KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-4 ta’ Diċembru 2008 ( 1 )

Kawżi magħquda C-378/07 sa C-380/07

Kiriaki Angelidaki et

vs

Organismos Nomarchiakis Autodioikisis Rethymnis u Dimos Geropotamou

“Direttiva 1999/70/KE — Klawżoli 5 u 8 tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat — Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku — L-ewwel jew l-uniku kuntratt — Kuntratti suċċessivi — Miżuri legali ekwivalenti — Tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema — Miżuri intiżi li jipprevjenu l-abbużi — Sanzjonijiet — Projbizzjoni assoluta li kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jinbidlu f’kuntratti għal żmien indeterminat fis-settur pubbliku — Konsegwenzi ta’ traspożizzjoni żbaljata ta’ direttiva — Interpretazzjoni konformi”

I — Introduzzjoni

1.

Għal darb’oħra qed titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontroversja qalila dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema impjegati għal żmien determinat mas-servizz pubbliku Grieg. Din id-darba, madankollu, il-kwistjoni tirrigwarda problema li, l-iktar l-iktar, ġiet indirizzata biss b’mod indirett fil-kawżi Adeneler ( 2 ) u Vassilakis ( 3 ) li diġà ġew deċiżi: id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Greċja, dwar ix-xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku, imorru kontra l-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni, stabbilita fid-dritt Komunitarju? Jidher li l-interpretazzjoni — li qed tintalab f’din il-kawża mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja — ta’ din il-projbizzjoni hija ta’ interess li jmur lil hinn mis-sempliċi każ tal-Greċja.

2.

Il-kawża tirrigwarda b’mod partikolari d-dispożizzjoni Griega li tgħid li, fis-settur pubbliku, il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ma jistgħux jinbidlu f’kuntratti għal żmien indeterminat; din id-dispożizzjoni issa hija saħansitra mniżżla fil-Kostituzzjoni Griega. Il-qorti tar-rinviju u wħud mill-partijiet fil-kawża huma tal-fehma li l-liġi Griega preċedenti kienet kunsiderevolment iktar favorevoli għall-ħaddiema għal żmien determinat milli l-liġi attwalment fis-seħħ; għaldaqstant, huma jikkontestaw il-kumpatibbiltà tal-liġi l-ġdida mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju u b’mod partikolari mal-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni.

3.

Fir-risposta għat-tliet domandi preliminari, is-sentenza Mangold ( 4 ), li hija ferm ikkritikata, tista’ wkoll tkun ta’ rilevanza. Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat mill-bidu nett li din il-kawża ma tirrigwardax il-partijiet kontroversjali ta’ dik is-sentenza dwar il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi tal-età u lanqas, b’mod iktar partikolari, il-ġustifikazzjoni dogmatika ta’ dik il-projbizzjoni jew il-konsegwenzi tagħha fuq il-kawżi bejn individwi.

II — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dritt Komunitarju

4.

Il-kuntest ġuridiku rilevanti ta’ din il-kawża huwa d-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP ( 5 ) (iktar ’il quddiem: id-Direttiva 1999/70). Din id-direttiva timplementa l-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat] (iktar ’il quddiem: il-ftehim qafas) li ġie konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 bejn tliet organizzazzjonijiet interprofessjonali b’vokazzjoni ġenerali (ETUC, UNICE, CEEP); dan il-ftehim qafas huwa mehmuż mad-direttiva bħala anness.

5.

Il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat jirrappreżenta kontribuzzjoni ġdida lejn bilanċ aħjar bejn il-“flessibiltà fil-ħin tax-xogħol u sigurtà għall-ħaddiema” ( 6 ). Dan huwa bbażat, minn naħa waħda, fuq ir-rikonoxximent tal-fatt li l-“kuntratti għal żmien indefinit [indeterminat] huma, u jibqgħu jkunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn min jimpjega u l-ħaddiema” ( 7 ). Min-naħa l-oħra, fl-istess ħin, il-ftehim qafas jirrikonoxxi li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat “huma fattur ta’ l-impjieg f’ċerti setturi, xogħlijiet u attivitajiet li jistgħu jkunu addattati kemm għal min jimpjega kif ukoll għall-ħaddiema” ( 8 ). Barra minn hekk, il-ftehim qafas huwa bbażat fuq din il-kunsiderazzjoni ġenerali: “l-użu ta’ kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss [żmien determinat] ibbażati fuq raġunijiet oġġettivi huwa mod kif jiġi pprevenut l-abbuż” ( 9 ).

6.

Il-klawżola 1 tal-ftehim qafas tiddefinixxi l-iskop tiegħu b’dan il-mod:

“L-iskop ta’ dan il-ftehim qafas hu:

a)

li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss [żmien determinat] billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni;

b)

li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss.”

7.

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim qafas, il-klawżola 2(1) tiegħu tippreċiża:

“Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss [żmien determinat] li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru.”

8.

Skont id-definizzjoni mogħtija fil-klawżola 3(1), “ħaddiem għal terminu fiss [żmien determinat]”, għall-finijiet tal-ftehim qafas, tfisser:

“persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku”.

9.

Il-klawżola 5 tal-ftehim qafas tirrigwarda l-miżuri intiżi għall-prevenzjoni ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi:

“1.

Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss [żmien determinat], wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skont il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

a)

raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

b)

iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

ċ)

in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2.

L-Istati Membri, wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:

a)

għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

b)

għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit [indeterminat].”

10.

Fl-aħħar, il-klawżola 8 tal-ftehim qafas, bit-titolu “Dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni”, tistabbilixxi:

“1.

L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għal ħaddiema milli kif stabbilit f’dan il-ftehim.

[…]

3.

L-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim m’għandhiex tikkostitwixxi bażijiet validi għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema fil-qasam tal-ftehim.

[…]”

11.

Id-Direttiva 1999/70 tħalli f’idejn l-Istati Membri biex jiddefinixxu b’mod konformi mal-liġi u/jew mal-prassi nazzjonali tagħhom it-termini użati fil-ftehim qafas mingħajr ma dawn ikunu ddefiniti b’mod speċifiku, bil-kundizzjoni li dawk id-definizzjonijiet josservaw il-kontenut tal-ftehim qafas ( 10 ). Għaldaqstant għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni f’kull Stat Membru u ċ-ċirkustanzi ta’ setturi u xogħlijiet partikolari, inklużi l-attivitajiet ta’ natura staġjonali ( 11 ).

12.

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 1999/70, l-Istati Membri għandhom l-obbligu “[li jdaħħlu fis-seħħ] il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattvi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-direttiva sal-10 ta’ Lulju 2001” jew li jiżguraw, sa mhux iktar tard minn dik id-data, li “l-imsieħba soċjali jkunu introduċew il-miżuri neċessarji skont il-ftehim”. Skont l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri għandhom massimu ta’ sena oħra, jekk ikun meħtieġ, u wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, sabiex jiġu kkunsidrati d-diffikultajiet partikolari jew ta’ implementazzjoni permezz ta’ ftehim kollettiv. Il-Greċja bbenefikat minn tali estensjoni tat-terminu b’sena, sal-10 ta’ Lulju 2002 ( 12 ).

B — Id-dritt nazzjonali

13.

F’dak li jirrigwarda d-dritt Grieg, għandha tinġibed l-attenzjoni, minn naħa waħda, lejn id-digrieti presidenzjali adottati speċjalment sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 1999/70 u, min-naħa l-oħra, lejn l-Artikolu 103 tal-Kostituzzjoni Griega, kif ukoll lejn id-diversi dispożizzjonijiet tal-liġijiet Nru 2190/1994, 3250/2004 ( 13 ) u 2112/1920.

1. Id-digrieti presidenzjali adottati għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70

14.

Id-Digriet Presidenzjali Nru 81/2003 ( 14 ), li daħal fis-seħħ fit-2 ta’ April 2003, jintroduċi “Dispożizzjonijiet dwar il-ħaddiema li għandhom kuntratti għal żmien determinat”; skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, dan kien japplika inizjalment għall-“impjegati b’kuntratti jew b’relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat”. Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni ġie ristrett, permezz tad-Digriet Presidenzjali ulterjuri Nru 180/2004 ( 15 ) li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Awwissu 2004, għar-relazzjonijiet ta’ xogħol fis-settur privat ( 16 ).

15.

Kien permezz tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 ( 17 ), li daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Lulju 2004, li finalment ġew adottati dispożizzjonijiet dwar il-ħaddiema għal żmien determinat fis-settur pubbliku. Il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu ġie ffissat mill-Artikolu 2(1) tiegħu:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-Digriet japplikaw għall-persunal tas-settur pubbliku […] kif ukoll għall-persunal tal-impriżi komunali u muniċipali impjegat fuq il-bażi ta’ kuntratt jew ta’ relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat jew fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ impriża jew ta’ kull forma oħra ta’ kuntratt jew relazzjoni ta’ xogħol li taħbi rabta ta’ subordinazzjoni”.

16.

Fir-rigward tal-legalità ta’ kuntratti suċċessivi fis-settur pubbliku, l-Artikolu 5 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 jinkludi fih, inter alia, dawn id-dispożizzjonijiet:

“1.   Huma pprojbiti l-kuntratti suċċessivi konklużi u eżegwiti bejn l-istess persuna li timpjega u l-istess ħaddiem, fi speċjalità professjonali identika jew simili u taħt kundizzjonijiet ta’ xogħol identiċi jew simili, għal intervalli inferjuri għal tliet xhur.

2.   Bħala eċċezzjoni, il-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti hija leċita meta tkun ġġustifikata minħabba raġuni oġġettiva. Ikun hemm raġuni oġġettiva meta l-kuntratti li jsegwu l-kuntratt inizjali huma konklużi sabiex jirrispondu għall-bżonnijiet partikolari tal-istess tip direttament jew indirettament konnessi mal-forma, man-natura jew mal-attività tal-impriża.

[…]

4.   Fl-ebda każ m’għandu jkun hemm iktar minn tliet kuntratti suċċessivi, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 tal-Artikolu segwenti.”

17.

Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 jinkludi dispożizzjonijiet dwar it-terminu massimu tal-kuntratti:

“1.   Il-kuntratti suċċessivi konklużi u eżegwiti bejn l-istess persuna li tħaddem u l-istess ħaddiem, fi speċjalità professjonali identika jew simili u taħt kundizzjonijiet ta’ xogħol identiċi jew simili, ma jistgħux jaqbżu terminu totali ta’ impjieg ta’ erbgħa u għoxrin xahar, kemm jekk ikunu konklużi skont l-Artikolu preċedenti jew skont dispożizzjonijiet oħrajn fis-seħħ.

2.   Terminu totali ta’ impjieg li jaqbeż l-erbgħa u għoxrin xahar huwa awtorizzat biss fil-każ ta’ kategoriji ta’ ħaddiema speċjali minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom kif imsemmi fid-dispożizzjonijiet fis-seħħ, bħal uffiċjali maniġerjali, ħaddiema reklutati fil-kuntest ta’ programmi speċifiċi ta’ riċerka jew ta’ programmi ssussidjati jew iffinanzjati, kif ukoll ħaddiema reklutati biex iwettqu inkarigi għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt ftehimiet ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.”

18.

Fir-rigward tal-konsegwenzi fil-każ ta’ ksur, l-Artikolu 7 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 jipprovdi li:

“1.   Kull kuntratt konkluż bi ksur tal-Artikoli 5 u 6 ta’ dan id-digriet huwa null ipso jure.

2.   Meta l-kuntatt null ikun ġie eżegwit, parzjalment jew fit-totalità tiegħu, il-ħaddiem għandu jitħallas l-ammonti dovuti; l-ammonti li jkunu tħallsu ma jistgħux jintalbu lura. Il-ħaddiem jista’ jitlob, bħala kumpens, l-ammont li kien ikollu dritt jirċievi ħaddiem ekwivalenti impjegat għal żmien indeterminat, f’każ li jintemm il-kuntratt tiegħu. Meta jkun hemm iktar minn kuntratt null wieħed, il-perijodu li jiġi kkunsidrat għall-kalkolu tal-kumpens huwa t-terminu totali tal-impjieg abbażi tal-kuntratti nulli. L-ammonti mħallsa minn min iħaddem lill-ħaddiem għandha tagħmel tajjeb għalihom il-parti responsabbli.

3)   Kwalunkwe ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 u 6 ta’ dan id-digriet huwa suġġett għal piena ta’ priġunerija […]. Meta r-reat ikun ġie mwettaq b’negliġenza, il-persuna responsabbli hija suġġetta għal piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn sena. Barra minn hekk, dan il-ksur jikkostitwixxi offiża dixxiplinari serja.”

19.

Id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Artikolu 11 tad-Digriet Presidenzjali Nruo 164/2004 jipprovdu b’mod partikolari dan li ġejo:

“1.   Kemm-il darba jkunu ġew konklużi qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet u jkunu għadhom applikabbli fil-mument ta’ dak id-dħul fis-seħħ, il-kuntratti suċċessivi skont l-Artikolu 5(1) minn issa ’l quddiem jinbidlu f’kuntratti ta’ impjieg għal żmien indeterminat jekk il-kundizzjonijiet kumulattivi stipulati iktar ’il quddiem jiġu ssodisfati:

a)

it-terminu totali tal-kuntratti suċċessivi jkun ekwivalenti għal mill-inqas 24 xahar qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, indipendentement min-numru ta’ tiġdidiet, jew jekk ikunu ġew imġedda għal mill-inqas 3 darbiet wara d-dħul fis-seħħ tal-kuntratt inizjali skont l-Artikolu 5(1) [ta’ dan id-digriet] b’terminu ta’ impjieg totali ta’ mill-inqas 18-il xahar f’perijodu ta’ 24 xahar mill-kuntratt inizjali;

b)

it-terminu totali ta’ impjieg imsemmi fil-paragrafu a) jrid ikun sar mal-istess istituzzjoni, fl-istess kwalità jew fi kwalità simili, u taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk fil-kuntratt ta’ impjieg inizjali, jew taħt kundizzjonijiet simili għal dawk stipulati fil-kuntratt inizjali; […].

ċ)

il-kuntratt irid ikollu bħala suġġett attivitajiet relatati direttament u immedjatament mal-bżonnijiet permanenti u fit-tul tal-istituzzjoni inkwistjoni, skont kif dawk il-bżonnijiet ikunu ddefiniti mill-interess pubbliku li bih tkun inkarigata dik l-istituzzjoni;

d)

it-terminu totali tal-impjieg għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet preċedenti jrid ikun tlesta fuq bażi full-time jew part-time u l-inkarigi mwettqa jridu jkunu identiċi jew simili għal dawk indikati fil-kuntratt inizjali. […]

2.   Sabiex jiġi kkonstatat jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, il-ħaddiem għandu jindirizza lill-korp kompetenti, f’terminu perentorju ta’ xahrejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, talba li telenka l-elementi li jippruvaw li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. L-opinjoni mmotivata li tevalwa, f’kull każ, jekk ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, għandha tinħareġ mill-kunsill tal-promozzjonijiet jew minn korp ekwivalenti u, fin-nuqqas, il-kunsill amministrattiv jew il-korp ta’ direzzjoni — jew il-korp ekwivalenti skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ — tal-persuna ġuridika kkonċernata. Fir-rigward ta’ impriżi muniċipali jew komunali, il-korp kompetenti huwa neċessarjament il-kunsill muniċipali jew komunali tal-lokalità territorjali kkonċernata, li għandhom jaġixxu fuq rakkomandazzjoni tal-kunsill amministrattiv jew il-korp ta’ direzzjoni tal-impriża. Il-korp kompetenti msemmi hawn fuq għandu jevalwa barra minn hekk jekk hemmx kuntratti ta’ xogħlijiet jew kuntratti u relazzjonijiet oħrajn li fir-realtà huma relazzjoni ta’ impjieg. L-opinjoni tal-imsemmi korp kompetenti għandha tingħata sa mhux iktar tard minn ħames xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet.

3.   L-opinjonijiet, pożittivi jew negattivi, mogħtija b’mod konformi mal-paragrafu 2 mill-korpi kompetenti għandhom jintbagħtu minnufih lill-Anotato Symvoulio Epilogis Prosopikou (ASEP; il-Kunsill Superjuri għall-Għażla tal-Persunal), li għandu jagħti deċiżjoni fi żmien tliet xhur minn meta jirċevihom.

4.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu japplikaw għall-ħaddiema tas-settur pubbliku […] kif ukoll għall-impriżi muniċipali u komunali […].

5)   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu japplikaw ukoll għall-kuntratti li jiskadu matul il-perijodu ta’ tliet xhur qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, u dawk il-kuntratti għandhom jitqiesu bħala kuntratti mġedda b’mod validu sad-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet, kemm-il darba tiġi mħarsa l-kundizzjoni stipulata fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu.

[…].”

2. Dispożizzjonijiet oħrajn li għandhom impatt fuq ix-xogħol għal żmien determinat

a) Dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Griega

20.

L-Artikolu 103(2) tal-Kostituzzjoni Griega jipprovdi li:

“Ħadd ma jista’ jinħatar bħala uffiċjal għal kariga pubblika li ma tkunx ġiet stabbilita bil-liġi. Liġi speċjali tista’ tipprevedi reklutaġġ bħala eċċezzjoni ta’ persunal bil-kuntratt taħt id-dritt privat għal żmien determinat, bil-għan li jiġu sodisfatti bżonnijiet imprevisti u urġenti.”

21.

L-Artikolu 103(8) tal-Kostituzzjoni, li daħal fis-seħħ fis-7 ta’ April 2001, jipprovdi li:

“Il-liġi tippreċiża l-kundizzjonijiet u t-tul tar-relazzjonijiet ta’ impjieg taħt id-dritt privat fl-amministrazzjoni pubblika u s-settur pubbliku f’sens wiesa’, kif deskritt mil-liġi f’kull każ, jekk dan ikun meħtieġ biex jimtlew karigi apparti dawk previsti fl-ewwel inċiż tal-paragrafu 3, jew inkella bżonnijiet proviżorji, imprevisti jew urġenti skont it-tieni inċiż tal-paragrafu 2. Il-liġi tistabbilixxi wkoll il-funzjonijiet li jistgħu jiġu eżerċitati mill-persunal tal-inċiż preċedenti. Huwa pprojbit li jiġi titolizzat b’mezzi leġiżlattivi l-persunal li jaqa’ taħt l-ewwel inċiż jew li l-kuntratti tagħhom jinbidlu f’kuntratti għal żmien indeterminat. Il-projbizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu jgħoddu wkoll għall-persuni impjegati permezz ta’ kuntratt ta’ xogħlijiet.”

b) Il-liġijiet Nri 2190/1994, 2527/1997 u 3250/2004

22.

Jirriżulta mill-Artikolu 21 tal-liġi Nru 2190/1994 ( 18 ) li fil-Greċja, is-servizzi pubbliċi u l-persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku jistgħu jimpjegaw persunal fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ impjieg ta’ dritt privat għal żmien determinat, sabiex ilaħħqu mal-bżonnijiet staġjonali, perjodiċi jew provviżorji. It-tul ta’ żmien ta’ impjieg ta’ dan il-persunal ma jistax jaqbeż it-tmien xhur matul perijodu ta’ tnax-il xahar. Meta persunal huwa reklutat b’mod provviżorju sabiex jintlaħqu, skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ, bżonnijiet urġenti, minħabba n-nuqqas tal-persunal jew impjiegi vakanti, it-tul ta’ żmien ta’ impjieg ma jistax jaqbeż l-erba’ xhur għall-istess persuna. Kull proroga jew konklużjoni ta’ kuntratt ġdid matul l-istess sena, kif ukoll it-tibdil f’kuntratt għal żmien indeterminat huma nulli.

23.

Skont l-Artikolu 1 tal-liġi Nru 3250/2004, l-Istat, l-awtoritajiet lokali tal-ewwel u tat-tieni grad kif ukoll il-persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku jistgħu jirreklutaw persunal permezz ta’ kuntratti tad-dritt privat għal żmien determinat u part-time, sabiex ilaħħqu mal-bżonnijiet tagħhom biex jipprovdu servizzi ta’ natura soċjali liċ-ċittadini. Ir-reklutaġġi msemmija hawn fuq huma intiżi esklużivament biex ilaħħqu ma’ bżonnijiet addizzjonali biex jiġu pprovduti servizzi liċ-ċittadini; dawn ma jaffettwawx l-istruttura tal-persunal titolari tal-entitajiet ikkonċernati. It-tul ta’ żmien ta’ dawn il-kuntratti ma jistax jaqbeż it-tmintax-il xahar. Kuntratt ġdid ma jistax jiġi konkluż mal-istess impjegat ħlief wara perijodu ta’ mhux inqas minn erba’ xhur wara l-iskadenza tal-kuntratt preċedenti. Il-ħin ta’ xogħol ta’ kull aġent kuntrattwali ma jistax jaqbeż l-għoxrin siegħa fil-ġimgħa.

24.

Skont l-Artikolu 6(1) tal-liġi Nru 2527/1997, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ xogħlijiet mill-amministrazzjonijiet u l-persuni ġuridiċi tad-dritt pubbliku tippresupponi, inter alia, li l-proġett ma jkunx jappartjeni għall-inkarigi normali tal-aġenti tal-istituzzjoni u li ma jkunx jista’ jitwettaq minn dawn l-aġenti. Kuntratt ta’ xogħlijiet intiż biex jissodisfa bżonn permanenti u fit-tul huwa ipso jure null fit-totalità tiegħu.

c) Il-liġi Nru 2112/1920

25.

Skont il-qorti tar-rinviju, il-liġi Nru 2112/1920 ( 19 ) tista’ tapplika wkoll għar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, inkluż għal ħaddiema tas-settur pubbliku ( 20 ). L-Artikolu 8(3) ta’ din il-liġi ( 21 ) jipprovdi li:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi japplikaw tale quale għall-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, meta ż-żmien determinat ma jkunx iġġustifikat min-natura tal-kuntratt iżda jkun ġie ffissat intenzjonalment bil-għan li jiġu evitati d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi dwar it-terminazzjoni tal-kuntratti tax-xogħol.”

26.

Kif tindika l-qorti tar-rinviju, li tinvoka l-ġurisprudenza Griega, jirriżulta mill-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920 li kuntratt għal żmien determinat huwa kkunsidrat li huwa għal żmien indeterminat, meta ebda raġuni oġġettiva ma tkun tiġġustifika l-limitazzjoni taż-żmien. Dan jgħodd ukoll għal kuntratt uniku għal żmien determinat; għaldaqstant mhuwiex neċessarju li jkun hemm diversi kuntratti suċċessivi għal żmien determinat.

27.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-Areios Pagos ( 22 ) Griega kkunsidrat l-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920 bħala miżura ekwivalenti legali skont il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, u dan fir-rigward ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi kemm fis-settur privat kif ukoll fis-settur pubbliku, li barra minn hekk mhuwiex prekluż mill-Artikolu 103(8) tal-Kostituzzjoni Griega ( 23 ).

28.

Madankollu jirriżulta mill-atti tal-kawża li sussegwentement l-istess Areios Pagos irrevediet il-ġurisprudenza u ddeċidiet li, meta titqies il-projbizzjoni fl-Artikolu 103(8) tal-Kostituzzjoni Griega, il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku ma jistgħux jinbidlu f’relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien indeterminat, anki meta dawn ikunu jservu biex jissodisfaw bżonn permanenti u fit-tul ( 24 ).

III — Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

29.

Fl-2005, kull waħda mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tal-kawża C-378/07 kienet ikkonkludiet kuntratt ta’ xogħol taħt id-dritt privat mal-awtorità lokali konvenuta, jiġifieri n-Nomarchiaki Aftodioikisi Rethymnis ( 25 ) tal-gżira ta’ Kreta. It-tul ta’ żmien ta’ kull wieħed minn dawn il-kuntratti kien limitat għal tmintax-il xahar; it-terminu ta’ validità tal-ebda wieħed minnhom ma ġie estiż jew imġedded ( 26 ).

30.

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tal-kawża C-379/07 u ż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali tal-kawża C-380/07 kienu marbuta mal-awtorità lokali konvenuta — id-Dimos Geropotamou ( 27 ) fil-gżira ta’ Kreta — permezz ta’ tliet relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi. Dawn ir-relazzjonijiet ta’ impjieg kienu bbażati fuq kuntratti għal żmien determinat li kienu kkwalifikati parzjalment bħala kuntratti ta’ xogħlijiet u parzjalment bħala kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. Jirriżulta mill-atti tal-kawża li l-kuntratti kienu jirrigwardaw il-perijodu mix-xahar ta’ Diċembru 2003 sax-xahar ta’ Diċembru 2006; f’wieħed mill-każijiet, l-iskadenza ta’ kuntratt għal żmien determinat ġiet segwita immedjatament b’kuntratt ġdid għal żmien determinat; fil-każijiet l-oħra, għaddew perijodi ta’ bejn jum u 28 jum bejn iż-żewġ kuntratti ( 28 ).

31.

Quddiem il-Monomeles Protodikeio Rethymnis ( 29 ) (iktar ’il quddiem imsejħa wkoll bħala l-qorti tar-rinviju), ir-rikorrenti fit-tliet kawżi prinċipali argumentaw li r-relazzjonijiet ta’ xogħol tagħhom fir-realtà servew biex jiġi ssodisfat bżonn permanenti u fit-tul u li dawn ħadu biss il-forma ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jew ta’ kuntratti ta’ xogħlijet biex jiġu evitati d-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-impjieg ( 30 ). Huma jinvokaw inter alia l-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920, interpretat u applikat b’mod konformi mad-Direttiva 1999/70, skont liema l-kuntratti tagħhom għandhom jitqiesu bħala kuntratti ta’ impjieg għal żmien indeterminat. Huma jsostnu li dan lanqas m’hu prekluż mill-Artikolu 103(8) tal-Kostituzzjoni Griega, peress li l-obbligu fis-seħħ fis-settur pubbliku li l-kuntratti għal żmien determinat jinbidlu f’kuntratti għal żmien indeterminat japplika biss għal kuntratti li realment jissodisfaw bżonn proviżorju, mhux previst jew urġenti ta’ min iħaddem.

32.

Konsegwentement, ir-rikorrenti tat-tliet kawżi prinċipali jitolbu lill-qorti sabiex tikkonstata li huma marbuta permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat mal-awtorità lokali kkonċernata u li din għandha tkompli timpjegahom.

IV — Talbiet għal deċiżjonijiet preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

A — Kawża C-378/07

33.

Fil-kawża C-378/07, b’digriet tad-19 ta’ Lulju 2007, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

1)

Il-klawżola 5 u l-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, li jagħmel parti mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368) għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt Komunitarju jipprekludi (għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-imsemmi ftehim qafas) l-adozzjoni mill-Istat Membru ta’ miżuri, meta:

a)

qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, tkun teżisti diġà, fis-sistema ġuridika interna, miżura legali ekwivalenti, skont il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas?

b)

il-miżuri adottati għall-implementazzjoni tal-ftehim qafas iwasslu għal tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema impjegati għal żmien determinat?

2)

Fil-każ ta’ risposta fil-pożittiv għall-ewwel domanda, fil-każijiet fejn ma jeżistux diversi kuntratti suċċessivi iżda kuntratt ta’ xogħol wieħed għal żmien determinat li fil-verità jkollu bħala għan li jimpjega lill-ħaddiem sabiex jiġu koperti, mhux bżonnijiet provviżorji, eċċezzjonali jew urġenti ta’ min iħaddem, iżda fir-realtà bżonnijiet “permanenti u fit-tul”, it-tnaqqis tal-protezzjoni ggarantita hija marbuta mal-implementazzjoni tal-ftehim qafas u tad-Direttiva ċċitata iktar ’il fuq? Għaldaqsatant, tali tnaqqis fil-protezzjoni huwa pprojbit jew awtorizzat fir-rigward tad-dritt Komunitarju?

3)

Fil-każ ta’ risposta fil-pożittiv għall-ewwel domanda, sa fejn kienet teżisti, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 1999/70/KE, miżura ekwivalenti skont il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, bħad-dispożizzjoni rilevanti f’dan il-każ tal-Artikolu 8(3) tal-Liġi Nru 2112/1920, l-adozzjoni ta’ miżura leġiżlattiva minħabba l-implementazzjoni tal-ftehim qafas - bħall-Artikolu 11 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 li huwa d-dispożizzjoni rilevanti f’dan il-każ - tikkostitwixxi tnaqqis mhux aċċettabbli fis-sistema ġuridika interna tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema impjegati għal żmien determinat, skont il-klawżola 8(1) u (3) tal-ftehim qafas:

a)

meta din il-miżura leġiżlattiva ta’ implimentazzjoni tal-ftehim qafas hija applikabbli biss għall-każijiet ta’ numru ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, bl-eċċezzjoni tal-każijiet ta’ aġenti kuntrattwali li jkunu kkonkludew kuntratt wieħed biss (u mhux numru ta’ kuntratti suċċessivi) għal żmien determinat sabiex ikopru l-bżonnijiet “permanenti u fit-tul” ta’ min iħaddem, filwaqt li l-miżura legali li diġà kienet teżisti tirrigwarda l-każijiet ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat kollha, inklużi dawk li fihom il-ħaddiema kienu kkonkludew kuntratt wieħed biss għal żmien determinat, iżda li fil-fatt kellha bħala għan li tkopri permezz tas-servizzi tal-ħaddiem bżonnijiet li mhumiex provviżorji, eċċezzjonali jew urġenti, iżda fil-realtà “permanenti u fit-tul”?

b)

meta l-imsemmija miżura leġiżlattiva ta’ implimentazzjoni tal-ftehim qafas tipprevedi, bħala effett ġuridiku intiż sabiex jipproteġi lill-ħaddiema impjegati għal żmien determinat u sabiex isservi bħala prevenzjoni kontra l-abbużi, skont il-ftehim qafas, il-kwalifika mill-ġdid ex nunc tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, filwaqt li l-miżura legali li diġà kienet teżisti kienet tipprovdi l-kwalifika mill-ġdid tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti ta’ impjieg għal żmien indeterminat mid-data inizjali tal-konklużjoni tagħhom (ex tunc)?

4)

Fil-każ ta’ risposta fil-pożittiv għall-ewwel domanda, f’każ fejn kienet teżisti, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 1999/70/KE, miżura ekwivalenti skont il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, bħall-Artikolu 8(3) tal-Liġi Nru 2112/1920 li hija d-dispożizzjoni rilevanti f’dan il-każ, minn naħa, l-għażla tal-leġiżlatur Grieg li jeskludi mill-protezzjoni tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 imsemmi iktar ‘il fuq il-każijiet ta’ abbuż li fihom il-ħaddiem ikkonkluda kuntratt ta’ xogħol wieħed biss għal żmien determinat, li madankollu huwa intiż fir-realtà sabiex ikopri bżonnijiet mhux provviżorji, eċċezzjonali jew urġenti, iżda fil-realtà “permanenti u fit-tul” u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-leġiżlatur Grieg naqas milli jadotta miżura simili, speċifika għat-tali każ u effiċjenti - li toħloq effetti ġuridiċi li jipproteġu lill-ħaddiema f’tali każ ta’ abbuż u li tmur lil hinn mill-protezzjoni ġeneralment prevista, fil-każ ta’ impjieg fil-kuntest ta’ kuntratt null, permezz tad-dritt komuni tax-xogħol tas-sistema ġuridika Grieg (mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-abbuż skont il-ftehim qafas) li permezz tiegħu l-ħaddiem jista’ jitlob il-ħlas tas-salarju tiegħu kif ukoll kumpens minħabba tkeċċija, kemm jekk il-kuntratt kien validu jew le — jikkostitwixxu tnaqqis mhux aċċettabbli fis-sistema ġuridika interna tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema impjegati għal żmien determinat, skont il-klawżola 8(1) u (3) tal-ftehim qafas, b’kunsiderazzjoni tal-fatt:

a)

li l-obbligu li jitħallas is-salarju u l-kumpens, previst mid-dritt nazzjonali għal kull tip ta’ relazzjoni tax-xogħol mhuwiex intiż partikolarment sabiex jipprevjeni l-abbuż skont il-ftehim qafas, u

b)

li l-implementazzjoni tal-miżura legali ekwivalenti li diġà kienet teżisti għandha bħala effett ġuridiku r-rikonoxximent tal-kuntratt tax-xogħol wieħed biss għal żmien determinat bħala kuntratt għal żmien indeterminat?

5)

Fil-każ ta’ risposta fil-pożittiv għad-domandi preċedenti, meta tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha fid-dawl tad-Direttiva 1999/70/KE, il-qorti nazzjonali għandha twarrab id-dispożizzjonijiet inkompatibbli magħha li kienu ġew adottati minħabba l-implimentazzjoni tal-ftehim qafas, iżda li jagħtu lok għal tnaqqis fuq livell ġenerali ta’ protezzjoni fid-dritt intern tal-ħaddiema impjegati għal żmien determinat — bħad-dispożizzjonijiet tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004, li jeskludu, b’mod impliċitu iżda ċar, mill-protezzjoni tagħhom, il-każijiet ta’ abbuż li fihom il-ħaddiema kkonkludew biss kuntratt wieħed għal żmien determinat, iżda li fil-fatt kellu bħala għan li jkopri permezz tas-servizzi tal-ħaddiem bżonnijiet mhux provviżorji, eċċezzjonali jew urġenti, iżda fil-verità “permanenti u fit-tul” — u għandha tapplika minnflok dawn, id-dispożizzjonijiet tal-miżura legali ekwivalenti nazzjonali li kienu diġà jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, bħad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(3) tal-Liġi Nru 2112/1920?

6)

Meta l-qorti nazzjonali tqis li għandha tapplika - bħala prinċipju - fir-rigward ta’ kawża fuq xogħol għal żmien determinat, dispożizzjoni (f’dan il-każ, l-Artikolu 8(3) tal-Liġi Nru 2112/1920) li tikkostitwixxi miżura legali ekwivalenti skont il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas u skont liema l-konstatazzjoni li kuntratt tax-xogħol, anki jekk wieħed biss, ġie konkluż għal żmien determinat mingħajr ma ġiet iġġustifikata minn raġuni oġġettiva relatata man-natura jew mal-karatteristiċi tal-kuntratt jew tal-attività, timplika l-kwalifika mill-ġdid ta’ dan il-kuntratt bħala kuntratt għal żmien indeterminat:

a)

interpretazzjoni u implementazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-qorti nazzjonali, skont liema l-fatt li l-konklużjoni tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku kienet legalment ibbażata fuq liġi dwar ix-xogħol għal żmien determinat sabiex tkopri bżonnijiet soċjali speċjali, kumplimentari, urġenti jew provviżorji (f’dan il-każ, fuq il-Liġi Nru 3250/2004), anki meta dawn il-bżonnijiet huma fir-realtà permanenti u fit-tul, tikkostitwixxi f’kull każ raġuni oġġettiva li tiġġustifika l-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat, hija kumpatibbli mad-dritt Komunitarju?

b)

id-dritt Komunitarju jipprekludi interpretazzjoni u implementazzjoni tad-dritt nazzjonali min-naħa tal-qorti nazzjonali, li permezz tagħha dispożizzjoni li tipprojbixxi l-bdil ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi fis-settur pubbliku f’kuntratti tal-impjieg għal żmien indeterminat għandu jiġi interpretat fis-sens li fis-settur pubbliku, il-bidla ta’ kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat hija totalment projbita, anki meta dan il-kuntratt ġie konkluż għal żmien determinat b’mod abbużiv (jiġifieri meta l-bżonnijiet li ġew sodisfatti kienu fir-realtà permanenti u fit-tul), u li f’tali każ, il-qorti nazzjonali ma tistax tevalwa n-natura reali tar-relazzjoni ta’ xogħol ikkontestata sabiex tikkwalifikaha korrettement bħala kuntratt għal żmien indeterminat? Jew il-projbizzjoni msemmija iktar ‘il fuq għandha tkun limitata biss għall-kuntratti għal żmien determinat li ġew realment konklużi sabiex ikopru bżonnijiet provviżorji, mhux previsti, urġenti, eċċezzjonali jew simili, bl-eċċezzjoni ta’ kuntratti konklużi sabiex ikopru bżonnijiet li huma fil-fatt permanenti u fit-tul?

B — Kawża C-379/07

34.

Fil-kawża C-379/07, b’digriet tal-20 ta’ Lulju 2007, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

1)

Il-klawżola 5 u l-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, li jagħmel parti mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368) għandhom jiġu interpretati fis-sens li d-dritt Komunitarju jipprekludi (għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-imsemmi ftehim qafas) l-adozzjoni mill-Istat Membru ta’ miżuri, meta:

a)

qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, tkun teżisti diġà, fis-sistema ġuridika interna, miżura legali ekwivalenti, skont il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas?

b)

il-miżuri adottati għall-implementazzjoni tal-ftehim qafas iwasslu għal tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema impjegati għal żmien determinat?

2)

F'każ ta’ risposta fil-pożittiv għall-ewwel domanda, sa fejn qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 1999/70/KE kienet teżisti, fis-sistema legali nazzjonali, miżura ekwivalenti skont il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, bħall-Artikolu 8(3) tal-Liġi Nru 2112/1920 in kwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkunsidrat li l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv sabiex jiġi implimentat il-ftehim qafas - bħall-Artikolu 11 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004, in kwistjoni fil-kawża prinċipali - tikkostitwixxi tnaqqis inaċċettabbli fis-sistema legali nazzjonali tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema impjegati għal żmien determinat, skont il-Klawżola 8(1) u (3) tal-ftehim qafas:

a)

meta l-imsemmija miżura leġiżlattiva ta’ implimentazzjoni tal-ftehim qafas tiġi adottata wara li jkun skada t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70/KE, iżda li ratione temporis tapplika biss għall-kuntratti u għar-relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat li kienu validi qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżura jew li kienu skadew f’perijodu determinat qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżura, iżda wara d-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva, filwaqt li l-applikazzzjoni tal-miżura legali ekwivalenti li kienet diġà teżisti ma tkunx limitata fiż-żmien u tkun tirrigwarda l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat kollha konlużi, validi jew li jkunu skadew, meta daħlet fis-seħħ id-Direttiva u meta jkun skada t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha?

b)

meta fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija miżura leġiżlattiva jidħlu biss il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien determinat li, sabiex jitqiesu bħala suċċessivi, għandhom b’mod kumulattiv: i) ma jkunux separati minn intervalli li jeċċedu t-tliet xhur u ii) jkollhom terminu totali ta’ mill-inqas erba’ u għoxrin xahar qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżura msemmija, indipendentement min-numru ta’ tiġdidiet kuntrattwali, jew li kellhom, qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżura msemmija terminu ta’ mill-inqas tmintax-il xahar fuq total ta’ erba’ u għoxrin, bil-kundizzjoni li l-kuntratt ikun iġġedded mill-inqas tliet darbiet, minbarra l-kuntratt inizjali, filwaqt li l-miżura legali ekwivalenti li kienet diġà teżisti ma tkunx timponi tali kundizzjonijiet iżda tapplika għall-kuntratti ta’ impjieg kollha (suċċessivi) għal żmien determinat, indipendentement mit-tul ta’ żmien minimu ta’ impjieg u min-numru minimu ta’ tiġdidiet?

ċ)

meta l-imsemmija miżura leġiżlattiva li timplimenta l-ftehim qafas toħloq, sabiex tipproteġi lill-ħaddiema impjegati għal żmien determinat u sabiex tipprevjeni l-abbuż skont il-ftehim qafas, il-konsegwenza legali li l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat jiġu kkwalifikati bħala kuntratt għal żmien indeterminat ex nunc, filwaqt li l-miżura legali ekwivalenti li kienet diġà teżisti tipprevedi li din il-kwalifika mill-ġdid għandha ssir b’mod retroattiv (ex tunc)?

3)

F’każ ta’ risposta fil-pożittiv għall-ewwel domanda, sa fejn qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 1999/70/KE kienet teżisti miżura ekwivalenti skont il-Klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, bħad-dispożizzjoni rilevanti f’dan il-każ tal-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920, għandu jiġi kkunsidrat li l-adozzjoni ta’ miżura leġiżlattiva għall-implementazzjoni tal-ftehim qafas bħad-dispożizzjoni rilevanti f’dan il-każ tal-Artikolu 7 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 - li bħala l-unika protezzjoni kontra l-abbuż tal-ħaddiema impjegati għal żmien determinat timponi fuq min iħaddem l-obbligu li jħallas il-pagi u indennizz għat-tkeċċija mix-xogħol, f’każ ta’ impjieg abbużiv permezz ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi - tikkostitwixxi tnaqqis inaċċettabbli, fis-sistema legali interna, tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema impjegati għal żmien determinat, skont il-Klawżola 8(1) u (3) tal-ftehim qafas, fid-dawl tal-fatt:

a)

li l-obbligu ta’ min iħaddem li jħallas il-pagi u indennizz għat-tkeċċija mix-xogħol huwa previst mid-dritt nazzjonali għall-każijiet kollha ta’ relazzjoni ta’ xogħol u mhuwiex speċifikatament intiż sabiex jipprevjeni l-abbuż fis-sens tal-ftehim qafas; u

b)

li l-applikazzjoni tal-miżura legali ekwivalenti li kienet diġà teżisti għandha bħala konsegwenza legali li l-kuntratti ta’ impjieg suċċessivi għal żmien determinat jiġu kkwalifikati bħala kuntratt għal żmien indeterminat?

4)

Fil-każ ta’ risposta fil-pożittiv għad-domandi preċedenti, meta tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha fid-dawl tad-Direttiva 1999/70/KE, il-Qorti nazzjonali għandha teskludi d-dispożizzjonijiet li ma jkunux kumpatibbli mad-Direttiva li jkunu ġew adottati minħabba l-implimentazzjoni tal-ftehim qafas, iżda li jwasslu għal tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni fid-dritt nazzjonali tal-ħaddiema impjegati għal żmien determinat - bħad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7 u 11 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 - u tapplika, minflok dawn, id-dispożizzjonijiet tal-miżura legali ekwivalenti nazzjonali li kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, bħad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(3) tal-Liġi Nru 2112/1920?

5)

Meta l-qorti nazzjonali kompetenti tiddeċiedi li, bħala prinċipju, f’dak li jirrigwarda impjiegi għal żmien determinat, tkun applikabbli, dispożizzjoni (f’dan il-każ l-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920) li tikkostitwixxi miżura legali ekwivalenti skont il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas u abbażi ta’ liema l-konstatazzjoni li xi kuntratti ta’ xogħol ġew konklużi għal żmien determinat mingħajr ma jkunu ġġustifikati minn xi raġuni oġġettiva li tirrigwarda n-natura jew il-karatteristiċi tal-kuntratt jew l-attività, jimplika l-kwalifikazzjoni ta’ dan il-kuntratt bħala kuntratt għal żmien indeterminat:

a)

interpretazzjoni u implimentazzjoni tad-dritt nazzjonali mill-qorti nazzjonali, bis-saħħa ta’ liema l-fatt li l-konklużjoni tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku kienet legalment ibbażata fuq liġi li tirrigwarda l-impjieg għal żmien determinat sabiex jiġu koperti bżonnijiet soċjali speċjali, kumplimentari, urġenti jew provviżorji, anki meta dawn il-bżonnijiet ikunu fir-realità “permanenti u dewwiema”, jikkostitwixxu f’kull każ raġuni oġġettiva li tiġġustifika l-konklużjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat, hija kumpatibbli mad-dritt Komunitarju?

b)

id-dritt Komunitarju jipprekludi interpretazzjoni u implimentazzjoni tad-dritt nazzjonali min-naħa tal-qorti nazzjonali, bis-saħħa ta’ liema dispożizzjoni li tipprojbixxi li kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi fis-settur pubbliku jinbidlu f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat għandha tiġi interpretata fis-sens li fis-settur pubbliku, it-tibdil ta’ kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat hija totalment ipprojbita, anki meta dan il-kuntratt ikun ġie konkluż għal żmien determinat b’mod abbużiv (jiġifieri meta l-bżonnijiet li ġew sodisfatti kienu fir-realtà permanenti u dewwiema), u li f’tali każ, il-qorti nazzjonali ma tistax tevalwa iktar in-natura reali tar-relazzjoni ta’ xogħol ikkontestata sabiex tipproċedi għall-kwalifika korretta tagħha bħala kuntratt għal żmien indeterminat? Jew inkella, il-projbizzjoni msemmija iktar ‘il fuq għandha tillimita ruħa biss għall-kuntratti għal żmien determinat li jkunu ġew realment konklużi sabiex ikopru bżonnijiet proviżorji, mhux previsti, urġenti, eċċezzjonali jew simili, bl-eċċezzjoni tal-kuntratti konklużi sabiex ikopru bżonnijiet li fil-fatt huma permanenti u dewwiema?

C — Kawża C-380/07

35.

Fil-kawża C-380/07, b’digriet tat-23 ta’ Lulju 2007, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-istess domandi preliminari bħal dawk li saru fil-kawża C-379/08 ( 31 ).

D — Proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

36.

Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 2007, ġew magħquda flimkien, għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza, il-kawżi C-378/07, C-379/07 u C-380/07.

37.

Ir-rikorrenti fit-tliet kawżi prinċipali, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u oralment quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-konvenuti fit-tliet kawżi prinċipali, kif ukoll il-Gvern Taljan ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

V — Ammissibbiltà tad-domandi għal deċiżjonijiet preliminari

38.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ wħud mill-parteċipanti fil-proċedura, ġew espressi dubji dwar l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari.

A — Fuq id-dibattitu ġenerali dwar il-liġi Griega

39.

Id-dibattitu jaħraq dwar l-applikabbiltà u l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali Grieg u b’mod partikolari tal-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920, wassal lill-gvern Grieg sabiex iqiegħed indiskussjoni l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari.

40.

Aħna ma naqblux ma’ dawn id-dubji. Id-deskrizzjoni tal-kuntest ġuridiku nazzjonali fid-digrieti tar-rinviju hija ċara biżżejjed sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi b’mod utli. Sabiex tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha sempliċement tibbaża fuq l-informazzjoni dwar id-dritt nazzjonali mogħtija mill-qorti tar-rinviju, għaliex m’huwiex fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali u li tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju hijiex korretta ( 32 ).

B — Fuq l-assenza ta’ pluralità ta’ kuntratti għal żmien determinat fil-kawża C-378/07

41.

Barra minn hekk, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni jenfasizzaw li l-kawża C-378/07 tirrigwarda biss kuntratti singolari għal żmien determinat, filwaqt li l-ftehim qafas jittratta l-abbuż li jirriżulta minn kuntratti suċċessivi għal żmien determinat. B’hekk, it-tnejn li huma jiddubitaw l-utilità li tingħata risposta għad-domandi preliminari tal-kawża C-378/07 jew mill-inqas ta’ parti minnhom.

42.

Dawn id-dubji huma wkoll infondati. Effettivament, ma jistax jiġi injorat il-fatt li d-domandi preliminari tal-kawża C-378/07, bl-istess mod bħal dawk fiż-żewġ kawżi l-oħrajn, saru fid-dawl tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni (klawżola 8(3) tal-ftehim qafas). Ma jirriżultax b’ċertezza, la mill-ftehim qafas, u lanqas mill-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, li dik il-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni tapplika biss għal relazzjonijiet multipli ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat. F’dan il-kuntest, id-domandi preliminari fil-kawża C-378/07 bl-ebda mod ma jidhru li huma manifestament irrelevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża principali. F’tali każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta li tirrispondi għad-domandi li sarulha u li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju ( 33 ).

C — Fuq l-inapplikabbiltà tad-dispożizzjoni tranżitorja Griega (l-Artikolu 11 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004) fil-kawżi C-379/07 u C-380/07

43.

Finalment, il-Gvern Taljan iqis lit-tieni domanda preliminari fil-kawżi C-379/07 u C-380/07 bħala ipotetika u, għaldaqstant, inammissibbli. Sabiex jissostanzja din il-fehma, huwa jissottometti li l-possibbiltà mogħtija mid-dispożizzjoni tranżitorja tal-Artikolu 11 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jinbidlu f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat m’hijiex materjalment applikabbli għall-proċeduri fil-kawża prinċipali.

44.

Lanqas din il-pożizzjoni ma tikkonvinċini. Huwa minnu li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-kawżi C-379/07 u C-380/07 ma jidhrux li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dispożizzjoni tranżitorja tal-Artikolu 11 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004; madankollu, it-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju f’dawk iż-żewġ kawżi hija mmirata preċiżament biex tiddetermina jekk kienx leċitu li jiġu esklużi ħaddiema bħar-rikorrenti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tranżitorja. Għaldaqstant għandu jiġi stabbilit jekk ir-rikorrenti jistgħux jibbenefikaw ukoll, skont id-dritt Komunitarju, mid-dispożizzjoni tranżitorja, b’mod li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat tagħhom ikunu jistgħu jinbidlu f’kuntratti għal żmien indeterminat.

D — Konklużjoni preliminari

45.

Minn dan jirriżulta li t-tliet talbiet għal deċiżjonijiet preliminari huma ammissibbli fl-intier tagħhom.

VI — Evalwazzjoni tal-kontenut tad-domandi preliminari

46.

Permezz tal-elenku ta’ domandi twal u dettaljati, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik Griega hijiex konformi mal-ftehim qafas dwar il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat. B’mod partikolari, il-Monomeles Protodikeio Rethymnis tixtieq tkun taf jekk — meta jitwarrab id-dritt nazzjonali preċedenti, jiġifieri l-possibbiltà mogħtija mill-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920 li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jinbidlu jew jiġu kkwalifikati f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat — id-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 dwar is-settur pubbliku jmurx kontra l-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni tal-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas.

47.

Għal dan il-għan, id-domanda għal deċiżjoni preliminari tistabbilixxi l-premessa li l-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920 kien għadu fis-seħħ meta saret it-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70, li dan kien effettivament japplika kemm għas-settur privat kif ukoll għas-settur pubbliku ( 34 ) u li abbażi tiegħu kien possibbli li kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jinbidlu jew jiġu kkwalifikati f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat. Dawn l-elementi kollha huma ferm ikkontestati bejn il-partijiet. Madankollu, kif diġà ġie enfasizzat, f’dak li jirrigwarda d-dritt nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tibbaża biss fuq dak li ġie kkomunikat lilha mill-qorti tar-rinviju ( 35 ). Barra minn hekk, fil-proposta tiegħi ta’ risposta għad-diversi domandi preliminari, inqisu li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Monomeles Protodikeio Rethymnis dwar il-portata u l-kontenut tal-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920 hija korretta.

48.

Għall-finijiet ta’ simplifikazzjoni, nipproponu li r-risposti għad-domandi preliminari ma jingħatawx fl-ordni magħżula mill-qorti nazzjonali, iżda li dawn jiġu miġbura u mqassra skont approċċ tematiku. Ser nibdew bid-domandi li b’mod ġenerali jirrigwardaw il-portata tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni kif ukoll id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “miżuri ekwivalenti legali” (ara iktar ’il quddiem, il-parti A); sussegwentement ser niffokaw fuq id-domandi dwar il-kumpatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni bħal dik Griega mal-ftehim qafas (ara iktar ’il quddiem, il-parti B), qabel ma nindirizzaw il-konsegwenzi ta’ eventwali ksur tal-ftehim qafas (ara iktar ’il quddiem, il-parti C).

A — Id-domandi preliminari dwar il-portata tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni u d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “miżuri ekwivalenti legali”

49.

Il-portata tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni u d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “miżuri ekwivalenti legali” huma s-suġġett tal-ewwel żewġ domandi fil-kawża C-378/07, kif ukoll tal-ewwel domanda fil-kawżi C-379/07 u C-380/07; dawn id-domandi ser jiġu indirizzati flimkien iktar ’il quddiem.

1. Is-setgħa diskrezzjonali li għandhom l-Istati Membri fit-traspożizzjoni, meta jkun hemm “miżura ekwivalenti legali”

50.

Il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas teħtieġ li l-Istati Membri jintroduċu ċerti miżuri ta’ prevenzjoni ta’ abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, “meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż”.

51.

F’dan ir-rigward, essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf x’setgħa diskrezzjonali għandu Stat Membru meta jittrasponi d-Direttiva 1999/70, jekk id-dritt nazzjonali tiegħu diġà jkun fih miżuri ekwivalenti legali. Din id-domanda tirriżulta mill-ipoteżi tal-qorti nazzjonali li l-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920 għandu jitqies bħala miżura ekwivalenti legali — ipoteżi kontroversjali li fuqha madankollu hija bbażata d-domanda għal deċiżjoni preliminari kollha.

a) Il-kunċett ta’ miżura ekwivalenti legali

52.

Il-ftehim qafas ma jagħti ebda definizzjoni ta’ miżura ekwivalenti legali. Għaldaqstant, fil-prinċipju din tista’ tkun kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali. Mill-għan tal-ftehim qafas, li huwa l-prevenzjoni ta’ abbużi kkawżati mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, jirriżulta biss li din għandha tkun dispożizzjoni li tipparteċipa b’mod effettiv fil-prevenzjoni tal-abbuż ( 36 ).

53.

Sabiex tkun tista’ tiġi rrikonoxxuta bħala miżura ekwivalenti legali, m’huwiex neċessarju li dispożizzjoni nazzjonali tkun ġiet adottata b’mod speċifiku bil-għan ta’ prevenzjoni tal-abbuż, u lanqas li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jkun limitat għal kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat. B’mod kuntrarju, huwa biżżejjed li l-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tad-dispożizzjoni jkunu ta’ mill-inqas jistgħu jikkontribwixxu għal prevenzjoni effettiva tal-użu abbużiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat.

54.

B’hekk, is-sempliċi fatt li dispożizzjoni, bħall-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920, ma jagħmel ebda distinzjoni bejn, minn naħa waħda, kuntratt singolari għal żmien determinat u, min-naħa l-oħra, kuntratti suċċessivi ta’ diversi termini determinati għal relazzjoni ta’ xogħol, iżda tista’ tapplika sa mill-ewwel żmien determinat, ma jipprekludix il-kwalifikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni bħala miżura ekwivalenti legali skont il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas. L-uniku element deċiżiv huwa, kif diġà ntqal, li d-dispożizzjoni tista’ tikkontribwixxi, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut tagħha, għal prevenzjoni effettiva tal-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat.

55.

Din l-evalwazzjoni taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali skont il-fatti ta’ kull każ. Il-qorti tar-rinviju b’hekk tkun ikkonfrontata bl-evalwazzjonijiet estremament kontradittorji li ġew sottomessi matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja: filwaqt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkunsidraw li l-possibbiltà li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jinbidlu jew jiġu kkwalifikati f’kuntratti għal żmien indeterminat toħloq effett disważiv, il-Gvern Grieg jiċħad li jeżisti tali effett għas-settur pubbliku; huwa jsostni li l-piżijiet finanzjarji ta’ tali bidla ta’ kuntratti ta’ xogħol jaqgħu fuq l-awtorità u, għaldaqstant li — kuntrarjament għal dak li jseħħ fis-settur privat — dawn ma jinħassux minn persuna li tħaddem speċifika.

b) Is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri matul l-implementazzjoni

56.

Meta jkunu jeżistu miżuri ekwivalenti legali li jipprevjenu l-abbuż, l-Istati Membri ma jitilfux is-setgħa diskrezzjonali tagħhom kollha meta jimplementaw id-Direttiva. Fil-fatt, il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas m’għandhiex tinftiehem fis-sens li d-dritt nazzjonali dwar ix-xogħol jiġi ffriżat fl-istat li jkun u ma tistax tiġi emendata ulterjorment. Din il-miżura fil-fatt sempliċement tippreċiża li fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70, l-Istati Membri m’għandhomx bżonn jadottaw miżuri ġodda għall-prevenzjoni tal-abbuż, jekk id-dritt nazzjonali eżistenti diġà jkun jippermetti prevenzjoni effettiva tal-abbuż. Għaldaqstant huwa fis-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri li għal dan il-għan jirrikorru għal waħda jew iktar mill-miżuri msemmija f’din il-klawżola, jew inkella għal miżuri legali eżistenti ekwivalenti ( 37 ).

57.

L-Istati Membri huma liberi wkoll li jkomplu jadottaw miżuri dwar ix-xogħol għal żmien determinat, kemm-il darba dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tad-dritt Komunitarju. Anki organizzazzjoni mill-ġdid sħiħa tad-dritt nazzjonali tax-xogħol għal żmien determinat hija possibbli, bil-kundizzjoni, minn naħa waħda, li din tippermetti prevenzjoni effettiva tal-abbuż (klawżola 1(b), flimkien mal-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas) u, min-naħa l-oħra, li la jkun hemm ksur tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni (klawżola 8(3) tal-ftehim qafas) ( 38 ), u lanqas tad-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Komunitarju ( 39 ).

c) Konklużjoni preliminari

58.

Bħala sinteżi, għandu jiġi konkluż skont kif ġej.

Anki jekk id-dritt nazzjonali diġà jkollu miżuri legali ekwivalenti għall-prevenzjoni tal-abbuż skont il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas dwar il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat anness mad-Direttiva 1999/70, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jadottaw miżuri dwar ix-xogħol għal żmien determinat, kemm-il darba dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tad-dritt Komunitarju.

2. Il-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni

59.

Skont il-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas, l-implementazzjoni ta’ dan tal-aħħar m’għandhiex tikkostitwixxi ġustifikazzjoni valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema fil-qasam tal-ftehim qafas. Din il-projbizzjoni hija komunement imsejħa l-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni ( 40 ).

a) Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni

60.

Permezz tat-tieni domanda tagħha fil-kawża C-378/07, b’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk il-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni tipproteġix lill-ħaddiema biss fil-każ ta’ limitazzjoni ripetuta u abbużiva tar-relazzjonijiet ta’ xogħol jew jekk din tapplikax ukoll jekk ikun hemm tnaqqis tal-livell ta’ protezzjoni tal-ħaddiem fil-każ tal-ewwel jew l-unika limitazzjoni tat-terminu ta’ relazzjoni ta’ xogħol. Din id-domanda qed issir f’kuntest fejn l-ewwel jew l-unika limitazzjoni tat-terminu ta’ kuntratti ta’ xogħol ma tkunx tidher li taqa’ taħt il-kamp ta’ protezzjoni tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004.

61.

Il-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni tipprojbixxi tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim qafas, liema kamp ta’ applikazzjoni huwa ddefinit mill-klawżola 2 tal-ftehim qafas. Skont il-klawżola 2(1) il-ftehim qafas japplika għall-ħaddiema għal żmien determinat li għandhom kuntratt ta’ xogħol jew relazzjoni ta’ xogħol kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru. Restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni fis-sens li l-ftehim qafas japplika biss għall-ħaddiema li jinsabu f’relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol, la tirriżulta mill-punt 1 u lanqas mill-punt 2 tal-klawżola 2. Tali restrizzjoni lanqas ma tirriżulta mid-definizzjoni ta’ ħaddiem għal żmien determinat fil-klawżola 3(1) tal-ftehim qafas.

62.

Ċertament, id-dispożizzjoni tal-klawżola 5(1) (flimkien mal-klawżola 1(b)) tal-ftehim qafas, b’mod partikolari, sempliċement tobbliga lill-Istati Membri jieħdu miżuri konkreti sabiex jipprevjenu l-abbużi kkważati mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat ( 41 ). Madankollu, dan bl-ebda mod ma jfisser li d-dispożizzjonijiet l-oħra kollha tal-ftehim qafas, b’mod partikolari l-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni li tinsab fil-klawżola 8(3) jittrattaw biss dwar kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat. Dan huwa evidenti prima facie mid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione personae tal-ftehim qafas, fil-klawżola 2(1) u 3(1) tiegħu.

63.

Ma tistax tiġi adottata interpretazzjoni restrittiva tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim qafas, b’mod ġenerali, u lanqas b’mod iktar speċifiku tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni ( 42 ). Fil-fatt, il-ftehim qafas huwa intiż bħala kontribuzzjoni lejn bilanċ aħjar bejn il-flessibiltà fil-ħin tax-xogħol u sigurtà għall-ħaddiema ( 43 ). Isegwi wkoll għanijiet fundamentali tal-politika soċjali tal-Komunità, kif stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikolu 136(1) KE, jiġifieri t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol u l-garanzija ta’ ħarsien soċjali adegwat. Dawn l-istess għanijiet jinsabu wkoll fil-preambolu tat-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea ( 44 ) u f’dak tat-Trattat KE ( 45 ), kif ukoll fil-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali ( 46 ) u fil-Karta Soċjali Ewropea ( 47 ). Dawn jimmilitaw favur interpretazzjoni kemm jista’ jkun wiesgħa tal-prinċipji u l-projbizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim qafas.

64.

F’dan il-kuntest, il-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni għandha tapplika, anki meta Stat Membru jiddeċiedi li jimmodifika s-sistema tiegħu ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, li sa dak il-punt tkun iktar favorevoli, għal-livell minimu ta’ protezzjoni meħtieġ b’mod obbligatorju mill-ftehim qafas. Fil-fatt, kull riduzzjoni tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat li jkun jeżisti fi Stat Membru għandha tosserva l-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas.

65.

B’hekk, jekk id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru jipproteġi lill- ħaddiema mhux biss fil-każ ta’ diversi kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, iżda wkoll fil-każ tal-ewwel jew l-unika limitazzjoni ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol, il-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni tal-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas testendi wkoll għal dik il-protezzjoni ( 48 ).

66.

Għandu jiġi osservat ukoll, għall-finijiet ta’ kompletezza, li l-applikazzjoni tal-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas m’hijiex limitata biss għal riduzzjoni tal-livell ta’ protezzjoni impliċita għal “miżuri ekwivalenti legali” skont il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas. Għalkemm il-qorti tar-rinviju u ċerti partijiet jidhru li qed jallegaw tali rabta, la l-formulazzjoni, la l-għan, u lanqas l-ispirtu tal-klawżola 8(3) ma jindikaw tali restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni rationae materiae tagħha. B’mod kuntrarju, huwa l-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat previst mid-dritt nazzjonali li jista’ jiġi evalwat fir-rigward tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni, u dan, irrispettivament minn jekk dan il-livell ikunx superjuri jew inferjuri għal dak li huwa meħtieġ minn miżura ekwivalenti legali ta’ prevenzjoni ta’ abbuż fis-sens tal-klawżola 5(1).

b) Il-portata tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni

67.

Madankollu, b’kuntrast mal-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ rationae materiae — kif deskritt iktar ’il fuq ( 49 ) — tal-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas, il-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni huwa relattivament żgħir. Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni tillimita ruħha sabiex tiddikjara li l-implementazzjoni tal-ftehim qafas ma tistax tiġġustifika tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema. Minn dan jirriżultaw żewġ konsegwenzi.

68.

Fl-ewwel lok, il-ftehim qafas ma jipprekludix tnaqqis bħala tali tal-livell ta’ protezzjoni ggarantit lill-ħaddiema f’dak li jirrigwarda l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat; b’mod kuntrarju, tali tnaqqis jibqa’ leċitu, jekk dan ma jkunx marbut mal-implementazzjoni ta’ dan il-ftehim qafas ( 50 ). B’hekk, il-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni tal-klawżola 8(3) ma tikkostitwixxix klawżola ta’ “stand-still” li tipprojbixxi b’mod assolut it-tnaqqis tal-livell ta’ protezzjoni li jkun jeżisti taħt id-dritt nazzjonali fil-mument tal-implementazzjoni tad-Direttiva 1999/70. B’mod kuntrarju, l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali jibqgħu liberi li jadottaw il-miżuri leġiżlattivi jew il-ftehimiet kollettivi tagħhom fil-qasam tal-liġi tax-xogħol għal żmien determinat; dawk il-miżuri għandhom biss jiġu adottati indipendentement mill-implementazzjoni tal-ftehim qafas, b’mod trasparenti u kjarament m’għandhomx jinvolvu ksur ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji oħra, u lanqas, b’mod partikolari, tnaqqis mil-livell minimu ta’ protezzjoni stabbilit mill-ftehim qafas ( 51 ).

69.

Fit-tieni lok, il-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni tal-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas hija relatata unikament ma’ tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fil-kuntest tax-xogħol għal żmien determinat. B’hekk, il-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni ma tipprekludix it-tneħħija jew il-mitigazzjoni ta’ miżura speċifika ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, ħlief jekk dik it-tneħħija jew mitigazzjoni jkunu jwasslu għal tnaqqis ġenerali tal-livell tal-ħaddiema għal żmien determinat. Ma jistax jiġi eskluż li miżura li tillimita l-protezzjoni tal-ħaddiema jkollha biss effett negliġibbli fuq il-livell ġenerali ta’ protezzjoni meta din tkun akkumpanjata b’miżuri oħrajn li jtejbu l-protezzjoni tal-ħaddiema u li jikkumpensaw għaliha, b’mod li globalment, ma jkunx hemm tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni.

70.

Jekk dawn il-kunsiderazzjonijiet jiġu applikati għal kawża bħal dik inkwistjoni, għandu jiġi osservat dan li ġej.

71.

Meta titqies l-informazzjoni disponibbli f’din il-kawża dwar il-kuntest ġuridiku nazzjonali, m’huwiex possibbli li jiġi stabbilit b’ċertezza jekk it-tneħħija tal-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920 għas-settur pubbliku kinitx diġà seħħet qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 jew biss fl-okkażjoni ta’ din it-traspożizzjoni. Madankollu huwa ċert li l-liġi Nru 2190/1994 applikabbli għas-settur pubbliku Grieg kienet diġà stabbilixxiet projbizzjoni li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jinbidlu f’kuntratti għal żmien indeterminat ( 52 ). Dan l-element donnu jindika li tal-anqas kienet diġà tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-abrogazzjoni tal-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920 għas-settur pubbliku ferm qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 1999/70 u li, għaldaqstant, din l-abrogazzjoni kienet ibbażata fuq deċiżjoni indipendenti min-naħa tal-leġiżlatur Grieg u ma kinitx konnessa mal-implementazzjoni tad-Direttiva 1999/70.

72.

F’kull każ, l-abrogazzjoni tal-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920 ma tistax titqies li tmur kontra l-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni ħlief jekk tkun tant sinifikattiva li minnha jirriżulta tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tax-xogħol għal żmien determinat. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel din l-evalwazzjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali trid tiddeċiedi wkoll dwar il-kwistjoni jekk kienx hemm miżuri oħra li jtejbu l-protezzjoni tal-ħaddiema li kkumpensaw għall-abrogazzjoni tal-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920 ( 53 ).

73.

F’dan il-kuntest, m’huwiex importanti li ċerti emendi fil-liġi Griega li huma s-suġġett ta’ kontroversja bejn il-partijiet — b’mod partikolari l-adozzjoni tal-Artikolu 103(8) ġdid tal-Kostituzzjoni Griega — saru fit-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 ( 54 ). Għalkemm l-Istati Membri għandhom jastjenu milli jikkompromettu serjament il-kisba tar-riżultat mixtieq minn Direttiva matul it-terminu ta’ traspożizzjoni tagħha ( 55 ), din il-projbizzjoni milli jiġu ppreġudikati l-għanijiet ta’ Direttiva ma tagħtix lok għal rekwiżiti iktar stretti minn dawk li diġà jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-ftehim qafas stess, b’mod partikolari tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni.

c) Konklużjoni preliminari

74.

Bħala sinteżi, għandu jiġi konkluż skont kif ġej.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni li jirriżulta mill-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas dwar il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat mhuwiex limitat għall-protezzjoni tal-ħaddiema kontra l-abbuż ikkawżat minn kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat. Dispożizzjoni nazzjonali li tillimita ruħha sabiex tabroga jew iddgħajjef miżura speċifika ta’ protezzjoni tal-ħaddiema ma taqax taħt il-projbizzjoni tal-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas dwar il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, ħlief jekk tkun twassal għal tnaqqis globali tal-livell ġenerali tal-protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat.

B — Id-domandi preliminari dwar il-kumpatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni bħal dik Griega mal-ftehim qafas

75.

Id-domandi preliminari msemmija iktar ’il quddiem (it-tielet, ir-raba’ u s-sitt domandi tal-kawża C-378/07 u t-tieni, it-tielet u l-ħames domandi tal-kawżi C-379/07 u C-380/07) jirrigwardaw b’mod konkret il-kumpatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni bħad-Digriet Presidenzjali Grieg Nru 164/2004 mal-ftehim qafas.

1. Il-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni fil-perspettiva tas-sanzjonijiet għal limitazzjoni abbużiva tat-tul tar-relazzjonijiet ta’ xogħol

76.

Permezz tat-tielet u r-raba’ domandi tagħha fil-kawża C-378/07 u t-tieni u t-tielet domandi fil-kawżi C-379/07 u C-380/07, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk emenda tal-liġi bħal dik li saret fil-Greċja għas-settur pubbliku tmurx kontra l-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas. B’dan il-mod, il-qorti tar-rinviju qed tfittex paragun bejn il-livelli rispettivi ta’ protezzjoni tal-ħaddiema li jeżistu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-digriet Nru 164/2004 u fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920.

77.

Finalment, il-kwistjoni hija dwar jekk il-leġiżlatur Grieg kisirx il-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni, meta neħħa l-possibbiltà inizjali fis-settur pubbliku li kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jiġu kkwalifikati mill-ġdid b’effett retroattiv f’kuntratti għal żmien indeterminat, jew meta żamm biss din il-possibbiltà — għall-kuntratti l-qodma — taħt kundizzjonijiet ferm restrittivi u mingħajr effett retroattiv (Artikoli 5 sa 7 u 11 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004). Barra minn hekk, il-kawża C-378/07 tqajjem b’mod speċifiku l-kwistjoni dwar jekk il-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni tistax tipprekludi lil-leġiżlatur Grieg milli jeskludi totalment mill-kamp ta’ protezzjoni tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 il-kuntratti singoli jew inizjali għal żmien determinat.

78.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu pożizzjoni definittiva fuq dawn il-kwistjonijiet, peress li dan jeħtieġ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali, li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-qorti nazzjonali ( 56 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tista’ tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha li huma utli għall-interpretazzjoni tal-klawżola Komunitarja ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni u tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-ftehim qafas ( 57 ).

79.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-emendi tal-liġi Griega inkwistjoni permezz tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 jikkonċernaw biss miżura speċifika ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat, jiġifieri l-possibbiltà li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jinbidlu jew jiġu kkwalifikati mill-ġdid f’kuntratti għal żmien indeterminat.

80.

Madankollu, kif diġà ġie nnotat ( 58 ), il-kwistjoni ta’ tnaqqis fis-sens tal-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas tinqala’ biss meta emenda tad-dispożizzjonijiet applikabbli jkollha bħala konsegwenza tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema f’dak li jirrigwarda x-xogħol għal żmien determinat. Min-naħa l-oħra, il-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni ma tipprekludix it-tneħħija jew id-dgħajfien ta’ miżura speċifika ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat, ħlief jekk din il-miżura tkun twassal għal tnaqqis ġenerali fil-livell ta’ protezzjoni tal-ħaddiema.

81.

Huwa minnu li d-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 jillimita bis-saħħa, jew saħansitra jelimina totalment għall-futur, il-possibbiltà li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat jinbidlu f’kuntratti għal żmien indeterminat. Barra minn hekk, kif tqis il-qorti nazzjonali, m’hemmx iktar sanzjonijiet ekwivalenti għat-trasformazzjoni. B’mod partikolari, skont il-qorti tar-rinviju, il-ħlas tas-salarji u ta’ kumpens għat-tkeċċija (Artikolu 7 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004) huwa dejjem previst, indipendentement minn jekk ikunx hemm abbuż, u ma jikkostitwixxix sanzjoni speċifika tal-abbuż. Fuq bażi kumplimentari, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jgħidu wkoll li fil-Greċja, anki l-proċeduri penali jew dixxiplinarji kontra persuna responsabbli għall-abbuż m’għandhom kważi ebda relevanza fil-prattika.

82.

Fil-konfront ta’ tali sitwazzjoni, għandu jiġi konkluż li wara d-dħul fis-seħħ tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004, id-dritt nazzjonali jimponi, għal każijiet ta’ abbuż tax-xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku, sanzjonijiet li huma inqas effettivi minn dawk li kienu fis-seħħ taħt is-sitwazzjoni legali preċedenti, kif deskritta mill-qorti tar-rinviju.

83.

Għaldaqstant, f’dan il-każ, dan mhux neċessarjament jikkonsisti fi tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, kif imsemmi fil-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat.

84.

Fil-fatt, minn naħa waħda, ir-riforma li ddaħħlet permezz tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 ma tikkonċernax, b’mod ġenerali, lill-ħaddiema għal żmien determinat fil-Greċja, iżda biss lil kategorija preċiża fosthom, jiġifieri l-ħaddiema għal żmien determinat fis-settur pubbliku Grieg. B’mod speċifiku fir-rigward tal-kawża C-378/07, f’dak li jirrigwarda l-esklużjoni tal-ewwel jew l-uniċi kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat mill-protezzjoni tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004, sottokategorija ta’ xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku waħda biss hija kkonċernata minn din il-miżura. Dan is-sempliċi fatt jindika n-nuqqas ta’ tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat.

85.

Min-naħa l-oħra, dgħajfien tas-sanzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali jista’ jkun ikkumpensat minn miżuri ġodda ta’ prevenzjoni skont il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas. B’hekk, id-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 jintroduċi, fl-Artikoli 5 u 6 tiegħu, diversi miżuri ġodda ta’ prevenzjoni tal-abbuż tax-xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku: il-ħtieġa ta’ raġuni oġġettiva, tad-dispożizzjonijiet dwar it-terminu massimu awtorizzat tal-kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet fuq in-numru massimu awtorizzat ta’ tiġdidiet ta’ dawk il-kuntratti jew relazzjonijiet.

86.

Tali riforma leġiżlattiva tirrifletti spostament fil-prijoritajiet minn sanzjoni tal-abbużi lejn prevenzjoni tal-abbużi; dan mhux neċessarjament iwassal għal tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema skont il-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas. Fil-fatt, fil-ftehim qafas, l-imsieħba soċjali Ewropej stess jisħqu dwar il-prevenzjoni tal-abbuż, u dan fir-rigward tal-kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat. Xhieda ta’ dan tinstab fil-klawżola 1(b), li tirrigwarda l-istabbiliment ta’ qafas għall-prevenzjoni tal-abbużi kkawżati mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat.

87.

Mill-klawżola 5 tal-ftehim qafas, jirriżulta wkoll li f’għajnejn id-dritt Komunitarju, tingħata prijorità lill-prevenżjoni tal-abbuż; skont il-klawżola 5(1), l-Istati Membri għandhom jadottaw mill-inqas waħda mill-miżuri ta’ prevenzjoni tal-abbuż imsemmija fiha, ħlief jekk diġà jkunu jeżistu miżuri legali ekwivalenti. B’mod kuntrarju, ebda sanzjoni konkreta tal-abbuż m’hija prevista b’mod imperattiv. Anki s-sanzjoni — imsemmija espressament fil-klawżola 5(2)(b) — kontra t-trasformazzjoni ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indeterminat titħalla fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri, bl-użu tat-terminu “meta approprjat”: id-dritt nazzjonali b’hekk jista’ jipprevedi tali sanzjoni, iżda jista’ wkoll jirrikorri għal sanzjonijiet oħrajn, dejjem bil-kundizzjoni li jkunu jeżistu miżuri effettivi ta’ prevenzjoni u, jekk ikun neċessarju, ta’ ripressjoni tal-abbużi ( 59 ).

88.

Għaldaqstant, nikkunsidra li f’kawża bħal din, m’għandux jiġi neċessarjament preżunt li hemm tnaqqis fil-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat, fis-sens tal-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas.

89.

Madankollu, minkejja l-kumpatibbiltà tagħha mal-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni, kull modifika tal-protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat għandha tkun kumpatibbli wkoll mad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-ftehim qafas u mad-dritt Komunitarju kollu. B’hekk, għalkemm id- Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 ma wassalx għal tnaqqis tal-livell ġenerali tal-protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat, skont il-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas, id-dgħajfien mill-imsemmi digriet tas-sanzjonijiet għall-abbuż tax-xogħol għal żmien determinat m’għandu fl-ebda każ iwassal għal livell inferjuri minn dak meħtieġ mid-dritt Komunitarju bħala protezzjoni minima għall-ħaddiema għal żmien determinat.

90.

Għalkemm, kif semmejt, il-ftehim qafas jenfasizza, fil-klawżola 5 tiegħu, fuq il-prevenzjoni tal-abbuż, l-Istati Membri xorta jibqgħu obbligati li jipprevedu sanzjonijiet adattati għall-każ fejn fir-realtà jseħħ abbuż ( 60 ). Għalkemm, f’dan il-kuntest, huwa fil-kompetenza tal-Istati Membri jew l-imsieħba soċjali li jiddefinixxu u jorganizzaw is-sanzjonijiet speċifiċi ( 61 ), għandu jiġi żgurat li l-ksur tad-dritt Komunitarju jiġi ssanzjonat f’kundizzjonijiet, kemm sostantivi kif ukoll proċedurali, li jkunu simili għal dawk applikabbli għall-ksur tad-dritt nazzjonali, ta’ natura u ta’ importanza simili u li, f’kull każ, jagħmlu s-sanzjoni ta’ natura effettiva, proporzjonata u disważiva ( 62 ).

91.

Għaldaqstant, fil-każ ta’ abbuż, miżura li tagħti garanziji effettivi u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ħaddiema għandha tkun tista’ tiġi applikata biex dak l-abbuż jiġi debitament sanzjonat u sabiex jitneħħew il-konsegwenzi tal-ksur tad-dritt Komunitarju ( 63 ). F’dan ir-rigward, jirriżulta biss mill-ftehim qafas, b’mod partikolari mill-klawżola 5(2)(b) tiegħu, li t-trasformazzjoni ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat hija sanzjoni konċepibbli ( 64 ); madankollu, mhuwiex eskluż li jkun hemm sanzjonijiet ta’ tip ieħor.

92.

Meta tevalwa l-effettività tas-sanzjonijiet, kif ġew previsti speċifikament għas-servizz pubbliku Grieg mill-Artikolu 7 tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004, il-qorti tar-rinviju għandha tistħarreġ ukoll, inter alia, jekk ikunx jeżisti inċentiv għall-ħaddiema kkonċernati sabiex realment jużaw u jimponu d-drittijiet mogħtija lilhom. Fil-fatt, ħaddiema li r-relazzjonijiet ta’ xogħol tagħhom ikunu ġew limitati fiż-żmien b’mod abbużiv, jistgħu madankollu jkollhom it-tentazzjoni li jittolleraw dak l-abbuż bit-tama li jkomplu jiġu impjegati fis-settur pubbliku u b’hekk jibbenefikaw mis-sigurtà soċjali. Minħabba l-biża’ li fil-futur ma jingħataw ebda kuntratt (l-anqas għal żmien determinat), ċerti ħaddiema jistgħu jastjenu milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal kumpens għat-terminazzjoni tal-impjieg jew li jirrappurtaw lill-persuni responsabbli mill-prattika abbużiva għall-finijiet ta’ proċeduri dixxiplinarji jew penali.

93.

Bħala sinteżi, għandu jiġi konkluż skont kif ġej.

Il-fatt li titneħħa jew tiġi mdgħajfa sanzjoni tal-abbuż ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat fir-rigward ta’ kategorija partikolari ta’ ħaddiema għal żmien determinat ma jiksirx il-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat, meta dan ikun ikkumpensat b’tisħiħ simultanju tal-miżuri ta’ prevenzjoni tal-abbuż. Iżda l-Istati Membri xorta jibqgħu obbligati li jintroduċu jew li jżommu fis-seħħ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u disważivi fil-każ li jseħħ abbuż.

2. Fuq il-kunċett ta’ raġuni oġġettiva skont il-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas

94.

Permezz tad-domanda 6(a) fil-kawża C-378/07, kif ukoll tad-domanda 5(a) fil-kawżi C-379/07 u C-380/07, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ raġuni oġġettiva skont il-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas. Il-qorti nazzjonali essenzjalment tixtieq tkun taf jekk is-sempliċi fatt li dispożizzjoni legali tkun serviet bħala bażi għal-limitazzjoni fiż-żmien ta’ relazzjoni ta’ xogħol jistax jikkostitwixxi raġuni oġġettiva fis-sens tal-ftehim qafas, minkejja li l-kundizzjonijiet ta’ dik id-dispożizzjoni legali ma jkunx ġew issodisfati.

95.

Prima facie, din id-domanda tqajjem problema li diġà kienet ġiet indirizzata fis-sentenza Adeneler. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li dispożizzjoni nazzjonali li tillimita ruħha sabiex tawtorizza, b’mod ġenerali u astratt, permezz ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolamentari, l-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, ma tikkostitwixxix ġustifikazzjoni suffiċjenti għal dan it-tip ta’ impjieg. B’mod kuntrarju, id-dispożizzjoni nazzjonali għandha tiggarantixxi li l-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat ikun iġġustifikat mill-eżistenza ta’ elementi konkreti li għandhom x’jaqsmu b’mod partikolari mal-attività inkwistjoni u l-kundizzjoni tal-eżerċizzju tagħha ( 65 ).

96.

Madankollu, f’dan il-każ, il-qorti nazzjonali m’hijiex interessata fil-fatt li l-bażi legali tal-limitazzjoni fiż-żmien tar-relazzjonijiet ta’ xogħol inkwistjoni kienet wisq ġenerali u vaga. B’mod kuntrarju, hija tippresupponi li f’din il-kawża, il-kundizzjonijiet legali — ferm dettaljati — ta’ limitazzjoni taż-żmien sempliċement ma ġewx osservati. B’hekk, kull limitazzjoni taż-żmien kienet ibbażata fuq dispożizzjonijiet li jawtorizzaw “li jiġu sodisfatti bżonnijiet soċjali staġjonali, perjodiċi, proviżorji, eċċezzjonali jew kumplimentari” ( 66 ), waqt li fir-realtà, dan kien jikkonsisti fi “bżonn permanenti u fit-tul”.

97.

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi osservat li l-qorti nazzjonali waħedha kompetenti biex tinterpreta d-dritt nazzjonali u biex tapplikah għal din il-kawża ( 67 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja hija responsabbli biex tipprovdi informazzjoni utli dwar ir-restrizzjonijiet tad-dritt Komunitarju ( 68 ) u b’mod partikolari, f’din il-kawża, dwar dawk tal-ftehim qafas.

98.

Skont il-ftehim qafas, il-limitazzjoni fiż-żmien ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol ma teħtieġx neċessarjament raġuni oġġettiva. Ċertament, il-ftehim qafas jikkunsidra li x-xogħol għal żmien determinat huwa ta’ natura eċċezzjonali ( 69 ) u li l-użu ta’ kuntratti għal żmien determinat ibbażat fuq raġunijiet oġġettivi huwa mezz għall-prevenzjoni tal-abbużi ( 70 ). Madankollu, il-ftehim qafas finalment iħalli f’idejn l-Istati Membri l-għażla bejn it-tliet miżuri msemmija fil-klawżola 5(1)(a), (b) u (ċ) ( 71 ), kemm-il darba l-miżuri meħuda jkunu imperattivi u jippermettu li jkun hemm prevenzjoni effettiva tal-abbużi ( 72 ).

99.

Huwa għalhekk li Stat Membru m’għandux neċessarjament jieħu l-ewwel waħda mit-tliet miżuri offruti lilu — jiġifieri r-rekwiżit ta’ raġunijiet oġġettivi — fil-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas. Xejn ma jimpedilu li jiffissa ż-żmien massimu totali ta’ kuntratti ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat jew in-numru massimu ta’ tiġdidiet ta’ tali kuntratti bil-għan li ssir prevenzjoni tal-abbużi iktar milli jiddefinixxi raġunijiet oġġettivi ( 73 ).

100.

A fortiori, il-ftehim qafas ma jobbligax lill-Istati Membri li jimponu r-rekwiżit ta’ raġuni oġġettiva sa mill-ewwel jew l-unika limitazzjoni tat-terminu ta’ kuntratt jew ta’ relazzjoni ta’ xogħol. Fil-fatt, il-klawżola 5(1)(a), tal-ftehim qafas sempliċement tiddefinixxi raġunijiet oġġettivi li jistgħu jiġġustifikaw it-tiġdid tal-kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat; fi kliem ieħor, din hija kwistjoni ta’ każijiet ta’ limitazzjoni ripetuta tat-terminu tar-relazzjonijiet ta’ xogħol.

101.

Iżda jekk Stat Membru jadotta l-miżura msemmija fil-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas u jiffissa raġunijiet oġġettivi li jistgħu jew li għandhom jiġġustifikaw — inter alia, mill-inqas — l-estensjoni ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, huwa jkun marbut, b’mod konformi mal-Artikolu 249(3) KE, li jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu b’mod konformi mal-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas li huwa anness magħha ( 74 ).

102.

Skont il-ġurisprudenza, id-definizzjoni ta’ tali raġunijiet oġġettivi għandha ssemmi ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw attività partikolari u, għaldaqstant, għandha tkun ta’ tali natura li tiġġustifika f’dan il-kuntest partikolari l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu b’mod partikolari jirriżultaw min-natura partikolari tal-inkarigi li għat-twettiq tagħhom ikunu ġew konklużi tali kuntratti u l-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija tal-għan leġittimu tal-politika soċjali ta’ Stat Membru ( 75 ).

103.

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-liġijiet Nru 2190/1994 u Nru 2527/1997 iċċitati mill-qorti tar-rinviju jistabbilixxu — permezz ta’ formulazzjonijiet simili — b’mod konkret ir-raġunijiet li għalihom jistgħu jiġu konklużi relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat. Kif diġà ntqal, dan ikun il-każ meta jkun meħtieġ li jiġu ssodisfati bżonnijiet staġjonali jew proviżorji (l-Artikolu 21(1) tal-liġi Nru 2190/1994) jew bżonnijiet ta’ prestazzjonijiet supplementari ta’ servizzi għaċ-ċittadini (l-Artikolu 1 tal-liġi Nru 3250/2004), kuntrarjament għall-issodisfar ta’ bżonnijiet permanenti u fit-tul (l-Artikolu 6(1) tal-liġi Nru 2527/1997).

104.

Mid-deskrizzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju u b’mod iktar ġenerali mill-ġurisprudenza Griega, essenzjalment jirriżulta li fis-servizz pubbliku, il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat hija possibbli biss biex jiġu ssodisfati bżonnijiet provviżorji, u mhux bżonnijiet permanenti u fit-tul.

105.

Mingħajr ebda dubju, bżonn unikament proviżorju ta’ min iħaddem jista’ jikkostitwixxi raġuni oġġettiva — skont il-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas — li fil-prinċipju hija ta’ natura tali li tiġġustifika l-limitazzjoni tat-terminu tar-relazzjonijiet ta’ xogħol. Dan huwa kjarament il-każ għal xogħol staġjonali jew għat-twettiq ta’ proġetti speċifiċi li ż-żmien u s-suġġett tagħhom ikunu limitati, kemm-il darba dawn ikunu meħtieġa minħabba żieda f’daqqa fir-rata ta’ attività ta’ min iħaddem u ma jkunux sinonimi ma’ żieda permanenti fl-attività.

106.

Madankollu, jekk xi dispożizzjonijiet leġiżlattivi jikkwalifikaw, f’dan is-sens, il-bżonn proviżorju ta’ min iħaddem bħala raġuni oġġettiva li tiġġustifika l-limitazzjonijiet tat-terminu, l-awtoritajiet nazzjonali kollha — inklużi l-amministrazzjoni u l-qrati — għandhom jiggarantixxu, fil-kamp tal-kompetenzi rispettiv tagħhom, applikazzjoni ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet leġiżlattivi li tkun konformi mad-Direttiva, bil-għan li jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-prevenzjoni tal-abbużi ( 76 ).

107.

Ikun kontra l-għan ta’ prevenzjoni tal-abbużi — stabbilit fil-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas — li l-imsemmija dispożizzjonijiet leġiżlattivi jiġu applikati bil-maqlub fil-prattika u jintużaw saħansitra bħala bażi legali għal limitazzjoni tat-terminu ta’ kuntratti ta’ xogħol, meta fir-realtà dan ma jkunx qed isir biex jiġi ssodisfat bżonn proviżorju ta’ min iħaddem iżda bżonn permanenti u fit-tul.

108.

Bħala sinteżi, għandu jiġi konkluż skont kif ġej.

Jekk Stat Membru jiddefinixxi, fid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tiegħu, raġunijiet oġġettivi skont il-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom, f’kull każ partikolari, l-obbligu li jiggarantixxu, fil-kamp ta’ kompetenza rispettiv tagħhom, applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li tkun konformi mad-Direttiva, b’mod li ssir prevenzjoni effettiva tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat.

3. Fuq il-projbizzjoni li r-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat jinbidlu f’relazzjonijiet għal żmien indeterminat fis-settur pubbliku Grieg

109.

Permezz tad-domanda 6(b) tal-kawża C-378/07, kif ukoll permezz tad-domanda 5(b) tal-kawżi C-379/07 u C-380/07, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk projbizzjoni assoluta li l-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat jinbidlu f’ kuntratti għal żmien indeterminat fis-settur pubbliku hijiex kumpatibbli mad-dritt Komunitarju.

110.

Din id-domanda qed issir fil-kuntest ta’ tali projbizzjoni li ġiet introdotta għas-settur pubbliku mil-leġiżlatur Grieg, minn naħa waħda, fl-Artikolu 21 tal-liġi Nru 2190/1994 u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 103(8) tal-Kostituzzjoni Griega.

111.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà indirizzat din il-projbizzjoni — għall-inqas fuq il-verżjoni sempliċement leġiżlattiva tagħha tal-Artikolu 21 tal-liġi Nru 2190/1994 — fis-sentenza Adeneler. Hija kienet iddeċidiet li l-ftehim qafas jostakola l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi b’mod assolut, fis-settur pubbliku biss, li sensiela ta’ kuntratti għal żmien determinat, li għandhom jiġu kkunsidrati bħala abbużivi, jinbidlu f’kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat ( 77 ).

112.

Madankollu, din il-parti tas-sentenza Adeneler tapplika biss “f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali”, li jistgħu jiġu sinteżizzati skont kif ġej:

—

il-kuntratti inkwistjoni kienu kuntratti ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat, li fil-fatt kienu intiżi sabiex ikopru “bżonnijiet permanenti u fit-tul” tal-persuna li timpjega u li kellhom jitqiesu bħala abbużivi ( 78 );

—

dawn il-kuntratti kienu jirrigwardaw il-perijodu bejn Mejju 2001 u Settembru 2003 ( 79 ) u b’hekk kienu diġà skadew qabel id-dħul fis-seħħ tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004;

—

skont l-informazzjoni li kellha l-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt nazzjonali dwar is-settur pubbliku ma kienx jinkludi — għall-inqas sad-dħul fis-seħħ tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 — ebda miżura oħra effettiva adattata sabiex tipprevjeni u, eventwalment, tippenalizza l-abbuż riżultanti minn kuntratti ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat ( 80 ).

113.

Meta jitqiesu dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, mill-ġurisprudenza Adeneler wieħed m’għandux jasal għall-konklużjoni prematura li llum il-ġurnata, il-projbizzjoni li teżisti fis-settur pubbliku Grieg li r-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat jinbidlu f’relazzjonijiet għal żmien indeterminat, għadha kuntrarja għall-ftehim qafas. Ċertament, il- qorti tar-rinviju tqis ukoll, f’dan il-każ, li l-limitazzjoni tat-terminu tal-kuntratti ta’ xogħol tar-rikorrenti kienet abbużiva, peress li fir-realtà dawn kienu jservu sabiex jissodisfaw bżonnijiet permanenti u fit-tul. Madankollu, il-qorti nazzjonali trid tisħarreġ ukoll jekk iċ-ċirkustanzi l-oħra tal-proċeduri fil-kawża prinċipali humiex paragunabbli wkoll ma’ dawk li jirriżultaw mill-kawża Adeneler.

114.

B’mod partikolari, hija għandha l-obbligu li tevalwa jekk, fil-frattemp, il-liġi Griega introduċietx miżuri effettivi oħra għall-prevenzjoni u, eventwalment, għall-ippenalizzar tal-abbuż li jirriżulta mill-kuntratti suċċessivi għal żmien determinat. Fil-fatt, għalkemm issa jeżistu miżuri effettivi oħra għall-prevenzjoni u, eventwalment, għall-ippenalizzar tal-abbuż, il-ftehim qafas m’għadux jostakola l-applikazzjoni ta’ projbizzjoni li jinbidlu l-kuntratti fis-settur pubbliku. Tali miżuri jistgħu b’mod partikolari jikkonsistu f’dispożizzjonijiet imperattivi li jirregolaw it-terminu u l-estensjoni ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat u li jagħtu dritt ta’ kumpens fil-każijiet ta’ abbuż ( 81 ).

115.

F’dan il-kuntetst, għandha għal darba oħra tinġibed l-attenzjoni fuq id-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 ( 82 ) li issa daħal fis-seħħ; kif intqal qabel ( 83 ), dan daħħal diversi miżuri ġodda ta’ prevenzjoni u ppenalizzar tal-abbużi tax-xogħol għal żmien determinat fis-settur pubbliku: il-ħtieġa ta’ raġuni oġġettiva, dispożizzjonijiet dwar it-terminu massimu awtorizzat tal-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol suċċessivi, dispożizzjonijiet dwar in-numru massimu awtorizzat ta’ tiġdidiet ta’ dawk il-kuntratti jew relazzjonijiet, dritt għal kumpens kif ukoll il-possibbiltà ta’ sanzjonijiet penali u dixxiplinarji ( 84 ).

116.

Id-direttiva u l-ftehim qafas ma jistabbilixxu l-ebda obbligu ġenerali li l-Istati Membri jipprevedu li l-kuntratti għal żmien determinat jinbidlu f’kuntratti għal żmien indeterminat ( 85 ): il-klawżola 5(2)(b) tal-ftehim qafas ma tipprevedix tali obbligu ta’ trasformazzjoni la fil-każ ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat, u lanqas fil-każ ta’ limitazzjoni abbużiva unika tat-terminu ta’ relazzjoni ta’ xogħol; tali obbligu lanqas ma jirriżulta minn xi parti oħra tal-ftehim qafas.

117.

Il-ftehim qafas lanqas ma jipprojbixxi lill-Istati Membri li jittrattaw b’mod differenti l-użu abbużiv ta’ kuntratti u relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, skont jekk ikunux ġew konklużi fis-settur privat jew fis-settur pubbliku ( 86 ). Barra minn hekk, il-ftehim qafas innifsu jirrikonoxxi espressament “li l-applikazzjoni ddettaljata [tiegħu] jeħtieġ li tieħu kont tar-realtajiet ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali, settorali u staġjonali” ( 87 ). Dawn ir-realtajiet jistgħu jinkludu ċerti prinċipji tad-dritt tas-servizz pubbliku, bħall-prinċipju tal-impjieg baġitarju, il-mudell tal-uffiċjal titolari jew l-obbligu li wieħed jgħaddi minn eżami biex ikun jista’ jiġi impjegat għal żmien indeterminat; naturalment, l-applikazzjoni ta’ tali prinċipji għandha tosserva d-dispożizzjonijiet l-oħra kollha tad-dritt Komunitarju ( 88 ).

118.

Għaldaqstant, bħala sinteżi, għandu jiġi konkluż skont kif ġej.

Il-ftehim qafas dwar il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi fis-settur pubbliku li r-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat jinbidlu f’relazzjonijiet għal żmien indeterminat, ħlief jekk id-dritt nazzjonali f’dak is-settur ma jkollu ebda miżura effettiva sabiex jipprevjeni u jekk ikun il-każ jippenalizza l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat.

C — Fuq il-konsegwenzi ta’ ksur eventwali tal-ftehim qafas

119.

Permezz tal-ħames domanda tagħha fil-kawża C-378/07, kif ukoll permezz tar-raba’ domanda tagħha fil-kawżi C-379/07 u C-380/07, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf liema implikazzjonijiet jirriżultaw, għall-finijiet tar-riżoluzzjoni tal-kawża prinċipali, minn ksur eventwali tad-Direttiva 1999/70 jew tal-ftehim qafas anness magħha. B’mod konkret, din id-domanda hija intiża sabiex tiddetermina jekk il-qorti nazzjonali hijiex marbuta, mid-dritt Komunitarju, li “terġa’ ddaħħal fis-seħħ”, b’xi mod, dispożizzjoni li qabel kienet fis-seħħ u li hija preżunta li kienet iktar favorevoli, bħall-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920, u li tapplikaha biex taqta’ l-kawża prinċipali.

120.

Skont ġurisprudenza kostanti, il-qorti nazzjonali hija marbuta li tinterpreta d-dritt nazzjonali sa fejn huwa possibbli fid-dawl tat-test u tal-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex tilħaq ir-riżultat previst minnha u, għaldaqstant, li tikkonforma mal-Artikolu 249(3) KE ( 89 ).

121.

Dan l-obbligu li d-dritt nazzjonali jiġi interpretat b’mod konformi mad-direttiva huwa ċertament limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u b’mod partikolari mill-prinċipji taċ-ċertezza ġuridika u tan-non-retroattivià; barra minn hekk, dan ma jistax iservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali ( 90 ).

122.

Madankollu, il-prinċipju tal-interpretazzjoni konformi mad-direttiva jeħtieġ ukoll mill-qrati nazzjonali li, fil-kunsiderazzjoni tar-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u fl-applikazzjoni tal-metodi ta’ applikazzjoni tiegħu, huma jagħmlu dak kollu li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom sabiex jiggarantixxu l-effettività totali tad-direttiva kkonċernata u sabiex jiksbu riżultat li jikkorrispondi mal-għan tad-direttiva ( 91 ). Fi kliem ieħor, il-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiggarantixxu f’kull mument li r-riżultati preskritti mid-direttiva jinkisbu (ara l-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 1999/70) u li l-konsegwenzi fil-każ ta’ eventwali ksur tad-dritt Komunitarju jiġu eliminati ( 92 ). B’dan il-mod, huma marbuta li jużaw b’mod sħiħ id-diskrezzjoni mogħtija lilhom mid-dritt nazzjonali ( 93 ).

123.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk u sa fejn id-dritt nazzjonali applikabbli f’din il-kawża jista’ jiġi interpretat b’mod konformi mad-Direttiva 1999/70 u mal-ftehim qafas anness magħha. Il-qorti nazzjonali għandha wkoll il-kompetenza esklużiva sabiex tiddetermina l-effetti ġuridiċi li tali interpretazzjoni għandha fuq il-kwistjonijiet fil-kawża prinċipali. F’dan il-kuntest, hija għandha tevalwa wkoll jekk xi dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jistgħux jibqgħu mhux applikati fil-kawża prinċipali u jekk dispożizzjoni bħall-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920 tistax tiġi applikata minflokhom.

124.

Jekk ma jkunx possibbli li jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas permezz ta’ interpretazzjoni konformi, l-Istat inadempjenti jista’ jkun marbut, skont il-ġurisprudenza Francovich u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti minnha, li jikkumpensa lill-individwi għad-danni eventwali li setgħu sofrew minħabba t-traspożizzjoni mhux kompleta tad-Direttiva 1999/70 ( 94 ).

125.

Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi nnotat li f’din il-kawża — minkejja l-eżistenza ta’ rabta ta’ dritt vertikali bejn il-ħaddiema u min iħaddimhom fis-settur pubbliku ( 95 ) - ma tistax issir applikazzjoni diretta tal-klawżola 5 u tal-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas.

126.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat espressament li l-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas m’hijiex direttament applikabbli ( 96 ). L-istess kundizzjonijiet japplikaw, a fortiori, għall-klawżola 5(2) li hija fformulata b’mod iktar vag u li tagħti lill-Istati Membri, matul l-implementazzjoni, setgħa diskrezzjonali iktar wiesgħa mill-klawżola 5(1). It-test innifsu ta’ dik id-dispożizzjoni, li juża t-terminu “meta approprjat”, huwa biżżejjed sabiex juri li l-Istati Membri m’għandhomx l-obbligu li jadottaw xi miżura minn fost dawk elenkati fil-klawżola 5(2)(a) u (b).

127.

Il-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni tal-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas lanqas ma hija adattata għal applikazzjoni diretta. Ir-raġuni mhijiex tant l-użu ta’ termini ġuridiċi vagi bħal-”livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema” ( 97 ) iżda, iktar minn hekk, il-fatt li din id-dispożizzjoni b’ebda mod ma hija intiża li tagħti lill-individwu drittijiet ta’ protezzjoni tal-interessi tiegħu li huwa jista’ jeżerċita ġudizzjarjament. Dan jirriżulta, min-naħa waħda, mill-pożizzjoni tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni fl-istruttura tal-klawżola 8 tal-ftehim qafas, fost id-“dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni” li sempliċement jippreċiżaw il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali fl-applikazzjoni tal-ftehim qafas. Min-naħa l-oħra, dan jirriżulta wkoll mit-test innifsu tal-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas: fl-aħħar mill-aħħar, din id-dispożizzjoni ma tipprojbixxix it-tnaqqis bħala tali tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, iżda sempliċement tipprojbixxi lill-awtoritajiet nazzjonali milli joperaw tali tnaqqis bl-iskuża li qegħdin jimplementaw il-ftehim qafas ( 98 ).

128.

Għaldaqstant, bħala sinteżi, għandu jiġi konkluż skont kif ġej.

Fil-kuntest tal-obbligu tagħhom li jinterpretaw id-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-direttivi, il-qrati nazzjonali huma marbuta li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiggarantixxu f’kull mument li r-riżultati preskritti mid-direttiva jinkisbu u li l-konsegwenzi fil-każ ta’ ksur tad-dritt Komunitarju jiġu eliminati. B’dan il-mod, huma marbuta li jużaw is-setgħa diskrezzjonali kollha mogħtija lilhom mid-dritt nazzjonali.

VII — Konklużjoni

129.

Fid-dawl tar-rimarki preċedenti, aħna nipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għat-tliet domandi preliminari tal-Monomeles Protodikeio Rethymnis b’din ir-risposta komuni:

1)

Anki jekk id-dritt nazzjonali diġà jkollu miżuri legali ekwivalenti għall-prevenzjoni tal-abbuż skont il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas dwar il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat anness mad-Direttiva 1999/70, l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jadottaw miżuri dwar ix-xogħol għal żmien determinat, kemm-il darba dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha tad-dritt Komunitarju.

2)

a)

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ riduzzjoni li jirriżulta mill-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas dwar il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat mhuwiex limitat għall-protezzjoni tal-ħaddiema kontra l-abbuż li jirriżulta minn kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat.

b)

Dispożizzjoni nazzjonali li tillimita ruħha sabiex tħassar jew iddgħajjef miżura speċifika ta’ protezzjoni tal-ħaddiema ma tidħolx taħt il-projbizzjoni tal-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas dwar il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, ħlief jekk tkun twassal għal tnaqqis globali tal-livell ġenerali tal-protezzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat.

c)

Il-fatt li titneħħa jew tiġi mdgħajfa sanzjoni tal-abbuż ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat fir-rigward ta’ kategorija partikolari ta’ ħaddiema għal żmien determinat ma jiksirx l-klawżola 8(3) tal-ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat, meta dan ikun ikkumpensat b’tisħiħ simultanju tal-miżuri ta’ prevenzjoni tal-abbuż. Iżda l-Istati Membri xorta jibqgħu obbligati li jintroduċu jew iżommu fis-seħħ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u disważivi fil-każ li jseħħ abbuż.

3)

Jekk Stat Membru jiddefinixxi, fid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tiegħu, raġunijiet oġġettivi skont il-klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien determinat, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom, f’kull każ partikolari, l-obbligu li jiggarantixxu, fil-kamp ta’ kompetenza rispettiv tagħhom, applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li tkun konformi mad-Direttiva, b’mod li ssir prevenzjoni effettiva tal-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat.

4)

Il-ftehim qafas dwar il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi fis-settur pubbliku li r-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat jinbidlu f’relazzjonijiet għal żmien indeterminat, ħlief jekk id-dritt nazzjonali f’dak is-settur ma jkollu ebda miżura effettiva sabiex jipprevjeni u eventwalment jippenalizza l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol suċċessivi għal żmien determinat.

5)

Fil-kuntest tal-obbligu tagħhom li jinterpretaw id-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-direttivi, il-qrati nazzjonali huma marbuta li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiggarantixxu f’kull mument li r-riżultati preskritti mid-direttiva jinkisbu u li l-konsegwenzi fil-każ ta’ ksur tad-dritt Komunitarju jiġu eliminati. B’dan il-mod, huma marbuta li jużaw b’mod sħiħ is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilhom mid-dritt nazzjonali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C-212/04, Ġabra p. I-6057.

( 3 ) Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 2008, Vassilakis et, C-364/07, punt 49.

( 4 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C-144/04, Ġabra p. I-9981.

( 5 ) ĠU L 175 tal-10 ta’ Lulju 1999, p. 43.

( 6 ) L-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-ftehim qafas; ara wkoll il-punti 3 u 5 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu.

( 7 ) It-tieni paragrafu tal-preambolu tal-ftehim qafas; ara wkoll il-punt 6 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tiegħu.

( 8 ) Punt 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas; ara wkoll it-tieni paragrafu tal-preambolu tiegħu.

( 9 ) Punt 7 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas.

( 10 ) -Premessa 17 tad-Direttiva 1999/70.

( 11 ) Punt 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien fiss; ara wkoll it-tielet paragrafu tal-preambolu ta’ dan il-ftehim qafas.

( 12 ) Ara wkoll is-sentenza Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 12).

( 13 ) Ġurnal Uffiċjali Grieg (FEK) A’124 tas-7 ta’ Lulju 2004.

( 14 ) Ġurnal Uffiċjali Grieg (FEK) A’77 tat-2 ta’ April 2003.

( 15 ) Ġurnal Uffiċjali Grieg (FEK) A’160 tat-23 ta’ Awwissu 2004. Skont l-Artikolu 5(1) tiegħu, id-Digriet Presidenzjali Nru 180/2004 jidħol fis-seħħ mal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet oħra kuntrarji.

( 16 ) Ara l-Artikolu 1 tad-Digriet Presidenzjali Nru 180/2004.

( 17 ) Ġurnal Uffiċjali Grieg (FEK) A’134 tad-19 ta’ April 2004. Skont l-Artikolu 12(1) tiegħu, id-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004 jidħol fis-seħħ mal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet oħra kuntrarji.

( 18 ) Ġurnal Uffiċjali Grieg (FEK) A’28 tat-3 ta’ Marzu 1994; f’dan ir-rigward, ara wkoll is-sentenza Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2; punt 19).

( 19 ) Ġurnal Uffiċjali Grieg (FEK) B’11 tat-18 ta’ Marzu 1920.

( 20 ) F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinsisti b’mod partikolari fuq ir-rekwiżit ta’ terminazzjoni bil-miktub tal-kuntratt ta’ xogħol u fuq l-obbligu li jitħallas kumpens għat-terminazzjoni tal-impjieg.

( 21 ) Għall-finijiet ta’ preċiżjoni, il-Gvern Grieg jenfasizza li dan jikkonsisti fl-Artikolu 8 tal-liġi Nru 2112/1920, fil-verżjoni kif emendata mil-liġi Nru 547/1937.

( 22 ) Qorti ta’ kassazzjoni

( 23 ) Areios Pagos, sentenza Nru 18/2006 tat-22 ta’ Ġunju 2006.

( 24 ) Areios Pagos, sentenzi Nru 19/2007 u Nru 20/2007 tal-11 ta’ Ġunju 2007.

( 25 ) Amministrazzjoni tal-prefettura ta’ Rethymnon.

( 26 ) Skont l-awtorità lokali konvenuta, wieħed mill-kuntratti kien jiddekorri mit-3 ta’ Mejju 2006 sat-2 ta’ Novembru 2006; il-kuntratti l-oħrajn kollha kienu jiddekorru mill-20 ta’ April 2005 sal-21 ta’ Ottubru 2006.

( 27 ) Muniċipalità ta’ Geropotamos

( 28 ) Fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-kawża C-379/07, dan kien jikkonsisti fi tliet kuntratti ta’ xogħol suċċessivi li ddekorrew rispettivament bejn l-1 ta’ Diċembru 2003 u t-30 ta’ Novembru 2004, l-1 ta’ Diċembru 2004 u t-30 ta’ Novembru 2005 u l-5 ta’ Diċembru 2005 u l-4 ta’ Diċembru 2006. Fir-rigward tal-ewwel rikorrent fil-kawża prinċipali fil-kawża C-380/07, dan jirrigwarda tliet kuntratti ta’ xogħol suċċessivi li ddekorrew rispettivament mill-1 ta’ Lulju 2004 sal-1 ta’ Diċembru 2004, mid-29 ta’ Diċembru 2004 sat-28 ta’ Diċembru 2005 u mit-30 ta’ Diċembru 2005 sad-29 ta’ Diċembru 2006. Fir-rigward tat-tieni rikorrent fil-kawża prinċipali fil-kawża C-380/07, din hija kwistjoni ta’ kuntratt ta’ impjieg għal żmien determinat, li ddekorra mill-1 ta’ Lulju 2004 sal-1 ta’ Diċembru 2004, segwit minn żewġ kuntratti ta’ xogħol li ddekorrew rispettivament mid-29 ta’ Diċembru 2004 sat-28 ta’ Diċembru 2005 u mit-30 ta’ Diċembru 2005 sad-29 ta’ Diċembru 2006. Minbarra l-muniċipalità ta’ Geropotamos, il-persuna ġuridika tad-dritt pubbliku “O Geropotamos”, li hija impriża muniċipali, kienet ukoll parti għall-kuntratti tal-kawża C-380/07.

( 29 ) Qorti tal-ewwel istanza ta’ Rethymnon, ippresjeduta minn imħallef uniku.

( 30 ) Id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-impjieg imsemmija jirrigwardaw b’mod partikolari r-rekwiżit ta’ terminazzjoni bil-miktub u l-obbligu li jitħallas kumpens għat-terminazzjoni tal-impjieg.

( 31 ) Riprodotti fil-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 32 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, C-482/01 u C-493/01, Ġabra p. I-5257, punt 42; tas-17 ta’ Lulju 2008, Corporación Dermoestética, C-500/06, Ġabra p. I-5785, punt 20; tat-2 ta’ Ottubru 2008, Heinrich Bauer Verlag, C-360/06, Ġabra p. I-7333, punt 15; u fl-aħħar, tad-9 ta’ Ottubru 2008, Katz, C-404/07, Ġabra p. I-7607, punt 34.

( 33 ) Ġurisprudenza stabbilita; ara, fost ħafna oħrajn, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, Ġabra 2006 p. I-403, punt 24; tas-17 ta’ April 2008, Quelle, C-404/06, Ġabra p. I-2685, punti 19 u 20; u fl-aħħar, is-sentenza Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punti 40 sa 43.

( 34 ) Il-fatt li l-użu tal-Artikolu 8(3) tal-liġi Nru 2112/1920 effettivament ikkostitwixxa prassi kurrenti fis-settur pubbliku ma jidhirx li huwa rrikonoxxut b’mod unanimu; ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi tas-27 ta’ Ottubru 2005 fil-kawża Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punt 81.

( 35 ) Ara f’dan ir-rigward, iktar ’il fuq, il-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fih.

( 36 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-klawżola 1(b) u l-klawżola 5 tal-ftehim qafas, kif ukoll is-sentenza Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punti 65, 80, 92 u 101.

( 37 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2008, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-286/06, Ġabra p. I-8025, punt 71.

( 38 ) Ara f’dan ir-rigward, iktar ’il quddiem, il-punti 59 sa 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 ) Fil-kawża kontroversjali Mangold (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4; punti 55 sa 78), il-Qorti tal-Ġustizzja stħarġet dispożizzjoni nazzjonali dwar ix-xogħol għal żmien determinat, mhux biss fir-rigward tal-klawżola ta’ nuqqas ta’ -riduzzjoni stabbilita fil-ftehim qafas, iżda wkoll fir-rigward tal-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni abbażi tal-età.

( 40 ) Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano tat-30 ta’ Ġunju 2005 fil-kawża Mangold (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punt 54, flimkien mar-referenzi u l-ispjegazzjonijiet.

( 41 ) Ara f’dan ir-rigward is-sentenza Mangold (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punti 40 sa 43.

( 42 ) Fl-istess spirtu, ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C-307/05, Ġabra p. I-7109, punt 38, u Impact (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37), punt 114, li kollha jirrigwardaw ir-regola ta’ non-diskriminazzjoni tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas.

( 43 ) L-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-ftehim qafas; ara wkoll il-punti 3 u 5 ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali.

( 44 ) Il-preambolu tat-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea jenfasizza l-importanza tad-drittijiet soċjali fundamentali (ir-raba’ premessa) u l-għan ta’ progress ekonomiku u soċjali (it-tmien premessa).

( 45 ) Il-preambolu tat-Trattat KE jenfasizza l-importanza tal-progress ekonomiku u soċjali (it-tieni premessa) u jikkwalifika bħala għanijiet essenzjali t-titjib kostanti tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-popli tal-Ewropa (it-tielet premessa); ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 1976, Defrenne, 43/75, Ġabra p. 455, punti 10 u 11.

( 46 ) Il-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema ġiet adottata matul is-sessjoni tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta’ Diċembru 1989 fi Strasbourg u hija rriprodotta fid-dokument COM 89 (471) tal-Kummissjoni, tat-2 ta’ Ottubru 1989. Il-punt 7 ta’ din il-karta huwa fformulat b’dan il-mod: “It-twettiq tas-suq intern għandu jwassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema fil-Komunità Ewropea. Dan il-proċess ser iseħħ permezz ta’ l-approssimazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet, partikolarment għaż-żmien u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u t-tipi ta’ xogħol li mhumiex il-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat, ix-xogħol part-time, ix-xogħol temporanju u x-xogħol staġjonali”. L-ewwel paragrafu tal-punt 10 tal-karta jgħid: “Skont il-modi li japplikaw f’kull pajjiż […], kull ħaddiem tal-Komunità Ewropea għandu dritt għall-protezzjoni soċjali xierqa […] ”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

( 47 ) Il-Karta Soċjali Ewropea ġiet iffirmata fit-18 ta’ Ottubru 1961 f’Turin mill-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-punti 2 u 4 tal-parti I ta’ din il-Karta jenfasizzaw id-dritt tal-ħaddiema kollha għal kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi u ħlas ġust, waqt li dan id-dritt għandu jitqies li huwa għan li għandu jintlaħaq (ara l-parti III, l-Artikolu 20(1)(a) tal-Karta).

( 48 ) Fil-kawża Mangold, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà interpretat il-klawżola ta’ nuqqas ta’ -riduzzjoni f’kawża dwar l-ewwel limitazzjoni ta’ relazzjoni ta’ xogħol (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4; punti 50 sa 54).

( 49 ) Punti 60 sa 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 50 ) Sentenza Mangold (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punt 52.

( 51 ) Ara, fuq l-aspetti kollha ta’ din il-kwistjoni, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Mangold (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punti 61, 62, 63, 65 u 70.

( 52 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), b’mod partikolari fil-punti 19 u 99 tagħha.

( 53 ) Ara f’dan ir-rigward, fid-dettall, il-punti 76 sa 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 54 ) Dan il-fatt issemma wkoll mill-qorti tar-rinviju u minn xi wħud mill-partijiet fil-kawża; ara wkoll id-digriet fil-kawża Vassilakis et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punt 29.

( 55 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C-129/96, Ġabra p. I-7411, u Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punt 121.

( 56 ) Ara f’dan ir-rigward, iktar ’il fuq, il-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 57 ) Ara, fost ħafna oħrajn, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Marzu 2008, Jager, C-420/06, Ġabra p. I-1315, punt 46, u s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Feryn, C-54/07, Ġabra p. I-5187, punt 19.

( 58 ) Ara iktar ’il fuq, il-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 59 ) Fl-istess spirtu, ara s-sentenza Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punti 102 u 105; ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fl-istess kawża, punt 73.

( 60 ) Sentenza Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punt 94; sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino, C-53/04, Ġabra p. I-7213, punt 51 u tas-7 ta’ Settembru 2006, Vassallo, C-180/04, Ġabra p. I-7251, punt 36.

( 61 ) Il--premessa 17 tad-Direttiva 1999/70 u l-punt 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas.

( 62 ) Ġurisprudenza stabbilita wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, 68/88, Ġabra p. 2965, punti 23 u 24; fil-ġurisprudenza iktar reċenti, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Mejju 2005, Berlusconi et, C-387/02, C-391/02 u C-403/02, Ġabra p. I-3565, punt 65 u — f’dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-ftehim qafas dwar il-kuntratti għal żmien fiss — is-sentenza Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punt 94, is-sentenza Marrosu u Sardino (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60), punt 51, kif ukoll is-sentenza Vassallo (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60), punt 36.

( 63 ) Sentenzi Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punt 102, Marrosu u Sardino (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60), punt 53 u Vassallo (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60), punt 38.

( 64 ) Ara, b’mod komplementari, il-punti 109 sa 118 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 65 ) Sentenza Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, ara f’din is-silta r-rimarki dwar it-tieni domanda), b’mod partikolari l-punti 71 sa 75.

( 66 ) Il-qorti tar-rinviju tirreferi espressament għal-liġi Nru 2527/1997 (ara f’dan ir-rigward, supra, il-punti 22 sa 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 67 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Jannar 2006, Bouanich, C-265/04, Ġabra p. I-923, punt 51 u tal-11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et, C-11/07, Ġabra p. I-6845, punt 32.

( 68 ) Ara f’dan ir-rigward il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 57.

( 69 ) Ara l-punti 6 u 7 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas, kif ukoll il-premessa 2 tal-preambolu tiegħu; ara wkoll, fl-istess spirtu, is-sentenza Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punt 62.

( 70 ) Ara l-punt 7 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas. F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li fil-verżjoni Ġermaniża tal-ftehim qafas, it-terminoloġija mhijiex uniformi; b’hekk, il-punt 7 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali jirreferu għal “ objektive Gründe ” [raġunijiet oġġettivi] waqt li l-klawżola 5(1)(a) tirreferi għal “ sachliche Gründe ” [raġunijiet materjali]. Ħarsa lejn il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra turi li din hija problema speċifika tal-verżjoni Ġermaniża u li m’hemm ebda differenza fil-kontenut.

( 71 )

( 72 ) Sentenza Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punt 101, kif ukoll 65, 80 u 92; sentenza Impact (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37), punt 70.

( 73 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Impact (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37), punt 112.

( 74 ) Sentenza Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punt 68.

( 75 ) Sentenza Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punti 69 u 70.

( 76 ) Dwar in-neċessità ta’ prevenzjoni effettiva tal-abbużi, ara s-sentenza Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punti 101, kif ukoll 65, 80 u 92 u s-sentenza Impact (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37), punt 70.

( 77 ) Sentenza Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punt 105.

( 78 ) Sentenza Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punti 99 u 105.

( 79 ) Sentenza Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punt 24.

( 80 ) Sentenza Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punti 100 u 105; ara wkoll is-sentenzi (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60), Marrosu u Sardino (punt 49) kif ukoll Vassallo (punt 34).

( 81 ) Sentenzi (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60) Marrosu u Sardino, punt 55 kif ukoll Vassallo, punt 60.

( 82 ) Fis-sentenza Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2; punt 100), billi ppreċiżat “ta’ mill-inqas sad-dħul fis-seħħ tad-Digriet Presidenzjali Nru 164/2004”, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti x’jifhem li l-evalwazzjoni tad-dritt nazzjonali tista’ eventwalment tevolvi wara d-dħul fis-seħħ ta’ dak id-Digriet Presidenzjali.

( 83 ) Ara l-punt 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 84 ) Dwar l-evalwazzjoni tal-effettività tas-sanzjonijiet, isir riferiment għar-rimarka tiegħi li saret fil-punt 92 iktar ’il fuq.

( 85 ) Sentenzi Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punt 91; Marrosu u Sardino (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60), punt 47.

( 86 ) Sentenzi Marrosu u Sardino, punt 48 u Vassallo, punt 33 (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60).

( 87 ) Silta mill-premessa 3 tal-preambolu tal-ftehim qafas, ara wkoll il-punt 10 ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali.

( 88 ) Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punti 84 sa 86, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro tal-20 ta’ Settembru 2005 fil-kawżi Marrosu u Sardino kif ukoll Vassallo (Ġabra 2006, p. I-7215, punti 42 u 43).

( 89 ) Ara, fost ħafna oħrajn, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann, 14/83, Ġabra p. 1891, punt 26; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punt 113; is-sentenza Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punt 108; is-sentenza Impact (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37), punt 98.

( 90 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, C-105/03, Ġabra p. I-5285; Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punt 108; Impact (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37), punt 100.

( 91 ) Sentenzi Pfeiffer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 89), punti 115, 116, 117, 118 u 119; Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punt 111; Impact (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37), punt 101; b’mod simili, fis-sentenza tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing, C-106/89, Ġabra p. I-4135, punt 8: il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà enfasizzat li l-qorti nazzjonali hija obbligata li tagħti l-interpretazzjoni tagħha “ sa fejn ikun possibbli fid-dawl tat-test u l-iskop tad-Direttiva”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

( 92 ) Sentenzi Adeneler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punt 102; Marrosu u Sardino (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60), punt 53; Vassallo (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 60), punt 38.

( 93 ) Sentenza von Colson u Kamann (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 89), punt 28; ara wkoll is-sentenzi tal-4 ta’ Frar 1988, Murphy et, 157/86, Ġabra p. 673, punt 11; tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC, C-208/05, Ġabra p. I-181, punt 68.

( 94 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et, C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357, punti 30 sa 46, kif ukoll il-ġurisprudenza issa stabbilita; ara wkoll is-sentenza Adeneler iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), punt 112, kif ukoll is-sentenza tad-19 ta’ April 2007, Farrell, C-356/05, Ġabra p. I-3067, punt 43.

( 95 ) Id-dispożizzjonijiet direttament applikabbli tad-direttivi jistgħu b’mod partikolari jiġu invokati kontra l-Istat fil-kwalità tiegħu bħala persuna li tħaddem; ara, inter alia, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, Ġabra p. 723, punt 49, kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Marzu 2003, Kutz-Bauer, C-187/00, Ġabra p. I-2741, punti 31 u 71.

( 96 ) Sentenza Impact (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37), punti 69 sa 80.

( 97 ) Dispożizzjoni Komunitarja jista’ jkollha effett dirett, anki jekk tkun tinkludi kunċetti ġuridiċi mhux preċiżi; ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Impact (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37), punt 98, flimkien ma’ kwotazzjonijiet oħrajn.

( 98 ) Sentenza Mangold (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punt 52; ara wkoll il-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet.