura li tipprojbixxi, tostakola jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, anki jekk tiġi applikata b’mod mhux diskriminatorju ( 25 ).

43.

Fil-kawża ineżami, ir-rekwiżit lingwistiku jillimita b’mod ċar ir-riżerva ta’ kandidati disponibbli, fid-dawl tal-fatt li jimponi, kif ippreċiżat il-qorti tar-rinviju, għarfien intermedjarju tal-lingwa Litwana sa mir-reklutaġġ u indipendentement mit-tul tal-kuntratt ta’ xogħol. Bħala tali, dan ir-rekwiżit jagħmel, fil-fehma tiegħi, iktar diffiċli u inqas attraenti l-ħolqien, ir-reklutaġġ tal-persunal u l-operat ta’ stabbiliment fil-Litwanja li jipprovdi programmi bil-lingwa Ingliża. Għaldaqstant, ir-rekwiżit lingwistiku għandu jitqies li jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE.

b)   Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni

44.

Skont ġurisprudenza stabbilita, restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment hija madankollu aċċettata jekk tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 26 ).

1) Fuq l-eżistenza ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali

45.

Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma speċifikatx espressament l-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi r-rekwiżit lingwistiku, mid-digriet tar-rinviju jista’ jiġi dedott (suġġett għal konferma mill-qorti tar-rinviju) li l-għan imfittex huwa l-promozzjoni u l-protezzjoni tal-lingwa uffiċjali tal-Litwanja.

46.

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet b’mod konsistenti (speċjalment fil-qasam tal-edukazzjoni) li l-promozzjoni u l-protezzjoni tal-lingwa uffiċjali ta’ Stat Membru, bħala espressjoni tal-identità nazzjonali tiegħu, jikkostitwixxu għan leġittimu u raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, li jistgħu, bħala prinċipju, jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-Trattat FUE, inkluża l-libertà ta’ stabbiliment ( 27 ).

47.

Minbarra dak li ġie rrilevat iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat ukoll li d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti jimponu r-rekwiżit lingwistiku speċifikament fuq il-ħaddiema impjegati fi stabbilimenti li jipprovdu servizzi lill-popolazzjoni, f’oqsma bħall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, jekk ikunu f’komunikazzjoni regolari mal-pubbliku jew jekk ikollhom jimlew formoli standard tad-dokumenti. Dan jissuġġerixxi, fil-fehma tiegħi, li l-miżura ma tirrigwardax prinċipalment il-kwistjoni dwar jekk dawn il-ħaddiema jkunux jużaw huma stess il-lingwa uffiċjali, bħala tali, iżda pjuttost il-fatt li jiġi żgurat li l-pubbliku li jikkomunikaw miegħu jkun jista’ jaċċedi għas-servizzi f’din il-lingwa u li l-istabbilimenti kkonċernati jkunu f’pożizzjoni li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom b’mod effikaċi. Din il-loġika funzjonali speċifika, li tenfasizza l-importanza prattika tal-użu tal-lingwa uffiċjali, issaħħaħ, fil-fehma tiegħi, il-leġittimità tal-għan imfittex u ssostni iktar il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni.

2) Fuq il-proporzjonalità tar-restrizzjoni

48.

Minkejja dak li ġie rrilevat iktar ’il fuq, kwalunkwe restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment għandha tosserva wkoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan ifisser li l-miżura nazzjonali kkonċernata għandha tkun adattata biex tiżgura, b’mod konsistenti u sistematiku, il-kisba tal-għan segwit, mingħajr ma teċċedi dak li huwa meħtieġ biex dan jinkiseb. Barra minn hekk, il-miżura trid tkun proporzjonata fis-sens strett, billi ssib bilanċ ġust bejn l-interessi involuti, jiġifieri l-interessi segwiti mill-Istat bil-miżura inkwistjoni u l-interessi tal-persuni affettwati b’mod negattiv minnha ( 28 ).

49.

Fl-aħħar mill-aħħar, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw jekk miżura nazzjonali tkunx tissodisfa dawn ir-rekwiżiti ta’ proporzjonalità, peress li huma f’pożizzjoni ferm aħjar sabiex jevalwaw il-punti ta’ fatt u ta’ liġi inkwistjoni, b’mod partikolari f’każijiet bħal dak inkwistjoni, li jikkonċernaw l-użu tal-lingwa uffiċjali ta’ Stat Membru bħala espressjoni tal-identità nazzjonali ( 29 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħda tintalab tagħti risposti utli lill-qorti tar-rinviju, għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħtiha indikazzjonijiet. Għal dan l-għan, ser nagħmel xi osservazzjonijiet dwar kull wieħed mit-tliet elementi ta’ proporzjonalità.

i) Fuq l-adegwatezza

50.

Fir-rigward, qabelxejn tal-element ta’ adegwatezza, għandu jiġi evalwat jekk ir-rekwiżit lingwistiku huwiex ta’ natura li jipproteġi jew jinkoraġġixxi l-użu tal-lingwa uffiċjali, fil-kuntest speċifiku ta’ interazzjoni mal-awtoritajiet pubbliċi jew mal-pubbliku inġenerali.

51.

Fil-fehma tiegħi, dan il-kriterju huwa ssodisfatt b’mod ċar fir-rigward tal-persunal amministrattiv tal-Iskola (u speċifikament il-kap u l-viċi kap tat-tagħlim ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata) ( 30 ), li l-funzjonijiet tiegħu neċessarjament jinvolvu l-komunikazzjoni kemm mal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll mal-ġenituri ta’ studenti attwali jew potenzjali, kif ukoll li tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi legali applikabbli.

52.

L-istess konklużjoni ma hijiex daqshekk evidenti fir-rigward tal-persunal tat-tagħlim tal-Iskola, li r-rwol tiegħu huwa li jipprovdi korsijiet bil-lingwa Ingliża. Madankollu, kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja ( 31 ), ir-rwol tal-għalliema ma huwiex limitat għat-tagħlim li huma jipprovdu. Minflok, dan jista’ jinkludi wkoll, f’ċerti ċirkustanzi, l-għoti ta’ pariri jew assistenza lill-istudenti (li għalihom ċertu grad ta’ komunikazzjoni bil-lingwa materna tagħhom jista’ jkun ta’ benefiċċju), kif ukoll kuntatt mal-ġenituri tal-istudenti (li, għalkemm għażlu programm bil-lingwa Ingliża għat-tfal tagħhom, jistgħu huma stess ma jitkellmux bl-Ingliż). Barra minn hekk, bħala parti mill-garanzija tas-sikurezza tal-istudenti tagħhom, l-għalliema jista’ jkollhom jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ emerġenza li jeħtieġu komunikazzjoni mas-servizzi ta’ emerġenza Litwani. Għaldaqstant, kemm għall-persunal tat-tagħlim, kif ukoll għall-persunal amministrattiv tal-Iskola, ir-rekwiżit lingwistiku jidher xieraq sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

53.

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li miżura nazzjonali tista’ titqies li hija xierqa għat-twettiq ta’ għan biss jekk tkun tissodisfa intenzjoni ġenwina li dan jintlaħaq u jekk tkun implimentata b’mod koerenti u sistematiku ( 32 ). Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, xejn ma jissuġġerixxi li ma hemm l-ebda intenzjoni ġenwina bħal din jew li hemm inkonsistenza fl-implimentazzjoni tar-rekwiżit lingwistiku. Għall-kuntrarju, jidher li mill-proċess jirriżulta li r-rekwiżit huwa applikabbli b’mod wiesa’ u konsistenti, mhux biss għall-iskejjel kollha fil-Litwanja, iżda, b’mod ġenerali, għar-rwoli kollha li jinvolvu l-komunikazzjoni mal-pubbliku (u l-mili ta’ formoli standard tad-dokumenti) fl-istabbilimenti li jipprovdu servizzi lill-pubbliku.

ii) Fuq in-neċessità

54.

Issa ser ngħaddi għall-kriterju ta’ neċessità, li jimplika li għandu jiġi ddeterminat jekk miżuri inqas restrittivi jkunux jistgħu jilħqu l-għan imfittex bl-istess effettività. Għalkemm alternattivi inqas restrittivi għar-rekwiżit lingwistiku ta’ formulazzjoni ġenerali huma ċertament possibbli, kif ser nispjega iktar ’il quddiem, dawn l-alternattivi essenzjalment jikkonsistu fl-introduzzjoni ta’ eċċezzjonijiet għall-użu ġenerali tal-lingwa uffiċjali previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Konsegwentement, dawn l-alternattivi ma jiggarantixxux, strettament, livell ta’ effikaċja totalment ekwivalenti fit-twettiq tal-għan imfittex. Għaldaqstant, inqis li r-rekwiżit lingwistiku jissodisfa t-“test ta’ neċessità”.

55.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, element wieħed li ma jissodisfax dan it-test huwa l-mod kif għandha tintwera l-osservanza tar-rekwiżit lingwistiku. Kif ippreċiżat il-qorti tar-rinviju, l-unika prova aċċettabbli ta’ għarfien tal-livell B1 fil-Litwanja hija attestazzjoni ta’ suċċess f’eżami konkret tal-Istat. Fil-fehma tiegħi, l-għan imfittex jista’ jintlaħaq ukoll jekk l-għarfien tal-lingwa uffiċjali ikun jista’ jintwera permezz ta’ mezzi oħra. Fil-fatt, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-impossibbiltà li tiġi prodotta l-prova tal-għarfien lingwistiku meħtieġ permezz ta’ mezzi oħra, pereżempju permezz ta’ kwalifiki ekwivalenti miksuba fi Stati Membri oħra, għandha titqies li hija sproporzjonata ( 33 ).

iii) Fuq il-proporzjonalità stricto sensu

56.

Fir-rigward tal-proporzjonalità stricto sensu, għandu jiġi evalwat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi r-rekwiżit lingwistiku tkunx tistabbilixxi bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-għan ta’ promozzjoni u ta’ protezzjoni tal-lingwa uffiċjali u, min-naħa l-oħra, ir-rispett tad-drittijiet protetti mid-dritt tal-Unjoni li huma affettwati minn dan ir-rekwiżit.

57.

Fir-rigward ta’ dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla tal-miżuri li jistgħu jwettqu l-għanijiet tal-politika tagħhom ta’ protezzjoni tal-lingwa uffiċjali (tali politika tikkostitwixxi manifestazzjoni tal-identità nazzjonali tagħhom fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE), dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma jistax jiġġustifika ksur serju tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati li jistabbilixxu l-libertajiet fundamentali tagħhom ( 34 ).

58.

Sabiex jiġi stabbilit qafas għall-analiżi ta’ dan il-punt, għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżit lingwistiku jeżiġi livell intermedjarju (B1) ta’ għarfien tal-lingwa uffiċjali, li jmur lil hinn mill-għarfien bażiku iżda li ma jilħaqx il-limitu ta’ għarfien professjonali. Barra minn hekk, kif diġà ġie rrilevat iktar ’il fuq, ir-rekwiżit japplika biss għall-ħaddiema li jiġu f’kuntatt regolari mal-pubbliku jew li jkunu responsabbli biex jimlew formoli standard tad-dokumenti. Madankollu, kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju, għal dawn il-ħaddiema, dan ir-rekwiżit japplika mingħajr ebda eċċezzjoni.

59.

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-persunal tat-tagħlim tal-Iskola kkonċernata, tali rekwiżit ġenerali, li jimponi għarfien tal-lingwa uffiċjali fil-livell B1 għall-għalliema kollha li jipprovdu lezzjonijiet bil-lingwa Ingliża, ma jidhirlix li jiżgura bilanċ ġust bejn l-għan imfittex u l-piż impost. Qabelxejn, il-kontribuzzjoni għall-għan ta’ interess pubbliku leġittimu tidher, fil-fehma tiegħi, limitata fil-każ ta’ stabbiliment privat li l-għan innifsu tiegħu huwa li jagħti korsijiet bil-lingwa Ingliża, għażla espressament awtorizzata mid-dritt nazzjonali u magħżula deliberatament mill-istudenti (jew pjuttost mill-ġenituri tagħhom) ( 35 ). Huwa minnu li, anki f’tali kuntest, jista’ jkun raġonevoli li l-għalliema jintalbu jkollhom ċertu għarfien tal-lingwa uffiċjali, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan l-għarfien ma għandux neċessarjament ikun tal-livell B1, u lanqas ma għandu jiġi impost mingħajr ebda eċċezzjoni.

60.

Fil-fatt, fl-assenza ta’ kwalunkwe eċċezzjoni, ir-rekwiżit lingwistiku jidher li huwa kunsiderevolment eżaġerat, peress li jimponi għarfien intermedjarju tal-lingwa uffiċjali sa mir-reklutaġġ ( 36 ), indipendentement mil-lingwa tat-tagħlim u mit-tul tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ għalliem. Fil-fehma tiegħi, dawn huma ostakoli sinjifikattivi għar-reklutaġġ ta’ persunal debitament ikkwalifikat, u b’hekk jippreġudikaw serjament il-libertà ta’ stabbiliment ( 37 ). Fil-fehma tiegħi, jistgħu jiġu previsti eċċezzjonijiet għar-rekwiżit ġenerali mingħajr ma jiġi kompromess l-għan imfittex, filwaqt li jitnaqqas l-impatt fuq l-Iskola u l-għalliema tagħha (u, b’estensjoni, ukoll fuq l-istudenti tagħha). Dawn jistgħu jinkludu, pereżempju, il-ħtieġa ta’ livell iktar baxx ta’ għarfien; l-aċċettazzjoni ta’ konformità gradwali jew perijodu tranżitorju wara r-reklutaġġ sabiex jintlaħaq il-livell meħtieġ; l-irbit tar-rekwiżit mat-tul mistenni tal-impjieg tal-għalliem fil-Litwanja, l-awtorizzazzjoni ta’ eżenzjonijiet ad hoc meta ma jkun disponibbli l-ebda kandidat ikkwalifikat ieħor, ( 38 ) jew l-impożizzjoni ta’ dan ir-rekwiżit biss fuq ċertu proporzjon tal-membri tal-persunal, bil-kundizzjoni li l-istabbiliment kollu kemm hu jibqa’ f’pożizzjoni li jissodisfa l-obbligi legali u amministrattivi tiegħu.

61.

Fir-rigward tal-persunal amministrattiv, fid-dawl tan-natura fundamentalment differenti tal-kompiti tiegħu meta pparagunati ma’ dawk tal-għalliema, inqis li l-bilanċ jista’ jwassal għal xaqliba differenti. Minn naħa, kif indikat fil-punt 51 iktar ’il fuq, ir-rwol tal-persunal amministrattiv (b’mod partikolari tal-kap tal-Iskola u tal-viċi kap tat-tagħlim kkonċernati mid-digriet ikkontestat) jista’ jinftiehem bħala li jeħtieġ minn qabel komunikazzjoni mal-ġenituri u ma’ partijiet ikkonċernati esterni oħra, kif ukoll involviment mal-awtoritajiet nazzjonali għall-osservanza tal-obbligi regolatorji u amministrattivi. Dawn iż-żewġ pożizzjonijiet speċifiċi jistgħu fil-fatt jitqiesu bħala l-“wiċċ pubbliku” tal-Iskola. Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ għarfien intermedjarju tal-lingwa uffiċjali jidher raġonevoli u essenzjali fil-kuntest tal-għan imfittex.

62.

Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi, l-effett fuq il-libertà ta’ stabbiliment ma huwiex daqshekk profond bħal fil-każ tal-għalliema. Fil-fatt, tal-inqas mill-perspettiva tar-reklutaġġ, jidhirli li huwa iktar diffiċli li jinstabu edukaturi kkwalifikati sabiex jipprovdu ċerti kurrikuli internazzjonali speċifiċi bil-lingwa Ingliża u li għandhom ukoll għarfien B1 bil-Litwan milli jidentifikaw persunal amministrattiv xieraq, li għandu għarfien intermedjarju tal-Litwan, li r-rwol tiegħu ma jeħtieġx kwalifika ta’ tagħlim speċifiku, u lanqas, possibbilment, għarfien eċċellenti tal-Ingliż. Barra minn hekk, jista’ jiġi raġonevolment preżunt li l-pożizzjonijiet speċifiċi ta’ kap u ta’ viċi kap probabbilment jimplikaw impenn fit-tul, li fid-dawl tiegħu l-kisba ta’ għarfien intermedjarju fil-lingwa uffiċjali tidher kemm fattibbli kif ukoll mhux eċċessivament oneruża.

63.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, u filwaqt li nfakkar li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-proporzjonalità tal-miżura fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel żewġ domandi fis-sens li l-Artikolu 49 TFUE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li l-għalliema u l-persunal amministrattiv ta’ stabbiliment privat ta’ tagħlim li jipprovdi programmi bil-lingwa Ingliża jkollhom għarfien intermedjarju tal-lingwa uffiċjali tal-Istat, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tkun iġġustifikata minn għan ta’ promozzjoni u ta’ protezzjoni ta’ din il-lingwa u tkun xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan, filwaqt li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn l-interessi involuti.

C. Fuq il-kompatibbiltà tar-rekwiżit lingwistiku mal-Artikolu 53 tad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent (it-tielet domanda preliminari)

64.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 53 tad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent jipprekludix rekwiżit lingwistiku, bħal dak inkwistjoni, li japplika mingħajr eċċezzjoni għall-għalliema kollha ta’ stabbiliment privat ta’ tagħlim li jipprovdi biss programmi bil-lingwa Ingliża.

65.

Id-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent tistabbilixxi regoli għar-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki professjonali bejn l-Istati Membri, maħsuba biex tiffaċilita l-moviment liberu kemm ta’ dawk li jaħdmu għal rashom kif ukoll (l-iktar pertinenti fil-każ tal-għalliema tal-Iskola) ta’ professjonisti impjegati fl-Unjoni. Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent, id--dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva japplikaw għaċ‑ċittadini kollha ta’ Stat Membru li jixtiequ jeżerċitaw professjoni rregolata fi Stat Membru li huwa differenti minn dak li fih huma kisbu l‑kwalifiki professjonali tagħhom.

66.

Kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju, it-tagħlim huwa professjoni rregolata fil-Litwanja. Għalhekk, id-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent tista’ tkun rilevanti għall-kawża ineżami, għalkemm huwa biss fir-rigward ta’ dawk il-ftit impjegati fost it‑18‑il impjegat tal-Iskola msemmija fid-digriet ikkontestat li huma kemm għalliema kif ukoll ċittadini ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni. Madankollu, id- deċiżjoni tar-rinviju ma tispeċifikax jekk dawn il-persuni kisbux il-kwalifiki professjonali tagħhom fi Stat Membru (li ma huwiex il-Litwanja), ( 39 ) b’tali mod li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva skont l-Artikolu 2(1) tagħha. Madankollu, ser nipproċedi għall-analiżi li ġejja, billi nibda mill-preżunzjoni, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li din il-kawża effettivament taqa’, parzjalment, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva.

67.

Nirrileva, qabelxejn, li l-Artikolu 53 tad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent jippermetti, essenzjalment, li jiġi impost fuq il-professjonisti kkwalifikati r-rekwiżit ta’ għarfien lingwistiku “meħtieġa għall-prattika tal-professjoni [irregolata] fl-Istat Membru ospitanti”. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet preċiżament li r-rekwiżit ta’ għarfien suffiċjenti tal-lingwa uffiċjali tal-Istat għandu jitqies bħala neċessarju minħabba n-natura tal-pożizzjoni ta’ għalliem, anki meta dan jgħallem f’lingwa oħra ( 40 ). Fil-fatt, kif spjegajt fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-rwol ta’ għalliem ma huwiex strettament limitat għall-korsijiet li huwa jagħti, b’tali mod li l-lingwi meħtieġa minnu ma humiex neċessarjament limitati għal-lingwa tat-tagħlim. Konsegwentement, ir-rekwiżit lingwistiku inkwistjoni għandu jitqies bħala ammissibbli, bħala prinċipju, skont l-Artikolu 53 tad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent.

68.

Madankollu, dan l-Artikolu 53 għandu jiġi interpretat b’osservanza tal-libertajiet fundamentali stabbiliti mit-Trattat FUE. Konsegwentement, kif enfasizzaw ġustament il-Kummissjoni u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, kull rekwiżit lingwistiku aċċettat skont dan l-Artikolu 53 ma għandux jippreġudika l-moviment liberu tal-ħaddiema previst fl-Artikolu 45 TFUE.

69.

Fil-fehma tiegħi, eżami tar-rekwiżit lingwistiku mill-perspettiva tal-Artikolu 45 TFUE jirrifletti b’mod wiesa’, mutatis mutandis, dak imwettaq fir-rigward tal-Artikolu 49 TFUE iktar ’il fuq.

70.

Fil-qosor ħafna, fl-interess tal-ekonomija ġudizzjarja, ir-rekwiżit lingwistiku għandu, fil-fehma tiegħi, jitqies bħala restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema u, possibbilment, bħala forma ta’ diskriminazzjoni indiretta. Ir-raġuni għal dan hija li, filwaqt li japplika bl-istess mod għaċ-ċittadini Litwani u għall-ħaddiema migranti, jista’ intrinsikament jaffettwa iktar lil dawk tal-aħħar milli tal-ewwel, peress li jista’ jiġi ssodisfatt iktar faċilment miċ-ċittadini nazzjonali, u b’hekk iwassal għal żvantaġġ partikolari għal dawk li huma ċittadini barranin ( 41 ). Madankollu, tali restrizzjoni tista’ eventwalment tiġi ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku, bħall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-lingwa uffiċjali, sakemm din tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq evalwazzjoni konkreta tal-proporzjonalità, li insostenn tagħha l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 48 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment huma, fil-fehma tiegħi, applikabbli mutatis mutandis.

71.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tielet domanda fis-sens li l-Artikolu 53 tad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent jippermetti rekwiżit, bħal dak inkwistjoni, li jobbliga lill-għalliema ta’ stabbiliment privat ta’ tagħlim li jipprovdi programmi bil-lingwa Ingliża li jkollhom għarfien intermedjarju tal-lingwa uffiċjali tal-Istat, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tkun iġġustifikata minn għan ta’ promozzjoni u ta’ protezzjoni ta’ din il-lingwa u sa fejn tkun xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan, filwaqt li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn l-interessi inkwistjoni.

72.

Minkejja dak li ġie espost iktar ’il fuq u għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 53(3) u (4) tad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent (moqri fid-dawl tal-premessa 26 tad-Direttiva 2013/55/UE ( 42 ), li introduċiet dawn id-dispożizzjonijiet fid-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent) jipprekludi kontrolli sistematiċi tal-għarfien lingwistiku tal-professjonisti. Tali kontrolli jistgħu jiġu imposti biss fil-każ ta’ “dubju serju u konkret” dwar in-natura adegwata tal-għarfien lingwistiku ta’ professjonist u għandhom ikunu proporzjonati mal-attività eżerċitata.

V. Konklużjoni

73.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) kif ġej:

(1)

L-Artikolu 49 TFUE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li l-għalliema u l-persunal amministrattiv ta’ stabbiliment privat ta’ tagħlim li jipprovdi programmi bi-lingwa Ingliża jkollhom għarfien intermedjarju tal-lingwa uffiċjali tal-Istat, sa fejn din il-leġiżlazzjoni hija ġġustifikata minn għan ta’ promozzjoni u ta’ protezzjoni ta’ din il-lingwa u sa fejn hija xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan, filwaqt li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn l-interessi inkwistjoni.

(2)

L-Artikolu 53 tad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent jipprevedi rekwiżit, bħal dak inkwistjoni, li jobbliga lill-għalliema ta’ stabbiliment privat ta’ tagħlim li jipprovdi programmi bil-lingwa Ingliża li jkollhom għarfien intermedjarju tal-lingwa uffiċjali tal-Istat, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tkun iġġustifikata minn għan ta’ promozzjoni u ta’ protezzjoni ta’ din il-lingwa u sa fejn tkun adatta u neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan, filwaqt li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn l-interessi inkwistjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Ara, inter alia, Friend, J.W. “Carrier of Identity”. Fi: Stateless Nations. Palgrave Macmillan, Londra, 2012, p. 155 sa 161.

( 3 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et (C‑391/20, iktar ’il quddiem is-sentenza Cilevičs, EU:C:2022:638, punt 68).

( 4 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Cilevičs, kif ukoll is-sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 1989, Groener (C‑379/87, iktar ’il quddiem is-sentenza Groener, EU:C:1989:599) u tal‑4 ta’ Lulju 2000, Haim (C‑424/97, EU:C:2000:357) u tas‑16 ta’ April 2013, Las (C‑202/11, EU:C:2013:239).

( 5 ) Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22, rettifiki fil-ĠU 2007, L 271, p. 18, fil-ĠU 2008, L 93, p. 28, fil-ĠU 2014, L 305, p.115).

( 6 ) Skont il-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi, il-punt 5.3 tad-Deskrizzjoni jiddefinixxi l-livell B1 kif ġej: “Livell limitu” (utent indipendenti). Persuna hija kapaċi […] tesprimi ruħha fuq firxa wiesgħa ta’ suġġetti tal-ħajja ta’ kuljum u tax-xogħol, […] timla formoli standard tad-dokumenti, tikteb testi qosra dwar temi tal-ħajja ta’ kuljum u tax-xogħol. […] Barra minn hekk, hija kapaċi tifhem il-lingwa mitkellma, it-test miktub u tikkomunika.”

( 7 ) Artikolu 72 tal-Lietuvos Respublikos švietimo įstatymas (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar l-Edukazzjoni).

( 8 ) Nirrileva li, fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, ir-rekwiżit lingwistiku kien japplika speċifikament għall-għalliema anki bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali oħra li jirregolaw il-professjoni tat-tagħlim fil-Litwanja (li minn dak iż-żmien ġew emendati sabiex jeżentaw mir-rekwiżit lingwistiku l-għalliema tal-istabbilimenti, bħall-Iskola, li jipprovdu programmi ta’ Stati barranin jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali). Madankollu, id-digriet ikkontestat ma kienx ibbażat fuq dawn id-dispożizzjonijiet, iżda direttament fuq id-Digriet Nru 1688.

( 9 ) L-Artikolu 26 ta’ n-nutarimas Nru 649 (id-Digriet Nru 649) tas‑6 ta’ Ġunju 2012 dwar l-approvazzjoni tad-deskrizzjoni tal-proċedura għall- ħruġ, għas-sospensjoni u għar-revoka tal-kunsens għall-implimentazzjoni ta’ programmi edukattivi ta’ Stati barranin u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

( 10 ) It-talba ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Gvern Litwan tidher li tikkonċerna biss ir-rilevanza tad-domandi magħmula sa fejn dawn ikopru l-għalliema tal-Iskola, peress li ma tagħmel l-ebda riferiment għall-persunal amministrattiv tal-Iskola. Konsegwentement, tista’ tinftiehem biss bħala talba għal inammissibbiltà parzjali.

( 11 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Centre public d’action sociale de Liège, (Irtirar jew sospensjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn)C‑825/21, EU:C:2022:810, punti 37 u 38.

( 12 ) Ara s-sentenza Cilevičs, punti 50 u 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 iktar ’il fuq.

( 14 ) Sentenza tas‑7 ta’ Mejju 1998, Clean Car Autoservice,C‑350/96, EU:C:1998:205, punti 19 sa 21.

( 15 ) Nirrileva li l-miżura nazzjonali inkwistjoni tista’ potenzjalment tiġi eżaminata wkoll mill-perspettiva tal-moviment liberu tal-kapital, li madankollu jidher li għandha wkoll rilevanza sekondarja fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment.

( 16 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2024, Il‑Litwanja et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (Pakkett dwar il-Mobbiltà), C‑541/20 sa C‑555/20, EU:C:2024:818, punti 363 u 364 u s-sentenza Cilevičs, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 17 ) Ma jidhirx li huwa kkontestat li l-Iskola għandha preżenza fissa u fit-tul fil-Litwanja, billi ilha teżerċita l-attivitajiet tagħha hemmhekk b’mod stabbli u kontinwu mill‑2004, peress li dan l-element huwa rilevanti sabiex jiġi distint li s-sitwazzjoni taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment iktar milli taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

( 18 ) Ara s-sentenza Cilevičs, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 19 ) Ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania,C‑74/16, EU:C:2017:496, punti 48 sa 50 u tat‑2 ta’ Frar 2023, Freikirche der Siebenten-Tags-Adventisten in Deutschland,C‑372/21, EU:C:2023:59, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 20 ) Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Crono Service et, C‑419/12 u C‑420/12, EU:C:2014:81, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 21 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud - Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 32. Nirrileva li l-kuntest fattwali u ġuridiku ppreżentat fid-deċiżjoni tar-rinviju, li fuqu għandha tibbaża ruħha l-Qorti tal-Ġustizzja, jissuġġerixxi li l-Iskola tissodisfa dawn il-kriterji, iżda dan huwa evidentement suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju.

( 22 ) Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Xella Magyarország,C‑106/22, EU:C:2023:568, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 23 ) Għaldaqstant, hija n-“nazzjonalità” tal-Iskola nnifisha li tagħmel is-sitwazzjoni inkwistjoni “domestika” iktar milli, kif jidher li kien ta’ tħassib għall-qorti tar-rinviju, in-nazzjonalità Litwana tal-fundatur tagħha.

( 24 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis,C‑201/15, EU:C:2016:972, punti 46 u 47.

( 25 ) Ara s-sentenza Cilevičs, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 26 ) Idem, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 27 ) Sentenza Cilevičs, punti 67 sa 70.

( 28 ) Ibid, punt 65; ara wkoll is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2023, Nordic Info,C‑128/22, EU:C:2023:951, punt 77 u l-konklużjonijiet tiegħi fl-istess kawża, C‑128/22, EU:C:2023:645, punti 91 et seq.

( 29 ) Ara s-sentenza Cilevičs, punti 72 u 73 kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fl-istess kawża, C‑391/20, EU:C:2022:166, punti 91 sa 93.

( 30 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-uniċi membri tal-persunal amministrattiv ikkonċernat mid-digriet ikkontestat huma l-individwi li jokkupaw speċifikament dawn il-pożizzjonijiet. Sa fejn ikunu kkonċernati membri oħra tal-persunal amministrattiv, din l-analiżi tkun ukoll rilevanti għalihom, peress li r-rekwiżit tal-lingwa tkun tapplika biss għalihom jekk id-dmirijiet tagħhom ikunu jinvolvu komunikazzjoni regolari mal-pubbliku u/jew li jimlew formoli standard tad-dokumenti.

( 31 ) Ara s-sentenza Groener, punt 20.

( 32 ) Ara s-sentenza Cilevičs, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 33 ) Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Ġunju 2000, Angonese,C‑281/98, EU:C:2000:296, punt 44 u tal‑5 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑317/14, EU:C:2015:63, punt 28.

( 34 ) Ara s-sentenza Cilevičs, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 35 ) Dan huwa sostanzjalment differenti mis-sitwazzjoni fil-kawża Groener, li kienet tikkonċerna ta’ stabbiliment pubbliku ta’ tagħlim li joffri korsijiet fil-lingwa(i) uffiċjali tal-Istat.

( 36 ) Fuq dan il-punt hemm biss eċċezzjoni waħda għall-persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali, li huma eżentati mir-rekwiżit lingwistiku għal sentejn mir-rikonoxximent tal-istatus tagħhom. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, fil-prattika, l-Ispettorat ta perijodu ta’ differiment ta’ madwar tmien xhur sabiex tintwera l-osservanza tar-rekwiżit lingwistiku.

( 37 ) Ara l-punt 43 iktar ’il fuq.

( 38 ) Fis-sentenza Groener, il-leġiżlazzjoni nazzjonali pprevediet preċiżament il-possibbiltà ta’ tali eċċezzjoni, li ttieħdet inkunsiderazzjoni sabiex ir-rekwiżit jitqies bħala proporzjonat.

( 39 ) Jew jekk, skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent, ikunu ħadmu għal tliet snin fi Stat Membru li rrikonoxxa l-kwalifiki professjonali tagħhom miksuba f’pajjiż terz.

( 40 ) Ara s-sentenza Groener, punt 21, madankollu, wieħed għandu jżomm f’moħħu li din il-kawża kienet tikkonċerna l-pożizzjoni permanenti ta’ għalliem fi stabbiliment pubbliku ta’ tagħlim.

( 41 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Bechtel,C‑20/16, EU:C:2017:488, punt 39.

( 42 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Novembru 2013 li temenda d-Direttiva 2005/36 u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (ĠU 2013, L 354, p. 132), li l-premessa 26 tagħha tipprovdi: “Madankollu, il-kontrolli tal-lingwa għandhom ikunu raġonevoli u neċessarji għall-professjonijiet inkwistjoni u ma għandux ikollhom l-għan li jeskludu professjonisti minn Stati Membri oħra mis-suq tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti”.